Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE1579

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ” COM(2011) 933 final

    ĠU C 299, 4.10.2012, p. 97–102 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.10.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 299/97


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ”

    COM(2011) 933 final

    2012/C 299/18

    Relatur: is-Sur JASIŃSKI

    Nhar l-20 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ

    COM(2011) 933 final.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Ġunju 2012.

    Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tat-12 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'212-il vot favur, 1 (wieħed) vot kontra u 2 astensjonijiet.

    1.   Sintesi tar-rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-KESE jenfasizza kemm hija utli l-“Inizjattiva tal-Kummissjoni għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ”, li mhux biss tiġbed l-attenzjoni għall-problema attwali iżda tenfasizza wkoll l-għanijiet tal-inizjattiva “Żgħażagħ Attivi”. Il-KESE jinsab lest li jiġi involut fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva billi jikkoopera mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll permezz ta’ attivitajiet konġunti mal-partijiet interessati biex jippromoviha.

    1.2   Il-KESE jinnota li l-politika ta’ awsterità tal-UE u n-nuqqas ta’ politika ċara – u rikonoxxuta globalment – ta’ tkabbir jistgħu jheddu s-suċċess tal-“Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ”. Din l-inizjattiva importanti tista’ tfisser sors ta’ opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ, iżda jekk titqies waħidha – barra mill-kuntest ekonomiku ġenerali – mhi ser tipprovdi lanqas impjieg wieħed ġdid. Għaldaqstant, biex niżguraw implimentazzjoni adatta ta’ din l-inizjattiva, huwa kruċjali li noħolqu ambjent ekonomiku u finanzjarju adatt.

    1.3   Il-KESE jagħraf li hemm bżonn li titkompla l-azzjoni għall-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola. Huwa importanti li jinżammu jew, fejn possibbli, jiżdiedu r-riżorsi disponibbli għall-Istati Membri għall-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola.

    1.4   Meta jitqiesu s-sitwazzjonijiet differenti tal-irġiel u n-nisa żgħażagħ, il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ konsulenza adatta dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-karriera, li tista’ jappoġġja liż-żgħażagħ fl-isforzi tagħhom biex jiksbu edukazzjoni, kwalifiki u ħiliet aħjar u biex jagħżlu l-iskejjel, inklużi ċ-ċentri ta’ edukazzjoni għolja jew taħriġ, li jistgħu jiżgurawlhom impjieg adatt.

    1.5   Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ ħiliet li huma rilevanti għas-suq tax-xogħol, permezz tal-kooperazzjoni attiva bejn is-suq tax-xogħol u l-istituzzjonijiet edukattivi. Il-KESE bi pjaċir jilqa’ l-appoġġ finanzjarju addizzjonali tal-Kummissjoni għall-programmi “L-ewwel impjieg tiegħek bil-EURES” u “Erasmus għall-Intraprendituri” u biex tingħata spinta lill-mobbiltà taż-żgħażagħ.

    1.6   Il-KESE jemmen li hija ħaġa adatta li tiġi appoġġjata l-ewwel esperjenza tax-xogħol u t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol. Jaqbel li l-apprentistati, l-esperjenzi qosra tax-xogħol f’intrapriża u l-esperjenzi ta’ taħriġ kif ukoll il-programmi tas-servizzi volontarji, huma mezz tajjeb biex iż-żgħażagħ jakkwistaw il-ħiliet u l-esperjenza tax-xogħol. Madankollu, dawn il-mezzi bl-ebda mod m’għandhom jitqiesu bħala sostitut għall-forom regolari tal-impjieg. F’dan is-sens għandna nenfasizzaw l-importanza tal-inizjattivi kollha li għandhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-esperjenzi ta’ taħriġ, l-esperjenzi qosra tax-xogħol u l-programmi tas-servizzi volontarji, bħall-“Karta Ewropea tal-Kwalità tal-Internships u l-Apprentistati” (“European Quality Charter on Internships and Apprenticeships”).

    1.7   Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ standards ta’ kwalità neċessarji għall-apprentistati, l-esperjenzi qosra tax-xogħol fl-intrapriżi u l-esperjenzi tat-taħriġ. F’dan is-sens, il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex fl-2012 tadotta qafas ta’ kwalità li jappoġġja l-provvista u l-użu ta’ esperjenzi ta’ taħriġ ta’ kwalità għolja.

    1.8   Il-KESE jenfasizza r-rwol li jista’ jaqdi l-involviment tal-imsieħba soċjali fil-proċess tal-iskambju tal-aħjar prattiki u fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tas-sistemi tal-esperjenza tax-xogħol.

    1.9   Il-KESE jemmen li hija ħaġa adatta li tiżdied l-allokazzjoni baġitarja tal-Kummissjoni għas-Servizz Volontarju Ewropew. Huwa jilqa’ wkoll it-twaqqif ta’ Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja. Madankollu, il-KESE jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ valutazzjoni xierqa tal-fażi pilota li għaddejja bħalissa u ta’ informazzjoni dwar jekk l-inizjattiva hux ser tkun ġenwinament volontarja.

