Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE3516

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi għal skop ta’ riċerka, studju, skambju ta' studenti, taħriġ bi ħlas u bla ħlas, servizz volontarju u au pairing” COM(2013) 151 final — 2013/0081(COD)

    ĠU C 341, 21.11.2013, p. 50–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.11.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 341/50


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi għal skop ta’ riċerka, studju, skambju ta' studenti, taħriġ bi ħlas u bla ħlas, servizz volontarju u au pairing”

    COM(2013) 151 final — 2013/0081(COD)

    2013/C 341/12

    Relatur: is-Sur PÎRVULESCU

    Nhar is-26 ta' April 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal skop ta’ riċerka, studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bi ħlas u bla ħlas, servizz volontarju u au pairing

    COM(2013) 151 final – 2013/0081(COD).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-5 ta' Settembru 2013.

    Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta' Settembru 2013 (seduta tat-18 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’126 vot favur, 2 voti kontra u astensjoni waħda (1).

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea u jemmen li jeħtieġ li ż-żewġ direttivi kkonċernati jiġu formulati mill-ġdid bil-għan li jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi u ekonomiċi.

    1.2

    L-UE teħtieġ minnufih politika ta' migrazzjoni intelliġenti u soda jekk trid li tilħaq l-għanijiet stabbiliti mill-Istrateġija Ewropa 2020 u inizjattivi ewlenin oħra. Jekk l-UE tixtieq tibqa' ċentru tal-innovazzjoni u ċentru industrijali b'saħħtu, jeħtieġ li tiġbed lejha t-talent u tiżgura "ċirkolazzjoni tal-imħuħ" tajba.

    1.3

    Il-Kumitat huwa tal-fehma li politika għall-promozzjoni tal-migrazzjoni u l-mobbiltà għandha tkun ankrata fis-sod fis-sistema tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Jeħtieġ li l-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiġu applikati fil-livelli kollha.

    1.4

    Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali biex jivvalutaw il-vulnerabbiltà taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u biex jipproponu miżuri attivi lill-Istati Membri bil-għan li tinstab soluzzjoni għal dan. Il-każijiet ta' diskriminazzjoni għandhom jiġu miġġielda b'determinazzjoni fil-livelli kollha.

    1.5

    Il-Kumitat jappoġġja bil-qawwa lill-Kummissjoni Ewropea fl-isforzi tagħha biex tiżviluppa sħubijiet bilaterali għall-mobbiltà b'mod li joffru qafas għall-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi li mhumiex imsieħba fl-UE, b'mod partikolari dawk fil-viċinat tagħha.

    1.6

    Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jikkunsidraw id-dimensjoni tal-ġeneru u jħejju programmi maħsuba biex jinkoraġġixxu parteċipazzjoni ikbar min-naħa tan-nisa.

    1.7

    Jeħtieġ li jiġu vvalutati bir-reqqa l-ostakli, hi x'inhi n-natura tagħhom, li jxekklu l-proċeduri għall-għoti tal-viża, u li jiġu ddeterminati miżuri bil-għan li dawn jitneħħew. Il-proċess għall-għoti tal-viża għandu jkun sempliċi, adegwat, aċċessibbli u nondiskriminatorju.

    1.8

    Il-Kumitat josserva kemm huwa importanti l-prinċipju li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jiġu ttrattati bl-istess mod li jiġu ttrattati ċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti f'dak li jirrigwarda l-aċċess għall-beni u għas-servizzi.

    1.9

    Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li tingħata protezzjoni simili lill-istudenti, ir-riċerkaturi, il-voluntiera u l-au pairs meta jkunu qed iwettqu xogħol bi ħlas jew ikunu attivi fis-suq tax-xogħol. Dan it-tip ta' xogħol bi ħlas ta' sikwit jostor relazzjonijiet tax-xogħol, u jeħtieġ li jiġu evitati abbużi li sitwazzjonijiet bħal dawn jistgħu jiġġeneraw billi jiġi żgurat trattament ugwali lill-kategoriji kollha. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-persuni li jagħmlu xogħol id-dar bħala au pairs, b'mod partikolari n-nisa.

    1.10

    Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon l-Artikolu 24, li jipprevedi li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkollhom id-dritt li jfittxu impjieg għal perjodu ta’ 12-il xahar wara li jtemmu r-riċerka jew l-istudji tagħhom. Madankollu, id-dispożizzjonijiet dwar it-trattament ugwali fid-Direttiva 2011/98 jinkludu derogi li jidhru li jmorru kontra l-għanijiet tal-proposta biex jiġu fformulati mill-ġdid iż-żewġ direttivi.

