Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE0719

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Ir-rwol tal-enerġija mill-iskart fl-ekonomija ċirkolari” [COM(2017) 34 final]

ĠU C 345, 13.10.2017, p. 102–109 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 345/102


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Ir-rwol tal-enerġija mill-iskart fl-ekonomija ċirkolari”

[COM(2017) 34 final]

(2017/C 345/17)

Relatur:

Cillian LOHAN

Korelatur:

Antonello PEZZINI

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 17.2.2017

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

L-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

15.6.2017

Adottata fil-plenarja

5.7.2017

Sessjoni plenarja Nru

527

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

140/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jappoġġja l-aderenza għall-ġerarkija tal-iskart meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tal-iskart (1), inklużi għażliet tal-enerġija mill-iskart.

1.2.

Għandu jkun hemm strateġija koordinata biex jinxtered il-messaġġ tal-ewwel pass fuq il-ġerarkija tal-iskart, li qabel xejn hija l-prevenzjoni tal-produzzjoni tal-iskart.

1.3.

Il-KESE jaqbel mal-prinċipju tal-prova tas-sostenibbiltà tal-fondi pubbliċi tal-UE fid-dawl tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) (2) u li kwalunkwe finanzjament pubbliku għandu jkun qed itejjeb il-benesseri taċ-ċittadini tal-Ewropa. Il-finanzjament pubbliku għandu jaderixxi wkoll mal-prinċipju tan-nuqqas ta’ appoġġ għal kwalunkwe attività li tikkawża ħsara liċ-ċittadini.

1.4.

Nuqqasijiet fid-direttivi eżistenti dwar it-trattament tal-iskart għandhom jingħalqu fi kwalunkwe leġislazzjoni futura sabiex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni għal mudell ekonomiku ċirkolari tkun ġusta, konsistenti u sistemika.

1.5.

Huwa importanti li ma jinħolqux ostakoli infrastrutturali għall-kisba ta’ rati ta’ riċiklaġġ ogħla minn investimenti fi proċessi skaduti tal-enerġija mill-iskart.

1.6.

Għalkemm il-ġbir separat tal-iskart huwa ta’ prijorità, b’mod speċjali għall-Istati Membri b’dipendenza għolja fuq il-miżbliet, dan għandu jikkorrispondi wkoll ma’ żieda fir-rati ta’ riċiklaġġ sabiex ikollu valur fil-kisba ta’ tranżizzjoni għal titjib fiċ-ċirkolarità.

1.7.

L-Istati Membri b’numru kbir ta’ inċineraturi bħalissa jirrappreżentaw inkonsistenza mal-ambizzjoni ta’ miri ogħla ta’ riċiklaġġ proposti mill-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari (3). L-isfida hija li jkun hemm tranżizzjoni għal dawn l-Istati Membri lil hinn mill-inċinerazzjoni u f’firxa diversifikata ta’ soluzzjonijiet għall-ġestjoni tal-iskart, permezz ta’ fatturi politiċi ta’ spinta u ta’ attrazzjoni inkluż:

l-introduzzjoni ta’ taxxi;

it-tnaqqis b’mod gradwali tal-iskemi ta’ sostenn;

moratorju fuq faċilitajiet ġodda u d-dekummissjonar ta’ oħrajn aktar antiki.

1.8.

It-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari ġiet imfixkla fl-UE minħabba n-nuqqas tas-sinjali tal-prezzijiet tajbin. Dan huwa aċċentwat mis-sussidji kontinwi mhux iġġustifikati għas-sistemi tal-produzzjoni mhux sostenibbli, b’mod speċifiku għas-settur tal-karburanti (4). Il-KESE jilqa’ r-rabta ddikjarata b’mod espliċitu bejn l-aċċess għall-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni u kemm il-pjani tal-ġestjoni tal-iskart nazzjonali kif ukoll il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għal Ekonomija Ċirkolari. Ir-rabta mal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi tista’ tkun aktar b’saħħitha.

1.9.

Il-bijogass joffri opportunitajiet f’diversi oqsma fil-livell tal-UE, fil-ħolqien tax-xogħol, fit-tnaqqis tal-emissjonijiet, it-tisħiħ tas-sikurezza tal-karburant u aktar. Il-qafas leġislattiv u politiku li jappoġġja l-aħjar l-ottimizzazzjoni tal-opportunitajiet assoċjati għandu jiġi żviluppat bl-użu tal-eżempji tal-aħjar prattika minn madwar l-Istati Membri u lil hinn.