    1.10   L-ewwel impjieg għandu jiżgura sett ta’ standards minimi ta’ impjieg, li m’għandhomx ikunu differenti minn dawk offruti lil impjegati iktar anzjani. Il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età hija ta’ importanza kruċjali. Il-KESE mill-ġdid jenfasizza l-importanza kritika ta’ miżuri li jgħinu jiżguraw li ż-żgħażagħ ikollhom impjieg stabbli, ta’ kwalità għolja u mħallas b’mod adatt, b’garanzija ta’ sigurtà soċjali, sa mill-bidu nett tal-karriera tagħhom.

    1.11   Il-KESE jenfasizza li l-inizjattiva Garanzija għaż-Żgħażagħ għandha tkun appoġġjata minn politika attiva tas-suq tax-xogħol, li tgħin tillimita d-distakk bejn is-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ u s-suq tax-xogħol, fuq livell indaqs għat-tfajliet u l-ġuvintur.

    1.12   Il-KESE jtenni l-proposti konkreti li ressaq dan l-aħħar fl-Opinjoni tiegħu dwar “Il-linji gwida dwar l-impjieg” b’rabta ma’ kif għandha tiġi indirizzata s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol li f’ħafna Stati Membri qed teħżien b’mod katastrofiku:

    l-istabbiliment ta’ għanijiet ambizzjużi tal-UE rigward l-impjieg taż-żgħażagħ;

    l-implimentazzjoni konsistenti tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ fil-pajjiżi kollha tal-UE;

    id-disponibbiltà ta’ aktar fondi tal-UE u aċċess aktar faċli fil-pajjiżi partikolarment milquta;

    l-iżgurar ta’ aktar fondi fil-baġit il-ġdid tal-UE għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

    it-titjib tal-aċċess taż-żgħażagħ għall-benefiċċji ta’ kumpens għall-qgħad;

    il-ġlieda kontra l-impjiegi prekarji u forom mhux regolamentati fis-settur tat-tagħlim u tal-apprentistati;

    il-promozzjoni iktar qawwija tas-sistema f’żewġ livelli tat-taħriġ professjonali bħala mudell fl-UE (1).

    1.13   Il-KESE jinnota li għandha tingħata attenzjoni partikolari biex tiġi żgurata d-disponibbiltà tar-riżorsi għaż-żgħażagħ fil-qafas tal-Fond Soċjali Ewropew meta titfassal il-perspettiva finanzjarja għas-snin 2014-2020.

    1.14   Il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda ta’ kwalità għolja għandu jibqa’ prijorità. Il-KESE jipproponi li, fil-qafas tal-perspettiva finanzjarja li jmiss, għandha tiġi kkunsidrata l-adozzjoni ta’ Strateġija Ewropea għall-Impjieg taż-Żgħażagħ.

    1.15   Ir-rieda tal-Kummissjoni li tipprovdi fondi għall-assistenza teknika biex tgħin lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-fondi li għadhom disponibbli għandha titqies bħala xi ħaġa ta’ importanza partikolari. Dan jirrigwarda l-ewwel nett il-Fond Soċjali Ewropew, li fih hemm mat-EUR 30 biljun disponibbli għall-Istati Membri għall-proġetti fil-qafas tal-perspettiva finanzjarja 2007-2013.

    2.   Sintesi tal-inizjattiva tal-Kummissjoni - Sfond tal-problema

    2.1   Il-problemi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol huma ta’ natura strutturali u ilhom li ħarġu fid-dieher għal bosta snin, anke qabel ma bdiet il-kriżi attwali. Il-kriżi ekonomika, li ilna għaddejjin minnha mill-2008, wasslet biex il-problemi taż-żgħażagħ imorru għall-agħar. Ir-rata tal-qgħad għall-grupp bejn 15-24 sena hija darbtejn ogħla mir-rata tal-qgħad għall-popolazzjoni inġenerali attiva ekonomikament u kważi tliet darbiet ogħla mir-rata għall-adulti attivi ekonomikament. Bejn l-2008 u l-2010, l-għadd ta’ żgħażagħ Ewropej bla xogħol żdied b’miljun persuna u issa hemm iktar minn ħames miljun żagħżugħ u żagħżugħa qiegħda fl-UE. Il-fatt li waħda minn kull ħames persuni bħalissa ma tistax issib impjieg huwa tassew inkwetanti. Barra minn hekk, iż-żieda fil-qgħad għat-tul fost iż-żgħażagħ hija partikolarment allarmanti. Bħala medja, 28 % taż-żgħażagħ qiegħda li għandhom inqas minn 25 sena jibqgħu mingħajr xogħol għal iktar minn 12-il xahar.

    2.2   L-Istrateġija Ewropa 2020 stabbiliet għadd ta’ għanijiet ambizzjużi, li għandhom iwasslu għal tkabbir ekonomiku intelliġenti, inklużiv u sostenibbli fl-UE. Iż-żgħażagħ għandhom rwol kruċjali x’jaqdu biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. L-inizjattiva Żgħażagħ Attivi, ippubblikata f’Settembru 2010, tinnota li l-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ kwalità għal kulħadd, integrazzjoni sostnuta u li tirnexxi fis-suq tax-xogħol, ix-xogħol deċenti u mħallas b’mod adegwat, u l-opportunitajiet għal iktar mobbiltà huma elementi essenzjali biex “jinħareġ il-potenzjal taż-żgħażagħ kollha”, u b’hekk biex jinkisbu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-mudell fil-qafas ta’ din l-istrateġija tibqa’ ħaġa kruċjali.