    1.11

    Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Komunikazzjoni tirrappreżenta fattur essenzjali biex jiġi żgurat li din il-politika tirnexxi. L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jikkomunikaw maċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u jiżguraw l-aċċess tagħhom għal informazzjoni ta' kwalità tajba.

    2.   Introduzzjoni

    2.1

    L-UE qed tiffaċċja sfidi strutturali kbar, kemm minn perspettiva demografika kif ukoll minn dik ekonomika. Il-popolazzjoni attiva qed tonqos u l-intrapriżi qed isibuha diffiċli jsibu persunal bil-ħiliet adatti.

    2.2

    L-UE tiddefinixxi l-qafas ġenerali tal-politika tagħha dwar il-migrazzjoni permezz tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità tagħha, li jiddetermina wkoll il-mod li bih l-Unjoni torganizza d-djalogu u l-kooperazzjoni tagħha mal-pajjiżi li ma jagħmlux parti mill-Istati Membri tagħha.

    2.3

    L-UE qed tiffaċċja wkoll sitwazzjoni urġenti f'dak li jikkonċerna l-innovazzjoni. Fost l-għanijiet tagħhom, l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattiva ewlenija tagħha "Unjoni tal-Innovazzjoni" insibu ż-żieda fl-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni li, skont stimi li saru, twassal għall-ħolqien ta' miljun impjieg ieħor fil-qasam tar-riċerka. L-immigrazzjoni mill-pajjiżi li ma jagħmlux parti mill-UE tista' tfisser għaliha persunal bi kwalifiki għoljin u talenti li kull wieħed mill-Istati Membri jista' u għandu jiġbed lejh.

    2.4

    L-Artikolu 79 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jinkariga lill-UE bil-kompitu li tiżviluppa politika komuni tal-immigrazzjoni, bil-għan li tiġi żgurata ġestjoni effettiva tal-flussi migratorji u trattament ugwali taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li għandhom residenza regolari fl-Istati Membri tagħha.

    2.5

    Id-Direttiva 2004/114/KE tistabbilixxi dispożizzjonijiet vinkolanti għall-ammissjoni ta' studenti minn pajjiżi terzi. L-applikazzjoni tagħha għal studenti, voluntiera u persuni li jitħarrġu mingħajr ħlas titħalla fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri. Id-Direttiva 2005/71/KE tipprevedi proċedura rapida għall-ammissjoni ta' riċerkaturi minn pajjiżi terzi li jkunu ffirmaw ftehim ta' akkoljenza ma' korp ta' riċerka rikonoxxut mill-Istat Membru kkonċernat.

    2.6

    Rigward l-implimentazzjoni ta' dawn iż-żewġ direttivi, fl-2011, il-Kummissjoni ressqet quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rapporti li wrew li kien fihom sensiela ta' lakuni.

    2.7

    Il-problema prinċipali ta' dawn iż-żewġ direttivi tittratta l-permessi ta' dħul u residenza fl-UE min-naħa taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi (viżi għal permanenza fit-tul, permessi ta' residenza). Id-dispożizzjonijiet legali f'dan il-qasam huma sikwit kumplessi u ftit li xejn ċari, filwaqt li l-proċeduri jdumu wisq u mhux dejjem jiġu applikati b'mod ġust jew koerenti. Ir-regoli attwali dwar l-immigrazzjoni ma jappoġġjawx biżżejjed il-programmi tal-Unjoni li jipprevedu miżuri ta' mobbiltà, bħall-Erasmus Mundus jew Marie Curie.

    2.8

    Rigward is-suq tax-xogħol, il-gradwati ta' pajjiżi terzi, ladarba jtemmu l-istudji tagħhom, ma jkollhomx biżżejjed opportunitajiet ta' impjieg, u dan jgħodd ukoll għar-riċerkaturi li jkunu lestew il-proġetti ta' riċerka tagħhom. F'ċerti każijiet, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi ma jistgħux jiġu impjegati mill-universitajiet għax huma kkunsidrati bħala parti integrali mis-settur pubbliku. Għandha tingħata prijorità lill-ħidma biex jitħeġġeġ l-aċċess tan-nisa għall-professjonijiet xjentifiċi, billi jitneħħew il-forom kollha ta' diskriminazzjoni, diretta jew indiretta, u ostakli oħra li jxekkluhom milli jkollhom aċċess għal karigi bi kwalifiki għoljin fil-qasam tax-xjenza.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1

    Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea u jemmen li jeħtieġ li ż-żewġ direttivi kkonċernati jiġu fformulati mill-ġdid.

