This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011DC0329
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL concerning short-term statistics as required by Council Regulation (EC) No 1165/1998 of 19 May 1998
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL li jikkonċerna l-istatistika għal terminu qasir kif meħtieġ mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1165/1998 tad-19 ta’ Mejju 1998
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL li jikkonċerna l-istatistika għal terminu qasir kif meħtieġ mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1165/1998 tad-19 ta’ Mejju 1998
/* KUMM/2011/0329 finali */
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL li jikkonċerna l-istatistika għal terminu qasir kif meħtieġ mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1165/1998 tad-19 ta’ Mejju 1998 INTRODUZZJONI Skont l-artikolu 14(2) tar-Regolament tal-Kunsill 1165/1998 li jikkonċerna l-istatistika għal żmien qasir: Il-Kummissjoni għandha, sal-11 ta' Awwissu 2008 u darba kull tliet snin wara dan, tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istatistika kkumpilata skont dan ir-Regolament u b’mod partikolari dwar ir-rilevanza u l-kwalità tagħha u r-reviżjoni tal-indikaturi. Ir-rapport għandu wkoll jindirizza speċifikament l-ispiża tas-sistema tal-istatistika u l-piż fuq in-negozju li jinħoloq minn dan ir-Regolament b’rabta mal-benefiċċji tiegħu. Għandu jirrapporta dwar l-aħjar prassi biex jitnaqqas il-piż fuq in-negozju u għandu jindika modi biex jitnaqqsu l-piż u l-ispejjeż. Ir-rapport preżenti jkompli wara r-rapport li ġie trażmess f'Ġunju 2008 skont l-artikolu ta' hawn fuq[1]. Diġà ġie ppubblikat, f'Jannar 2003, l-ewwel rapport dwar il-kwalità ta’ statistika għal terminu qasir[2]. L-istatistika Ewropea fuq terminu qasir tipprovdi sett ta’ indikaturi komprensivi tan-negozju fuq terminu qasir għall-ekonomiji Ewropej li jkopru l-industrija, il-kostruzzjoni, il-bejgħ bl-imnut, it-tiswija u ċerti industriji tas-servizz. L-iżvilupp ekonomiku ta’ dawn is-setturi huwa rifless minn serje ta’ indikaturi għal dħul, produzzjoni, numru ta’ persuni impjegati u sigħat maħduma, pagi u salarji grossi. Barra minn hekk, hemm tliet indikaturi għal prezzijiet tal-produzzjoni, ordnijiet ġodda u għal spejjeż ta' kostruzzjoni. Statistiki Ewropej fuq terminu qasir ġew introdotti fl-1998. Minn dakinhar ’l hawn il-kwalità tagħhom (koerenza, komparabilità, eżattezza u tempestività) u l-ambitu (indikaturi, pajjiżi, livell ta’ dettall) tjiebu b'mod konsistenti. It-tieni taqsima ta' dan ir-rapport tiddeskrivi l-użi ta’ statistika għal terminu qasir u r-rilevanza tagħhom għal politiki Ewropej ewlenin u t-tmexxija tal-politika monetarja Ewropea. Dan jindika wkoll l-iżviluppi ewlenin fl-istatistika għal terminu qasir mill-aħħar rapport ta’ kwalità. It-taqsima li jmiss tiddeskrivi f’aktar dettall l-aspetti differenti ta’ kwalità ta' statistika għal terminu qasir. Fl-aħħar, l-ispiża u l-piż impost mill-ġbir u l-ipproċessar tad-dejta għall-istatistika huma ppreżentati flimkien ma' xi eżempji dwar kif tali spiża u piż jistgħu jitnaqqsu. L-ewwel abbozz ta’ dan ir-rapport ġie ppreżentat lill-membri tal-grupp ta’ ħidma dwar statistika għal terminu qasir f’Jannar 2011 (konsultazzjoni bil-miktub). RILEVANZA TA’ STATISTIKA GħAL TERMINU QASIR It-twaqqif ta’ statistika għal terminu qasir kienet prerekwiżit għat-twaqqif taż-żona tal-euro u għall-monitoraġġ tal-Politika monetarja Ewropea[3]. Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Banek Ċentrali Nazzjonali huma fost dawk l-aktar utenti importanti ta’ statistika għal terminu qasir. Utenti oħra importanti huma l-Kummissjoni nnifisha, il-gvernijiet nazzjonali, istituti tar-riċerka, negozji u organizzazzjonijiet tan-negozju. Stqarrijiet ġodda dwar statistiki fuq terminu qasir ġeneralment jirċievu attenzjoni kbira fil-midja. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, statistika għal terminu qasir tipprovdi wkoll input għal żoni oħra tal-istatistika bħall-kontijiet nazzjonali. Statistika għal terminu qasir huma klassifikati fost l-aktar statistiki importanti prodotti mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat). Analiżi tat-tendenza ekonomika, tbassir u mmudellar huma l-aktar użi komuni ta’ statistika għal terminu qasir. Madankollu, id-dejta hija meħtieġa wkoll għat-tħejjija ta’ deċiżjonijiet tal-politika, għal skopijiet ta’ riċerka, biex tiġi ċċekkjata u vvalidata d-dejta minn sorsi oħrajn u biex tħejji deċiżjonijiet tan-negozju (eż. fir-riċerka dwar is-suq). F'’ċerti każijiet, riżultati minn statistika għal terminu qasir tintuża wkoll min-negozji f'modi pjuttost speċjali (eż. l-użu tal-indikaturi tal-prezzijiet għar-relatar tal-kuntratti). Mit-22 Indikatur Ekonomiku Ewropew Prinċipali (IEEP)[4] li ġew żviluppati biex jimmonitorjaw l-iżvilupp ekonomiku tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha u b’mod partikolari biex imexxu l-politika monetarja fiż-żona tal-euro, disgħa huma pprovduti bi statistika għal terminu qasir, jiġifieri l-produzzjoni industrijali, il-prezzijiet tal-produzzjoni industrijali tas-suq domestiku, l-ordnijiet ġodda industrijali, il-prezzijiet industrijali tal-importazzjoni, il-produzzjoni fil-kostruzzjoni, id-dħul fil-bejgħ bl-imnut u t-tiswija, id-dħul f'servizzi oħrajn, prezzijiet tas-servizz tal-produzzjoni u l-permessi għall-bini. Fiż-żona ta’ statistika għal terminu qasir, il-Eurostat ippubblikat 60 stqarrija tal-aħbarijiet kull sena, jiġifieri stqarrija kull xahar għal ħames indikaturi ewlenin (il-produzzjoni industrijali, l-ordnijiet industrijali ġodda, il-prezzijiet tal-produzzjoni industrijali, il-produzzjoni fil-kostruzzjoni u l-volum ta' bejgħ bl-imnut). Barra minn hekk, kull sena huma ppubblikati minn tal-inqas ħames ħarġiet ta’ "Statistics in focus" li apparti milli jipprovdu dejta kwantitattiva, dawn jittrattaw kwistjonijiet metodoloġiċi magħżula u janalizzaw it-tendenzi ekonomiċi attwali. Barra minn hekk, il-Panorama Trimestrali tal-istatistika Ewropea tan-negozju tippreżenta riżultati fuq terminu qasir f'aktar dettall. Bejn l-2009 u l-2010 l-istatistika għal terminu qasir kienet is-suġġett ta’ “reviżjoni perjodika”. Sabiex jiġu identifikati mezzi biex