    2.3   Il-kriżi ekonomika tant kienet serja li m’għadux possibbli li jinkisbu l-għanijiet deskritti fl-inizjattiva Żgħażagħ Attivi. Agħar minn hekk, il-qagħda taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol qed tiddeterjora kontinwament. L-Unjoni Ewropea għandha tinvesti fiż-żgħażagħ tagħha u tieħu azzjoni effettiva minnufih għall-prevenzjoni u l-indirizzar tar-rata għolja ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, inkluża r-rata għolja tal-qgħad għat-tul fost iż-żgħażagħ. Il-fondi disponibbli biex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku huma essenzjali għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda iżda fihom innifishom mhumiex biżżejjed biex isolvu l-problema tal-qgħad fost iż-żgħżagħ.

    2.4   Wara l-ewwel Semestru Ewropew ta’ governanza ekonomika fl-2011, il-Kummissjoni, fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012, ġibdet l-attenzjoni għall-ewwel indikazzjonijiet li l-Istati Membri mhumiex qed jirreaġixxu b’mod effettiv biżżejjed għar-rakkomandazzjonijiet li saru.

    2.5   Fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, li qed tiddeterjora, il-Kummissjoni qed tagħmel sforz mill-ġdid biex tirmedja s-sitwazzjoni billi tipproponi l-“Inzjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ”, li tiffoka speċifikament fuq iż-żgħażagħ li m’għandhomx impjieg u li mhumiex fis-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ. L-għan tagħha huwa li tlaqqa’ l-miżuri speċifiċi tal-Istati Membri ma’ dawk tal-UE, li l-prijoritajiet tagħha huma stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020, fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ġunju 2011 dwar l-impjieg taż-żgħażagħ u fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar “Linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel”.

    2.6   Minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni deskritta hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li, mingħajr ma joqogħdu jistennew ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż tal-2012, l-Istati Membri, b’mod partikolari dawk bl-ogħla rati ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, għandhom jieħdu miżuri deċiżivi fl-erba’ oqsma prinċipali li ġejjin:

    il-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola;

    l-iżvilupp ta’ ħiliet li huma rilevanti għas-suq tax-xogħol;

    l-appoġġ għall-ewwel esperjenza tax-xogħol u t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol;

    l-aċċess għas-suq tax-xogħol: l-akkwist tal-(ewwel) impjieg.

    2.7   Il-Kummissjoni ser tipprovdi fondi għall-assistenza teknika bil-għan li tgħin lill-Istati Membri jużaw il-Fondi tal-UE li għadhom disponibbli, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, li għad għandu mat-EUR 30 biljun disponibbli għall-proġetti fil-qafas tal-perspettiva finanzjarja 2007-2013.

    2.8   L-“Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ” tibni fuq is-sħubija qawwija bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni u tħeġġeġ l-azzjoni koordinata biex jiġi żgurat li kull parti interessata tagħmel użu sħiħ mill-appoġġ finanzjarju u mill-istrumenti disponibbli tal-UE.

    3.   Kummenti ġenerali tal-Kumitat dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

    3.1   Il-Komunikazzjoni dwar l-“Inizjattiva għall-Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ” għandha tiġi analizzata filwaqt li jiġu kkunsidrati b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet li l-Kummissjoni għamlet fl-inizjattivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, jiġifieri “Żgħażagħ Attivi”, “Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi” u anke fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ġunju 2011 dwar l-impjieg taż-żgħażagħ u fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar “Linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel”.

    3.2   Il-Kumitat jiddispjaċih li – l-istess bħalma ġara fil-każ tal-inizjattiva Żgħażagħ Attivi – il-Kummissjoni reġgħet ma tatx kas dawk il-miżuri li jsaħħu u jiżviluppaw id-dimensjoni soċjali u ċivili tal-kwistjonijiet taż-żgħażagħ fl-Ewropa. L-inizjattiva għandha sservi bħala mezz ta’ kooperazzjoni maż-żgħażagħ u mhux biss biex tagħti l-informazzjoni dwarhom jew timplimenta miżuri għall-ġid tagħhom. Għalhekk, il-Kumitat mill-ġdid jappella lill-Kummissjoni biex tinkludi l-azzjoni meħtieġa f’din l-inizjattiva. Il-KESE jenfasizza l-bżonn li ż-żgħażagħ jiġu involuti biex din l-inizjattiva tingħata l-ħajja f’kull livell.

