Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE5992

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija Spazjali għall-Ewropa” (COM(2016) 705 final)

ĠU C 209, 30.6.2017, pp. 15–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 209/15


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija Spazjali għall-Ewropa”

(COM(2016) 705 final)

(2017/C 209/03)

Relatur:

Mindaugas MACIULEVIČIUS

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 26.10.2016

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Suq Uniku, Produzzjoni u Konsum

Adottata fis-sezzjoni

9.3.2017

Adottata fis-sessjoni plenarja

30.3.2017

Sessjoni plenarja Nru

524

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

199/02/03

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar “Strateġija Spazjali għall-Ewropa” u japprova l-linji gwida proposti. Dawn jinkludu għadd ta’ elementi ġodda, fosthom il-ftuħ għas-soċjetà ċivili, l-enfasi fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), l-inkoraġġiment tar-riċerka u l-iżvilupp u l-bżonn li jiġu żgurati flussi finanzjarji adegwati f’attivitajiet spazjali, inkluż permezz tal-mobilizzazzjoni ta’ kapital privat.

1.2.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli f’din it-triq u biex timmira saħansitra lejn orizzonti aktar ambizzjużi. L-ewwel taqsima tal-komunikazzjoni hija intitolata: “L-isfruttament totali tal-benefiċċji tal-ispazju għas-soċjetà u għall-ekonomija tal-UE” u tinkorpora ħafna mir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Kumitat fil-proġett tiegħu “L-Ispazju u s-Soċjetà”.

1.3.

Il-KESE jifhem in-natura doppja tal-kapaċitajiet spazjali. Madankollu, huwa jtenni l-appoġġ qawwi tiegħu għal politika spazjali orjentata lejn il-ħtiġijiet ċivili (il-paċi u l-kooperazzjoni), filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza li tuża sistemi ta’ monitoraġġ tal-ispazju għall-iskop tas-sikurezza u s-sigurtà pubblika. Dan l-użu doppju huwa wieħed mill-fatturi li jwasslu għas-suċċess ta’ politiki integrati u armonizzati sabiex tiġi salvagwardjata l-benesseri taċ-ċittadini Ewropej.

1.4.

Fid-dawl tar-riżultati eċċellenti s’issa f’termini ta’ preċiżjoni u affidabilità, il-KESE jittama li l-Kummissjoni tfassal regolament li jagħmel l-użu tal-Galileo bħala sistema ta’ ġeopożizzjonament prijoritorja u f’xi każi speċifiċi, ta’ preferenza, fl-Ewropa.

1.5.

L-investimenti ppjanati għas-snin li ġejjin huma biżżejjed għall-programmi Copernicus u Galileo, iżda dawn għandhom ikunu ggarantiti. Is-sena li ġejja, se jitnieda d-dibattitu dwar il-qafas finanzjarju pluriennali ġdid; il-Kumitat jixtieq jara iżjed riżorsi allokati biex jintlaħqu l-isfidi l-ġodda tat-tibdil fil-klima, is-sigurtà u d-difiża kontra theddid estern. Il-programm Orizzont 2020 u l-Fondi Strutturali jistgħu jintużaw biex jappoġġjaw l-attivitajiet ta’ żvilupp tas-settur spazjali.

1.6.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment biex jidentifikaw għażliet ta’ finanzjament ġodda sabiex l-investituri privati jitħajru jieħdu kont tas-settur spazjali. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni tista’ tikkoopera billi torganizza laqgħat, li jridu jsiru fil-livell tal-Istati Membri individwali kkonċernati, fejn il-banek, investituri istituzzjonali, u kumpaniji jkunu mistiedna jistudjaw forom ġodda ta’ investiment, inklużi raggruppamenti spazjali.

1.7.