1.9.1.

Il-bijodiġestjoni biex jiġi prodott il-bijometan tal-karozzi hija konformi mal-Ftehim ta’ Pariġi. Valutazzjoni reċenti mill-Kummissjoni (5) turi li sal-2030 il-produzzjoni tal-bijogass fl-UE tista’ mill-inqas tirdoppja u possibilment tittripla mil-livelli attwali.

1.10.

Il-bidla fl-imġiba u l-bidla fil-kultura huma meħtieġa u jistgħu jinkisbu permezz tal-edukazzjoni fil-livelli kollha tas-soċjetà.

2.   Sfond

2.1.

Fit-2 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni adottat Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari, li joffri aġenda trasformattiva b’impjiegi ġodda sinifikanti u potenzjal tat-tkabbir u li għandu l-għan li jrawwem mudelli sostenibbli ta’ konsum u ta’ produzzjoni, f’konformità mal-impenji tal-UE skont l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli. Din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq l-irkupru tal-enerġija mill-iskart u postu fl-ekonomija ċirkolari. L-enerġija mill-iskart huwa terminu wiesa’ li jkopri ferm aktar mill-inċinerazzjoni ta’ skart.

2.2.

L-għan prinċipali ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li tiżgura li l-irkupru tal-enerġija mill-iskart fl-UE jappoġġja l-objettivi tal-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari u jkun iggwidat bis-sħiħ mill-ġerarkija tal-iskart tal-UE. Il-Komunikazzjoni teżamina wkoll kif ir-rwol tal-proċessi tal-enerġija mill-iskart jista’ jiġi ottimizzat biex ikollu sehem biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija u fil-Ftehim ta’ Pariġi. Fl-istess ħin, billi jenfasizza t-teknoloġija effiċjenti fl-enerġija ppruvata, l-approċċ tal-enerġija mill-iskart kif stabbilit hawnhekk huwa maħsub biex jipprovdi inċentivi għall-innovazzjoni u jgħin biex jinħolqu impjiegi permanenti ta’ kwalità għolja.

2.3.

Din l-Opinjoni tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-KESE dwar kull waħda mit-tliet taqsimiet tal-Komunikazzjoni, jiġifieri:

il-pożizzjonament tal-proċessi tal-enerġija mill-iskart fil-ġerarkija tal-iskart u r-rwol tal-appoġġ finanzjarju pubbliku;

il-proċessi tal-enerġija mill-iskart għat-trattament tal-iskart residwu: kif jinstab il-bilanċ ġust;

l-ottimizzazzjoni tal-kontribut tal-proċessi tal-enerġija mill-iskart biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE dwar il-klima u l-enerġija fl-ekonomija ċirkolari.

Tistabbilixxi wkoll konsiderazzjonijiet addizzjonali li għandhom jiġu inklużi mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili u abbażi ta’ pożizzjonijiet attwali adottati mill-KESE.

2.4.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet immedjati tal-UE f’termini tal-ġestjoni tal-iskart tagħha fil-kuntest tal-leġislazzjoni eżistenti u fil-kuntest ta’ infrastruttura għall-ġestjoni tal-iskart eżistenti. Filwaqt li xi prattiki mhux ideali se jkomplu, l-għan globali fit-tul huwa li jsir progress lejn mudell ta’ produzzjoni bi ftit skart, fejn il-prevenzjoni tal-iskart, l-użu mill-ġdid, il-manifattura mill-ġdid u r-riċiklaġġ jiddominaw il-fażi ta’ wara l-użu ta’ flussi ta’ materjali. L-isfida hija biex tiġi inkoraġġita tranżizzjoni ġusta mgħaġġla u kostanti lejn l-għanijiet fuq medda twila ta’ żmien.

2.5.

Billi l-produzzjoni ta’ skart urban hija ta’ medja ta’ madwar 480 kg/abitant fl-UE kollha fl-2015, l-ammont mormi jista’ jvarja minn pajjiż għal ieħor, minn 3 kg fil-miżbla l-aktar virtuża wieħed għal aktar minn 150 kg f’dik l-inqas virtuża.

3.   Il-pożizzjonament tal-enerġija mill-iskart fil-ġerarkija tal-iskart u r-rwol tal-appoġġ finanzjarju pubbliku

3.1.