    3.3   Mit-tnedija tal-inizjattiva “Żgħażagħ Attivi” ’l hawn, is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol tal-UE mhux biss ma marritx għall-aħjar iżda saħansitra marret għall-agħar. Il-KESE jinnota li l-politika ta’ awsterità makroekonomika tal-Istati Membri, li qed tiġi implimentata f’kuntest ta’ governanza ekonomika ġdida u n-nuqqas ta’ politika ta’ tkabbir ċara u rikonoxxuta globalment, jista’ jkollha impatt negattiv fuq is-suċċess tal-“Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ”. Il-miżuri li qed jiġu implimentati fil-qafas tal-politika baġitarja rigoruża tal-Istati Membri jridu jqisu l-impatt li qed ikollhom fuq il-qagħda taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol. Il-KESE huwa għalhekk tal-fehma li din l-inizjattiva importanti tista’ tfisser sors ta’ opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ, iżda jekk titqies waħidha – barra mill-kuntest ekonomiku ġenerali – mhi ser tipprovdi lanqas impjieg wieħed ġdid. Għaldaqstant, biex niżguraw implimentazzjoni adatta ta’ din l-inizjattiva, huwa kruċjali li noħolqu ambjent ekonomiku u finanzjarju adatt. Għandha tingħata attenzjoni sabiex ikun żgurat li l-miżuri li jittieħdu bħala reazzjoni għall-kriżi ma jmorrux kontra l-istimolar tad-domanda u l-impjieg matul il-kriżi u warajha u kontra l-mitigazzjoni tal-impatti soċjali. Għandhom jiġu żgurati b’mod partikolari l-investiment pubbliku f’politika attiva tas-suq tax-xogħol u fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

    3.4   Il-KESE jinnota li n-nuqqas ta’ kwalunkwe azzjoni immedjata u effettiva biex tittejjeb is-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-UE jista’ jwassal biss biex jaggravaw il-fenomeni tal-ħela tal-imħuħ (brain waste) u tal-eżodu tal-imħuħ (brain drain) marbuta mal-migrazzjoni tal-ħaddiema. Dan ma jfissirx biss it-telf – ħafna drabi mingħajr il-possibbiltà ta’ rkupru – tal-fondi pubbliċi investiti fl-edukazzjoni, iżda wkoll it-telf ta’ kapital uman fil-livell tal-Istati Membri u fl-UE kollha kemm hi.

    3.5   Minkejja dan, il-KESE jilqa’ l-inizjattiva l-ġdida tal-Kummissjoni b’mod pożittiv, inizjattiva li tenfasizza kemm il-problemi attwali kif ukoll l-għanijiet tal-inizjattiva Żgħażagħ Attivi. Il-valur miżjud tal-Komunikazzjoni l-“Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ” jinsab fl-enfasi fuq il-miżuri speċifiċi mill-Istati Membri u f’li tidentifika l-opportunitajiet għall-appoġġ finanzjarju li, fil-fehma tal-KESE, jistgħu jgħinu sew biex itejbu l-qagħda taż-żgħażagħ fil-qasam tal-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol.

    3.6   L-għan tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni huwa li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jieħdu miżuri korrettivi konkreti u immedjati fil-qasam tal-impjieg u joħolqu rabtiet bejn il-kwistjoni tal-impjieg taż-żgħażagħ (b’mod partikolari dawk barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET – not in employment, education or training)) u s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u jtejbu u jsaħħu l-liġi, billi ħafna drabi hemm rabta stretta bejn il-fenomenu tan-NEET u l-ekonomija klandestina.

    3.7   Il-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola

    3.7.1   Il-KESE bi pjaċir jilqa’ din l-inizjattiva ġdida għall-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u jikkonferma li huwa partikolarment importanti li jitnaqqas il-proporzjon ta’ persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien, b’mod partikolari fil-każ ta’ ċerti Stati Membri. Dan huwa wkoll wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 (2). Il-KESE jemmen li dawn il-miżuri għandhom jitkomplew billi jinżammu, jew fejn possibbli jiżdiedu, ir-riżorsi disponibbli għall-Istati Membri għall-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u billi tittieħed azzjoni biex is-servizzi edukattivi jsiru iżjed attraenti. Fl-istess ħin, il-KESE jenfasizza li hemm bżonn li s-sistemi edukattivi jsiru iżjed inklużivi.

    3.7.2   Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li għandha tittieħed azzjoni minnufih fil-forma ta’ riintegrazzjoni permezz tat-taħriġ u għalhekk jappella lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni immedjata u effettiva biex il-proporzjon ta’ persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien jitnaqqas għal 10 %. Bħalissa r-rata medja fl-Istati Membri hija 14 %.

    3.8   L-iżvilupp ta’ ħiliet li huma rilevanti għas-suq tax-xogħol. Il-mobbiltà.

    3.8.1   Il-KESE jaqbel li l-iżvilupp tal-ħiliet li huma rilevanti għas-suq tax-xogħol huwa kruċjali fl-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol. L-ewwel nett huwa essenzjali li d-dinja tal-impjieg toqrob lejn dik tal-istituzzjonijiet edukattivi, u li ssir enfasi partikolari fuq ir-rwol ta’ sistema ta’ edukazzjoni f’żewġ livelli. Il-KESE jinnota l-importanza tal-appoġġ għall-intraprenditorija u l-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi fis-setturi tal-industrija, l-agrikoltura u s-servizzi u s-sistema edukattiva f’kull livell tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-KESE jenfasizza wkoll ir-rwol tal-edukazzjoni għall-ħtiġijiet usa’ tas-soċjetà, lil hinn mill-ekonomija. F’dan is-sens, huwa ferm importanti li l-kurrikuli tal-iskejjel iqisu kwistjonijiet relatati mal-liġi tax-xogħol u jiżguraw li l-istudenti jkunu jafu bl-opportunitajiet li toffri l-UE f’dan il-qasam. Dan jista’ jkollu effett importanti fuq is-sensibilizzazzjoni taż-żgħażagħ qabel ma jfittxu l-ewwel impjieg fis-suq tax-xogħol kif ukoll isaħħaħ is-sens ta’ identità Ewropea tagħhom.

