Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE6311

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew COM(2013) 534 final – 2013-255-APP

ĠU C 170, 5.6.2014, p. 85–90 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 170/85


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

COM(2013) 534 final – 2013-255-APP

2014/C 170/14

Relatur: is-Sur LUCAN

Nhar is-17 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

COM(2013) 534 final – 2013/-255-APP.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-20 ta' Novembru 2013.

Matul l-494 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Diċembru (seduta tal-11 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’176 vot favur, 7 voti kontra u 13-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE huwa tal-fehma li l-inizjattiva tal-Kummissjoni hija f'waqtha. Il-ħolqien ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jirrappreżenta pass importanti fit-twaqqif ta' mekkaniżmi ġodda legali li jħarsu kemm l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif ukoll il-kontribuzzjonijiet finanzjarji taċ-ċittadini Ewropej għall-baġit Ewropew.

1.2

Il-KESE jqis li għandhom jiġu mħarsa l-interessi finanzjarji tal-UE iżda li l-koerenza tas-sistema tal-Liġi Kriminali tal-UE tiġi mħarsa aħjar jekk ir-regolament jiddefinixxi (1) b'mod eżatt u preċiż mhux biss it-terminoloġija użata iżda wkoll u fuq kollox ir-reati li jheddu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u b'hekk għandhom ikunu soġġetti għal prosekuzzjoni fl-Istati Membri. Dawn id-definizzjonijiet għandhom jiġu inkorporati fir-regolament jew jistgħu jitpoġġew f'anness li jsegwi l-mudell tar-regolament dwar l-Eurojust (2) u, possibbilment, jiġi kompletat b'direttiva. L-istabbiliment ta' definizzjoni jista' joffri qafas ta' regolament addizzjonali li dwar ir-reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u b'hekk jiggarantixxi r-rispett tal-prinċipju tal-legalità (“nullum crimen sine lege”).

1.3

Il-KESE jqis li l-obbligi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew il-ġdid jridu jibqgħu fil-limiti tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Fl-assenza ta' valutazzjoni tal-impatt dwar il-kriminalità transkonfinali, huwa kmieni wisq li l-obbligi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jiġu estiżi fuq il-bażi tal-Artikolu 86(4).

1.4

Fil-każ ta' proċeduri u ta' tilwim li fihom ikun involut l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, il-KESE jirrakkomanda li jiġu applikati s-salvagwardji proċedurali għall-persuni suspettati b'konformità mal-istandards li japplikaw għar-regolament, partikolarment il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari d-dritt għal proċess ġust u d-drittijiet tad-difiża, li joffru livell ta' ħarsien ogħla min dak tal-liġijiet nazzjonali. Fid-definizzjoni tiegħu tad-“drittijiet tad-difiża”, il-KESE jinkludi wkoll il-ħtieġa ta' garanzija tal-prinċipju tal-“parità tal-armi” bejn l-akkuża u d-difiża.

1.5

Il-KESE jissuġġerixxi li jestendi l-attributi tal-kumitat ta' monitoraġġ tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) billi jingħatawlu kompetenzi ġodda dwar il-kontroll u l-garanzija tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali tal-bniedem, b'mod partikolari fil-kuntest tat-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet tal-persuni fil-proċeduri penali. Dan il-kumitat ta' monitoraġġ ser jikkoopera mas-sezzjonijiet kollha tal-KESE kif ukoll mal-istituzzjonijiet l-oħra Ewropej u nazzjonali li huma kompetenti fil-qasam. Dan il-Kumitat EIDHR (3) ser jaħdem b'mod li jissorvelja u jivvaluta r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet tal-UE mal-Istati Membri tagħha kif ukoll ma' pajjiżi terzi.

1.6

Il-KESE jqis li, fil-proċedura tal-għażla preliminari tal-prosekutur Ewropew, il-grupp tal-esperti li jkun inkarigat li jagħti opinjoni konsultattiva lill-Kummissjoni għandu jinkludi rappreżentant minn kull wieħed minn dawn il-korpi: il-KESE stess, il-Kumitat tar-Reġjuni, l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Awdituri, u l-Kunsill tal-Kmamar tal-Avukati Ewropej (CCBE). Dan il-grupp konsultattiv ta' esperti jrid ikun magħmul minn tal-anqas 11-il membru.

