Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE2104

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità” [COM(2016) 818 final — 2016/0411(COD)]

    ĠU C 345, 13.10.2017, p. 126–129 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.10.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 345/126


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità”

    [COM(2016) 818 final — 2016/0411(COD)]

    (2017/C 345/21)

    Relatur:

    Jacek KRAWCZYK

    Konsultazzjoni

    Il-Parlament Ewropew, 16.2.2017

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 13.2.2017

    Bażi legali

    Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

    Adottata fis-sezzjoni

    14.6.2017

    Adottata fil-plenarja

    5.7.2017

    Sessjoni tal-plenarja Nru

    527

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    135/1/1

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-emenda proposta għar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 (il-proposta) huwa limitat għall-Artikolu 13(3)(b). Din l-emenda, jekk tiġi approvata, għandha tiġi qabel dan il-paragrafu bil-kliem “sakemm ma jkunx previst mod ieħor fi ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni …”

    1.2.

    Il-Kumitat jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tfittex soluzzjoni għal kunflitt fil-leġislazzjoni bejn l-Artikolu 13(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 u l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru (ATA) bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar il-ftehimiet ta’ kiri bl-ekwipaġġ. It-tneħħija tal-inkonsistenzi u l-limitazzjonijiet fuq ftehimiet ta’ kiri bl-ekwipaġġ li ma jkunux reċiproċi, jew f’dawk li mhumiex previsti fl-ATA u jibqgħu mhux ċari, tillimita l-opportunitajiet għall-kumpaniji tal-ajru tal-UE u tista’ wkoll twassal għal interpretazzjonijiet eċċessivi u diverġenti. Il-Kummissjoni għandha tieħu bis-serjetà t-tħassib li formulazzjoni tat-test mhux adatta tista’ fil-fatt tiddevja mill-intenzjonijiet tal-Istrateġija tal-Avjazzjoni tal-UE u twitti t-triq għal mudelli ta’ negozju ġodda ibridi mhux intenzjonati.

    1.3.

    Minħabba n-natura teknika ħafna tal-proposta, u l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tagħha, u fid-dawl ta’ aktar kjarifiki usa’ proposti għar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 dwar l-Obbligu ta’ Servizz Pubbliku (OSP) kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar is-sjieda u l-kontroll, l-enfasi fuq din l-emenda speċifika tista’ tidher dubjuża. Madankollu, il-Kummissjoni kienet diġà sseparat il-limitu ta’ żmien tal-arranġamenti ta’ kiri bl-ekwipaġġ fil-Pjan Direzzjonali ta’ Evalwazzjoni (1) tagħha għal skrutinju separat. Barra minn hekk, ċerti aspetti speċifiċi tal-ATA u d-diskussjonijiet twal dwar din il-kwistjoni fil-Kumitat Konġunt tal-ATA (Kumitat Konġunt) ifissru li tkun mistħoqqa riżoluzzjoni speċifika. Fl-aħħar nett, din il-kwistjoni hija ta’ tali natura speċifika li m’għandhiex tiġi ttrattata fl-istess kuntest tal-kwistjonijiet politikament kumplessi bħal, pereżempju, is-sjieda u l-kontroll. L-indirizzar ta’ din l-emenda proposta fuq bażi awtonoma huwa għalhekk ġustifikat. Aħna ninnotaw li l-Kummissjoni ma kkunsidratx li tkun meħtieġa valutazzjoni tal-impatt f’din l-okkażjoni. Madankollu, il-KESE jirrikonoxxi t-tħassib dwar il-proposta li tqajjem mit-trejdjunjins u minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili oħrajn.

    1.4.