    3.8.2   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għal-linji gwida stabbiliti fil-Communiqué ta’ Bruges dwar “Kooperazzjoni Ewropea msaħħa fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali għall-perjodu 2011-2020”. L-Ewropa teħtieġ sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali li jkunu flessibbli u ta’ kwalità tajba u li jistgħu jaqdu l-bżonnijiet tal-lum u ta’ għada. Il-konsulenza u l-orjentazzjoni tul il-ħajja fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjieg jistgħu jkunu kruċjali biex dawn l-inizjattivi jkunu iżjed effettivi. Din hija ħaġa ferm importanti fil-kuntest tal-problema tal-eżodu tal-imħuħ.

    3.8.3   Il-Kumitat jirrakkomanda li jissaħħu l-istrumenti għall-mobbiltà taż-żgħażagħ. Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li, bl-għajnuna tal-Parlament Ewropew, twaqqaf skema mmirata lejn il-mobbiltà tal-impjiegi biex tgħin liż-żgħażagħ isibu impjieg fi Stat Membru ieħor u tgħin lill-intrapriżi jimlew il-postijiet battala li diffiċli jimtlew. Il-KESE jemmen li hija ħaġa importanti li jiġi appoġġjat it-tagħlim tal-lingwi barranin u l-ksib ta’ ħiliet tal-ICT.

    3.8.4   Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tipprovdi għajnuna finanzjarja fil-qafas tal-programm “L-ewwel impjieg EURES tiegħek”. L-għan tal-programm huwa li jgħin lil 5 000 żagħżugħ u żagħżugħa jfittxu impjieg fi Stati Membri oħra bejn l-2012 u l-2013. Il-KESE ser ikun qed jissorvelja dan il-programm fil-fażi pilota tiegħu, bil-għan li jiġi żviluppat iktar.

    3.8.5   Il-KESE bi pjaċir jilqa’ l-miżuri tal-Kummissjoni intiżi biex jintużaw EUR 3 miljun mill-assistenza teknika tal-FSE biex jgħinu lill-Istati Membri jwaqqfu skemi ta’ appoġġ għaż-żgħażagħ li jkunu bdew intrapriża u għall-intraprendituri soċjali. Il-finanzjament ta’ madwar 600 skambju addizzjonali fl-2012 fil-qafas tal-programm “Erasmus għall-intraprendituri” huwa wkoll żvilupp sinifikanti.

    3.8.6   Madankollu, min-naħa l-oħra, il-KESE jqis li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma tagħtix biżżejjed attenzjoni lill-problema tal-finanzjament tal-għotjiet diretti liż-żgħażagħ li jixtiequ jibdew intrapriża (nuqqas ta’ riżorsi u aċċess limitat għalihom). Dan jikkonċerna r-riżorsi finanzjarji kemm mill-fondi Ewropej kif ukoll mill-baġits tal-Istati Membri. Fil-fehma tal-Kumitat, l-għajnuna lill-intraprendituri żgħażagħ li jiddeċiedu jibdew intrapriża tista’ tkun strument ewlieni biex jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ.

    3.9   L-appoġġ għall-ewwel esperjenza tax-xogħol u t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol

    3.9.1   Il-KESE jaqbel li l-apprentistati u l-esperjenzi qosra tax-xogħol huma strumenti importanti biex iż-żgħażagħ jiksbu ħiliet u esperjenza tax-xogħol u għandhom jagħmlu part mill-istrateġiji tar-responsabbiltà soċjali korporattiva. Jekk kumpanija tinvesti f’ħaddiema żgħażagħ u tittrattahom bħala riżorsa prezzjuża, dan jista’ jgħolli b’mod konsiderevoli l-livell ta’ impenn tagħhom fl-operat tal-kumpanija.

    3.9.2   Il-KESE jinnota r-rwol li jistgħu jaqdu politika attiva tas-suq tax-xogħol u t-titjib fis-servizzi tat-tqabbil tal-impjiegi. Għandha tingħata konsulenza dwar il-karrieri għaż-żgħażagħ li tkopri s-setturi kollha – l-agrikoltura, l-industrija u s-servizzi – meta jkunu għadhom l-iskola.

    3.9.3   Il-KESE jemmen li hija ħaġa importanti li l-Kummissjoni qed talloka EUR 1,5 miljun fl-2012 għal kampanja mmirata lejn l-intrapriżi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost l-intrapriżi dwar l-esperjenzi qosra tax-xogħol fil-qafas tal-programmi Erasmus u Leonardo da Vinci.

    3.9.4   Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza kruċjali ta’ standards ta’ kwalità neċessarji għall-apprentistati, l-esperjenzi qosra tax-xogħol f’intrapriża u l-esperjenzi ta’ taħriġ. Għandu jiġi stabbilit qafas Ewropew għar-regolazzjoni tal-esperjenzi qosra tax-xogħol fl-intrapriżi. F’dan is-sens, il-KESE bi pjaċir jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex fl-2012 tadotta qafas ta’ kwalità li jappoġġja l-provvista u l-użu ta’ esperjenzi ta’ taħriġ ta’ kwalità għolja, inkluża panorama tal-UE dwar dawn l-esperjenzi li żżid it-trasparenza tal-kundizzjonijiet għat-trainees fl-Unjoni Ewropea.