1.7

Il-KESE jqis li fost il-prinċipji bażiċi li fuqhom huma bbażati l-attivitajiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandhom jiżdiedu dawk dwar il-legalità u s-subordinazzjoni ġerarkika, li mhumiex imsemmija b'mod espliċitu fir-regolament.

1.8

Il-KESE huwa tal-fehma li r-regolament għandu jistabbilixxi wkoll aktar salvagwardji dwar it-tħaddim tad-drittijiet u d-dmirijiet tal-prosekuturi Ewropej u r-responsabbiltà tagħhom f'każ ta' abbuż u ta' nuqqas professjonali gravi.

1.9

Il-KESE josserva li sakemm id-dispożizzjonijiet dwar l-ammissibbiltà ta' elementi ta' prova – li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ikun ġabar u ppreżenta fil-qrati – jiġu ammessi bla validazzjoni, dawn jistgħu joħolqu sitwazzjonijiet ta' inugwaljanza u ta' ksur tal-prinċipju tal-“parità tal-armi” . Peress li l-Artikolu 32(5) tar-Regolament jipprevedi li l-personi kkonċernati “ikollhom id-drittijiet proċedurali kollha disponibbli għalihom skont il-liġi nazzjonali applikabbli”, u li fosthom hemm il-proċeduri għall-ammissibbiltà tal-provi, huwa ċar li d-dispożizzjonijiet tar-regolament huma kontradittorji u li r-regolament jista' jwassal għal ksur tad-drittijiet tal-persuni akkużati fil-qafas tal-proċedura penali.

1.10

Il-ġbir u l-ipproċessar ta' data ta' natura personali għandhom jirrigwardaw biss lill-persuni li għalihom hemm bażi soda ta' suspett li wettqu xi reat kriminali li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni; fil-każ kuntrarju, dan jista' jikkostitwixxi ndħil serju u sproporzjonat fil-ħajja privata tagħhom.

1.11

Il-KESE jqis li t-twaqqif ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew huwa mod kif tingħata garanzija tal-ħarsien tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji li ċ-ċittadini Ewropej ifornu lill-baġit tal-Unjoni. Id-definizzjonijiet relatati mar-reati li jagħmlu ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni jridu jiġu fformulati u armonizzati b'mod omoġenju kemm fil-Proposta għal Regolament kif ukoll fil-Proposta għal Direttiva.

2.   Kuntest u informazzjoni ġenerali

2.1

Id-dibattiti dwar il-ħolqien ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew bdew 'il fuq minn għaxar snin ilu (4). F'Mejju tal-2011, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea permezz tal-liġi kriminali u l-investigazzjonijiet amministrattivi (5), li fiha fformulat proposti bil-għan li ttejjeb il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-UE.

2.2

Dawn l-aħħar tliet snin, l-għadd ta' każijiet ta' suspett ta' frodi kien jirrappreżenta medja ta' madwar EUR 500 miljun fis-sena, iżda skont l-istimi, il-valur totali reali tal-frodi huwa ħafna akbar. Hija biss parti żgħira ħafna mill-valur totali tal-frodi, inqas minn 10 %, li tiġi rkuprata mit-trasgressuri (6). Huwa stmat li fis-sena 2010, 46 % tan-notifiki ta' reati kontra l-interessi finanzjarji tal-UE (fil-livell tal-Istati Membri) kienu ġejjin mis-settur pubbliku, u 52 % mis-settur privat. Mil-lat tal-oqsma kkonċernati, l-informazzjoni dwar il-frodi tinqasam kif ġej: 17 % fl-agrikoltura, 1 % fis-sigaretti, 6 % fid-dwana, 11 % fl-infiq jew fix-xiri dirett, 27 % fl-istituzzjonijiet tal-UE, 19 % fl-għajnuna esterna u 19 % fil-fondi strutturali. B'mod ġenerali, jidher mir-rapporti tal-OLAF li din id-data tibqa' valida wkoll għas-snin 2011 u 2012. Dan l-approċċ jeħtieġ soluzzjonijiet u miżuri speċifiċi fil-livell tal-politika penali tal-Unjoni.