Il-KESE jappoġġja l-aderenza għall-ġerarkija tal-iskart meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tal-iskart (6), inklużi għażliet tal-enerġija mill-iskart.

3.2.

Huwa importanti li wieħed jinnota li l-enerġija mill-iskart mhijiex dejjem għażla li tkun konformi mal-ambizzjonijiet jew il-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari. Pereżempju, l-inċinerazzjoni ta’ materjali tal-iskart li setgħu jiġu ppreparati sabiex jerġgħu jintużaw jew riċiklati mhijiex l-aħjar għażla f’termini ta’ effiċjenza fir-riżorsi jew l-aħjar użu tal-materja prima. Bl-istess mod it-trasport ta’ skart fuq distanzi kbar bi spejjeż tal-enerġija għolja biex jinkiseb anqas rendiment fuq l-enerġija b’mod komparattiv permezz ta’ proċess tal-enerġija mill-iskart jirriżulta fi spiża għall-enerġija netta u f’impatt fuq il-klima relatat. Hemm eżempji oħra.

3.3.

Id-dijagramma turi r-relazzjoni bejn il-proċessi tal-enerġija mill-iskart fil-Komunikazzjoni u l-ġerarkija tal-iskart.

Image

3.4.

Il-ġerarkija tal-iskart innifisha mhijiex biżżejjed biex tiddetermina l-idoneità jew le tal-proċessi tal-enerġija mill-iskart. Il-KESE jaqbel mal-prinċipju tal-prova tas-sostenibbiltà tal-fondi pubbliċi tal-UE fid-dawl tal-SDGs, u li kwalunkwe finanzjament pubbliku għandu jkun qed itejjeb il-benesseri taċ-ċittadini tal-Ewropa. Il-finanzjament pubbliku għandu jaderixxi wkoll mal-prinċipju tan-nuqqas ta’ appoġġ għal kwalunkwe attività li tikkawża ħsara liċ-ċittadini.

3.5.

Huwa importanti li d-dgħufijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart ma jiġux trażmessi fl-inizjattivi tal-Ekonomija Ċirkolari, pereżempju, il-possibilità li Stat Membru jiġi eskluż minn obbligi ta’ ġbir ta’ skart separat minħabba nuqqas ta’ kapaċità teknika jew finanzjarja biex jimplimenta dan. Il-fokus għandu jkun fuq l-użu tal-finanzjament pubbliku biex jingħelbu d-diffikultajiet tekniċi, jew l-użu ta’ strumenti tal-politika ekonomika biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet finanzjarji minn fuq l-implimentazzjoni tal-għażla tal-aħjar prattika. Għal materjali b’sustanzi tossiċi hemm raġunijiet li jiġġustifikaw li r-rimi jew l-irkupru tal-enerġija huma ppreferuti mill-użu mill-ġdid jew mir-riċiklaġġ.

3.6.

Din il-Komunikazzjoni hija żvilupp b’saħħtu mill-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, u tistabbilixxi ambizzjoni għolja għal titjib fl-effiċjenza fi proċessi tal-enerġija mill-iskart u għal żieda fil-fokus fuq il-ġerarkija tal-iskart għad-determinazzjoni taċ-ċirkolarità ta’ proċessi differenti. Madankollu l-leġislazzjoni li fuqha hija mibnija din il-Komunikazzjoni, b’mod speċifiku d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, għandha dgħufijiet storiċi li se jkomplu jikkawżaw diffikultajiet u jdgħajfu l-Komunikazzjoni jekk ma jiġux indirizzati. Huwa meħtieġ li tiġi riveduta l-klassifikazzjoni tal-iskart, forsi abbażi ta’ opportunitajiet offruti minn teknoloġiji ġodda fl-impjanti tal-enerġija mill-iskart (eż. tadama mħassra ma titqiegħedx fis-suq filwaqt li tadama li ma tinbiegħx hija skart), possibbilment jinkludu wkoll il-ħama mid-drenaġġ urban għal proċessi ta’ bijodiġestjoni. L-ambizzjoni li jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Ekonomija Ċirkolari trid tiġi riflessa fl-emendi leġislattivi neċessarji fil-livelli rilevanti kollha.

3.7.

