Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IP0004

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE (2015/2140(INI))

    ĠU C 11, 12.1.2018, p. 2–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.1.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 11/2


    P8_TA(2016)0004

    Rapport annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE (2015/2140(INI))

    (2018/C 011/01)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ġunju 2015 dwar il-politika tal-kompetizzjoni 2014 (COM(2015)0247), u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bħala dokument ta' sostenn bl-istess data,

    wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 101-109, 147 u 174;

    wara li kkunsidra r-regoli dwar il-kompetizzjoni, il-linji gwida u r-riżoluzzjonijiet relevanti tal-Kummissjoni,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE fl-2013 (1), u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE fl-2012 (2) u r-rekwiżiti stabbiliti fihom mill-Parlament,

    wara li kkunsidra l-istudju mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, (Dipartiment Tematiku A (Politiki Ekonomiċi u Xjentifiċi)) għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur bl-isem “Prattiki kummerċjali żleali (PKŻ) fil-katina tal-provvista tal-ikel bejn in-negozji” (“Unfair trading practices in the business-to-business food supply chain (UTPs)” (3),

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew “Is-suq intern tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq: dumping soċjali u kabotaġġ” (4),

    wara li kkunsidra r-rapport ta' Mejju 2012 tan-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK) bl-isem “Rapport dwar l-infurzar tad-dritt tal-kompetizzjoni u attivitajiet ta' monitoraġġ tas-suq minn awtoritajiet Ewropej tal-kompetizzjoni fis-settur alimentari” (“Report on competition law enforcement and market monitoring activities by European competition authorities in the food sector”) (5),

    wara li kkunsidra d-Direttivi tal-Kunsill 77/799/KEE u 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u l-proposti ta' azzjoni tal-Proġett tal-OECD/G20 fil-qasam tal-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitti,

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 li tagħti bidu għal inkjesta dwar is-settur tal-kummerċ elettroniku skont l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (C(2015)3026),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/104/UE tas-26 ta' Novembru 2014 dwar regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ġunju 2014 dwar linji gwida għall-għajnuna mill-istat għall-enerġija u l-protezzjoni ambjentali (6),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat,

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi,

    wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni ''Lejn kontroll aktar effettiv tal-fużjonijiet tal-UE'', tad-9 ta' Lulju 2014, (COM(2014)0449),

    wara li kkunsidra l-inkjesta dwar il-kompetizzjoni fis-settur farmaċewtiku tat-8 ta’ Lulju 2009 u r-rapporti ta’ segwitu, b’mod partikolari l-5 rapport dwar il-Monitoraġġ tas-Soluzzjonijiet b’rabta mal-Privattivi,

    wara li kkunsidra l-qafas universali għas-sistemi ta’ Valutazzjoni tas-Sostenibbiltà tal-Ikel u l-Agrikoltura (SAFA) żviluppat mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0368/2015),

    A.

    billi l-politika tal-kompetizzjoni hija pedament tal-ekonomija tas-suq soċjali fl-Ewropa u strument essenzjali għal suq intern li jiffunzjona sew fl-Unjoni;

    B.

    billi, fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-vuċi tal-Unjoni Ewropea tingħata widen u hija rrispettata fix-xena internazzjonali; billi din ir-rappreżentanza esterna indipendenti u unifikata, li hija appoġġata b'setgħat definiti b'mod ċar, tippermetti li l-Unjoni teżerċita s-setgħa politika, demografiċi u ekonomika reali tagħha;

    C.

    billi l-politika tal-kompetizzjoni hija, fiha nnifisha, għodda li tissalvagwarda d-demokrazija Ewropea, minħabba li timpedixxi l-konċentrazzjoni eċċessiva tas-setgħa ekonomika u finanzjarja f'idejn numru żgħir ħafna ta' nies;

    D.

    billi l-Unjoni Ewropea hija stabbilita bħala ekonomija soċjali tas-suq miftuħa b'kompetizzjoni ħielsa u ġusta, li l-għan tagħha hu li żżid il-prosperità tal-konsumaturi u l-istandards tal-għajxien taċ-ċittadini kollha tal-UE, u billi l-Unjoni Ewropea qed tistabbilixxi suq intern maħsub biex iwassal għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa abbażi ta' tkabbir ekonomiku bbilanċjat u stabbiltà tal-prezzijiet;

    E.

    billi l-għan tal-applikazzjoni qawwija tal-prinċipji tad-dritt tal-kompetizzjoni skont it-Trattat tal-UE huwa li jsir kontribut biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali tal-politika ekonomika tal-UE u, fl-istess ħin, li jibbenefikawil-konsumaturi, il-ħaddiema u l-intraprendituri, u jiġu promossil-innovazzjoni u t-tkabbir, permezz tal-kontroll u r-restrizzjoni tal-prattiki kummerċjali inġusti li jirriżultaw mill-monopolji u mill-pożizzjonijiet dominanti fis-suq, b'tali mod li kull individwu jkollu possibilità ġusta ta' suċċess;

    F.

    billi l-indipendenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni hija tal-akbar importanza;

    G.

    billi kull sena jiġi akkumulat telf ta' EUR 181-320 biljun – madwar 3 % tal-PDG tal-UE – minħabba l-eżistenza tal-kartelli;

    H.

    billi, f'termini ta' spejjeż tal-enerġija, is-suq uniku Ewropew għandu prestazzjoni agħar mis-suq intern tal-Istati Uniti, b'dispersjoni fil-prezzijiet ta' 31 % apparagun ta' 22 % fl-Istati Uniti;

    I.

    billi f'bosta Stati Membri hemm kriżi finanzjarja serja li għadha qed taffettwa lill-SMEs, li jirrappreżentaw 98 % tal-impriżi tal-UE u 67 % tan-nies impjegati;

    J.

    billi huwa stmat li l-evażjoni tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa u r-rifuġji fiskali qed jiswew lill-kontribwenti tal-UE triljun euro kull sena fi dħul mitluf, u qed jgħawġu l-kompetizzjoni fis-suq uniku fost dawk il-kumpaniji li jħallsu t-taxxi u dawk li ma jħallsuhomx;

    K.

    billi f'dawn l-aħħar snin, partikolarment, id-dinamiżmu fl-ekonomija diġitali u, fuq kollox, it-tgħawwiġ fil-kompetizzjoni b'riżultat ta' prattiki fiskali aggressivi u politiki fiskali nazzjonali (li probabbilment qed jagħmlu ħsara konsiderevoli lis-suq intern), ġabu magħhom sfidi ġodda għall-parteċipanti tas-suq, u jirrikjedu reazzjoni immedjata u mmirata mill-Kummissjoni; billi l-koperazzjoni globali dwar l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tgħin biex jiġu evitati l-inkonsistenzi fil-miżuri korrettiva li jittieħdu u fl-eżiti tal-miżuri ta' infurzar, u tgħin lin-negozji biex inaqqsu l-ispejjeż ta' konformità tagħhom;

    L.

    billi, fid-dawl tal-isfidi tal-era diġitali, jeħtieġ li jiġu eżaminati mill-ġdid l-istrumenti eżistenti tad-dritt tal-kompetizzjoni;

    M.

    billi fit-trasport internazzjonali bl-ajru, ir-regoli dwar il-kompetizzjoni ġusta u r-regolamentazzjoni tal-impriżi statali huma nieqsa fir-rigward ta' linji tal-ajru minn ċerti pajjiżi terzi li joperaw lejn u mill-Ewropa u li jiddominaw ċerti rotot, u dan qed jikkawża ħsara konsiderevoli lil-linji tal-ajru Ewropej, u qed ixekkel il-konnettività tal-ajruporti ċentrali Ewropej, u b'hekk qed inaqqas l-għażla tal-konsumaturi Ewropej;

    N.

    billi l-kompetizzjoni m'għandhiex l-istess impatt fl-Istati Membri kollha;

    O.

    billi l-politika tal-kompetizzjoni trid tikkunsidra b'mod partikolari l-objettivi tal-iżvilupp sostenibbli u l-koeżjoni soċjali;

    P.

    billi d-dumping soċjali huwa fattur li jgħawweġ is-suq intern, u huwa ta' ħsara kemm għad-drittijiet tal-konsumaturi kif ukoll għal dawk tal-ħaddiema;

    Q.

    billi l-iżgurar tal-moviment liberu tal-persuni, il-prodotti, is-servizzi u l-kapital huwa l-bażi tat-tkabbir tal-Ewropa;

    1.