2.3

F'Lulju 2012, il-Kummissjoni adottat “Proposta għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali”. Dan it-test jipprevedi fost affarijiet oħra definizzjonijiet komuni għal reati kontra l-baġit tal-UE, l-armonizzazzjoni tas-sanzjonijiet minimi (fosthom ħabs għal każijiet gravi) u limitazzjoni statutorja komuni.

2.4

Tul l-2012, u fil-bidu tal-2013, id-diskussjonijiet u l-laqgħat dwar il-ħolqien ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew seħħew fil-livell tal-UE (7). Fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, f'Settembru2012, il-President Barroso saħaq fuq l-impenn li ħadet il-Kummissjoni li t-twaqqif ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew isir realtà.

2.5

Fis-17 ta' Lulju 2013, il-Kummissjoni nediet għadd ta' testi leġislattivi, magħmula minn diversi regolamenti bil-għan li jirriformaw l-istruttura tal-Eurojust, itejbu l-governanza tal-OLAF u jwaqqfu Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

2.6

Dan l-Uffiċċju tal- Prosekutur Pubbliku Ewropew ser ikollu l-għan prinċipali li jiġġieled ir-reati kontra l-interessi finanzjarji tal-UE. Dan ikollu r-responsabbiltà li jinvestiga dawn ir-reati kif ukoll li, f'każ ta' bżonn, iressaq il-prosekuzzjoni tal-persuni suspettati quddiem il-qrati kompetenti tal-Istati Membri tal-UE.

3.   Preżentazzjoni tal-Proposta għal Regolament dwar it-Twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ewropew

3.1

It-twaqqif ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Ewropew mhuwiex obbligu iżda possibbiltà. It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-Kunsill “jista' jistabbilixxi” Uffiċċju tal-Prosekutur Ewropew bi qbil unanimu, wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. Il-bażi ġuridika u r-regoli li jirrigwardaw il-ħolqien ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jinsabu fl-Artikolu 86 tat-TFUE, li jipprevedi li “Sabiex jiġġieled ir-reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-Kunsill, li jaġixxi permezz ta' regolament skont il-proċedura leġislattiva speċjali, jista' jistabbilixxi Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew mill-Eurojust.”

3.2

Skont l-Artikolu 86(4) tat-TFUE, il-Kunsill Ewropew jista' jestendi r-responsabbiltajiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew b'mod li jinkludi fih il-ġlieda kontra forom ta' kriminalità li huma partikolarment gravi u li għandhom dimensjoni transkonfinali.

3.3

Ir-regolament li jwassal għall-ħolqien tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fih dawn l-elementi: suġġett u definizzjonijiet; regoli ġenerali (status u organizzazjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, ħatra u tneħħija tal-membri, prinċipji); kompetenzi; regoli ta’ proċedura dwar l-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet u l-proċedimenti bi proċess; regoli dwar is-salvagwardji proċedurali; stħarriġ ġudizzjarju; protezzjoni tad-data; relazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew mal-istituzzjonijiet Ewropej, implikazzjoni baġitarja.

3.4

L-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti ta' proċedura li jagħmel l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew huwa fil-kompetenza tal-qrati nazzjonali.

3.5

B'konformità mat-Trattati tal-UE (8), id-Danimarka mhux ser tipparteċipa fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

3.6

Ir-Renju Unit u l-Irlanda jibbenefikaw minn klawsola ta' nonparteċipazzjoni fil-poltiki mwettqa fil-qasam tal-ġustizzja u tal-affarijiet interni, u b'hekk dawn iż-żewġ pajjiżi mhux ser jipparteċipaw f'dan l-Uffiċċju sakemm ma jiddeċidux li jipparteċipaw b'mod volontarju u espliċitu.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Suġġett, definizzjonijiet u kompetenzi

4.1.1

Jekk ir-regolament, fl-Artikolu 1 tiegħu, “iwaqqaf” l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, it-tħaddim u l-kapaċità operattiva tiegħu ser jiddependu għal kollox mill-mod li bih ser tiġi applikata tul iż-żmien id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (9), li tiddefinixxi r-reati u l-attivitajiet illegali li jagħmlu ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Il-ħolqien ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew huwa utli biex jassigura l-ħarsien tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji taċ-ċittadini Ewropej fil-baġit tal-UE.

4.1.2

Ir-reati li jagħmlu ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif jinsabu fid-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (10), huma li ġejjin:

i.