    3.9.5   L-esperjenzi qosra tax-xogħol fl-intrapriżi m’għandhomx jissostitwixxu l-impjieg regolari. Dawn għandhom joffru lit-trainees l-opportunità li jiskbu l-ħiliet meħtieġa biex ikunu jistgħu jidħlu b’mod iżjed faċli fis-suq tax-xogħol. It-trainees għandhom jirċievu ħlas deċenti għall-kompiti li jwettqu fil-post tax-xogħol li jkunu verament relatati max-xogħol. Rimunerazzjoni baxxa jew l-ebda rimunerazzjoni twassal għall-frammentazzjoni tas-suq tax-xogħol. Sabiex l-esperjenzi tax-xogħol ikunu effettivi u adatti għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, l-imsieħba soċjali jridu jkunu involuti fit-tfassil, l-organizzazzjoni, l-implimentazzjoni u l-finanzjament tagħhom.

    3.9.6   Il-KESE ser jissorvelja mill-qrib u jappoġġja kull inizjattiva biex tittejjeb il-kwalità tal-esperjenzi qosra tax-xogħol fl-intrapriżi, bħall-Karta Ewropea tal-Kwalità tal-Internships u l-Apprentistati (“European Quality Charter on Internships and Apprenticeships”), imressqa mill-Forum Ewropew għaż-Żgħażagħ sabiex jissaħħaħ id-djalogu soċjali għat-twaqqif ta’ regoli adatti f’dan il-qasam.

    3.9.7   Il-KESE bi pjaċir jinnota li fl-2010 l-imsieħba soċjali adottaw il-ftehim qafas dwar is-swieq tax-xogħol inklużivi. Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-fatturi elenkati fil-ftehim qafas li għandhom impatt fuq il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol: a) fatturi kuntestwali (marbuta mal-ambjent ekonomiku u tas-suq tax-xogħol), li xekklu l-integrazzjoni fil-passat; b) fatturi relatati max-xogħol; u c) fatturi individwali (bħal ħiliet, livelli ta’ kwalifiki u edukazzjoni, il-motivazzjoni, għarfien tal-lingwi u l-istatus tas-saħħa inklużi d-diżabbiltà u perjodi frekwenti jew twal ta’ qgħad). Il-KESE jappella lill-imsieħba soċjali fl-Istati Membri biex jimplimentaw il-ftehim b’urġenza, b’mod partikolari l-għan li jiżdied l-għadd tal-apprentistati u tal-esperjenzi ta’ taħriġ ta’ kwalità għolja.

    3.9.8   Il-KESE jikkonferma l-bżonn li jinħoloq Passaport Ewropew uniku tal-Ħiliet, li jiġbor flimkien il-kwalifiki u l-ħiliet li jkunu nkisbu bħala parti mill-edukazzjoni formali, mhux formali u informali.

    3.9.9   Il-KESE jisħaq fuq l-importanza tal-iskambju tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-apprentistati għaż-żgħażagħ u jilqa’ l-aħbar li l-Kummissjoni ser talloka direttament EUR 1,3 miljun mill-Fond Soċjali Ewropew biex tgħin fit-twaqqif ta’ skemi ta’ apprentistat.

    3.9.10   L-esperjenza ta’ dawk il-pajjiżi li introduċew sistema ta’ edukazzjoni f’żewġ livelli hija ta’ importanza partikolari f’dan il-kuntest. Il-vantaġġ tagħha huwa li tikkombina l-edukazzjoni tradizzjonali tal-iskola u l-applikazzjoni prattika ta’ dan l-għarfien fuq il-post tax-xogħol. Dan jippermetti lill-istudenti jiżviluppaw il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa fis-suq tax-xogħol. Il-KESE jenfasizza r-rwol li jista’ jaqdi l-involviment tal-imsieħba soċjali fil-proċess tal-iskambju tal-aħjar prattiki u fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tas-sistema tal-esperjenza tax-xogħol. Il-Kumitat bi pjaċir jilqa’ l-linji gwida tal-Kummissjoni f’dan il-qasam. Għandu jiġi studjat jekk is-sistema f’żewġ livelli tal-apprentistati, b’taħlita ta’ edukazzjoni ġenerali u taħriġ, tistax tiġi applikata bnadi oħra.

    3.9.11   Il-KESE jemmen li hija ħaġa adatta li tiżdied l-allokazzjoni baġitarja tal-Kummissjoni għas-Servizz Volontarju Ewropew sabiex sal-2012 jiġu provduti mill-inqas 10 000 post għall-voluntiera. Madankollu, il-KESE jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ valutazzjoni xierqa tal-fażi pilota li għaddejja bħalissa u ta’ informazzjoni dwar jekk l-inizjattiva hux ser tkun ġenwinament volontarja. L-istess bħall-każ tal-esperjenzi qosra tax-xogħol fl-intrapriżi u l-esperjenzi ta’ taħriġ, għandu jiġi enfasizzat il-bżonn ta’ ħidma volontarja ta’ kwalità għolja.