    Jilqa' r-rapport mill-Kummissjoni, li jissottolinja l-importanza tal-politika tal-kompetizzjoni fl-UE, u jinnota li essenzjalment ikopri l-mandat tal-Kummissjoni preċedenti taħt il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni Almunia;

    2.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex fil-ġejjieni tgħaddi d-dokument ta' ħidma settorjali lill-Parlament, bħala parti integrali mir-rapport;

    3.

    Jilqa' l-fatt li l-Kummissarju għall-Kompetizzjoni Vestager tixtieq taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Parlament biex tiżviluppa l-politika tal-kompetizzjoni, bħala wieħed mill-istrumenti ewlenin tal-Unjoni Ewropea, sabiex is-suq intern komuni jsir realtà, u jistieden lill-Kummissjoni biex ma timplimentax il-politika tal-kompetizzjoni interna tal-UE b'tali mod li jiġu limitati l-istrateġiji tas-suq tal-impriżi, sabiex ikunu jistgħu jikkompetu fis-swieq dinjija ma' atturi minn barra l-UE;

    4.

    Jenfasizza li politika tal-kompetizzjoni effettiva u kredibbli m'għandhiex tkun indirizzati esklussivament lejn it-tnaqqis tal-prezzijiet għall-konsumaturi, iżda għandha wkoll tkun konxja mill-interessi strateġiċi tal-ekonomija Ewropea, bħal pereżempju: il-kapaċità ta' innovazzjoni; l-investiment; il-kompetittività u s-sostenibilità; il-kundizzjonijiet kompetittivi speċjali għall-SMEs, l-impriżi li għadhom jibdew u l-mikrointrapriżi; u l-ħtieġa li jkunu promossi standards tax-xogħol u ambjentali għoljin;

    5.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex ittemm id-dumping soċjali, u jenfasizza li d-deċiżjonijiet marbuta mal-politika tal-kompetizzjoni għandhom iqisu b'mod partikolari l-impatt soċjali;

    6.

    Iqis li n-natura speċifika tal-ekonomija diġitali, li hija kkaratterizzata minn spejjeż marġinali li qed jonqsu u li qed joqorbo ż-żero u minn effetti ta' netwerk b'saħħithom, tiffavorixxi żieda fil-livell ta' konċentrazzjoni fis-swieq ewlenin; jistieden lill-Kummissjoni biex tadatta l-politika tal-kompetizzjoni tagħha għall-ispeċifiċitajiet ta' dan is-settur;

    7.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkompleta s-suq intern f'dawk l-oqsma fejn għadu fframmentat jew mhux komplut, u biex ittemm ir-restrizzjonijiet indebiti tas-suq u t-tgħawwiġ fil-kompetizzjoni kemm jista' jkun malajr malli jiġu identifikati; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-politika tal-kompetizzjoni fl-istess ħin isaħħaħ il-koeżjoni soċjali fl-Unjoni;

    8.

    Jenfasizza li l-prijoritizzazzjoni tal-ħidma tal-awtorità tal-kompetizzjoni u l-preżentazzjoni fir-Rapport dwar il-Kompetizzjoni tal-2014, fil-parti l-kbira huma konsistenti mal-prijoritajiet komuni; iqis madankollu li f'ċerti oqsma individwali hemm bżonn ta' azzjoni iktar determinata, fatt li għandu jiġi indirizzat bil-qawwa min-naħa tal-Kummissjoni s-sena d-dieħla; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni globali dwar l-infurzar tal-kompetizzjoni; jappoġġa l-parteċipazzjoni attiva tal-Kummissjoni fin-Netwerk Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni;

    9.

    Jerġa' jitlob lill-Kummissjoni sabiex, hekk kif kienet għamlet fir-rigward tar-rapport annwali preċedenti, tevita l-iżvilupp ta' konċentrazzjoni tas-suq eċċessiva u l-abbuż tad-dominanza tas-suq b'rabta mal-ħolqien tas-suq uniku diġitali, peress li dan se jiżgura servizz ta' livell ogħla għall-konsumaturi u l-possibbiltà ta' prezzijiet aktar attraenti;

    10.

    Iqis li hu fundamentali li jiġu żgurati kundizzjonijiet ġusti ta' kompetizzjoni fis-suq diġitali filwaqt li jiġi miġġieled l-abbuż tal-pożizzjonijiet dominanti u l-ottimizzazzjoni fiskali, għanijiet li fl-aħħar mill-aħħar jibbenefikaw minnhom il-konsumaturi;

    11.

    Jemmen li l-iżvilupp tal-gvern elettroniku huwa fattur importanti fl-appoġġ għat-tkabbir, inkluż fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-SMEs; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex jużaw l-għodod kollha disponibbli għalihom permezz tal-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-akkwist pubbliku biex jippromwovu t-tkabbir fl-UE, u jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġa l-inizjattivi kollha marbuta mal-iżvilupp tal-gvern elettroniku; jenfasizza, barra minn hekk, li l-promozzjoni u l-implimentazzjoni tas-sistemi ta' governanza elettronika fl-Istati Membri kollha huma strumentali għall-monitoraġġ effiċjenti tal-każijiet ta' ksur u sabiex tiġi żgurata t-trasparenza kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat;

    12.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw il-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-akkwist pubbliku f'waqtha, partikolarment fir-rigward tat-tnedija tal-akkwist elettroniku u l-amministrazzjoni elettronika, u d-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar il-konsiderazzjoni tal-kriterji soċjali u ambjentali u dwar it-tqassim ta' kuntratti f'lottijiet, sabiex tingħata spinta lill-innovazzjoni u lill-kompetizzjoni ġusta, jingħata appoġġ lill-SMEs fis-swieq tal-akkwist u tiġi żgurata l-aktar soluzzjoni ekonomikament vantaġġuża fl-użu tal-fondi pubbliċi;

    13.

    Jistieden lill-Kummissjoni tintensifika aktar l-isforzi tagħha għall-ftuħ ambizzjuż ta' swieq internazzjonali tal-akkwist pubbliku, bl-għan li telimina l-iżbilanċ eżistenti fir-rigward tal-livell ta' ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku bejn l-UE u sħab kummerċjali oħra, u, għal dak il-fini, tqis ir-rapport tal-Parlament dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal strument tal-akkwist internazzjonali u r-reviżjoni li ġejja tagħha;

    14.

    Jirrimarka li l-klijenti fis-suq uniku qed jinbiegħu prodotti li fihom ingredjenti li jvarjaw bejn konsenja u oħra minkejja li l-isem tal-prodott u l-ippakkjar ikunu l-istess; jistieden lill-Kummissjoni tiddetermina jekk, fil-kuntest tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE, din il-prattika għandhiex riperkussjonijiet negattivi għall-fornituri ta' prodotti lokali u reġjonali, b'mod partikolaril-SMEs;

    15.

    Iqis li hu essenzjali li l-Kummissjoni tkompli tippromwovi konverġenza u kooperazzjoni aħjar fost l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali fl-UE;

    16.

    Jilqa' l-interazzjoni qawwija bejn l-infurzar tal-kompetizzjoni u l-istrateġija dwar is-suq uniku diġitali, b'mod partikolari f'azzjonijiet relatati ma' prattiki ta' mblukkar ġeografiku u ftehimiet ta' liċenzjar, bl-għan li jiġi kkompletat is-suq uniku diġitali; iqis li interazzjoni simili hija essenzjali fis-suq intern tal-enerġija biex jitneħħa x-xkiel għall-fluss transkonfinali liberu tal-enerġija u sabiex tinbena l-Unjoni tal-Enerġija;

    17.

    Iqis li l-kompetizzjoni fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet hija essenzjali mhux biss biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u l-investiment fin-netwerks, iżda anke sabiex jitħeġġu l-prezzijiet aċċessibbli u l-għażla fis-servizzi għall-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tissalvagwardja l-kompetizzjoni f'dan is-settur, inkluż fl-allokazzjoni tal-ispettru;

    18.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina bir-reqqa, il-klawsoli u l-prattiki inġusti u llegali użati mis-settur bankarju fil-kuntratti mal-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-kuntest tan-NEK, trawwem l-iskambji tal-prattiki tajbin; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tnaqqas kwalunkwe burokrazija ġġenerata bl-implimentazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni;

    19.

    Jemmen li l-politika tal-kompetizzjoni għandu jkollha rwol importanti biex is-swieq finanzjarji jsiru iktar siguri u trasparenti għall-konsumaturi; jilqa', barra minn hekk, il-miżuri leġiżlattivi adottati fil-qasam tal-pagamenti elettroniċi u, b'mod partikolari, l-introduzzjoni ta' limiti massimi fuq il-kummissjonijiet interbankarji għat-tranżazzjonijiet ta' pagamenti bil-kards;

    20.