Il-frodi jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (Artikolu 3);

ii.

ir-reati kriminali relatati ma' frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (Artikolu 4): it-trażmissjoni jew iż-żamma ta' informazzjoni, il-ħasil tal-flus, il-wegħda jew l-għoti ta' vantaġġi lil uffiċjal Ewropew;

iii.

l-inċitazzjoni, il-kompliċità u t-tentattiv (Artikolu 5 tad-Direttiva jippreċiża li dawn ir-reati jridu jiġu kastigati, anke mingħajr definizzjoni).

4.1.3

Il-KESE jqis li hemm bżonn ta' definizzjoni ġuridika ta' dawn ir-reati b'mod ċar u espliċitu, biż-żieda ta' paragrafu li jispeċifika b'mod ċar liema reati għandhom jiġu iinvestigati mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Barra minn hekk, reati ta' importanza minuri (taħt ċertu livell ta' ħsara pereżempju EUR 10 000) għandhom jiġu esklużi mill-ġurisdizzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Huwa jqis li d-definizzjonijiet kollha li jinsabu fid-Direttiva għandhom jiġu raffinati u jkunu preżenti wkoll fir-regolament, inkluża dik ta' “uffiċjal pubbliku” (11), li tiġi estiża mis-settur pubbliku għas-settur privat. Id-definizzjonijiet kollha tal-Proposta għal Regolament kif ukoll tal-Proposta għal Direttiva għandhom ikunu spjegati b'mod ċar, iddettaljati, armonizzati u unifikati.

4.1.4

Il-KESE jqis li biex is-suġġett, id-definizzjonijiet u l-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jiġu stabbiliti b'mod ċar, soluzzjoni oħra tista' tkun li xi artikoli li jiddefinixxu l-ambitu ta' azzjoni tiegħu (12), jiġu modifikati billi jirreferu għal anness li jsegwi l-mudell tar-regolament dwar l-Eurojust u (13) li jista' jiġi kkompletat u armonizzat mill-Proposta għal Direttiva.

4.1.5

Jeħtieġ li l-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew tkun ċara u inkontestabbli. Għalkemm il-kjarfika tar-reati li huma fil-kompetenza materjali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew issir b'referenza għal-liġi nazzjonali li timplimenta dik tal-UE (Direttiva 2013/xx/UE), ċerti kundizzjonijiet li jirregolaw l-eżistenza ta' dawn ir-reati stabbiliti mir-regolament, pereżempju, li għandhom dimensjoni transkonfinali, li jaffettwaw l-interessi tal-UE jew jirrigwardaw uffiċjali tal-UE, jistgħu jiggarantixxu politika penali koerenti, li fiha t-tipi kollha ta' reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu ttrattati bl-istess mod.

4.1.6

Fl-istess ħin, ir-regolament m'għandux jestendi r-responsabbiltà tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għar-reati li jiġu investigati minn prosekuturi nazzjonali. Bl-istess mod għandhom jiġu elenkati l-kriterji li jippermettu li jiġi deċiż min għandu l-preponderanza (prevalenza) f'każ li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ikollu kompetenza anċillari: inkella tista' tinħoloq sitwazzjoni ta' interpretazzjonijiet u prattiki ġuridiċi differenti fi Stati Membri differenti.

4.1.7

F'każ ta' investigazzjoni transkonfinali, wieħed jista' jsib sitwazzjonijiet li fihom ċerti Stati Membri ma jikkooperawx mas-sistema ta' investigazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Ir-relazzjonijiet bejn il-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-Prosekuturi Delegati Ewropej tippermetti li jiġi evitat li l-istess investigazzjoni kriminali tinfetaħ f'diversi Stati Membri. Huwa possibbli li tiġi stabbilita regola sempliċi dwar il-ġurisdizzjoni li ġiet vestita l-ewwel, b'mod li l-investigazzjonijiet kriminali jinfetħu fl-Istat Membru li fih l-awtoritajiet ġudizzjarji ġew vestiti l-ewwel bil-każ inkwistjoni.