Il-pożizzjonament tal-proċessi tal-enerġija mill-iskart fuq il-ġerarkija tal-iskart jista’ jiżgwida minħabba r-restrizzjonijiet ta’ kif il-proċessi huma trattati mil-leġislazzjoni. Il-pożizzjonament huwa definit skont definizzjonijiet li huma stabbiliti fil-leġislazzjoni minflok analiżi xjentifika tal-impatt reali ta’ dawn il-proċessi ta’ enerġija mill-iskart.

3.8.

Hemm ukoll aspetti tekniċi tal-metodoloġija tal-kalkolu assoċjati ma’ definizzjonijiet u livelli limitu fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart. Dawn huma l-metodi tal-kalkolu li jiddeterminaw il-pożizzjonament tal-proċessi differenti tal-enerġija mill-iskart fuq il-ġerarkija tal-iskart. Dawn il-kalkoli dettaljati għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid mill-Kummissjoni sabiex jiżguraw li issa jkunu robusti fil-kuntest tal-Ekonomija Ċirkolari b’mod partikolari, imma wkoll tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Ftehim ta’ Pariġi.

3.9.

L-obbligi ta’ ġbir separat li huma parti mil-leġislazzjoni dwar l-iskart Ewropea (7) huma aspett kritiku fil-kisba ta’ titjib fil-ġestjoni tal-iskart.

3.10.

Avvanzi teknoloġiċi se jkomplu joffru opportunitajiet aħjar biex tiġi massimizzata l-effiċjenza fil-prodotti u l-flussi tal-enerġija, li jwassal għal soluzzjonijiet innovattivi għal proċessi aktar effiċjenti.

3.11.

L-ekodisinn tal-prodotti u s-servizzi, estiż fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex ikun kompletament inklużiv, bħala parti minn sistema pan-Ewropea, se jirriżulta fi tnaqqis għall-minimu tal-iskart hekk kif tinkiseb ekonomija ċirkolari. L-element tal-ekodisinn ta’ dan il-proċess huwa essenzjali sabiex jiġu pprovduti prodotti modulari li jistgħu jissewwew, li jistgħu jintużaw mill-ġdid, li huma riċiklabbli u li fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għall-eliminazzjoni tal-iskart kif nifhmuh bħalissa.

3.12.

Dawn il-punti msemmija hawn fuq se jfissru anqas disponibbiltà ta’ skart imħallat bħala materja prima għall-inċineraturi, u għalhekk fuq livell nazzjonali, is-sussidji għalihom għandhom jiġu eliminati b’mod gradwali u ma jiġu kkunsidrati l-ebda investimenti ġodda f’dan il-qasam, bl-eċċezzjoni tal-modernizzar tal-infrastruttura eżistenti u biex din issir iktar effiċjenti fir-riżorsi u fl-użu tal-enerġija.

4.   Il-proċessi tal-enerġija mill-iskart għat-trattament tal-iskart residwu – kif jinstab il-bilanċ ġust

4.1.

Huwa importanti li ma jinħolqux ostakoli infrastrutturali għall-kisba ta’ rati ta’ riċiklaġġ ogħla minn investimenti fi proċessi skaduti u ineffiċjenti fl-użu tal-enerġija tal-enerġija mill-iskart.

4.2.

Fl-2013, 2,5 Mt l-aktar ta’ fjuwil derivat mill-iskart (FDS) inġarr bil-baħar bejn l-Istati Membri għall-finijiet tal-irkupru tal-enerġija (8).

4.3.

Il-valutazzjonijiet tal-enerġija mill-iskart għandhom ikunu mgħarrfa dwar dan l-element tat-trasport għaliex ladarba jiġi inkluż fil-kejl tal-emissjonijiet assoċjati ma’ approċċi differenti tal-ġestjoni tal-iskart, l-aspett tat-trasport jista’ jiddetermina l-impatt attwali tal-proċess f’termini ta’ emissjonijiet.

4.4.

Hemm diviżjoni ġeografika fl-Ewropa f’termini tad-distribuzzjoni tal-inċineraturi. Il-Ġermanja, in-Netherlands, id-Danimarka, l-Iżvezja u l-Italja għandhom ħafna mill-inċineraturi attivi li jiffunzjonaw fl-Ewropa. B’mod ġenerali, ħafna Stati Membri għad għandhom dipendenza eċċessiva fuq il-miżbla. Dan jeħtieġ li jinbidel biex jissodisfa l-isfidi u l-miri l-ġodda stabbiliti fil-leġislazzjoni dwar l-iskart assoċjata mal-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari.