    Ifakkar lill-Kummissjoni li l-politika tal-kompetizzjoni tinvolvi wkoll ir-regolamentazzjoni tal-prezz tas-servizzi li fir-rigward tagħhom ikun diffiċli li jiġi stabbilit il-valur tas-suq, bħalma huma t-tariffi tal-ATMs;

    21.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina n-netwerks tal-ATMs mill-perspettiva tal-politika tal-kompetizzjoni, peress li dan jinvolvi infrastruttura ta' netwerk;

    22.

    Jemmen li għandu jingħata iktar ħsieb fir-rigward ta' kif il-kumpaniji Ewropej iridu jiġu appoġġati peress li dawn jikkompetu fuq bażi globali ma' operazzjonijiet oħra ta' daqs simili minn partijiet differenti tad-dinja, li m'għandhomx għalfejn isegwu l-istess regoli tal-kompetizzjoni li jridu jissodisfaw l-entitajiet Ewropej f'pajjiżhom;

    23.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm koerenza bejn il-politiki kummerċjali u tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u l-objettivi tal-politika industrijali tagħha; jindika li l-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni m'għandhiex ixxekkel il-ħolqien ta' esponenti industrijali Ewropej fl-ekonomija; jappella għalhekk biex il-politiki kummerċjali u tal-kompetizzjoni jippromwovu l-iżvilupp u l-kompetittività tal-industrija Ewropea fil-livell dinji;

    24.

    Jirrikonoxxi li l-industriji li jużaw ħafna enerġija qed jitħabtu ekonomikament u li wħud minnhom, bħall-industrija tal-azzar, jinsabu fi kriżi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrieżamina r-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat għall-industriji li jużaw ħafna enerġija, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u jiġu pprovduti opportunitajiet ġusti għall-industriji tal-UE, b'mod partikolari l-industriji li jużaw ħafna enerġija l-iktar vulnerabbli;

    Proċeduri antitrust – każijiet ta' abbuż minn pożizzjoni dominanti

    25.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid l-isforzi tagħha fir-rigward tal-investigazzjonijiet tal-każijiet ta' abbuż ta' pożizzjonijiet dominanti fis-suq għad-detriment tal-konsumaturi tal-UE;

    26.

    Jinnota li l-abbużi minn pożizzjoni dominanti huma pprojbiti u jikkostitwixxu problema serja għall-kompetizzjoni;

    27.

    Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni qed taħdem b'suċċess fil-każijiet li jinvolvu ksur tar-regoli dwar il-kartelli u tista' turi li tat kontribut sinifikanti għar-realizzazzjoni tas-suq intern u r-regoli tal-kompetizzjoni ugwali;

    28.

    Jenfasizza li l-prattiki antikompetittivi u l-monopolji jistgħu jikkostitwixxu ostakli għall-kummerċ, li jfixklu l-flussi tal-kummerċ u tal-investiment; jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-interess ta' kummerċ dinji ħieles u ġust, tieħu azzjoni fil-livell internazzjonali kontra l-kartelli u l-prattiki antikompetittivi, oligopolistiċi u monopolistiċi li qed jagħmlu ħsara lill-kompetizzjoni;

    29.

    Iqis li r-regoli eżistenti dwar il-multi li għandhom jiġu imposti fuq persuni ġuridiċi għal ksur għandhom jiġu ssupplementati minn b'penali konkomitanti kontra l-persuni fiżiċi responsabbli; huwa tal-fehma li l-multi għandhom ikunu għoljin biżżejjed biex jaġixxu bħala deterrent; jenfasizza l-importanza tas-suċċess tal-politika tal-informatur, li tat lok biex il-Kummissjoni tidentifika l-kartelli;

    30.

    Iqis li ċ-ċertezza legali hija kruċjali, u jistieden lill-Kummissjoni biex tinkorpora r-regoli dwar il-multi, bħal dawk imposti fi proċedimenti tal-kartelli, fi strument leġiżlattiv;

    31.

    Jinnota li l-mudelli tas-suq oriġinali tal-politika tal-kompetizzjoni jistgħu jkunu inadegwati għall-ekonomija diġitali u li l-użu ta' indikaturi bbażati fuq il-prezz f'dan is-settur ekonomiku dinamiku ħafna drabi ma jagħtux l-eżitu mixtieq; jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq, abbażi ta' kriterji ġodda, valutazzjoni legali u ekonomika komprensiva tas-swieq li jinbidlu malajr, u l-mudelli kummerċjali effimeri użati mill-impriżi diġitali, sabiex ikun hemm fehim ċar tal-istruttura tas-suq u tat-tendenzi tas-suq, jittieħdu miżuri xierqa għall-protezzjoni tal-konsumaturi u titqies kif xieraq l-importanza tad-data u tal-istrutturi tas-suq speċifiċi tal-ekonomija diġitali; jinnota li, għall-finijiet tad-definizzjoni tas-suq rilevanti, b'mod partikolari fl-ekonomija diġitali, għandhom jiġu applikati l-kriterji ta' valutazzjoni rilevanti f'termini ta' kompetizzjoni;

    32.

    Isostni li l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali hija ċentrali għall-kompetizzjoni ġusta, u jinnota b'dispjaċir li l-kumpaniji globali m'humiex lesti li jiksbu l-liċenzji meħtieġa sabiex jużaw il-privattivi Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi protezzjoni effikaċi għall-privattivi essenzjali standard, u biex twettaq sorveljanza bir-reqqa sabiex tiżgura li l-utenti jiksbu tal-privattivi jiksbu l-liċenzji bil-mod adatt;

    33.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga jekk hemmx xi tip ta' relazzjoni bejn preżenza qawwija ta' politiki u ex-ministri fil-bordijiet ta' tmexxija tal-kumpaniji tal-enerġija u l-prattiki oligopolistiċi fis-settur tal-enerġija f'xi Stati Membri;

    34.

    Joġġezzjona d-dewmien fl-investigazzjonijiet tal-kumpanija Amerikana kbira Google, u jiddispjaċih mill-fatt li dawn diġà ilhom għaddejjin għal bosta snin mingħajr ebda trasparenza u mingħajr ma jista' jintwera ebda riżultat definittiv, u dan jirrifletti l-fatt li sal-2014 il-Kummissjoni kienet qed turi eżitazzjoni biex tindika r-rieda tagħha li telimina r-restrizzjonijiet tas-suq; jinnota li, speċjalment f'dak li jikkonċerna s-swieq dinamiċi, il-proċedimenti li jieħdu daqshekk fit-tul jistgħu effettivament jammontaw għal tindif tas-suq u joħolqu inċertezza għall-partijiet kollha;

    35.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq investigazzjoni bir-reqqa dwar il-prattika tal-Ġoogle li permezz tagħha s-sistema operattiva “Android” tiġi offruta biss flimkien ma' servizzi oħra tal-Google, u li biha l-manifatturi ma jistgħux jinstallaw minn qabel prodotti konkorrenti; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex teżamina fid-dettall il-pożizzjoni dominanti fis-suq ta' Google fil-qasam tal-prenotazzjoni diretta tal-lukandi, u biex issib soluzzjoni xierqa għal din il-problema; jappoġġa l-miżuri tal-Kummissjoni mfassla biex jinħoloq livell ikbar ta' interoperabbiltà u portabbiltà madwar is-setturi diġitali kollha u, b'hekk, jiġi evitat xenarju fejn ir-rebbieħ jieħu kollox; jenfasizza l-importanza li l-Kummissjoni tingħata l-għodod it-tajba biex iżommu stampa aġġornata tal-iżviluppi rapidi fis-suq diġitali;

    36.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq u tikkompleta b'attenzjoni l-investigazzjonijiet pendenti l-oħra kollha dwar il-kartelli, u biex telimina kwalunkwe restrizzjoni għas-suq; jilqa' l-fatt li l-Kummissarju l-ġdid irrifjuta li jċedi għall-pressjoni politika, u jitlob li l-proċedimenti jitħaffu b'tali mod li r-riżultati jkunu jistgħu jinkisbu fi żmien sena; jilqa', għaldaqstant, id-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet mibgħuta mill-Kummissjoni lil Google dwar is-servizz ta' tqabbil għax-xiri tagħha; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli teżamina b'mod determinat it-tħassib kollu identifikat fl-investigazzjonijiet tagħha, inklużi oqsma oħra ta' tfittxija bi preġudizzju, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-atturi kollha tas-suq fis-suq diġitali;

    37.