    Il-KESE huwa preokkupat li, mingħajr aktar kjarifiki dwar is-sentenza introduttorja proposta għall-Artikolu 13(3)(b), in-negozjaturi u possibbilment il-partijiet interessati jistgħu jinterpretaw l-emenda bħala waħda li twitti t-triq biex jitwarrbu r-restrizzjonijiet fuq “ċirkostanzi straordinarji” bħala kwistjoni ta’ politika, u b’hekk tħalli impatt mhux biss fuq in-negozjar inkwistjoni ta’ ftehim ġdid dwar kiri bl-ekwipaġġ mal-Istati Uniti, iżda ma’ kull pajjiż terz ikkonċernat ukoll. Il-KESE huwa fiduċjuż li jekk in-natura restrittiva ħafna tal-emenda ssuġġerita kemm f’termini ta’ kamp ta’ applikazzjoni kif ukoll ta’ sustanza tiġi ċċarata b’mod adatt, il-konsultazzjonijiet inklużivi mal-usa’ firxa possibbli ta’ partijiet interessati, kemm mill-industrija kif ukoll mis-soċjetà ċivili, ser jiżguraw li l-konsegwenzi mhux intenzjonati tal-emenda għall-Artikolu 13(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 ikunu jistgħu jiġu evitati u d-diskussjonijiet ikunu limitati għal ftehim ta’ kiri bl-ekwipaġġ bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika. Huwa importanti li l-Kummissjoni, meta tikkonsulta lill-partijiet interessati, tiżgura li jiġu inklużi l-partijiet rilevanti kollha inklużi l-imsieħba soċjali rikonoxxuti u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili.

    1.5.

    Il-KESE qed jistenna bil-ħerqa r-rieżami futur aktar dettaljat li tħabbar għar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 u jenfasizza l-ħtieġa għal konsultazzjoni inklużiva mal-usa’ firxa possibbli ta’ partijiet interessati, kemm mill-industrija kif ukoll mis-soċjetà ċivili. Il-KESE huwa lest biex b’mod attiv jippromovi dibattitu bħal dan.

    1.6.

    Minħabba n-nuqqas ta’ data affidabbli miż-żewġ naħat dwar l-użu attwali ta’ kiri bl-ekwipaġġ, meta jsiru n-negozjati reali dwar ftehim ta’ kiri bl-ekwipaġġ, iż-żewġ naħat għandhom jitolbu biex kull ftehim ta’ kiri bl-ekwipaġġ ikun reġistrat mal-Kumitat Konġunt għall-finijiet ta’ statistika. Dan ir-reġistru għandu possibbilment jinkludi rekords tal-kundizzjonijiet soċjali biex jiżguraw mhux biss kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għall-impjegati iżda wkoll id-drittijiet tal-vjaġġaturi, li jistgħu jiġu influwenzati.

    2.   Kuntest regolatorju

    2.1.

    Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-emenda proposta għar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 huwa maħsub biex ikun limitat għall-Artikolu 13(3)(b) u l-ATA. Dan il-paragrafu fil-formulazzjoni attwali tiegħu jistipula li, minbarra li jissodisfa l-istandards ta’ sikurezza kollha ekwivalenti għal dawk imposti mill-Komunità (2), id-dritt ta’ trasportatur Komunitarju li jikri bl-ekwipaġġ inġenju tal-ajru reġistrat f’pajjiż terz huwa limitat għall-issodisfar ta’ ħtiġijiet ta’ kapaċità staġonali (3) jew biex jingħelbu diffikultajiet operattivi (4) jew huwa limitat għal sitwazzjonijiet ta’ bżonn eċċezzjonali għal perjodu ta’ seba’ xhur li jista’ jiġġedded għal perjodu ieħor ta’ seba’ xhur (5). Din l-emenda, jekk tiġi approvata, għandha tiġi qabel dan il-paragrafu bil-kliem “sakemm ma jkunx previst mod ieħor fi ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni …”. Il-formulazzjoni proposta għalhekk ma tħalli l-ebda impatt fuq id-drittijiet tal-awtorità tal-liċenzjar, u lanqas ir-rekwiżit essenzjali biex jiġu onorati l-istandards ta’ sigurtà tal-Komunità.

    2.2.