4.2   Regoli dwar il-ħolqien tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

4.2.1

għalkemm l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jiġi nominat mill-Kunsill bl-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, jibqa' l-fatt li l-Kummissjoni taqdi rwol importanti fl-għażla inizjali tal-kandidati, peress li “tippreżenta lista qasira” u tfittex l-opinjoni “ta' panel stabbilit minnha” (14). Rigward il-proċedura tal-għażla tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, il-KESE jirrakkomanda li, fil-fażi ta' konsultazzjoni, il-Kummissjoni żżid id-daqs tal-grupp ta' esperti minn seba' membri għal ħdax-il membru; tispeċifika n-numru ta' dawk li ser jintgħażlu rispettivament mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-ogħla qrati supremi nazzjonali, is-servizzi tal-prosekuzzjoni pubblika nazzjonali, jew minn fost l-iktar avukati kwalifikati u ta' esperjenza, u li, f'dan il-panel konsultatttiv, tinkludi rappreżentant minn kull wieħed minn dawn il-korpi: il-KESE stesss, il-Kumitat tar-Reġjuni, l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Awdituri u l-Kunsill tal-Kmamar tal-Avukati Ewropej (CCBE).

4.2.2

Il-KESE jqis li jkun legalment għaqli li jitpoġġew ukoll salvagwardji speċifiċi għall-maġistrati biex tiġi assigurata l-indipendenza, il-ġustizzja u l-imparzjalità tagħhom, iżda wkoll biex huma jiġu garantiti l-ħarsien u l-istabbiltà. F'dan ir-rigward, il-KESE jinnota li l-permanenza tal-prosekuturi hija assolutament meħtieġa, fuq kollox meta jkun hemm ilmenti kontra tagħhom.

4.2.3

It-tkeċċija tal-Prosekutur Ewropew jew id-deputati tiegħu ssir, fuq talba tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni Ewropea, mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha r-responsabbiltà dwar id-danni kkawżati liċ-ċittadini minn azzjonijiet tal-Prosekuturi Delegati Ewropej, tal-Prosekutur Ewropew jew tad-deputati tagħhom. Il-Qorti tanalizza u tittratta l-ilmenti dwar dawn id-danni. Il-KESE jqis li hemm bżonn li f'każ ta' diżgwid dwar il-kumpens tad-danni, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tikkomunika d-deċiżjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

4.2.4

Mal-prinċipji bażiċi li jirregolaw l-attivitajiet tal-Uffiċċju tal-Prosektur Pubbliku Ewropew għandhom jiżdiedu wkoll il-prinċipji tal-legalità u tas-subordinazzjoni ġerarkika, li r-regolament ma jirreferix għalihom b'mod espliċitu. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu jkun jista' wkoll jiddeċiedi ex officio. Is-sistema Ewropea ta' investigazzjoni kriminali ssir aktar koerenti u omoġenea jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ikun jista' jagħti orjentazzjonijiet u istruzzjonijiet vinkolanti lill-OLAF.

4.2.5

Permezz ta' deċiżjonijiet ta' tħaddim intern, għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi effikaċi ta' komunikazzjoni li jiggarantixxu li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, mal-prosekutur tiegħu, u d-deputati u l-persunal tiegħu jkunu ħielsa minn kull influwenza esterna.

4.2.6

It-test jistabbilixxi distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta' reati: dawk tal-ewwel huma direttament ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (Artikolu 12) filwaqt li it-tieni (Artikolu 13) jitqiesu li għandhom rabtiet ma' dawk tal-ewwel kategorija stess (fatti konnessi). Il-KESE jqis li sakemm ma jkunx hemm għadd ta' definizzjonijiet ċari dwar ir-reati proprji u dawk li huma bbażati fuq fatti identiċi, ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew m'għandix testendi wkoll għal dawk li nfetħet investigazzjoni kriminali dwarhom mill-prosekuturi nazzjonali (reati marbutin mill-qrib ma' dawk li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE). L-uniċi kriterji li jorbtuhom ma' din il-kategorija fir-Regolament huma espressjonijiet ta' reati “preponderanti” (15) u reati li “jkunu bbażati fuq fatti identiċi”, li, fl-assenza ta' definizzjonijiet ċari għar-reati, jagħtu lir-Regolamentazzjoni natura imprevedibbli: mil-liema lat ir-reati mmirati huma preponderanti? dak tal-persuni implikati, tal-artikoli tal-liġijiet miksura? dak tal-impatt finanzjarju? eċċ.