    Jinnota li skont l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar il-Proċedimenti tal-Kartelli, ir-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista' tordna miżuri interim fejn ikun hemm riskju ta' dannu serju u irreparabbli għall-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiddetermina sa fejn tali miżuri jistgħu jiġu applikati fi proċedimenti mtwala b'rabta mal-kompetizzjoni, speċjalment fis-suq diġitali;

    38.

    Ifakkar li n-newtralità tan-netwerk (jiġifieri, il-prinċipju li skontu t-traffiku kollu tal-internet jiġi ttrattat b'mod ugwali, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza, b'mod indipendenti minn min jibagħtu, minn min jirċevih, mit-tip, mill-kontenut, mit-tagħmir, mis-servizz jew mill-applikazzjoni tiegħu) hija ta' importanza kbira biex jiġ żgurat li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn is-servizzi tal-internet u li l-kompetizzjoni tiġi ggarantita bis-sħiħ;

    39.

    Jenfasizza li l-politika tal-kompetizzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-evidenza, u jilqa' l-inkjesta settorjali tal-Kummissjoni b'rabta mal-kummerċ elettroniku dwar ostakli potenzjali għall-kummerċ transkonfinali online ta' prodotti u servizzi bħal pereżempju fis-setturi tal-prodotti elettroniċi, tal-ilbies u ż-żraben u tal-kontenut diġitali;

    40.

    Jinnota li l-każ Google qajjem diskussjoni ġenerali dwar is-saħħa ta' pjattaformi dominanti tal-internet bħalma huma eBay, Facebook, Apple, LinkedIn, Amazon, Uber, Airbnb, eċċ., dwar l-influwenza tagħhom fis-swieq u fl-isfera pubblika, u l-ħtieġa li dawn jiġu rregolati sabiex is-swieq u l-isfera pubblika jiġu protetti; jinnota li l-għan tar-regolamentazzjoni tal-pjattaformi tal-internet għandu jkun l-iżgurar ta' protezzjoni ogħla tal-utent filwaqt li jinżammu l-inċentivi għall-innovazzjoni;

    41.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga d-dominanza tas-suq ta' Google fir-rigward tal-prenotazzjoni diretta tal-lukandi; jinnota li l-kumpannija qed tirsisti biex dawk li jkunu qed ifittxu lukanda jipprenotaw u jħallsu permezz ta' Google minflok ma jgħadduhom f'sit tal-ivvjaġġar jew f'sit tal-lukandi ta' parti terza; jenfasizza li dan il-pass huwa potenzjalment kontroversjali peress li jibdel lil Google f'aġenzija tal-ivvjaġġar online, jew l-ekwivalenti tagħha, li timponi tariffi fuq il-prenotazzjoni; jinnota li l-biċċa l-kbira lukandiera jippreferu l-prenotazzjonijiet diretti iktar milli permezz ta' aggregatur jew sit ta' terza parti; jenfasizza li Google tista' tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha u, fl-istess ħin, iddgħajjef lill-kompetituri fis-swieq tal-ivvjaġġar, u b'hekk tkun ta' ħsara għall-konsumaturi;

    42.

    Jilqa' l-emendi li għadha kif adottat il-Kummissjoni għar-Regolament (KE) Nru 773/2004 dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE, u l-komunikazzjonijiet relatati li jirriżultaw mid-Direttiva dwar Azzjonijiet għad-Danni; iqis li hija ħassra li l-Parlament ma kienx involut fl-abbozzar tal-emendi;

    43.

    Jinnota li l-politika tal-kompetizzjoni għandha rwol ewlieni fl-ikkompletar tas-suq uniku diġitali; huwa tal-fehma li politika tal-kompetizzjoni b'saħħitha fuq swieq li jinbidlu malajr, teħtieġ għarfien tas-suq profond; jilqa', għalhekk, il-fatt li qed titwettaq inkjesta settorjali dwar il-kummerċ elettroniku fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tas-suq uniku diġitali;

    Għajnuna mill-Istat

    44.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex, bħala l-gwardjan tat-Trattati, tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-direttiva msemmija hawn fuq, u biex tiżgura li d-dispożizzjonijiet tagħha jkunu infurzata b'mod uniformi madwar l-UE; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet fil-livelli amministrattivi reġjonali u komunali biex jippromwovu b'mod attiv il-konformità mal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE u biex jispjegaw il-bażi ġuridika tagħha; jenfasizza l-importanza li l-għajnuna mill-Istat orizzontali u dik vertikali jiġu indirizzati bl-istess mod; iqis li hemm bżonn ta' azzjoni għas-sensibilizzazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea kollha dwar il-klassifikazzjoni u l-għoti ta' għajnuna mill-Istat illegali, speċjalment meta tali deċiżjonijiet ta' għajnuna jkunu tammontaw għal miżuri antikompetittivi u protezzjonisti; huwa tal-fehma, madankollu, li r-reġjuni mbiegħda jew periferiċi u l-gżejjer għandhom jingħataw aktar spazju ta' manuvra mill-preżent fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat;

    45.

    Iqis li l-Kummissjoni, partikolarment fil-proċedimenti dwar l-għajnuna mill-Istat, għandha teżamina l-evidenza pprovduta mill-Istati Membri b'mod aktar rigoruż, u ttejjeb s-sigurtà tal-fatti, peress li regolarment ikun hemm tentattivi biex jiġu evitati l-bażi ġuridika u r-restrizzjonijiet legali, jew biex jinstabu kompromessi xi ftit jew wisq dubjużi; iqis, barra minn hekk, li tali eżamijiet għandhom ikunu msejsa fuq ir-rikonoxximent li, f'setturi strateġiċi u vitali, bħalma huma dawk tal-enerġija, it-trasport u l-kura tas-saħħa, jeħtieġ li l-istati jiżguraw is-sigurtà totali, il-kontinwità tal-provvista u l-forniment tas-servizzi liċ-ċittadini kollha tagħhom, u li jeħtieġ li jieħdu ħsieb li ma jadottawx dispożizzjonijiet legali li jkunu ta' dannu għal Stati Membri oħra jew għall-Unjoni;

    46.

    Itenni li l-Fondi Strutturali tal-UE ma jistgħux jintużaw b'mod li jinkoraġġixxu direttament jew indirettament ir-rilokazzjoni tas-servizzi jew il-produzzjoni lejn Stat Membru ieħor, eż. permezz ta' perjodu ta' stennija għall-intrapriżi li jirċievu dawn il-fondi; jenfasizza li l-għajnuna mill-Istat kultant tkun neċessarja sabiex jiġi żgurat l-għoti ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, inklużi l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni; jenfasizza li intervent mill-Istat spiss ikun l-aktar għodda ta' politika effettiva biex tiġi żgurata l-provvista ta' servizzi li huma essenzjali sabiex jitħarsu l-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali f'reġjuni iżolati, imbiegħda jew periferiċi u l-gżejjer fl-Unjoni;

    47.

    Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni fl-2014 adottat il-Linji Gwida l-ġodda dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali u l-enerġija, u implimentathom bħala r-Regolament Ġenerali għal Eżenzjoni ta' Kategorija (GBER);

    48.

    Jilqa' l-inklużjoni fil-GBER tal-għajnuna soċjali għat-trasport ta' residenti ta' reġjuni mbiegħda, fejn il-problema ta' konnettività issa hija rikonoxxuta; jenfasizza li l-konnettività tar-reġjuni gżejjer periferiċi hija wkoll essenzjali għas-sostenn u l-iżvilupp ta' livelli aċċettabbli ta' inizjattiva ekonomika u soċjali permezz taż-żamma tar-rabtiet kummerċjali vitali;

    49.

    Jilqa' l-inkjesta attwali tal-Kummissjoni fir-rigward ta' assi u krediti ta' taxxa differita (DTA/DTCs) għall-benefiċċju tas-settur bankarju f'bosta Stati Membri; huwa tal-fehma li d-DTA/DTCs għandhom jiġu awtorizzati b'mod retroattiv skont id-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat jekk ikunu marbuta ma' kundizzjonijiet espliċiti dwar il-miri ta' finanzjament għall-ekonomija reali;

    50.

    Ifakkar fit-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex teżamina jekk is-settur bankarju bbenefikax, sa mill-bidu tal-kriżi, minn sussidji impliċiti u għajnuna mill-Istat fil-forma ta' appoġġ ta' likwidità mhux konvenzjonali;

    51.