    L-uniku ftehim internazzjonali tal-UE ma’ pajjiż terz rilevanti f’dan il-kuntest huwa l-ATA mal-Istati Uniti. Għandu jiġi ċċarat permezz ta’ Linji Gwida Interpretattivi li l-ħsieb wara l-emenda kif ssuġġerita huwa li tirrimedja l-leġislazzjoni konfliġġenti fl-Artikolu 13(3)(b) u l-ATA. Jekk dan jiġi ċċarat bil-mod propost, allura l-emendi ssuġġeriti jkunu rilevanti biss għal ftehim tas-servizzi tal-ajru internazzjonali speċifiku wieħed, u ma jinkludux bidliet bażiċi għall-politika u r-regolamenti li jkopru arranġamenti ta’ kiri bl-ekwipaġġ b’mod ġenerali.

    2.3.

    Kif tirrimarka l-Kummissjoni fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tagħha dwar il-proposta, l-inizjattiva għandha għan speċifiku ħafna u kamp ta’ applikazzjoni limitat; għaldaqstant il-Kummissjoni tagħmel tajjeb ma tipproponix valutazzjoni tal-impatt. Minħabba t-tħassib dwar il-possibbiltà ta’ interpretazzjonijiet eċċessivi tal-emenda ssuġġerita, u d-diskussjonijiet li jirriżultaw mal-Istati Uniti u possibbilment ma’ pajjiżi terzi oħra fil-perjodu ta’ żmien medju, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tissostanzja l-proposta tagħha biex ma tinkludix Valutazzjoni tal-Impatt. Għandu jkun ċar għal kollox li l-impatt tal-emenda proposta għar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 għandu jirriżulta mill-kontenut tal-ftehimiet kummerċjali ta’ kiri bl-ekwipaġġ bejn il-partijiet, u mhux mit-tibdil leġislattiv propost.

    2.4.

    Il-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta’ ftehimiet ta’ kiri bl-ekwipaġġ mingħajr restrizzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti permezz ta’ ftehim ta’ kiri bl-ekwipaġġ bejn il-partijiet (6) jenfasizza l-isfond għal din il-proposta leġislattiva, li tallinja l-prinċipji maqbula tat-trasferibilità transkonfinali tal-inġenji tal-ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti u b’hekk tegħleb l-istaġnar fid-diskussjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti fi ħdan il-Kumitat Konġunt.

    2.5.

    Il-proposta tissodisfa r-rekwiżiti tal-industrija tal-linji tal-ajru tal-Komunità. L-ATA li ġie ffirmat fl-2007 jipprovdi għal reġim miftuħ tal-kiri bl-ekwipaġġ bejn iż-żewġ partijiet. Iż-żmien biex jingħelbu d-diffikultajiet operattivi u jiġu ffaċċjati l-limiti ta’ kapaċità staġjonali huwa limitat mit-teknoloġija; il-limitazzjoni ta’ żewġ perjodi ta’ seba’ xhur għal “ħtiġijiet eċċezzjonali” tista’ titqies f’kuntest storiku (7), iżda tidher arbitrarja u ddgħajjef l-opportunitajiet kummerċjali biex l-inġenji tal-ajru jiġu riallokati lil operaturi ġodda b’mod effiċjenti. Peress li l-perjodu għal ftehim tal-kiri bl-ekwipaġġ tipiku huwa ta’ 36 xahar, il-limitazzjoni ta’ 7 + 7 xhur timponi inċertezzi legali u kummerċjali fuq il-linji tal-ajru tal-UE.

    2.6.