Il-KESE jemmen li l-uniku mod biex jiġi żgurat is-suċċess fit-tul tal-Istrateġija Spazjali tal-UE huwa permezz tal-parteċipazzjoni attiva tal-Istati Membri kollha. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ miżuri konkreti u ta’ bini ta’ kapaċità mmirati li għandhom l-għan li jgħinu b’mod partikolari lill-Istati Membri b’kapaċitajiet u interessi spazjali emerġenti. Miżuri bħal dawn jistgħu jibdew jiġu realizzati, inter alia, permezz tal-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ, avvenimenti ta’ sensibilizzazzjoni, konsultazzjonijiet (kemm tekniċi kif ukoll dawk li jiffokaw fuq l-utent), proġetti ta’ dimostrazzjoni, inizjattivi reġjonali, sinerġiji bejn l-Istati Membri l-aktar avvanzati u dawk emerġenti u miżuri oħra li huma mfassla apposta biex jgħinu sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-Istati Membri.

1.8.

L-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku fir-rigward tal-benefiċċji ta’ informazzjoni u data disponibbli permezz ta’ attivitajiet spazjali huma tal-ogħla importanza. Huwa importanti wkoll li jiġu inklużi l-attivitajiet spazjali fl-iskola, l-università u fil-kurrikuli ta’ edukazzjoni ulterjuri.

1.9.

It-taħriġ ta’ tekniċi u inġiniera huwa kruċjali għall-ġejjieni tal-industrija Ewropea. It-tisħiħ tas-suq tax-xogħol Ewropew, it-titjib tal-infrastruttura għal eżerċizzji u testijiet, iċ-ċentri ta’ eċċellenza u t-tagħlim tul il-ħajja u li b’mod kostanti l-għarfien u l-ħiliet jitjiebu għal livelli dejjem ogħla li jinkludu x-xjenza spazjali għandhom ikunu l-pedamenti tal-istrateġija spazjali għall-Ewropa.

1.10.

Għal dan l-għan, il-Kumitat jixtieq li l-Kummissjoni tittestja l-fattibbiltà tal-ħolqien ta’ portal uniku li juri l-attivitajiet kollha li qed isiru minn diversi organizzazzjonijiet u aġenziji. Il-portal għandu jkun aċċessibbli għal kull min huwa interessat mill-pubbliku u fost l-operaturi, u għandu jenfasizza l-benefiċċji tal-attivitajiet kollha li għaddejjin u jidentifika opportunitajiet potenzjali fl-ekonomija spazjali, b’mod partikolari għall-SMEs.

1.11.

F’opinjoni reċenti dwar l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing (1), il-Kumitat enfasizza “id-diffikultajiet li ma jħallux lill-Ewropa tisfrutta l-potenzjal tad-data, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ interoperabbiltà, il-frammentazzjoni tal-istrutturi, u l-għeluq tagħhom għal żidiet u skambji oħra”. Jidher ċar li l-istess problemi jeżistu wkoll fl-infrastruttura terrestri tas-sistema spazjali Ewropea u għandhom jingħelbu malajr kemm jista’ jkun.

1.12.

L-Ewropa għandha infrastruttura eċċellenti għal-lanċjar ta’ satelliti, b’ġenerazzjoni ġdida ta’ launchers bħal Ariane u Vega li jwasslu għal iffrankar sinifikanti, parzjalment bis-saħħa ta’ kooperazzjoni ikbar bejn l-Istati Membri. L-iżvilupp ta’ vetturi għal-lanċjar li jistgħu jintużaw ripetutament se jwassal għal tnaqqis sinifikanti fl-ispejjeż u se jippermetti l-aċċess għal attivitajiet spazjali għal dawk il-pajjiżi li m’għandhomx il-mezzi biex ikunu jistgħu jipprovdu infrastruttura effiċjenti fl-ispazju ekstraatmosferiku.

1.13.