4.3   Regoli ta’ proċedura dwar l-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet u l-proċedimenti bi proċess

4.3.1

Il-miżuri investigattivi previsti mir-Regolament, li jistabbilixxi liema tipi ta' miżuri ta' investigazzjoni individwali jistgħu jiġu użati mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u taħt liema kundizzjonijiet, għandhom jiġu applikati biss għar-reati li jidħlu fl-isfera tal-kompetenza materjali tiegħu. It-tipi differenti ta' deċiżjonijiet li jista' jadotta fil-bidu tal-investigazzjoni għandhom jiġu armonizzati fil-livell tal-UE u, b'mod partikolari, ċerti proċeduri konkreti, fosthom dawk li jirrigwardaw it-tpoġġija taħt akkuża jew it-twarrib ta' każijiet.

4.3.2

Jekk il-provi miġburin mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u mressqa minnu quddiem qrati tal-ġurijiet jintlaqgħu mingħajr validazzjoni jistgħu jinħolqu sitwazzjonijiet ta' inugwaljanza u ta' ksur tal-prinċipju tal-“parità tal-armi” kontra d-difiża. Sakemm l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jgawdi mill-kollaborazzjoni istituzzjonali tal-istrutturi, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-Unjoni, kif ukoll tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, la l-akkużat u lanqas id-difiża ma jista' jkollhom riżorsi simili biex jippruvaw l-assenza ta' ħtija u l-prinċipju tal-“parità tal-armi” jinkiser.

4.3.3

Il-possibbiltà li tiġi konkluża tranżazzjoni fl-interess tal-amministrazzjoni t-tajba tal-ġustizzja tista' ma tkunx kompatibbli ma' ċerti sistemi nazzjonali u m'għandhiex titneħħa mill-istħarriġ ġudizzjarju. Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tiddefinixxi fir-Regolament is-sens li għandu jingħata lit-terminu “tranżazzjoni”, kif ukoll li tippreċiża l-kundizzjonijit tal-applikazzjoni tagħha, b'mod partikolari fil-każ ta' fatti li għalihom tingħata kompetenza anċillari lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

4.3.4

Is-salvagwardji proċedurali li, skont l-istandards applikabbli, partikolarment il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jingħataw lill-persuni suspettati u lill-persuni l-oħra kkonċernati mill-proċeduri tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jistgħu jistabbilixxu b'mod awtonomu ċerti drittijiet (dritt taż-żamma tas-silenzju, dritt għall-assistenza legali) li għadhom ma ġewx irregolati fil-leġislazzjoni tal-UE. Dawn id-drittijiet għandhom japplikaw ukoll għax-xhieda u mhux biss għall-persuni suspettati.

4.4   Stħarriġ ġudizzjarju

4.4.1

Meta jadotta miżuri proċedurali fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jitqies bħala awtorità nazzjonali għall-finijiet tal-istħarriġ ġudizzjarju. Fil-fehma tal-KESE, għandu jkun possibbli li jsir stħarriġ ġuridiku tal-atti interni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fil-livell tal-UE.

4.4.2

Ir-regoli ta' proċedura interni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (regoli interni tat-tħaddim) ma jistgħux jirrigwardaw biss l-attribuzzjoni tal-kawijiet iżda għandhom iħaddnu anke aspetti oħra ta' importanza kbira, bħall-ġerarkija, l-istruttura, l-imġiba, il-kompiti speċifiċi, eċċ. Minkejja li dawn ir-regoli interni m'għandhomx saħħa eżekuttiva u għandhom biss valur interistituzzjonali, huma jistgħu, għal raġunijiet ta' sigurtà ġuridika, jitqiesu bħala li joħolqu l-liġi u, għaldaqstant, għandhom ikunu jistgħu jiġu kwotati miċ-ċittadini Ewropej fil-mira ta' investigazzjoni kriminali. Din l-għażla hija konformi wkoll mal-Artikolu 86(3) tat-Trattat, li jipprevedi li l-leġislatur tal-Unjoni għandu jiddetermina r-regoli applikabbli għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-miżuri proċedurali meħuda mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu.