    3.2

    Għall-Unjoni Ewropea, il-ftuħ lejn id-dinja esterna jibqa' prijorità, minkejja li huwa diffiċli li dan l-għan jintlaħaq fil-prattika fil-kundizzjonijiet attwali. L-UE għandha tiffaċilita l-mobbiltà u tuża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiffaċilita l-aċċess taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-edukazzjoni u r-riċerka, u għas-suq tax-xogħol.

    3.3

    L-Unjoni Ewropea għandha bżonn approċċ ġdid għall-migrazzjoni ekonomika, li jagħmilha possibbli li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jiksbu għarfien u ħiliet. Il-kooperazzjoni ma' dawn l-Istati għandha tinkoraġġixxi ċ-"ċirkolazzjoni tal-imħuħ", li tibbenefika kemm lill-pajjiżi li jibbenefikaw minnha kif ukoll dawk li jipprovduha.

    3.4

    F'Ottubru 2010, il-Kummissjoni Ewropea adottat inizjattiva li tipproponi firxa ta' azzjonijiet u politiki ambizzjużi u meħtieġa biex l-Unjoni Ewropea tinbidel f'"Unjoni tal-Innovazzjoni". Għal dan il-għan, l-UE għandha tiffaċilita r-regoli dwar id-dħul u r-residenza taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi.

    3.5

    Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jistgħu jagħtu spinta lid-dinamiżmu u d-diversità fl-attivitajiet edukattivi, xjentifiċi, kulturali u ekonomiċi fl-Ewropa. Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-iffaċilitar tal-mobbiltà taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jikkostitwixxi waħda mit-tweġibiet għall-isfidi fil-qasam tad-demografija u ta' żvilupp ekonomiku tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, huwa tal-fehma li din il-politika għandha tkun ankrata fis-sod fis-sistema tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

    3.6

    Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn favur it-twaħħid u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri involuti fl-aċċess għat-territorju tal-Unjoni Ewropea. Il-kundizzjonijiet ekonomiċi u politiċi applikati attwalment jistgħu jwasslu għal sitwazzjoni ta' frammentazzjoni f'dak li jirrigwarda s-sistemi, il-politiki u l-leġislazzjonijiet f'livell nazzjonali li jolqtu liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi.

    3.7

    Ir-rwol tal-Unjoni Ewropea jikkonsisti fiċ-ċentralizzazzjoni tad-dibattiti, it-tiftix ta' soluzzjonijiet komuni, it-tħeġġiġ ta' prattiki tajbin u l-appoġġ għall-isforzi tal-Istati Membri tagħha, il-pajjiżi terzi u ċ-ċittadini tagħhom.

    3.8

    Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon ukoll il-fatt li kien hemm kjarifika tal-kategoriji ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn aċċess faċilitat għat-territorju tal-Unjoni. Din l-inizjattiva tagħmel l-affarijiet iżjed ċari u prevedibbli, kemm għall-Istati Membri kif ukoll għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi. Għalkemm il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni u r-residenza huma differenti, il-fatt li kollha huma inklużi fid-direttiva l-ġdida jikkontribwixxi għall-promozzjoni ta' dimensjonijiet trasversali essenzjali, bħar-rispett tad-drittijiet fundamentali.

    3.9

    Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għandhom kemm drittijiet kif ukoll obbligi, u jeħtieġ li jkunu jafuhom u jeżerċitawhom.

    3.10

    Il-Kumitat japprezza l-isforz biex l-aċċess taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jintrabat b'mod iżjed effettiv mal-oqsma prinċipali ta' politika rigward il-migrazzjoni, l-edukazzjoni u r-riċerka, b'mod partikolari b'relazzjoni għal programmi rikonoxxuti bħall-Erasmus Mundus jew Marie Curie.

    3.11

    Il-Kumitat josserva wkoll b'sodisfazzjon l-enfasi li ngħatat lid-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta' pajiżi terzi. Madankollu, jinħtieġ tingħata attenzjoni ikbar lill-miżuri attivi li jiggarantixxulhom trattament ġust. Fil-prattika, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi ta' spiss isibu ruħhom f'sitwazzjoni ta' vulnerabbiltà, b'mod partikolari l-istudenti u l-persuni impjegati bħala au pairs. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali biex jivvalutaw il-vulnerabbiltà taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u jipproponu lill-Istati Membri miżuri attivi biex jiġu eliminati.