    3.9.12   Il-KESE ser jappoġġja l-iskambju u t-tqassim tal-esperjenza u l-informazzjoni b’rabta mal-programmi nazzjonali tas-servizzi volontarji fit-tul, li jintużaw għall-orjentazzjoni professjonali u l-akkwist tal-ewwel esperjenza tax-xogħol, li ġew implimentati b’suċċess f’bosta Stati Membri.

    3.10   L-aċċess għas-suq tax-xogħol: l-akkwist tal-(ewwel) impjieg

    3.10.1   L-importanza tal-ewwel impjieg ma tistax tiġi stmata żżejjed, mhux biss f’termini tad-dħul futur iżda anke rigward il-karriera professjonali u l-pensjoni tal-futur. Għandhom jiġu garantiti sett ta’ standards minimi tax-xogħol malli persuna tikseb l-ewwel impjieg tagħha. Dawn l-istandards m’għandhomx ikunu differenti minn dawk offruti lil ħaddiema iktar anzjani. Il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età hija ta’ importanza kruċjali. Il-KESE mill-ġdid jenfasizza l-importanza kruċjali ta’ miżuri li jgħinu jiżguraw li ż-żgħażagħ ikollhom impjieg stabbli, ta’ kwalità għolja u mħallas b’mod adatt u b’garanzija ta’ sigurtà soċjali sa mill-bidu nett tal-karriera tagħhom (3). Għandhom jiġu kkunsidrati programmi ta’ inċentivi għal dawk l-SMEs li joffru l-ewwel impjieg permanenti lil ħaddiema żgħażagħ.

    3.10.2   Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-tnaqqis tar-riġiditajiet eċċessivi tal-kuntratti permanenti għandhom iqisu wkoll ir-riskji relatati ma’ dan it-tip ta’ azzjoni. Il-kuntratti temporanji, li llum il-ġurnata huma komuni għaż-żgħażagħ – partikolarment għal dawk li għadhom qed jibdew il-karriera tagħhom – wasslu għal suq tax-xogħol f’żewġ livelli, li huwa maqsum f’segmenti. Il-ħaddiema temporanji jgħixu f’sitwazzjoni inċerta, jinsabu fir-riskju li jitilfu l-impjieg tagħhom u għandhom prospetti professjonali ħżiena. Dan is-suq tax-xogħol f’żewġ livelli qed isir problema partikolarment serja għaż-żgħażagħ u tista’ twassalhom għas-sitwazzjoni prekarja li dejjem ikunu inċerti dwar il-futur tagħhom. Dan jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-iżvilupp tal-karriera tagħhom. Il-frammentazzjoni tas-suq tax-xogħol – li effettivament twassal biex iż-żgħażagħ ikunu ħaddiema tat-tieni klassi – tfisser ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol agħar u prospetti professjonali iżjed ħżiena. Il-KESE jwissi kontra soluzzjonijiet instabbli u bi ftit li xejn prospetti fit-tul għall-integrazzjoni fid-dinja tax-xogħol: minflok impjiegi prekarji, għandhom jiġu implimentati miżuri li jiżguraw li l-impjiegi temporanji u l-pożizzjonijiet b’pagi baxxi u b’livell baxx ta’ assigurazzjoni soċjali ma jsirux in-norma għaż-żgħażagħ.

    3.10.3   L-istabbiltà u s-sigurtà fis-suq tax-xogħol mhumiex biss importanti għall-impjegati iżda anke fl-interess ta’ min iħaddimhom, billi jħeġġu l-kompetittività tal-intrapriżi, is-setturi u l-oqsma tal-industrija billi jiżguraw żieda fil-produttività. Għalhekk huwa importanti li n-nies ikunu konxji li – minħabba l-kwistjoni tas-sigurtà tal-impjieg – kuntratt ta’ impjieg għal terminu fiss fil-fatt iqum iktar flus għal min iħaddem minn kuntratt indefinit.

    3.10.4   Il-KESE jtenni l-proposti konkreti li ressaq dan l-aħħar fl-Opinjoni tiegħu dwar “Il-linji gwida dwar l-impjieg” b’rabta ma’ kif għandha tiġi indirizzata s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol li f’ħafna Stati Membri qed teħżien:

    l-istabbiliment ta’ għanijiet ambizzjużi tal-UE rigward l-impjieg taż-żgħażagħ;

    l-implimentazzjoni konsistenti tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ fil-pajjiżi kollha tal-UE;

    id-disponibbiltà ta’ aktar fondi tal-UE u aċċess aktar faċli fil-pajjiżi partikolarment milquta;

    l-iżgurar ta’ aktar fondi fil-baġit il-ġdid tal-UE għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

    it-titjib tal-aċċess taż-żgħażagħ għall-benefiċċji ta’ kumpens għall-qgħad;

    il-ġlieda kontra l-impjiegi prekarji u forom mhux regolamentati fis-settur tat-tagħlim u tal-apprentistati;

    il-promozzjoni iktar qawwija tas-sistema f’żewġ livelli tat-taħriġ professjonali bħala mudell fl-UE.