    Jilqa' l-introduzzjoni ta' linji gwida ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat għal finanzjament ta' riskju, li l-għan primarju tagħhom huwa li jagħmluha possibbli li jiġu promossi b'mod aktar effettiv l-SMEs, il-kumpaniji innovattivi b'kapitalizzazzjoni medja u l-impriżi li għadhom jibdew, li għandhom żvantaġġ sinifikanti fid-daqs;

    52.

    Jikkritika l-fatt li l-mudelli fiskali li jgħawġu l-kompetizzjoni, b'mod partikolari, jistgħu jwasslu għal problemi konsiderevoli għan-negozji ta' daqs medju, kif ukoll għal għadd ta' Stati Membri li ma japplikawx tali mudelli fiskali;

    53.

    Jilqa' l-fatt li, bħala parti mill-modernizzazzjoni tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni qed tieħu l-inizjattiva li toħroġ linji gwida ġodda li se jagħmluha ċara x'inhu mfisser b'għajnuna mill-Istat fl-isfera fiskali, u fl-iprezzar ta' trasferiment xieraq;

    54.

    Jitlob studju separat mill-Kummissjoni li jivvaluta jekk id-dispożizzjonijiet tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat humiex humiex ifixklu l-konsolidazzjoni u t-tisħiħ tal-kompetittività fost il-kumpaniji Ewropej vis-à-vis il-kompetituri globali tagħhom, fir-rigward tal-mekkaniżmi tal-akkwist tal-istat, kif ukoll fil-perspettiva tal-konklużjoni reċenti tas-Sħubija Trans-Paċifika (TPP);

    Kontroll tal-fużjonijiet

    55.

    Jinnota li, fil-passat, il-valutazzjonijiet tal-fużjonijiet u l-akkwiżizzjonijiet fl-ekonomija diġitali fil-biċċa l-kbira saru abbażi tal-fatturat tan-negozji inkwistjoni, u dan huwa inadegwat; jenfasizza li n-negozji b'fatturat baxx u b'telf inizjali konsiderevoli wkoll jista' jkollhom klijentela kbira, u għaldaqstant volumi kbar ta' data, u livell għoli ta' saħħa fis-suq, kif juri l-akkwist ta' Whatsapp minn Facebook, li ġie approvat mingħajr ebda kundizzjoni mill-Kummissjoni, u li ħoloq preċedent;

    56.

    Huwa tal-fehma li f'xi setturi ekonomiċi, l-ewwel u qabel kollox dak tal-ekonomija diġitali, għandhom jiġu applikati kriterji addizzjonali, li jmorru lil hinn mill-approċċi bbażati fuq il-prezzijiet, is-sehem tas-suq, u l-fatturat, peress li l-fużjonijiet spiss ikunu jinvolvu restrizzjonijiet tas-suq;

    57.

    Iqis li, speċjalment fl-ekonomija diġitali, u fil-kuntest tal-protezzjoni tal-konsumatur, ir-regoli ġenerali tal-kompetizzjoni għandhom jiġu aġġornati biex jibqgħu aġġornati mar-realtajiet tas-suq, u għandhom jiġu introdotti kriterji addizzjonali ġodda fil-valutazzjoni tal-fużjonijiet, bħalma huma l-prezz tax-xiri, l-ostakli possibbli għad-dħul fis-suq, l-importanza vitali tad-data u u tal-aċċess għad-data, l-ispeċifikazzjonijiet ta' pjattaforma, u l-effetti assoċjaċti tan-netwerk, kif ukoll il-kwistjoni jekk hemmx kompetizzjoni globali fis-settur inkwistjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti kunsiderazzjoni partikolari fir-rigward tal-mudell kummerċjali għan-negozji fl-ekonomija diġitali u tal-ostakli possibbli għad-dħul fis-suq, inklużi fatturi bħalma huma l-ambitu għall-bdil bejn il-pjattaformi u l-portabbiltà tad-data;

    58.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tistudja l-possibbiltà li l-bejjiegħa bl-imnut indipendenti, li skont id-dritt tal-kompetizzjoni jistgħu jaħdmu flimkien permezz tal-istabbilimenti tradizzjonali tagħhom, jipprovdu wkoll offerti konġunti tal-kummerċ elettroniku;

    59.

    Huwa tal-fehma li l-valutazzjoni żbaljata tas-setgħa fis-suq, flimkien mad-definizzjoni attwali tas-suq, ta' sikwit qed tkun detrimentali għaln-negozji Ewropej, speċjalment fi żminijiet ta' globalizzazzjoni u f'suq diġitali dinamiku; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra aġġustament mill-ġdid fil-qafas tar-Regolament dwar il-Fużjonijiet;

    60.

    Jesprimi tħassib dwar il-fatt li ħafna drabi jiġi adottat approċċ nazzjonali ta' natura stretta fir-rigward tal-kwistjoni tad-definizzjoni tas-suq, fejn ma tiġix ikkunsidrata b'mod xieraq l-internazzjonalizzazzjoni tas-swieq, kif kien il-każ, pereżempju, tar-Regolament dwar il-Fużjonijiet;

    L-għajnuna finanzjarja u t-tassazzjoni

    61.

    Jenfasizza li –kif iddikjarat għall-ħames darba fir-rapport annwali tiegħu dwar il-kompetizzjoni – l-għajnuna temporanja mill-Istat fis-settur finanzjarju kienet meħtieġa għall-istabbilizzazzjoni tas-sistema finanzjarja globali, iżda trid titnaqqas malajr, jew titneħħa kompletament u tiġi skrutinizzata, sabiex l-Unjoni Bankarja tkun tista' tiġi kkompletata; jenfasizza l-ħtieġa urġenti kontinwa li jiġu eliminati s-sussidji – fil-forma ta' garanziji impliċiti għal istituzzjonijiet finanzjarji li huma wisq kbar biex ifallu – sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi fis-settur finanzjarju, u biex jiġu protetti l-kontribwenti, li fir-rigward tagħhom għandha tingħata attenzjoni sabiex ikun żgurat li dan ma jiġġenerax profitti mhux mistennija jew benefiċċji għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi; jenfasizza l-importanza ta' approċċ restrittiv fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat;

    62.

    Jenfasizza li l-kompetizzjoni fiskali ġusta hija indispensabbli għall-integrità tas-suq intern, għall-vijabbiltà tal-finanzi pubbliċi u sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fil-kompetizzjoni;

    63.

    Iqis li d-differenzi sinifikanti li ġew ikkonstatati bejn l-Istati Membri fl-użu tal-għajnuna mill-Istat fis-settur finanzjarju f'dawn l-aħħar snin jistgħu jwasslu għat-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni f'dan is-settur; jistieden lill-Kummissjoni biex tiċċara r-regoli u l-proċeduri li skonthom l-għajnuna mill-Istat fis-settur finanzjarju tista' tiġi awtorizzata; huwa tal-fehma li, mhux iktar tard minn meta l-Unjoni Bankarja tiġi kkompletata, l-għajnuna mill-Istat għas-settur bankarju għandha titnaqqas, filwaqt li għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li r-regolamentazzjoni ma toħloqx tgħawwiġ fil-kompetizzjoni għall-benefiċċju tal-banek il-kbar, u li jkun hemm kreditu suffiċjenti disponibbli għall-SMEs;

    64.

    Jemmen li l-Kummissjoni għandha tqis il-possibbiltà li torbot l-għajnuna mill-Istat lill-banek mal-kundizzjonalità fuq il-kreditu għall-SMEs;

    65.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi pjan direzzjonali għal għajnuna mill-Istat inqas imma mmirata aħjar, bl-għan li titnaqqas l-għajnuna mill-Istat sabiex ikun hemm taxxi aktar baxxi li jistimulaw negozji ġodda u kompetizzjoni ġusta, minflok ma jiġu appoġġati l-istrutturi qodma u l-operaturi stabbiliti;

    66.

    Jenfasizza l-fatt li meta l-għajnuna mill-Istat tintuża biex jiġu promossi s-servizzi ta' interess ġenerali, huwa l-benefiċċju għaċ-ċittadini, u mhux għall-kumpaniji individwali jew għal entitajiet pubbliċi, li huwa kruċjali;

    67.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex issegwi mill-qrib il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu proposti mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-għoti tal-liċenzji bankarji ġodda, bl-għan li jiġi żgurat il-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi mingħajr ostakoli qawwija għad-dħul fis-suq; jemmen bis-sħiħ li, minħabba l-konċentrazzjoni għolja fis-settur bankarju ta' xi Stati Membri, għadd ikbar ta' entitajiet bankarji jkun tajjeb għall-konsumaturi u l-SMEs;

    68.