4.5.

L-Istati Membri b’dipendenza għolja fuq il-miżbliet u b’inċinerazzjoni baxxa jew xejn għandhom l-ewwel jiffukaw fuq il-ġbir separat. Il-ġbir separat fis-sors huwa kritiku għall-provvista ta’ skart ta’ valur għoli ta’ kwalità tajba għar-riċiklaġġ u dan jeħtieġ li jiġi inkoraġġit.

4.6.

Madankollu, hemm ħafna eżempji fil-livell tal-Istati Membri ta’ rati tal-ġbir separat li huma għolja, imma r-rati ta’ riċiklaġġ korrispondenti mhumiex proporzjonati. Din li tidher bħala kontradizzjoni teħtieġ għodod ta’ politika ffukati biex tiġi indirizzata.

4.7.

Din il-Komunikazzjoni tinkoraġġixxi lill-gvernijiet nazzjonali jiffukaw l-appoġġ tal-finanzjament u l-istrateġiji f’direzzjonijiet li mhumiex l-inċineraturi billi jeżaminaw iż-żmien tal-irkupru tal-investiment, id-disponibbiltà ta’ materja prima, u l-kapaċità fl-istati ġirien.

4.8.

L-użu ta’ inċineratur ġar jista’ jirrappreżenta l-aħjar għażla f’xi każijiet, imma qabel isir dan, għandha titwettaq analiżi taċ-ċiklu kollu tal-ħajja inkluż, b’mod kritiku, l-ispejjeż assoċjati tat-trasport, kemm ekonomiċi kif ukoll ambjentali.

4.9.

Minbarra minn xi ċirkostanzi speċifiċi ħafna, u fid-dawl tal-avvanzi teknoloġiċi, mhuwiex probabbli li l-għażla tal-inċinerazzjoni tista’ tirrappreżenta l-aktar soluzzjoni effiċjenti fir-riżorsi jew tal-aħjar prattika biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-ġestjoni tal-iskart.

4.10.

L-Istati Membri b’numru kbir ta’ inċineraturi bħalissa jirrappreżentaw inkonsistenza mal-ambizzjoni ta’ miri ogħla ta’ riċiklaġġ. L-isfida hija li jkun hemm tranżizzjoni għal dawn l-Istati Membri lil hinn mill-inċinerazzjoni permezz ta’ fatturi politiċi ta’ spinta u ta’ attrazzjoni inkluż:

l-introduzzjoni ta’ taxxi;

it-tnaqqis b’mod gradwali tal-iskemi ta’ sostenn;

moratorju fuq faċilitajiet ġodda u d-dekummissjonar ta’ oħrajn aktar antiki.

4.11.

Il-KESE jenfasizza li l-għażla li tiġi imposta taxxa ġenerali fuq l-inċinerazzjoni mingħajr ma jiġu pprovduti alternattivi affordabbli u aċċessibbli għall-utent aħħari se jirriżulta fi spejjeż ogħla għaċ-ċittadin. L-użu ta’ taxxi bħala strument ekonomiku jeħtieġ li jkun iffukat u intelliġenti.

4.12.

Hemm bżonn li jkun hemm proċedura effiċjenti f’kull Stat Membru għall-applikazzjoni għal u l-allokazzjoni ta’ permessi sabiex jitwettqu attivitajiet ta’ ġestjoni tal-iskart.

5.   L-ottimizzazzjoni tal-kontribut tal-proċessi tal-enerġija mill-iskart biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE dwar il-klima u l-enerġija fl-ekonomija ċirkolari

5.1.

Il-KESE jaqbel li huwa biss billi tiġi rrispettata l-ġerarkija tal-iskart li l-enerġija mill-iskart tista’ timmassimizza l-kontribuzzjoni tal-ekonomija ċirkolari għad-dekarbonizzazzjoni, f’konformità mal-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija u mal-Ftehim ta’ Pariġi. Il-bijodiġestjoni biex jiġi prodott il-bijometan tal-karozzi hija konformi mal-Ftehim ta’ Pariġi. Il-vetturi li jaħdmu bil-bijometan jistgħu jipprovdu mezz effettiv biex it-trasport jiġi dekarbonizzat fl-Ewropa.

5.2.