    3.12

    Il-Kumitat jinsab imħasseb dwar it-tixrid ta' attitudnijiet razzisti u ksenefobi fil-konfront taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi. Jeżisti l-periklu li l-iffaċilitar tal-mobbiltà ta' dawn iċ-ċittadini mingħajr il-qerda ta' dawn l-attitudnijiet jikkomprometti l-għanijiet politiċi kollha.

    3.13

    Il-Kumitat josserva li l-proposta tħaddan dispożizzjonijiet konkreti li jiffaċilitaw l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi fiż-żoni Ewropej tar-riċerka u l-edukazzjoni, kif ukoll dwar is-suq tax-xogħol.

    3.14

    Għandu jitħeġġeġ l-aċċess taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għal forom ta' impjieg li jlaqqgħu x-xogħol mal-edukazzjoni u t-taħriġ. Huwa importanti li jissaħħaħ il-prinċipju tat-trattament ugwali f'dak li jikkonċerna r-reklutaġġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' persuni rregolati mid-direttivi inkwistjoni.

    3.15

    Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jikkunsidraw id-dimensjoni tal-ġeneru u jħejju programmi maħsuba biex jinkoraġġixxu parteċipazzjoni ikbar min-naħa tan-nisa. Jeħtieġ li tingħata prijorità lil dan il-għan f'dak li jikkonċerna l-mobbiltà tal-istudenti u, b'mod iżjed partikolari, tar-riċerkaturi.

    3.16

    Il-Kumitat jixtieq iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet Ewropej jiżviluppaw firxa usa' ta' interazzjonijiet potenzjali, inklużi dawk li jikkonċernaw ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-impjieg. L-Ewropea hija żona li fi ħdanha l-produzzjoni artistika u l-industriji kreattivi jikkostitwixxu xprun għall-integrazzjoni, il-progress soċjali u l-iżvilupp ekonomiku.

    3.17

    Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew isaħħu l-protezzjoni mogħtija fil-post tax-xogħol, anke meta jipparteċipaw fis-suq tal-impjieg, għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi ammessi għall-finijiet ta' studju, riċerka jew xogħol ta' au pairing. B'mod partikolari huwa tal-fehma li d-derogi għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/98 dwar it-trattament ugwali għandhom jitneħħew f'dak li jikkonċerna l-istudenti, ir-riċerkaturi u l-au pairs.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1

    Fil-fehma tal-Kumitat, huwa għaqli li jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni globali tad-direttiva, b'mod li tkopri dawk li jitħarrġu bi ħlas u l-au pairs.

    4.2

    Il-Kumitat jemmen li fil-prattika għad fadal bosta ostakli proċedurali u istituzzjonali li jxekklu l-mobbiltà. Dawn jikkonċernaw l-iżjed il-proċeduri għall-għoti tal-viża li huma twal u imprevedibbli, u anke arbitrarji. Jirrappreżentaw spejjeż għoljin ħafna, kważi projbittivi, għall-applikanti. Il-possibbiltajiet ta' aċċess għall-ambaxxati jew l-uffiċċji konsulari huma ta' spiss limitati. Jeħtieġ li jiġu vvalutati bir-reqqa dawn l-ostakli, hi x'inhi n-natura tagħhom, u li jiġu ddeterminati miżuri li jagħmluha possibbli li dawn jitneħħew. Il-proċess għall-għoti tal-viża għandu jkun sempliċi, adegwat, aċċessibbli u nondiskriminatorju.

    4.3

    Is-settur privat jaqdi rwol b'saħħtu importanti fit-tilħiq tal-għanijiet marbutin mal-finanzjament u l-iżvilupp tar-riċerka. Jeħtieġ li l-intrapriżi jitħeġġu jadottaw approċċ proattiv biex jattiraw ir-riċerkaturi. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jiżviluppaw miżuri speċifiċi, bil-kooperazzjoni tal-istituzzjonijiet u l-intrapriżi privati, li jagħmluha possibbli li jitneħħew l-ostakli konkreti li jxekklu l-proċess ta' integrazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi. Pereżempju, il-proċedura għall-ftuħ ta' kont bankarju tista' tkun twila u kumplessa.

    4.4

    Il-Kumitat josserva li, għall-persuni li jiddedikaw ruħhom għall-volontarjat, l-għoti tal-viża jinvolvi diffikultajiet proċedurali. Din hija attività partikolari li la tikkostitwixxi xogħol u lanqas studji iżda, sa ċertu punt, hija marbuta magħhom it-tnejn. Il-volontarjat għandu jiġi rikonoxxut formalment bħala attività li tiġġustifika l-għoti ta' viża.