    3.11   L-Istati Membri u l-atturi fis-suq tax-xogħol iridu juru ħafna iktar inizjattiva jekk iridu jimplimentaw il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u jiżguraw li ż-żgħażagħ ikollhom jew impjieg jew edukazzjoni jew taħriġ (mill-ġdid) fi żmien erba’ xhur minn meta jħallu l-iskola, speċjalment għal dawk li jieqfu kmieni mill-edukazzjoni jew it-taħriġ u żgħażagħ oħra f’sitwazzjonijiet diffiċli. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tieħu azzjoni biex tiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw din l-inizjattiva mingħajr dewmien.

    3.12   L-azzjoni tal-Istati Membri u l-atturi fis-suq tax-xogħol s’issa ma wasslet għall-ebda titjib fis-sitwazzjoni taż-żgħażagħ. Dan huwa ċar immens fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Il-KESE għaldaqstant jilqa’ l-miżuri tal-Kummissjoni intiżi biex l-Istati Membri jiġu allokati EUR 4 miljun biex jiġu megħjuna jwaqqfu skemi fil-qafas tal-inizjattiva Garanzija għaż-Żgħażagħ. F’dan ir-rigward, il-KESE jtenni l-appell tiegħu biex l-Istati Membri jidentifikaw minnufih l-ostakli kollha sabiex tiġi żgurata l-Garanzija għaż-Żgħażagħ u jiġu stabbiliti għanijiet u miżuri konkreti fil-pjani nazzjonali ta’ riforma.

    3.13   Il-KESE jenfasizza li l-inizjattiva Garanzija għaż-Żgħażagħ għandha tkun appoġġjata minn politika attiva tas-suq tax-xogħol, li timla l-lakuna bejn is-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ u s-suq tax-xogħol, fuq livell indaqs għat-tfajliet u l-ġuvintur. Din l-inizjattiva għandha tqis ukoll is-sitwazzjoni tal-migranti, il-minoritajiet nazzjonali u etniċi u n-nies b’diżabbiltà. Għandha tikkunsidra wkoll l-għarfien, il-kompetenzi, il-ħiliet u l-esperjenzi tal-ħaddiema mdaħħla fl-età, inklużi l-persuni li rtiraw.

    3.14   Fil-linji gwida attwali tal-UE dwar il-politika tal-impjieg għad jonqos miri konkreti. Il-KESE jtenni l-appell tiegħu għal miri Ewropej kwantifikabbli, speċjalment rigward it-tnaqqis sinifikanti tal-qgħad fost iż-żgħażagħ kif ukoll rigward il-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

    3.15   Ir-rieda tal-Kummissjoni li tipprovdi fondi għall-assistenza teknika biex tgħin lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-fondi li għadhom disponibbli għandha titqies bħala xi ħaġa ta’ importanza partikolari. Dan jirrigwarda l-ewwel nett il-Fond Soċjali Ewropew, li fih għad hemm mat-EUR 30 biljun disponibbli għall-Istati Membri għall-proġetti fil-qafas tal-perspettiva finanzjarja 2007-2013. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tieħu azzjoni biex tiżgura li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ minn dawn il-fondi mingħajr dewmien.

    3.16   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmilha ċara lill-Istati Membri li dawn il-fondi għandhom jintużaw primarjament għall-proġetti għaż-żgħażagħ. Il-Kummissjoni għandha tiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jiġi żgurat li l-proċess tad-distribuzzjoni ta’ dawn il-fondi u l-allokazzjoni adatta tagħhom issir bl-involviment sħiħ tal-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tagħhom għaż-żgħażagħ (fejn dawn jeżistu) u l-NGOs li jirrappreżentaw liż-żgħażagħ.

    3.17   Il-KESE jinnota li għandha tingħata attenzjoni partikolari biex tiġi żgurata d-disponibbiltà tar-riżorsi għaż-żgħażagħ taħt il-Fond Soċjali Ewropew meta titfassal il-perspettiva finanzjarja għas-snin 2014-2020, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET). Ta’ min jenfasizza l-fatt li ħafna drabi hemm rabta stretta bejn il-fenomenu tan-NEET u l-ekonomija klandestina. Il-KESE jisħaq li, kemm issa kif ukoll fil-futur, hemm bżonn formula ta’ finanzjament sistematika u permanenti li tkun aċċessibbli għal firxa wiesgħa tas-soċjetà ċivili.

    3.18   Il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda ta’ kwalità għolja għandu jibqa’ prijorità. Il-KESE jipproponi li, fil-qafas tal-perspettiva finanzjarja li jmiss, għandha tiġi kkunsidrata l-adozzjoni ta’ Strateġija Ewropea għall-Impjieg taż-Żgħażagħ. Il-fondi disponibbli taħt din l-istrateġija għandhom jintużaw biex jappoġġjaw dawk l-intrapriżi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet pubbliċi u entitajiet oħra li jħaddmu li joħolqu impjiegi ġodda ta’ kwalità għolja għaż-żgħażagħ.

    Brussell, 12 ta’ Lulju 2012.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  Ara r-rakkomandazzjonijiet konkreti fl-Opinjoni tal-KESE (ĠU C 143, 22.05.2012, p. 94), Kapitolu 5.

    (2)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Żgħażagħ Mobbli”, (ĠU C 132, 03.05.2011, p. 55).

    (3)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Żgħażagħ Mobbli”, (ĠU C 132, 03.05.2011, p. 55).


    Top