Biex tiġi ottimizzata l-kontribuzzjoni tal-proċessi tal-enerġija mill-iskart għall-objettivi tal-UE dwar il-klima u l-enerġija fl-ekonomija ċirkolari, hemm il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-aktar tekniki u teknoloġiji effiċjenti jintużaw meta jkunu meħtieġa l-proċessi tal-enerġija mill-iskart. Dan huwa konsistenti mat-tibdil propost mill-Kummissjoni għad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli; madankollu, dawn il-kriterji għandhom jitħeġġu għall-impjanti ġodda kollha, irrispettivament mid-daqs, inkluż impjanti iżgħar ta’ anqas minn 20 MW.

5.3.

It-tassazzjoni fuq il-ġbir tal-iskart għandha impatt dejjem akbar fuq ir-riżorsi tal-familji u tan-negozji; għalhekk għandha tintuża b’ħarsa lejn il-futur u fid-dawl tal-protezzjoni tal-ambjent.

5.4.

Is-settur pubbliku u privat għandu jkollhom il-possibbiltà li jikkollaboraw dwar proġetti fit-tul bil-għan li tinbena kultura taċ-ċirkolarità aktar konkreta. Ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR) tista’ taqdi rwol importanti fit-tranżizzjoni lejn għażliet ta’ ġestjoni tal-iskart li huma aktar sostenibbli.

5.5.

It-tranżizzjoni għal Ekonomija Ċirkolari ġiet imfixkla fl-UE minħabba n-nuqqas tas-sinjali tal-prezzijiet tajbin. Dan huwa aċċentwat mis-sussidji kontinwi mhux iġġustifikati għas-sistemi tal-produzzjoni mhux sostenibbli, b’mod speċifiku għas-settur tal-karburanti (9). Il-KESE jilqa’ r-rabta ddikjarata b’mod espliċitu bejn l-aċċess għall-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni u kemm il-pjani tal-ġestjoni tal-iskart nazzjonali u reġjonali kif ukoll il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għal Ekonomija Ċirkolari.

5.6.

Ir-rabta mal-finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi tista’ tkun aktar b’saħħitha biex tiżgura li dawn l-investimenti jipprijoritizzaw l-opportunitajiet li jippromovu l-objettivi għall-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari. Xi forom ta’ inċentivi jistgħu jiġu esplorati bil-għan li joħolqu katina downstream xierqa ta’ faċilitajiet, bħad-distribuzzjoni tal-karburant u/jew il-materja prima sekondarja, jew joħolqu aktar prodotti għal użu potenzjali.

6.   Opportunitajiet oħra

6.1.    Il-bijometan

6.1.1.

L-għażla li jiġi prodott il-bijogass permezz tad-diġestjoni anaerobika hija msemmija fil-Komunikazzjoni. Din hija opportunità għal Stati Membri differenti u għandha tiġi estiża. Valutazzjoni reċenti mill-Kummissjoni (10) turi li sal-2030 il-produzzjoni tal-bijogass fl-UE tista’ mill-inqas tirdoppja u possibbilment tittripla mil-livelli attwali.

6.1.2.

Il-bijogass huwa mudell li jaħdem u jiffunzjona f’ħafna Stati Membri, b’mod partikolari fl-Italja u fil-Ġermanja. Bħala eżempji li jaħdmu dawn il-pajjiżi jistgħu joffru wkoll it-tagħlimiet siewja meħuda mill-prattikalitajiet tal-implimentazzjoni.

6.1.3.

Bħalissa, il-prezz tal-bijometan huwa ogħla mill-prezz tal-metan f’forma ta’ karburant fossili. Madankollu, l-użu tal-bijometan huwa ġustifikat minħabba l-ispejjeż indiretti mġarrba minn aġenti mutaġeniċi u karċinoġeniċi – pereżempju duħħan tan-NOx u taż-żejt prodott minn karburanti fossili (11).

6.1.4.

Fuq kollox, il-prezz possibbilment ogħla tal-bijometan huwa konformi mal-għanijiet mħaddna fil-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra minn fjuwils tradizzjonali (12).

6.1.5.