Hemm interess dejjem jikber fl-użu ta’ satelliti żgħar għal sistemi ta’ komunikazzjoni u monitoraġġ. Anki fi ħdan is-suq tal-osservazzjoni tad-dinja, huwa mistenni tkabbir sinifikanti fis-suq ta’ satelliti żgħar permezz ta’ applikazzjonijiet ġodda. Għalhekk, ser ikun importanti għall-UE li tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ mini- u nanosatelliti biex jitteħed vantaġġ minn dan is-suq. Fl-istess waqt, hija opportunità kbira mhux biss għall-Istati Membri ż-żgħar iżda wkoll għal operaturi privati. Il-KESE jenfasizza, madankollu, li din iż-żieda f’satelliti li jqumu inqas u li qed jimmonitorjaw wiċċ id-dinja se tirriżulta f’ammonti enormi ta’ data. Il-protezzjoni tal-ħajja privata ta’ kull ċittadini u utent għandha tiġi prijoritizzata, b’għarfien kbir u regolamenti sodi (2).

1.14.

Aċċess garantit għal infrastruttura spazjali u s-sigurtà tagħha huma fost il-prijoritajiet li l-Kummissjoni se jkollha tikkunsidra. Kooperazzjoni ma’ pajjiżi oħra hija essenzjali biex tiġi evitata tellieqa għall-orbiti l-aktar favorevoli u nuqqas ta’ interess fil-ġestjoni tal-kwistjoni ta’ residwi spazjali. L-attivitajiet diplomatiċi relatati mal-ġestjoni tal-ispazju ekstraatmosferiku għalhekk iridu jiġu intensifikati. Fl-istess waqt, il-KESE jirrakkomanda li l-UE tagħti spinta ‘l quddiem għall-innovazzjoni fit-tindif tal-iskart fl-ispazju.

1.15.

Laqgħat reċenti fil-livell globali (3) ukoll enfasizzaw l-importanza ta’ tali kooperazzjoni. Huma identifikaw erba’ pilastri: l-ekonomija, is-soċjetà, l-aċċessibilità u d-diplomazija. Dawn il-kwistjonijiet dejjem kienu l-fokus ta’ attenzjoni tal-KESE, li ħa l-inizjattiva li jenfasizza l-importanza tagħhom f’termini tal-ekonomija u s-soċjetà.

1.16.

Għaldaqstant, huwa meħtieġ approċċ ġdid lejn l-użu tad-data, biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-SMEs, biex iċ-ċittadini kif ukoll l-SMEs isiru konxji mill-possibbiltà li jkollhom aċċess mingħajr l-ebda diskriminazzjoni għall-dawn il-kanali ta’ informazzjoni ta’ big data, tissaħħaħ il-protezzjoni kontra attakki ċibernetiċi u għall-iżvilupp kontinwu ta’ applikazzjonijiet ġodda permezz ta’ inizjattivi mmirati li jisfruttaw il-kreattività tar-riċerkaturi, l-universitajiet u n-negozji tagħna. Il-KESE jenfasizza li, skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, l-użu tal-big data għall-ħarsien tal-ambjent għandu jiġi ffaċilitat bi spejjeż affordabbli.

2.   Il-kontenut tal-Proposta tal-Kummissjoni

2.1.

Attwalment l-UE għandha t-tieni l-akbar baġit pubbliku għall-ispazju fid-dinja u hija l-ikbar klijent istituzzjonali għal servizzi ta’ lanċar fl-Ewropa. Għandha sistemi spazjali ta’ klassi dinjija, bħall-Copernicus għall-osservazzjoni tad-dinja u EGNOS u Galileo għan-navigazzjoni bis-satellita u l-ġeopożizzjonament. Bejn l-2014-2020, l-UE waħedha se tinvesti EUR 12-il biljun f’attivitajiet spazjali.

2.2.