4.5   Protezzjoni tad-data personali

4.5.1

Fil-kuntest speċifiku tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, ir-regolamentazzjoni tas-sistema ta' ħarsien tad-data tippreċiża u tikkompleta l-liġijiet tal-UE dwar l-ipproċessar tad-data personali mill-korpi tal-UE (16). Din id-data ma tistax tiġi trażmessa għal pajjiż terz ħlief meta jkun hemm ftehim f'dan ir-rigward. It-trasferiment ta' data personali lil pajjiżi terzi jista' jseħħ biss jekk dan ikun assolutament neċessarju għal prosekuzzjoni ta' reat speċifiku u jekk il-pajjiż terz, permezz ta' ftehim, jiżgura u jikkonforma mal-istess livell ta' protezzjoni tad-data bħall-UE. Is-superviżjoni tal-ipproċessar li trid issir lil din id-data fil-qafas tal-attivitajiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew trid tiġi fdata kemm lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) kif ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

4.5.2

L-ipproċessar tad-data ta' natura personali m'għandux jirrigwarda ħlief lil persuni li fil-każ tagħhom hemm bażi soda ta' suspett li wettqu xi att kriminali li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni; fil-każ kuntrarju, dan jista' jikkostitwixxi ndħil serju u sproporzjonat fil-ħajja privata tal-persuni u ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

4.5.3

Il-KESE jqis li l-ġbir ta' ċerta data, bħal dik elenkata fl-Artikolu 37(4) jista' jsir biss jekk jissodisfa ħtieġa assoluta u jkun hemm rabta qawwija u konsiderevoli ta' kawżalità mal-fatti li qed jiġu investigati. Il-ġbir ta' ċerti elementi supplementari ta' natura personali, kif speċifikat f'dan l-Artikolu 37(4), għandu jiġi ġustifikat minħabba li huwa assolutament meħtieġ għall-investigazzjoni u jikkonforma mal-Karta Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u regoli aktar eżiġenti dwar il-protezzjoni tad-data tal-Istati Membri.

4.5.4

Il-KESE jqis li din id-data personali trid titneħħa mid-dokumentazzjoni u mir-reġistri jekk ma tkunx assolutament meħtieġa, kif ukoll fil-każijiet kollha li fihom il-persuni kkonċernati ma jkunux taħt akkuża.

Brussell, 11 ta' Diċembru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Ara l-Artikolu 2b, u l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 12 tad-dokument COM(2013) 534 final, kif ukoll l-ispjegazzjonijiet li hemm fil-punt 4.1 ta' din l-opinjoni: “Suġġet, definizzjonijiet u kompetenzi”.

(2)  COM(2013) 535 final, Artikolu 3(1): “Il-kompetenza tal-Eurojust għandha tkopri l-forom ta’ reati elenkati fl-Anness 1.”

(3)  Dan il-Kumitat ser ikun fi ħdan is-Sezzjoni Speċjalizzata REX. Is-Sezzjoni Speċjalizzata SOC għandha wkoll, fost il-kompetenzi tagħha ċ-ċittadinanza attiva u d-difiża tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

(4)  Green Paper dwar il-protezzjoni penali tal-interessi finanzjarji tal-Komunità u l-ħolqien ta' prokuratur Ewropew, COM(2011) 715 final, 11 ta' Diċembru 2001 (il-verżjoni Maltija mhux disponibbli).

(5)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0293:FIN:MT:PDF.

(6)  Sommarju eżekuttiv tal-valutazzjoni tal-impatt SWD(2013) 275 final, p. 2, punt 2.2.

(7)  COM(2013) 534 final, p. 3 u 4.

(8)  Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) tat-TFUE.

(9)  Fl-Artikolu 2(b) tar-regolament hemm referenza għad-“Direttiva 2013/xx/UE”.

(10)  Fir-regolament COM(2013) 534 final, jiġi preċiżat li hija wkoll id-“Direttiva 2013/xx/UE”.

(11)  COM(2012) 363 final, Artikolu 4(5).

(12)  Ara l-Artikolu 1(b), l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 12 tad-Dokument COM(2013) 53 final.

(13)  COM(2013) 535 final, Artikolu 3(1): “Il-kompetenza tal-Eurojust għandha tkopri l-forom ta’ reati elenkati fl-Anness 1.”

(14)  COM(2013) 534 final, Artikolu 8(3).

(15)  COM(2013) 534 final, Artikolu 13(1) “Kompetenza anċillari”.

(16)  B'mod partikolari, ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data.


Top