Huwa kruċjali li l-materja prima li tintuża fil-diġestjoni anerobika ma jkollha ftit jew l-ebda tibdil indirett fl-użu tal-art (ILUC) u ma tħallix impatt negattiv fuq il-produzzjoni tal-ikel. Il-faċilitajiet tal-bijogass l-aħjar li jitqiegħdu fi prossimità viċina ta’ provvista ta’ materja prima (primarjament skart agrikolu) u bħala soluzzjoni għall-ġestjoni tal-iskart u l-ħtiġijiet tal-enerġija. Il-bini ta’ diġesturi anaerobiċi u b’hekk il-ħolqien ta’ domanda għal provvista ġdida ta’ materja prima, jew skart jew għelejjel, għandu jiġi evitat.

6.1.6.

Il-post fejn tkun tinsab il-faċilità tal-bijogass huwa kritiku. Jeħtieġ li jkun hemm użu effiċjenti identifikat tal-enerġija prodotta sabiex l-enerġija prodotta b’mod effiċjenti mbagħad ma tinħeliex. Huwa importanti wkoll li wieħed jinnota li d-diġesturi anerobiċi mhumiex soluzzjoni globali għar-reġjuni agrikoli kollha fl-UE, u l-promozzjoni tagħhom għandha tkun limitata għal fejn hemm materja prima lesta li attwalment hija problema ta’ skart.

6.1.7.

Madankollu l-iżvilupp ta’ produzzjoni tal-bijogass u ta’ infrastruttura tal-użu ppjanati tajjeb jistgħu jkunu mod effiċjenti ħafna kif jiġi trattat l-iskart agrikolu, kif jiġu trattati sustanzi li potenzjalment huma ta’ ħsara ambjentali u kif jiġi ffaċilitat ir-rimi sikur. Dan jista’ jindirizza wkoll ir-rekwiżiti tat-tisħin u tal-fjuwil għat-trasport għall-komunitajiet.

6.1.8.

Id-diġestjoni anaerobika tista’ tgħin biex tindirizza kwistjonijiet tas-saħħa pubblika, tipprovdi fertilizzant għall-art, tirrappreżenta tnaqqis fl-emissjonijiet u tkun eżempju prattiku taċ-ċirkolarità.

6.1.9.

Id-diġestjoni anaerobika tista’ tkun l-aktar effettiva meta jiġu applikati l-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari, b’mod speċifiku l-kunċett ta’ ċrieki żgħar, fejn il-materja prima għad-diġestur tkun ġejja minn sors lokali, u l-output tal-enerġija jintuża lokalment (bl-eċċezzjoni ta’ meta l-karburant jintuża fi trakkijiet bħala gass). L-investimenti għandhom jappoġġjaw l-objettiv tat-tnaqqis fit-trasport tal-iskart għal kemm jista’ jkun possibbli viċin żero kilometri.

6.1.10.

L-ispinta fl-impjiegi u fl-ekonomija assoċjata mal-iżvilupp ta’ element ta’ bijogass integrat ma’ taħlita tal-enerġija nazzjonali jew reġjonali għandha tiġi analizzata u enfasizzata. Għandhom jiġu kkunsidrati wkoll alternattivi biex tiffaċilita u tħaffef il-proċeduri amministrattivi li jawtorizzaw il-kostruzzjoni ta’ proġetti tad-diġestur tal-bijoskart.

6.1.11.

L-appoġġ politiku u ekonomiku għal proġetti li jissodisfaw il-kriterji kollha se jmexxi l-innovazzjoni u jista’ jkun wieħed mill-ħafna għodod li jgħinu fit-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju.

6.1.12.

Ir-reviżjoni tal-mandat M/475 mis-CEN għandha tiġi estiża sabiex il-bijometan minn sorsi li bħalissa mhumiex awtorizzati, bħal gass mill-miżbliet, gass mill-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ, mill-ħama u minn skart urban mhux magħżul u skart ieħor, ikun jista’ jiġi injettat f’netwerks tal-gass naturali. Il-bijometan ta’ din l-għamla diġà huwa disponibbli faċilment.

6.1.13.

Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi huwa kruċjali għall-introduzzjoni ta’ proċessi tad-diġestjoni anerobika għal proġetti li għad m’humiex vijabbli finanzjarjament.

6.1.14.

Inċentivi, tat-tip użati tradizzjonalment għall-industrija tal-karburanti fossili, għandhom jitħeġġu għall-użu ta’ vetturi li jużaw il-bijogass. Dawn l-inċentivi għandhom ikunu ta’ benefiċċju għall-utent aħħari, b’offerta ta’ għażliet ta’ trasport alternattivi, bi prezz raġonevoli u aċċessibbli għall-konsumatur.