It-teknoloġiji spazjali saru indispensabbli fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini Ewropej. Barra minn hekk, soluzzjonijiet fuq bażi spazjali jġibu magħhom benefiċċji f’firxa wiesgħa ta’ kuntesti inkluż il-ġestjoni tad-diżastri, l-agrikoltura, it-trasport, l-infrastruttura tal-enerġija u l-isfidi globali. It-teknoloġiji, id-data u s-servizzi spazjali jistgħu jirfdu bosta politiki u prijoritajiet politiċi ewlenin tal-UE. L-ispazju huwa ta’ importanza strateġika għall-Ewropa: isaħħaħ ir-rwol tagħha bħala attur globali, jirrappreżenta assi għas-sigurtà u d-difiża u jgħin biex jiżdied l-impjieg, it-tkabbir u l-investiment. L-Ewropa għandha industrija tal-manifattura tas-satelliti attiva ħafna li tirrappreżenta madwar 33 % tas-suq dinji miftuħ u servizzi downstream dinamiċi tas-settur li jinkludu għadd kbir ta’ SMEs. L-ekonomija spazjali Ewropea kienet stmata li laħqet EUR 46-54 biljun fl-2014, li jikkorrispondi għal 21 % tal-valur tas-settur spazjali globali.

2.3.

Abbażi tal-Artikolu 189 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Kummissjoni qed tipproponi Strateġija Spazjali ġdida għall-Ewropa li tiffoka fuq erba’ għanijiet strateġiċi:

A.

Jiġu massimizzati l-benefiċċji tal-ispazju għas-soċjetà u l-ekonomija tal-UE billi

(a)

Jiġi inkoraġġit l-użu ta’ servizzi u data spazjali, u

(b)

Isir progress fil-programmi spazjali tal-UE u jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-utenti ġodda.

B.

It-trawwim ta’ settur tal-ispazju Ewropew kompetittiv u innovattiv globalment billi

(a)

Jiġu appoġġjati r-riċerka u l-innovazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet, u

(b)

Jitrawmu l-intraprenditorija u opportunitajiet ġodda ta’ negozju.

C.

It-tisħiħ tal-awtonomija tal-Ewropa fl-aċċess u l-użu tal-ispazju f’ambjent sikur u mingħajr periklu billi

(a)

Jinżamm l-aċċess awtonomu tal-Ewropa għall-ispazju;

(b)

Jiġi żgurat l-aċċess għall-ispettru tal-frekwenzi tar-radju;

(c)

Jiġu żgurati l-protezzjoni u r-reżiljenza ta’ infrastruttura spazjali Ewropea kritika;

(d)

Jissaħħu s-sinerġiji bejn l-attivitajiet spazjali ċivili u ta’ sigurtà.

D.

Jissaħħaħ ir-rwol tal-Ewropa bħala attur globali u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE minn dejjem kien attiv ħafna fl-appoġġ tal-Kummissjoni u l-partijiet interessati dwar kwistjonijiet relatati mal-ispazju.

3.2.

Il-KESE stabbilixxa għadd ta’ prijoritajiet fl-opinjonijiet tiegħu dwar l-ispazju:

jiddaħħlu fis-seħħ politiki proattivi għall-SMEs u appoġġ tal-impjieg;

l-involviment ta’ Stati Membri b’kapaċitajiet u interessi spazjali emerġenti fl-attivitajiet tal-ispazju;

titjib sostanzjali tal-governanza Ewropea;

l-involviment tas-soċjetà ċivili fid-definizzjoni ta’ għażliet strateġiċi;

l-investiment fis-settur u l-enfasizzar tar-rwol tal-finanzjament u tal-fondi ta’ investiment;

l-appoġġ ta’ attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp, il-promozzjoni ta’ programmi ta’ studju fil-livelli kollha fil-qasam tal-ajruspazju u t-teknoloġija;

l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-ispazju bejn l-awtoritajiet Ewropej, nazzjonali u reġjonali, in-negozji u l-utenti aħħarin.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.    L-Istrateġija Spazjali u l-QFP  (4) : aspetti finanzjarji

4.1.1.

Strateġija ambizzjuża teħtieġ baġit ambizzjuż. Skont il-Kummissjoni, il-baġit spazjali tal-UE huwa t-tieni l-akbar fid-dinja. Huwa taħlita tal-baġit tal-Unjoni Ewropea, tal-baġits separati tal-Istati Membri għall-ispazju u tal-baġit tal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA). Il-baġit tal-Istati Uniti huwa kważi erba’ darbiet akbar minn dak tal-UE. Huwa diffiċli ħafna li ssir stima tan-nefqa reali tar-Russja u taċ-Ċina fil-qasam tal-ispazju, peress li mhux id-data kollha li għandha x’taqsam ma’ dawn l-attivitajiet spazjali hija disponibbli għall-pubbliku. Min-naħa l-oħra, meta jitqabblu l-baġits tal-ispazju bħala perċentwal tal-PDG, l-Ewropa hija biss fis-sitt post.