    4.5

    F'dan il-kuntest, il-KESE huwa tal-fehma li jkun tajjeb li s-setgħat pubbliċi lokali u reġjonali jiġu involuti fil-ħidma f'dan il-qasam.

    4.6

    Barra minn hekk, il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon id-dispożizzjoni li tipprevedi li l-Istati Membri jipprovdu kundizzjonijiet aħjar għall-persuni li għalihom tapplika l-Proposta għal Direttiva, peress li tista' tagħmilha possibbli li dawn il-pajjiżi jiżviluppaw politiki speċifiċi biex jattiraw ċittadini ta' pajjiżi terzi lejn it-territorju tagħhom. Anke jekk il-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva ma jinbidilx, il-politiki tal-Istati Membri ma għandhomx iwasslu għal diskriminazzjoni fil-konfront ta' ċerti kategoriji ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew ċittadini speċifiċi.

    4.7

    Fil-qafas ta' din il-politika, il-Kumitat jappoġġja l-iżvilupp ta' sħubijiet għall-mobbiltà u jisħaq fuq il-bżonn li tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi terzi sabiex tiġi żgurata "ċirkolazzjoni tal-imħuħ" effettiva. L-iżvilupp tal-edukazzjoni u r-riċerka fl-UE ma għandux iċaħħad lill-pajjiżi terzi mill-ħiliet taċ-ċittadini tagħhom. Il-proposta tal-Kummissjoni ma turix biċ-ċar liema huma l-azzjonijiet konkreti f'dan ir-rigward.

    4.8

    Rigward is-sitwazzjoni tal-istudenti u tal-kategorija ġdida li għada kif inħolqot ta' persuni li jitħarrġu bi ħlas, il-Kumitat jaqbel mal-proposta li jitħallew ikunu residenti fi Stat Membru ieħor għal perjodi bejn tliet u sitt xhur bil-kundizzjoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ġenerali previsti fid-direttiva inkwistjoni.

    4.9

    Il-Kumitat jaqbel mal-iffaċilitar tal-aċċess tal-istudenti għas-suq tax-xogħol, taħt il-kundizzjonijiet previsti fid-direttiva, li tagħmilha possibbli li jaħdmu tal-inqas 20 siegħa fil-ġimgħa. Huwa f'idejn kull Stat Membru, fil-qafas tad-djalogu soċjali mal-imsieħba soċjali, li jistabbilixxi n-numru massimu ta' sigħat ta' xogħol awtorizzati kull ġimgħa jew ġranet jew xhur ta' xogħol awtorizzati fis-sena, li ma għandux ikun inqas minn 20 siegħa fil-ġimgħa jew l-ekwivalenti ta' dan fi ġranet jew xhur fis-sena. Fid-dawl tal-fatt li l-għan prijoritarju tagħhom jibqa' dak li jtemmu l-istudji tagħhom, il-perjodu ta' attività awtorizzat għandu jkun limitat għal livell li jagħmilha possibbli li jintlaħaq dan l-għan. Jeħtieġ li tingħata prova regolari tal-progress li jkun qed isir fl-istudji.

    4.10

    Il-Kumitat josserva kemm huwa importanti l-prinċipju li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jiġu ttrattati bl-istess mod li jiġu ttrattati ċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti f'dak li jirrigwarda l-aċċess għall-beni u għas-servizzi.

    4.11

    Fl-Opinjoni li l-Kumitat adotta fl-2006 dwar il-Green Paper dwar il-migrazzjoni ekonomika (1), u dik dwar il-liċenzja unika li adotta fl-2008 (2), huwa rrakkomanda li l-migranti legali jingħataw id-dritt għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, apparti d-dritt għal trattament ugwali fil-post tax-xogħol, fost affarijiet oħra, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-pagi u s-sensja, is-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol u l-libertà ta' assoċjazzjoni.

    4.12

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-prattika, id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jiġu rispettati tassew.

    4.13

    Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Komunikazzjoni tirrappreżenta fattur essenzjali biex jiġi żgurat li din il-politika tirnexxi. L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jikkomunikaw maċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u jiżguraw l-aċċess tagħhom għal informazzjoni ta' kwalità tajba.

    4.14

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ser ikompli jaġixxi kif għamel minn dejjem bħala pont bejn is-soċjetà ċivili organizzata u l-istituzzjonijiet Ewropej u beħsiebu jissokta bil-promozzjoni tal-prattiki tajbin fil-qasam tal-immigrazzjoni u l-integrazzjoni.

    Brussell, 18 ta’ Settembru 2013

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  ĠU C 286, 7.11.2005, p. 20 (mhux disponibbli bil-Malti)

    (2)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 114


    Top