    Il-Kummissjoni ssostni li l-emenda proposta ma għandhiex impatt sinifikanti fuq il-ħtiġijiet tal-forza tax-xogħol. Ġeneralment il-ftehimiet ta’ kiri bl-ekwipaġġ huma ta’ natura sensittiva ħafna għall-organizzazzjonijiet tax-xogħol. Ir-restrizzjonijiet ta’ spejjeż imposti minn linji tal-ajru mhux tal-UE bbażati f’pajjiżi bi standards soċjali baxxi u bażijiet ta’ spiża sussegwenti – u anke d-differenzi fil-leġislazzjoni soċjali tal-UE – għamlu l-kiri bl-ekwipaġġ qasam ewlieni soġġett għal monitoraġġ kontinwu mill-imsieħba soċjali. Kieku kellha tinfetaħ kaxxa ta’ Pandora minħabba l-interpretazzjonijiet mhux intenzjonati u infondati ta’ din l-emenda, il-kwistjoni ta’ kiri bl-ekwipaġġ malar tista’ tikber fi kwistjoni ewlenija, minflok li tibqa’ “korrezzjoni teknika” ta’ leġislazzjoni konfliġġenti. Ir-rekwiżiti tax-xogħol għalhekk ser ikollhom jiġu evalwati fid-dawl ta’ żviluppi futuri, kemm fid-diskussjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar ftehim għall-kiri bl-ekwipaġġ taħt il-kappa tal-ATA, kif ukoll fil-prattika tas-suq sussegwenti.

    2.7.

    Billi jirreferi għal ftehimiet internazzjonali, it-test propost tal-emenda jwitti t-triq għal ftehim speċifiku dwar kiri bl-ekwipaġġ bejn l-UE u l-Istati Uniti mingħajr ma b’mod ġenerali jkollhom jerġgħu jinfetħu n-negozjati tal-ATA. L-alternattiva magħżula mill-Kummissjoni hija għalhekk waħda li se ssolvi dispożizzjonijiet konfliġġenti b’mod immirat, effiċjenti u rapidu, u tistabbiixxi mill-ġdid l-istabbiltà tal-ippjanar għall-partijiet kummerċjali u tevita l-possibbiltà ta’ ritaljazzjoni minn partijiet Amerikani. Madankollu, dan jista’ jinkiseb biss jekk il-Kummissjoni tiċċara b’mod adatt li din l-emenda hija mfassla biex tippermetti negozjati mal-Istati Uniti tal-Amerika billi ssolvi konflitt fil-leġislazzjoni relatata ma’ dak l-uniku pajjiż.

    2.8.

    Il-KESE kkummenta b’mod pożittiv fil-passat dwar l-ATA u l-implimentazzjoni tiegħu. Kif intqal fl-Opinjoni preċedenti tal-KESE, “il-kunċett taż-Żona Miftuħa tal-Avjazzjoni (…) jippermetti l-kiri tal-ekwipaġġ (wet-leasing) tal-inġenji b’kondizzjonijiet mingħajr diskriminazzjoni u li jkunu trasparenti” (8).

    3.   Valutazzjoni tal-proposta

    3.1.

    Il-Kummissjoni evalwat alternattivi differenti biex tiġi solvuta l-kwistjoni (9).

    3.1.1.

    Biex temenda l-ATA eżistenti tieħu ħafna ħin. Esperjenza passata turi li l-Partijiet għall-ATA qablu li japplikaw l-ATA b’mod proviżorju minn Marzu 2008; id-deċiżjoni tal-Kunsill wara r-ratifika tal-Parlamenti tal-Istati Membri ttieħdet fl-2016. Ikun sproporzjonat u mhux ġustifikat, fid-dawl tal-opportunitajiet li l-industrija tista’ titlef, jekk din il-proċedura tedjanti tiġi fix-xejn bl-iskop li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet tal-kiri bl-ekwipaġġ.

    3.1.2.

    Legalment l-UE ma tistax tagħmel derogi speċifiċi għall-Istati Unti mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 biex tissodisfa r-rekwiżiti tal-UE u tal-Istati Uniti fir-rigward ta’ kiri bl-ekwipaġġ. L-Istati Membri huma marbutin bid-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolamenti tal-UE.

    3.1.3.