4.1.2.

L-għanijiet ambizzjużi tal-KE jeħtieġu l-mobilizzazzjoni ta’ investimenti enormi li s-settur pubbliku waħdu sempliċement ma jiflaħhomx. L-involviment ta’ investituri privati, is-settur bankarju, fondi ta’ investiment u partijiet finanzjarji oħrajn ikkonċernati huwa vitali biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp tar-riċerka u applikazzjonijiet ġodda.

4.1.3.

Il-Komunikazzjoni ma tenfasizzax biżżejjed jew tappoġġja r-rwol kruċjali tal-SMEs, u għalhekk għandha ssaħħu, b’mod partikolari tal-istartups innovattivi. Filwaqt li qed tingħata aktar attenzjoni lis-saħħa tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam mal-innovazzjoni, is-soluzzjonijiet finanzjarji proposti ma jissodisfawx il-ħtiġijiet reali tas-settur, li waħda minnhom hija n-nuqqas kroniku ta’ finanzjament. Minħabba r-riskji kbar involuti, is-sistema bankarja ssibha bi tqila li tappoġġja l-innovazzjoni. Għal ħafna SMEs huwa impossibbli li jipparteċipaw f’sejħiet għall-offerti pubbliċi, peress li spiss huma mfassla speċifikament għal atturi fuq skala kbira. Għalhekk għandu jingħata aktar appoġġ lill-SMEs billi jiġu introdotti sejħiet għall-offerti għall-kumpaniji ta’ dan id-daqs. Sottokuntrattar aktar miftuħ għal firxa usa’ ta’ SMEs għal proġetti akbar ikun ukoll pass fid-direzzjoni t-tajba. L-Orizzont 2020 u programmi oħrajn ta’ riċerka u żvilupp għandhom rwol sinifikanti, u l-użu tagħhom għandu jiġi massimizzat mill-perspettiva tal-SMEs.

4.1.4.

Il-KESE jinsab imħasseb dwar l-effetti possibbli tal-BREXIT u l-eżitu tiegħu fuq l-attivitajiet spazjali Ewropej. Ir-Renju Unit huwa wieħed mill-Istati Membri fuq quddiem fil-qasam tal-ispazju. Għalhekk, l-UE trid tikkunsidra modi possibbli ta’ kooperazzjoni mar-Renju Unit fil-qasam tal-ispazju.

4.2.    Il-bini tal-kapaċità fl-Istati Membri

4.2.1.

Mhux l-Istati Membri tal-UE kollha huma involuti fil-fond f’attivitajiet spazjali, u sfortunatament mhux is-setturi kollha (inklużi dak privat u pubbliku) japprezzaw il-benefiċċji tal-attivitajiet spazjali. Fis-settur privat, pereżempju, l-attivitajiet spazjali jistgħu jintużaw f’għadd ta’ oqsma differenti, bħal: monitoraġġ territorjali aġġornat, il-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-insulazzjoni tad-djar, l-identifikazzjoni ta’ siti illegali ta’ skart u ħafna oħrajn.

4.2.2.

Sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tas-settur spazjali tal-UE, huwa ta’ importanza vitali li jiġu involuti l-Istati Membri kollha emerġenti b’kapaċitajiet u interessi f’attivitajiet tal-ispazju, flimkien mal-partijiet interessati tagħhom, l-operaturi tan-negozju, riċerkaturi u istituzzjonijiet oħra. Il-Kummissjoni għandha tipprevedi miżuri konkreti.

4.3.    Governanza

4.3.1.