    Jenfasizza l-importanza ewlenija tad-dritt tal-UE dwar is-sussidji fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa minn impriżi multinazzjonali;

    69.

    Jilqa' l-investigazzjoni imnedija mill-Kummissjoni fl-2014 dwar l-għajnuna mill-Istat illegali, permezz ta' kompetizzjoni fiskali inġusta, għall-benefiċċju ta' ċerti kumpaniji individwali, li ġiet stiża għat-28 pajjiż tal-UE fl-2015; jitlob, barra minn hekk, lill-Istati Membri biex fil-futur jippreżentaw lill-Kummissjoni, fi żmien xieraq u mingħajr dewmien, l-informazzjoni kollha rilevanti dwar il-prattika fiskali tagħhom, u, fl-aħħar, biex jikkonformaw mal-obbligu tagħhom li jiżvelaw lill-Kummissjoni u lill-Parlament id-dettalji ta' kwalunkwe arranġament speċjali li jista' jkollu impatt fuq Stati Membri oħra u l-SMEs;

    70.

    Jinnota li, matul il-mandati riċenti, il-Kummissjoni fetħet biss għadd limitat ħafna ta' investigazzjonijiet f'każijiet potenzjali ta' għajnuna mill-Istat b'rabta fiskali, minkejja suspetti b'bażi soda, li sadanittant saru pubblċi; jistieden lill-Kummissjoni biex tuża s-sejbiet tal-investigazzjonijiet attwali bħala l-bażi għal linji gwida aktar preċiżi u effikaċi għall-għajnuna mill-Istat b'rabta fiskali, biex tuża s-setgħat kollha tagħha skont ir-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni sabiex tindirizza l-prattiki fiskali dannużi u tissanzjona lill-Istati Membri u l-kumpaniji li jinstab li jkunu involuti f'tali prattiki; jistieden lill-Kummissjoni biex tispeċifika, fl-istess ħin, liema huma l-miżuri fiskali li mhumiex konsistenti mal-politika dwar l-għajnuna mill-Istat;

    71.

    Iqis li, sabiex tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta fost il-kumpaniji, b'konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014, għandhom jiġu appoġġati l-kumpaniji li jinsabu f'reġjuni li jesperjenzaw żvantaġġi permanenti jew temporanji, u għandha tingħata aktar flessibbiltà lir-reġjuni li qed jesperjenzaw problemi ekonomiċi serji, bħar-reġjuni inklużi fl-objettivi ta' Konverġenza u ta' Kompetittività, u lir-reġjuni insulari;

    72.

    Jiddispjaċih li mill-1991 ġewinvestigati biss għadd limitat ħafna ta' każijiet ta' għajnuna mill-Istat marbuta ma' kompetizzjoni fiskali inġusta, u dan jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess wiesa' għall-informazzjoni sabiex jingħata bidu għal aktar investigazzjonijiet dwar każijiet suspettużi; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-riżorsi limitati disponibbli attwalment lis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni, peress li dan jista' jillimita l-kapaċità tagħhom li jimmaniġġjaw numru ferm akbar ta' każijiet;

    73.

    Jenfasizza li l-proċedimenti tal-għajnuna mill-Istat waħidhom ma jistgħux ittemm b'mod permanenti l-kompetizzjoni fiskali inġusta li teżisti f'għadd ta' Stati Membri; sena wara r-rivelazzjonijiet ta' “LuxLeaks” għad hemm bżonn ta' riżultati konkreti ulterjuri bħall-bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva, ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-VAT sabiex tiġi evitata l-frodi, l-obbligu għall-kumpaniji internazzjonali kbar li jirrappurtaw il-fatturat u l-profitti tagħhom skont il-kunċett ta' ''pajjiż b'pajjiż'' u li l-Istati Membri jintalbu jistabbilixxu aktar trasparenza fil-prattiki fiskali tagħhom kif ukoll fir-rekwiżiti ta' rappurtar reċiproku;

    74.

    Huwa tal-fehma li l-prattiki fiskali użati attwalment minn ċerti Stati Membri qed jikkompromettu b'mod serju s-suq intern, li b'mod partikolari l-impriżi multinazzjonalijridu jikkontribwixxu b'mod ġust u xieraq għall-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri, u li tinħtieġ investigazzjoni ulterjuri fil-prattiki u d-deċiżjonijiet fiskali dannużi li jwasslu għall-erożjoni tal-bażi tat-taxxa korporattiva u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa fl-Ewropa; jilqa' l-kumitat il-ġdid TAXE;

    75.

    Iqis li kompetizzjoni fiskali ġusta hija wieħed mill-elementi kostituttivi tas-suq intern, iżda li, minkejjal l-kompetenza primarja tal-Istati Membri, il-kompetizzjoni fiskali inġusta għandha tiġi evitata, pereżempju permezz ta' bażijiet tat-taxxa armonizzati, skambji ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa, u l-għoti ta' dritt legali espliċitu biex il-movimenti ta' kapital jiġi kkontrollat jekk dan ikun essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema fiskali fl-Unjoni; huwa tal-fehma li l-introduzzjoni ta' bażi komuni tat-taxxa korporattiva (BKTK) se tgħin biex is-sistema tkun aktar trasparenti; jemmen li l-kwistjoni tal-konsolidazzjoni tista' tiġi indirizzata aktar tard, u m'għandhiex tkun ta' ostakolu għall-introduzzjoni rapida ta' BKTK;

    76.

    Jenfasizza li, fi ħdan is-suq intern, dawk li jkunu għadhom kif daħlu fis-suq u l-SMEs li jkunu qed jagħmlu negozju f'pajjiż wieħed biss qed jiġu ppenalizzati fil-konfront tal-kumpaniji multinazzjonali, li jistgħu jittrasferixxu l-profitti jew jimplimentaw forom oħra ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa permezz ta' varjetà ta' deċiżjonijiet u strumenti, disponibbli għalihom biss; jinnota bi tħassib li, taħt l-istess kundizzjonijiet, l-obbligi fiskali iktar baxxi li jirriżultaw iħallu lill-kumpaniji multinazzjonali qligħ wara t-taxxa ogħla, u joħlqu kundizzjonijiet mhux ekwi għad-detriment tal-kompetituri tagħhom fis-suq intern, li ma għandhomx rikors għal ippjanar aggressiv tat-taxxa u li jħallsu t-taxxi fil-post jew il-postijiet fejn dawn jiġġeneraw il-profitti tagħhom; jenfasizza li l-promozzjoni ta' prattiki fiskali dannużi permezz tal-ħolqien ta' kumpaniji privati Ewropej b'responsabbiltà limitata b'membru uniku, li r-regoli ta' tmexxija tagħhom ikunu jiddikjaraw espliċitament li jista' jkollhom żewġ sedi differenti – jiġifieri, uffiċċju rreġistrat f'post wieħed u kwartieri amministrattivi band' oħra – hija l-approċċ żbaljat għall-UE;

    77.

    Jenfasizza li l-Kummissjoni għandu jkollha, ovvjament, aċċess għad-data skambjata bejn l-awtoritajiet fiskali li tkun rilevanti fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni;

    78.

    Jikkunsidra li l-kompetizzjoni ġusta tista' tiġi mxekkla bl-ippjanar tat-taxxa; jistieden lill-Kummissjoni biex taġġusta d-definizzjoni ta' “stabbiliment permanenti” sabiex il-kumpaniji ma jkunux jistgħu jevitaw artifiċjalment li jkollhom preżenza taxxabbli fi Stati Membri li fihom ikollhom l-attività ekonomika. jenfasizza li din id-definizzjoni għandha tindirizza wkoll is-sitwazzjoni speċifika tas-settur diġitali, sabiex jiġi żgurat li l-kumpaniji involuti f'attivitajiet kompletament dematerjalizzati, jiġu kkunsidrati li għandhom stabbiliment permanenti fi Stat Membru jekk dawn iżommu preżenza diġitali sinifikanti fl-ekonomija ta' dak il-pajjiż;

    79.

    Jenfasizza li meta l-Kummissjoni tkun qed tittratta deċiżjonijiet dwar il-kompetizzjoni, is-suq intern irid jitqies bħala suq wieħed, u mhux bħala għadd ta' swieq lokali jew nazzjonali;

    80.