    Ftehim konġunt dwar restrizzjonijiet reċiproċi, għalkemm ċar, imur kontra l-ispirtu tal-Ftehim u jkun ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali tal-industrija tal-linji tal-ajru.

    3.1.4.

    Is-soluzzjoni ppreferuta, kif enfasizzat ripetutament mill-partijiet interessati, hija ftehim tal-kiri bl-ekwipaġġ bejn l-UE u l-Istati Uniti li jikkonforma bis-sħiħ mal-ATA u ma jikkontradixxix id-dispożizzjonijiet nazzjonali jew tal-UE. Il-kwistjonijiet kollha relatati mad-dettalji ta’ tali ftehim ilhom jiġu diskussi minn Jannar 2014. Huwa mistenni li jintlaħaq kunsens b’mod rapidu. Huwa mifhum li tali ftehim tekniku jkun ibbażat fuq id-drittijiet tat-traffiku attwali skont l-ATA u ma joħloqx drittijiet ġodda jew jimmodifika dawk eżistenti. Il-Kummissjoni għandha tiċċara kif xieraq li l-intenzjoni tal-emenda mhijiex li tibdel, timmodifika jew iżżid aktar drittijiet ta’ traffiku bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika. Ftehim bħal dan, madankollu, ikun jirrikjedi emenda tal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, li stabbilixxa limitazzjoni ta’ 7 + 7 xhur fuq kirjiet bl-ekwipaġġ għat-trasportaturi tal-UE li jikru bl-ekwipaġġ minn linji tal-ajru mhux tal-UE. It-test maħsub jikkonforma bis-sħiħ mar-rekwiżit biex jirrifletti li l-Artikolu 13 għandu japplika biss sal-punt li l-kundizzjonijiet li jinsabu fil-punt 13(b) ma jkunux stipulati mod ieħor fi ftehim internazzjonali.

    3.2.

    L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ġustament tikkonkludi li l-azzjonijiet proposti huma adegwati, proporzjonati u legalment fattibbli, kif ukoll fl-interess tal-Istati Membri u l-industrija tal-UE mingħajr żvantaġġi għal kwalunkwe parti interessata.

    4.   Kuntest

    4.1.

    Il-proposta tal-Kummissjoni titratta biss il-kiri bl-ekwipaġġ. Kiri bl-ekwipaġġ normalment ifisser mezz biex jiġu pprovduti kapaċità matul l-eqqel staġuni tat-traffiku, u kontrolli intensiv annwali tal-manutenzjoni, u biex jingħelbu d-diffikultajiet operazzjonali ad hoc tal-flotta. Il-kiri bl-ekwipaġġ huwa ftehim ta’ kiri li fih kumpanija tal-ajru (lokatur) waħda topera t-titjiriet billi tipprovdi inġenji tal-ajru u ekwipaġġ lil kumpanija oħra (il-kerrej). L-inġenju tal-ajru jkun operat skont iċ-ċertifikat tal-operatur tal-ajru u għalhekk taħt ir-responsabbiltà operazzjonali tal-lokatur.

    4.2.

    Ftehimiet ta’ kiri bl-ekwipaġġ jitqiesu mal-industrija kollha bħala ass fil-flessibbiltà operattiva li m’għandux jiġi ristrett b’mod arbitrarju. Flimkien mas-settur tal-linji tal-ajru tal-UE, u l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, jekk mhux kollha, is-settur tal-linji tal-ajru tal-Istati Uniti u l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti jistennew li tissolva l-kwistjoni għall-operazzjonijiet attwali u futuri ta’ inġenji tal-ajru mikrija bl-ekwipaġġ fir-relazzjoni bilaterali.

    4.3.

    Il-proposta tal-Kummissjoni ma għandhiex timmodifika l-politiki jew il-prinċipji relatati ma’ kiri bl-ekwipaġġ. L-għan tagħha għandu jkun biss li ssolvi kunflitt regolatorju bejn ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 u l-ATA.

    4.4.

    Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kumitat Konġunt jiġbor statistika dwar il-kiri bl-ekwipaġġ li jsir taħt l-ATA. Dan ir-reġistru għandu possibbilment jinkludi rekords tal-kundizzjonijiet soċjali biex jiżguraw mhux biss kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għall-impjegati iżda wkoll id-drittijiet tal-vjaġġaturi, li jistgħu jiġu influwenzati.

    5.   Kummenti speċifiċi

    5.1.

    Il-KESE jaċċetta r-raġunament tal-Kummissjoni biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 sabiex jippermetti ftehimiet dwar kiri bl-ekwipaġġ mingħajr restrizzjonijiet fuq bażi reċiproka bejn it-trasportaturi tal-UE u tal-Istati Uniti fuq titjiriet internazzjonali skont l-ATA. Madankollu, il-formulazzjoni tat-test il-ġdida kif proposta ma għandhiex tippermetti – la skont l-ATA u lanqas taħt kwalunkwe ftehim futur ma’ pajjiż terz dwar it-traffiku tal-ajru – ftehim ta’ kiri bl-ekwipaġġ għal perjodu twil ta’ żmien għal raġunijiet għajr dawk inklużi fl-Artikolu 13 tar-Regolament. Il-KESE jaqbel li l-proposta dwar l-ATA hija arranġament aktar flessibbli – fuq bażi reċiproka – għall-kiri bl-ekwipaġġ matul perjodi li tipikament ikunu sa 36 xahar. Tali arranġamenti ma jkollhom l-ebda impatt fuq il-kundizzjonijiet soċjali. Madankollu, il-KESE huwa mħasseb ħafna jekk l-emenda proposta għar-restrizzjonijiet dwar il-kiri tal-ekwipaġġ kellha tintuża biex jiġu żgurati arranġamenti ta’ sottokuntrattar aktar fit-tul biex ikomplu jitnaqqsu l-kundizzjonijiet/id-drittijiet tax-xogħol jew tal-konsumatur. Għalhekk aħna nħeġġu lill-Kummissjoni biex, meta tikkonkludi t-termini tal-ftehim ta’ kiri bl-ekwipaġġ ippjanat bejn l-UE u l-Istati Uniti, tinkludi test li jipprojbixxi tali prattiki. Il-proposta ma għandhiex tiġi interpretata bħala mezz għall-kiri ta’ inġenji tal-ajru minn linji tal-ajru, li jistgħu jew deliberatament jew aċċidentalment jevitaw il-leġislazzjoni soċjali nazzjonali fit-tul.

    Brussell, il-5 ta’ Lulju 2017.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  Evalwazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità, datata 21.11.2016 (DĠ MOVE/Unità E4, ara l-Kapitolu C1).

    (2)  Artikolu 13(3)(a), Regolament (KE) Nru 1008/2008.

    (3)  Artikolu 13(3)(b)(ii), Regolament (KE) Nru 1008/2008.

    (4)  Artikolu 13(3)(b)(iii), Regolament (KE) Nru 1008/2008.

    (5)  Artikolu 13 (3)(b)(i), Regolament (KE) Nru 1008/2008.

    (6)  Pjan Direzzjonali datat 07/03/2016 DĠ MOVE/E.1

    (7)  Il-limitazzjoni ġiet introdotta fir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 sabiex tiġi evitata l-ambigwità tar-Regolamenti (KEE) Nru 2407/92, (KEE) Nru 2408/92 u (KEE) Nru 2409/92 (li r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 ħa posthom) dwar it-tifsira eżatta ta’ ħtiġijiet eċċezzjonali.

    (8)  ĠU C 306, 16.12.2009, p. 1.

    (9)  Il-Pjan Direzzjonali tal-KE dwar l-istabbiliment ta’ ftehimiet ta’ kiri bl-ekwipaġġ mingħajr restrizzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti permezz ta’ ftehim ta’ kiri bl-ekwipaġġ bejn il-partijiet, paġna 7.


    Top