Il-Kumitat japprezza l-fatt li d-diskussjoni reċenti dwar il-governanza, li l-KESE enfasizza f’għadd ta’ Opinjonijiet preċedenti tiegħu, ġiet solvuta. L-istrateġija tal-ESA kienet ivvalidata matul il-Kunsill Ministerjali tal-ESA f’Diċembru 2016 (inkluża l-allokazzjoni tal-baġit bejn programmi differenti għall-perjodu 2017-2021). L-istrateġiji tal-UE u tal-ESA ma għadhomx differenti minn xulxin; issa jikkomplementaw lil xulxin.

4.4.    Servizzi downstream u rekwiżiti infrastrutturali

4.4.1.

Hemm ħtieġa urġenti biex jiġu stabbiliti ċentri kbar tad-data għall-ħżin, l-ippreproċessar u l-analiżi tad-data mniżżla minn Copernicus. Il-kapaċità li tintuża data storika flimkien ma’ Copernicus hija wkoll importanti ħafna għall-iżvilupp ta’ għodod ġodda f’dan il-qasam.

4.4.2.

L-UE impenjat ruħha għall-ftehim ambizzjuż tal-COP21 u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Il-KESE jenfasizza li sistemi ta’ monitoraġġ ibbażati fuq is-satellita u l-faċilitajiet tal-ipproċessar tal-big data fuq il-post huma essenzjali għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-impenji kemm lokali kif ukoll globali. Huwa ċar li hemm ħtieġa għal għodod ġodda relatati mat-tibdil fil-klima, kif appella l-KESE f’opinjonijiet preċedenti, bħal NAT/696 (5).

4.4.3.

Kif kien miftiehem fil-ftehim tal-COP21, il-LULUCF (6) għandha rwol importanti ħafna x’taqdi biex jiġu assorbiti l-livelli attwali ta’ CO2 fl-atmosfera. Il-foresti huma bjar tal-karbonju, u monitoraġġ bi preċiżjoni ta’ kuljum għall-kontroll tal-istat tal-foresti jista’ jevita t-tqaċċit illegali tas-siġar u jinkoraġġixxi l-ġestjoni attiva tal-foresti, inkluż li jitħawlu iktar siġar li jikbru malajr kif ukoll identifikazzjoni bikrija u prevenzjoni ta’ nirien fil-foresti. Il-proposti attwali tal-UE, li jippermettu li l-emissjonijiet tas-CO2 f’setturi bħalma huma l-industrija jew it-trasport jiġu kkumpensati bl-użu tal-bjar tal-karbonju bbażati fil-foresti jew permezz tat-tkabbir tal-foresti, ipoġġu enfasi ħafna akbar fuq kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Il-proposti jenfasizzaw b’mod ċar il-bżonn urġenti għal għodod ta’ monitoraġġ imsejsa fuq Copernicus. Fil-livell internazzjonali, dawn l-għodod huma tal-ikbar importanza, billi jistgħu jintużaw għall-monitoraġġ bi preċiżjoni tal-livell reali ta’ progress fil-mitigazzjoni u l-assorbiment fi stati differenti madwar id-dinja.

4.4.4.

Il-KESE jirrikonoxxi li s-sistemi ta’ monitoraġġ permezz tas-satellita u ċentri tad-data huma ta’ importanza kbira għall-produzzjoni tal-ikel sostenibbli fil-ġejjieni. B’mod partikolari, hemm benefiċċji kbar għall-agrikoltura bi preċiżjoni, mhux l-inqas minħabba li Galileo u l-GNSS jistgħu jiffrankaw il-fjuwil fossili. Barra minn hekk, is-softwer li juża l-immaġnijiet ta’ Copernicus fi spettri differenti jista’ jidentifika eżattament dawk iż-żoni fejn l-indewwa jew il-livelli ta’ nutrijenti huma jew insuffiċjenti jew eċċessivi, u dan jippermetti li l-ammonti tal-ilma u tan-nutrijenti jiġu aġġustati, u b’hekk jiġi ffrankat l-ilma ħelu u jitnaqqas għall-minimu l-użu tal-fertilizzanti u l-pestiċidi. Dan itejjeb b’mod sinifikanti s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-biedja, jippromovi l-identifikazzjoni bikrija u l-prevenzjoni tal-mard tal-pjanti, ibassar ir-rendiment futur u jiggarantixxi kemm benefiċċji ekonomiċi sinifikanti kif ukoll impatt soċjali u ambjentali pożittiv ħafna.