    Iqis li, fid-dawl ta' studji li jistmaw il-valur annwali tal-frodi tat-taxxa u tal-evitar tat-taxxa sa EUR triljun (1 000 000 000 000), l-Istati Membri għandhom finalment jindirizzaw u jirrestrinġu din il-prattika; huwa tal-fehma li t-tnaqqis l-frodi tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa huwa fundamentali biex isir progress dwar il-konsolidazzjoni tal-baġits pubbliċi; jilqa' l-adozzjoni riċenti mill-ministri tal-finanzi tal-G20 ta' regoli ġodda mfassla mill-OECD dwar l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitt, li se jtejbu t-trasparenza, jagħlqu l-lakuni u jillimitaw l-użu ta' rifuġji fiskali; hu tal-fehma li, minħabba l-livell ta' integrazzjoni tagħha, jeħtieġ li l-UE tmur oltre l-proposti ppreżentati fil-proġett tal-OECD dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti (il-BEPS) f'termini ta' koordinament u konverġenza mmirati biex jevitaw kull forma ta' kompetizzjoni fiskali dannuża fi ħdan is-suq intern; jissottolinja, iżda, li l-approċċ tal-OECD għadu msejjes fuq regoli mhux vinkolanti u li l-azzjoni tagħha trid tkun integrata minn qafas leġiżlattiv adegwat fil-livell tal-UE biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet tas-suq uniku, eż. fil-forma ta' direttiva kontra l-BEPS li tmur lil hinn mill-inizjattivi tal-OECD fil-qasam tal-BEPS f'setturi mhux biżżejjed koperti; jitlob valutazzjoni tal-impatt ekonomiku, finanzjarju u marbut mal-kompetizzjoni tal-evitar tat-taxxa u l-frodi fiskali;

    81.

    Huwa tal-fehma, fid-dawl tal-prattiki fiskali inġusti użati minn xi Stati Membri, li l-politika dwar is-suq intern u l-politika tal-kompetizzjoni għandhom jimxu id f'id, fi sforz biex jiżguraw li l-profitti jiġu distribwiti b'mod ġust u li t-trasferiment tal-profitt lil ċerti Stati Membri, jew saħansitra barra mill-UE, sabiex jitnaqqsu l-obbligi tat-taxxa, isir impossibbli;

    82.

    Jenfasizza li l-iskambju komprensiv, trasparenti u effikaċi ta' informazzjoni dwar it-taxxa huwa prerekwiżit ewlieni biex jiġi evitat l-ippjanar aggressiv tat-taxxa; jenfasizza, fl-istess ħin, li s-simplifikazzjoni tal-arranġamenti ta' taxxa fil-livell tal-Istati Membri tista' tikkontribwixxi ħafna għat-trawwim tat-trasparenza u ċ-ċarezza;

    83.

    Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissarju għall-Kompetizzjoni li tirriforma l-kontroll tal-għajnuna mill-istat fl-ispirtu ta' piż ġust tat-taxxa għal kulħadd; jistenna li, qabel din ir-riorganizzazzjoni, se jkun hemm evalwazzjoni sħiħa u mingħajr kundizzjonijiet, u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli d-dokumenti kollha mitluba lill-Parlament u biex ineħħu l-mentalità attwali ta' ta' ostruzzjoni, li qed twaqqaf il-progress f'dan il-qasam, u f'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li Stati Membri differenti jridu jirrispondu għal imperattivi politiċi differenti abbażi tal-pożizzjoni ġeografika tagħhom, id-daqs tagħhom, il-karatteristiċi fiżiċi u l-karatteristiċi l-oħrajn tagħhom, kif ukoll l-istat ta' żvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom, u l-istat tagħhom ta' żvilupp ekonomiku u soċjali, u jitlob reviżjoni tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-taxxa biex jiġu koperti l-każijiet ta' kompetizzjoni inġusta li jmorru lil hinn minn deċiżjonijiet u t-trasferimenti tat-taxxa;

    84.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi, fil-futur qarib, linji gwida dettaljati dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-taxxa u dwar l-ipprezzar ta' trasferiment; jenfasizza li l-linji gwida ta' dan it-tip f'oqsma ta' politika oħrajn urew li huma effikaċi ħafna biex jeliminaw u jevitaw l-introduzzjoni ta' ċerti prattiki fi Stati Membri li ma jikkonformawx mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat; jinnota li tali linji gwida huma effikaċi biss jekk jiġu stabbiliti disposizzjonijiet preċiżi ħafna, inkluż fil-forma ta' sollijiet kwantitattivi;

    85.

    Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet, kontra l-istat jew il-kumpanija involuta, għal każijiet serji ta' għajnuna illegali mill-Istat;

    86.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex temenda mingħajr dewmien ir-regoli attwali sabiex l-ammonti li jiġu irkuprati wara ksur tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-taxxa jingħataw lura lil dawk l-Istati Membri li sofrew minn erożjoni fil-bażi tat-taxxa tagħhom, jew lill-baġit tal-UE, u mhux lill-Istat Membru li jkun ta għajnuna illegali mill-Istat fil-qasam tat-tat-taxxa, bħalma hu l-każ bħalissa, peress li din ir-regola qed tipprovdi inċentiv addizzjonali għall-evitar tat-taxxa; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel użu sħiħ mis-setgħat tagħha skont ir-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni sabiex tindirizza l-prattiki fiskali dannużi;

    87.

    Jitlob qafas leġiżlattiv tal-UE biex jiġi evitat it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni bl-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa; jirrakkomanda, bl-għan li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi, l-introduzzjoni ta' skambju awtomatiku obbligatorju tad-deċiżjonijiet fiskali, BKKTK u garanzija li ma jitħalla l-ebda profitt joħroġ mill-UE mingħajr ma jkun intaxxat;

    Il-kompetizzjoni fl-era tal-globalizzazzjoni

    88.

    Isostni li l-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali biex ikun hemm applikazzjoni effikaċi tal-prinċipji tad-dritt tal-kompetizzjoni fl-era tal-globalizzazzjoni; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex trawwem kooperazzjoni internazzjonali eqreb fi kwistjonijiet relatati mad-dritt tal-kompetizzjoni; jenfasizza li l-ftehimiet dwar id-dritt tal-kompetizzjoni li jippermettu li l-informazzjoni tiġi skambjata bejn l-awtoritajiet investigattivi tal-kompetizzjoni jistgħu jagħtu kontribut partikolarment effikaċi għall-kooperazzjoni internazzjonali fi kwistjonijiet relatati mal-kompetizzjoni;

    89.

    Huwa tal-fehma li s-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP) u l-ftehimiet internazzjonali ta' kummerċ u ta' investiment l-oħra kollha għandu jkollhom taqsima b'saħħitha dwar il-kompetizzjoni;

    90.

    Jenfasizza li s-sħab kummerċjali għandhom jibbenefikaw minn kompetizzjoni dejjem tikber fil-qasam kummerċjali, minn investimenti fis-settur privat, inklużi investimenti fil-qafas ta' sħubiji pubbliċi-privati, kif ukoll minn prosperità akbar tal-konsumaturi;

    91.

    Jenfasizza li l-UE għandha żżid l-isforzi tagħha biex tissorvelja l-implimentazzjoni ta' ftehimiet kummerċjali, biex tivvaluta fost oħrajn jekk ir-regoli tal-kompetizzjoni humiex jiġu rispettati u jekk is-sħab kummerċjali humiex jissodisfaw u jirrispettaw kompletament l-obbligi li impenjaw ruħhom għalihom;

    92.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tuża l-politika kummerċjali bħala mezz biex taħdem lejn it-twaqqif ta' regoli għal politika kompetittiva fuq livell globali sabiex jiġu eliminati d-diversi ostakli persistenti għall-kummerċ; iqis li l-għan fit-tul ta' ftehim multilaterali b'rabta mar-regoli dwar il-kompetizzjoni, konkluż fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, jikkostitwixxi l-aqwa soluzzjoni;

    93.

    Jappoġġa l-inizjattivi tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) u l-OECD, kif ukoll l-isforzi tagħhom biex itejbu l-kooperazzjoni dinjija fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni;

    94.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri biex jipparteċipaw b'mod attiv fin-Netwerk Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni;

    95.

    Jappella għal miżuei biex jiġi żgurat li l-prodotti kollha importati minn pajjiżi terzi jkunu konformi mal-istandards ambjentali, tas-saħħa u soċjali applikati mill-Unjoni u mħarsa fis-suq dinji, sabiex b'hekk il-produtturi industrijali Ewropej jiġu protetti mill-kompetizzjoni żleali;

    96.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex jippromwovu l-kompetizzjoni ġusta; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa aktar il-koperazzjoni, b'mod partikulari mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-ekonomiji emerġenti, u biex tiżgura li jiġu stabbiliti salvagwardji adatti;

    97.