6.2.    Il-bidla kulturali u l-edukazzjoni

6.2.1.

Hemm il-ħtieġa li tiġi rikonoxxuta l-isfida ffaċċjata minn differenzi kulturali. Il-bidla fl-imġiba f’termini tas-separazzjoni tal-iskart fis-sors għandha tiġi indirizzata bħala ħtieġa għall-bidla kulturali. Biex dan jinkiseb, jistgħu jintużaw ħafna għodod, mhux lanqas fosthom ikun il-kunċett nudge  (13).

6.2.2.

Għandu jkun hemm strateġija koordinata biex jinxtered il-messaġġ tal-ewwel pass fuq il-ġerarkija tal-iskart, li qabel xejn huwa l-prevenzjoni tal-produzzjoni tal-iskart.

6.2.3.

Il-bidla fl-imġiba tista’ tinkiseb ukoll bl-iżvilupp ta’ programmi dwar dawn is-suġġetti fil-livell tal-iskola. Dan għandu japplika għal kull livell ta’ skola, minn kindergarten u skejjel primarji sa universitajiet u taħriġ fuq il-post tax-xogħol sabiex jiġu edukati u infurmati t-tfal u ċ-ċittadini bħala approċċ għall-perjodu fit-tul.

6.2.4.

L-universitajiet u l-korpi pubbliċi jistgħu jgħinu billi joħolqu l-leġittimità għal teknoloġiji u prattiki ġodda u hekk jistgħu jiffunzjonaw bħala mudelli tal-aħjar prattika u ambaxxaturi reġjonali għall-proċessi tal-enerġija mill-iskart (14).

Brussell, il-5 ta’ Lulju 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Opinjoni tal-KESE, Pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkolari, il-punt 4.3, ĠU C 264, 20.7.2016, p. 98.

(2)  Opinjoni tal-KESE Żvilupp sostenibbli: l-immappjar tal-politiki interni u esterni tal-UE, il-punt 4.3.5.5, ĠU C 487, 28.12.2016, p. 41.

(3)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta’ azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari, COM(2015) 614 final„ 2 ta’ Diċembru 2015.

(4)  David Coady, Ian Parry, Louis Sears, Baoping Shang, How Large Are Global Energy Subsidies?, Dokumenti ta’ Ħidma tal-FMI, WP/15/105, Mejju 2015.

(5)  Kummissjoni Ewropea, Nisfruttaw l-użu tal-bijogass minn flussi ta’ skart: Evalwazzjoni tal-potenzjal tal-bijogass mid-diġestjoni fl-UE wara l-2020, Marzu 2017.

(6)  Opinjoni tal-KESE, Pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkolari, il-punt 4.3.1, ĠU C 264, 20.7.2016, p. 98.

(7)  Id-Direttiva 2008/98/KE, b’mod partikolari l-Artikoli 11 (il-karti, il-metall, il-plastik, il-ħġieġ u l-iskart ta’ kostruzzjoni u ta’ twaqqigħ) u 22 (il-bijoskart) – ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.

(8)  Ċentru Tematiku Ewropew dwar Skart u Materjal f’Ekonomija Ħadra (ETC/WMGE), Assessment of waste incineration capacity and waste shipments in Europe, Jannar 2017.

(9)  David Coady, Ian Parry, Louis Sears, Baoping Shang, How Large Are Global Energy Subsidies?, Dokumenti ta’ Ħidma tal-FMI, WP/15/105, Mejju 2015.

(10)  Kummissjoni Ewropea, Nisfruttaw l-użu tal-bijogass minn flussi ta’ skart: Evalwazzjoni tal-potenzjal tal-bijogass mid-diġestjoni fl-UE wara l-2020, Marzu 2017.

(11)  COM/2017/011 final – 2017/04 (COD).

(12)  “L’opera loda l’artefice”, qal Machiavelli.

(13)  Opinjoni tal-KESE, L-Applikazzjoni tal-Kunċett Nudge għat-Tfassil tal-Politika tal-UE, ĠU C 75, 10.3.2017, p. 28.

(14)  Jeżistu eżempji minn firxa ta’ Stati Membri, li wieħed minnhom jinsab f’University College Cork fl-Irlanda, li għandu d-diġesturi anerobiċi proprja tiegħu fuq skala żgħira u li jaħdmu għar-riċerka.


Top