4.4.5.

Il-meteoroloġija bi preċiżjoni għandha tiġi żviluppata aktar sabiex jiġu faċilitati l-identifikazzjoni bikrija u l-prevenzjoni jew it-tħejjija għal kundizzjonijiet estremi tat-temp, li jistgħu jnaqqsu l-ħela tal-ikel fl-irziezet, kif ukoll jissalvagwardjaw lin-nies mill-periklu għas-saħħa u l-proprjetajiet tagħhom.

4.5.    Informazzjoni, Edukazzjoni u Sensibilizzazzjoni

4.5.1.

Fl-2014, il-KESE nieda l-proġett tiegħu tal-Ispazju u s-Soċjetà fejn l-imsieħba enfasizzaw il-ħtieġa li nimxu ‘l quddiem billi tiġi inkluża s-soċjetà kollha kemm hi fid-dibattitu dwar l-importanza tar-rwol tal-Ewropa fis-settur spazjali. Is-soċjetà ċivili Ewropea trid tiġi kkonsultata sew jekk irridu nifhmu l-aspettattivi u l-ħtiġijiet tagħha.

4.5.2.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma fiha l-ebda referenza għal din l-isfida strateġika, għalkemm il-konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrateġija Spazjali għall-Ewropa saret fl-2016. Id-dibattitu dwar il-politiki spazjali tradizzjonalment kien ristrett għall-partijiet interessati ewlenin, u ġie injorat għal kollox il-fatt li jekk irridu li jkun żviluppat suq orjentat lejn il-konsumatur, iridu jkunu jafu dwar u jkunu konxji tal-vantaġġi u l-opportunitajiet li tista’ toffri t-teknoloġija.

4.5.3.

Kull attur ewlieni għandu strateġija ta’ komunikazzjoni individwali, iżda m’hemm l-ebda viżjoni komuni jew pjan strateġiku li jistgħu jiġu ppreżentati lill-pubbliku inġenerali. Il-KESE jemmen li strateġija ma tistax tinkiseb mingħajr ma jiġu involuti l-partijiet kollha interessati tas-soċjetà ċivili, kemm jekk pubbliċi kif ukoll privati, fil-pjan ta’ azzjoni.

4.5.4.

Għandhom jiġu organizzati laqgħat għall-utenti aħħarin fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew. Għandhom jiġu organizzati wkoll kampanji ta’ informazzjoni, bil-parteċipazzjoni attiva tal-awtoritajiet lokali.

4.5.5.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-imsieħba prinċipali biex jinfetaħ Portal tal-Ispazju u s-Soċjetà bil-kooperazzjoni ta’ organizzazzjonijiet pubbliċi u privati u ta’ imprendituri. L-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni għandhom ikunu fost l-ogħla prijoritajiet ta’ Politika Spazjali ġdida, li l-għan tagħha tkun fl-aħħar mill-aħħar li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet reali taċ-ċittadini.

Brussell, it-30 ta’ Marzu 2017.

Presidenttal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 487, 28.12.2016, p. 86 (punt 3.5).

(2)  Ara l-Opinjoni tal-KESE (ĠU C 125, 21.4.2017, p. 51).

(3)  Forum ta’ Livell Għoli — L-ispazju bħala mutur għal żvilupp soċjoekonomiku sostenibbli. Dubai fl-24 ta’ Novembru 2016.

(4)  Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP).

(5)  Opinjoni tal-KESE — Kondiviżjoni tal-isforz sal-2030 u l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) (ĠU C 75, 10.3.2017, p. 103).

(6)  L-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF).


Top