    Jinnota li l-aċċess ugwali għar-riżorsi, inklużi s-sorsi tal-enerġija, huwa ta' importanza vitali biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-suq dinji; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-enerġija affordabbli u sostenibbli, u tas-sigurtà tal-provvista fil-ftehimiet kummerċjali;

    Il-kompetizzjoni fis-setturi varji

    98.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tippubblika s-sejbiet tal-investigazzjonijiet attwali fil-prattiki kompetittivi fil-provvista tal-ikel, l-enerġija, it-trasport u s-setturi tal-midja;

    99.

    Jilqa' l-linji gwida l-ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat għall-kumpaniji tal-ajru u l-ajruporti fl-UE, li huma parti mill-pakkett Pakkett tal-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-Kummissjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi b'urġenza, fil-ftehimiet internazzjonali, sett simili ta' regoli għal-linji tal-ajru ssussidjati li joperaw minn pajjiżi terzi lejn u mill-UE, sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta bejn it-trasportaturi tal-UE u dawk ta' pajjiżi terzi;

    100.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-iskambju ta' prattiki tajba permezz tan-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni bil-ħsieb li jiġi indirizzat it-tħassib imqajjem fir-rigward tal-alleanzi bejn id-distributuri, li ħafna każijiet minnhom diġà qed jiġu investigati mill-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri; jitlob li dawn id-diskussjonijiet jikkunsidraw l-interazzjonijiet bejn il-livell nazzjonali u dak Ewropew;

    101.

    Iħeġġeġ lin-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni biex jiddiskuti n-netwerk ta' alleanzi ta' xiri bl-imnut li qed jikber fil-livell nazzjonali u tal-UE;

    102.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa b'mod progressiv qafas tal-UE dwar il-kompetizzjoni biex fil-monitoraġġ tal-katina tal-provvista tal-ikel fl-Ewropa l-indikaturi tas-sistemi ta' Valutazzjoni tas-Sostenibbiltà tal-Ikel u l-Agrikoltura (SAFA) tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), inklużi l-indikaturi taħt l-intestaturi ta' Ipprezzar Ġust u Kuntratti Trasparenti (S.2.1.1) u D-Dritt tal-Fornituri (S2.2.1);

    103.

    Jitlob l-istabbiliment ta' osservatorju Ewropew tal-prezzijiet agrikoli u tal-ikel fl-oriġini u fid-destinazzjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-indiċi Spanjol tal-prezzijiet tal-oriġini u tad-destinazzjoni IPOD bħala mudell possibbli għall-monitoraġġ tal-abbużi potenzjali minn bejjiegħa bl-imnut tal-bdiewa u l-konsumaturi;

    104.

    Jitlob azzjoni vinkolanti fil-katina ta' provvista tal-ikel kontra l-bejjiegħa bl-imnut li jagħmlu ħsara lill-bdiewa u lill-konsumaturi;

    105.

    Jinsab partikolarment imħasseb dwar is-sitwazzjoni fis-settur tal-ħalib, fejn il-bejjiegħa bl-imnut ilhom jimponu prezzijiet ferm inqas mill-kostijiet wara li ntemmet is-sistema tal-kwoti;

    It-tisħiħ demokratiku tal-politika tal-kompetizzjoni

    106.

    Jilqa' d-djalogu regolari bejn il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni u l-Parlament, iżda huwa tal-fehma li d-dritt ta' konsultazzjoni dwar kwistjonijiet fundamentali ta' prinċipju mhuwiex biżżejjed;

    107.

    Jinnota li fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Parlament huwa biss involut fil-proċess leġiżlattiv permezz tal-proċedura ta' konsultazzjoni, b'tali mod li huwa jista' jkollu ħafna inqas influwenza fuq il-leġiżlazzjoni meta mqabbel mal-Kummissjoni u l-Kunsill;

    108.

    Jilqa' d-djalogu fuq bażi regolari li jkollha l-Kummissjoni mal-Parlament dwar kwistjonijiet b'rabta mal-kompetizzjoni; jitlob għal darb' oħra li d-direttivi u l-linji gwida leġiżlattivi bażiċi jiġu adottati fi ħdan il-proċedura ta' kodeċiżjoni; iqis li d-djalogu attwali bejn il-Parlament u l-awtorità tal-kompetizzjoni tal-UE għandu jkomplu jiġi intensifikat, b'mod partikolari, bl-għan li ssir valutazzjoni u tittieħed azzjoni fir-rigward tat-talbiet magħmula mill-Parlament fis-snin preċedenti; jemmen li l-indipendenza tad-DĠ Kompetizzjoni hija tal-akbar importanza biex ikun jista' jikseb b'suċċess l-għanijiet tiegħu. jistieden lill-Kummissjoni biex talloka mil-ġdid riżorsi finanzjarji u umani suffiċjenti lil DĠ Kompetizzjoni; jitlob b'mod partikolari s-separazzjoni stretta bejn id-dipartimenti li jfasslu l-linji gwida u dawk li huma responsabbli biex japplikaw dawk il-linji gwida f'każijiet speċifiċi;

    109.

    Iqis li għandu jkollu setgħat ta' kodeċiżjoni fil-politika tal-kompetizzjoni; jiddispjaċih li l-Artikoli 103 u 109 TFUE jipprovdu biss għal konsultazzjoni tal-Parlament; jemmen li dan id-defiċit demokratiku ma jistax jiġi ttollerat; jipproponi li dan id-defiċit jiġi ssuperat kemm jista' jkun malajr, permezz ta' arranġamenti interistituzzjonali fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni, u jiġi korrett fit-tibdil li jmiss tat-Trattat;

    110.

    Jitlob li jingħata setgħat ta' kodeċiżjoni fil-politika tal-kompetizzjoni, speċjalment għal dak li għandu x'jaqsam ma' prinċipji fundamentali u linji gwida vinkolanti, u jiddispjaċih li fl-aħħar emendi tat-Trattat dan il-qasam ta' politika tal-Unjoni ma ġiex imsaħħaħ fid-dimensjoni demokratika tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti għal emenda korrispondenti fit-Trattati sabiex l-kamp ta' applikazzjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja jiġi estiż sabiex ikopri wkoll id-dritt tal-kompetizzjoni;

    111.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvolvi iżjed lill-Parlament fl-investigazzjonijiet settorjali speċifiċi, filwaqt li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità ta' ċerta informazzjoni ppreżentata mill-partijiet ikkonċernati; jitlob li r-regolamenti tal-Kunsill fil-futur ikunu bbażati fuq l-Artikolu 114 TFUE, li jittratta l-funzjonament tas-suq intern, sabiex ikunu jistgħu jiġu adottati skont il-proċedura ta' kodeċiżjoni, jekk l-emenda mixtieqa tat-Trattat mhijiex mistennija dalwaqt; jenfasizza li l-ħidma fuq id-Direttiva dwar il-Pretensjonijiet għad-Danni tista' tipprovdi mudell għall-kooperazzjoni interistituzzjonali futura fi kwistjonijiet relatati mal-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissarju għall-Kompetizzjoni biex tkompli d-djalogu li nbeda mal-kumitati rilevanti tal-Parlament u mal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Kompetizzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament;

    112.

    Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni xorta għandha tagħmel u tippubblika fil-pront valutazzjoni orjentata lejn ir-riżultati u speċifika tal-proposti differenti tal-Parlament għall-iżvilupp ulterjuri tal-politika tal-kompetizzjoni;

    113.

    Jenfasizza li fil-ħidma futura tiegħu, id-DĠ Kompetizzjoni tal-Kummissjoni għandu jieħu kont xieraq tal-pożizzjonijiet adottati mill-Parlament fir-rapporti preċedenti dwar il-politika tal-kompetizzjoni;

    114.

    Iqis li għandhom jinżammu l-forom kollha ta' djalogu li s'issa ġew ippruvati u ttestjati;

    o

    o o

    115.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.


    (1)  Testi adottati, P8_TA(2015)0051.

    (2)  Testi adottati, P7_TA(2013)0576.

    (3)  http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2015/563438/IPOL_STU(2015)563438_EN.pdf.

    (4)  http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.ten-opinions.36372.

    (5)  http://ec.europa.eu/competition/ecn/food_report_en.pdf.

    (6)  ĠU C 200, 28.6.2014, p. 1.


    Top