il-ġabra, l-ipproċessar u t-tixrid ta’ statistika għal terminu qasir ikunu aktar effiċjenti u aktar effettivi, esperti esterni analizzaw il-qafas u l-proċess għall-produzzjoni ta’ statistika għal terminu qasir min-naħa tal-utenti, tal-Eurostat u tal-imsieħba assoċjati (istituti nazzjonali tal-istatistika). Il-maġġoranza tal-utenti jeħtieġu b’mod frekwenti statistika għal terminu qasir u b’intervalli regolari, u huma jikkonsultaw il-pubblikazzjonijiet (bażi ta’ dejta, stqarrijiet tal-aħbarijiet eċċ) ħafna drabi f’xahar jew tal-inqas darba f’xahar (eż. meta hija ppubblikata stqarrija tal-aħbarijiet). L-eżattezza hija kkunsidrata minn ħafna utenti bħala l-aktar aspett importanti tal-kwalità ta’ statistika għal terminu qasir. Madankollu, differenzi bejn l-aspetti differenti tal-kwalità mhumiex sinifikanti u jidher li huwa ġust li wieħed jgħid li l-tempestività, il-komparabilità, l-aċċessibilità, iċ-ċarezza, il-koerenza u l-kompletezza huma kkusidrati kważi bl-istess importanza bħall-eżattezza. Dan jippreżenta sfida kbira għall-produtturi tal-istatistika minħabba li hemm kompromessi bejn bosta aspetti tal-kwalità, b’mod partikolari bejn l-eżattezza u t-tempestività jew il-komparabilità u l-kompletezza. Fir-reviżjoni, l-utenti ddikjaraw li huma sodisfatti bil-kwalità ta’ statistika għal terminu qasir u s-servizzi marbuta magħha. 95% tal-utenti li waslu għal ġudizzju fuq il-kwalità sabu li l-istatistika għal terminu qasir hija adegwata, u 60% sabuha li hi tajba jew tajba ħafna. Fl-2008, l-ekonomiji Ewropej esperjenzaw l-akbar tnaqqis fir-ritmu fl-attivitajiet ekonomiċi mit-twaqqif tal-istatistika Ewropea fuq terminu qasir. Bejn April 2008 meta l-produzzjoni industrijali laħqet il-qofol tagħha u April 2009 meta kienet fl-iktar valur baxx tagħha, ġie rreġistrat tnaqqis ta' kważi wieħed minn ħamsa. Fil-qasam tal-kostruzzjoni t-tnaqqis kien aktar bil-mod iżda kien akbar ukoll: il-produzzjoni naqset bejn Jannar/Frar 2008 (qabel il-qofol tal-kriżi) u Frar 2010 (l-inqas valur) b'madwar wieħed minn ħamsa. Il-volum ta’ bejgħ bl-imnut naqas b’mod sinifikanti wkoll għalkemm mhux b’mod drammatiku daqs il-produzzjoni. Dak iż-żmien dawn l-iżviluppi enfasizzaw l-importanza li jkollhom statistika għal terminu qasir li hija affidabbli u aġġornata. Fl-2009 seħħew żewġ bidliet metodoloġiċi importanti. L-ewwel, l-indikaturi fuq terminu qasir ġew ibbażati mill-ġdid mis-sena 2000 sas-sena 2005. Dan involva l-bidla aritmetika tas-sena bażi (medja 100 fl-2005 minflok 2000) u aġġornament tal-piżijiet użati fl-indikaturi biex jirrifletti l-istruttura ekonomika tal-2005. It-tieni, u b’mod parallel mal-proċess li jiġu bbażati mill-ġdid, il-klassifikazzjoni ġdida tal-attivitajiet ekonomiċi fl-Unjoni Ewropea, NACE Rev. 2, issostitwiet il-verżjoni aktar antika NACE Rev. 1.1. Il-klassifikazzjoni ġiet immodernizzata billi ġie introdott dettall ġdid biex jirrifletti l-forom differenti tal-produzzjoni u l-industriji emerġenti. Id-dettall tal-klassifikazzjoni żdied b’mod sostanzjali f’attivitajiet li jipproduċu servizz. NACE Rev. 2 jipprovdi stampa aħjar tal-ekonomija ġenerali u jiffaċilita t-tqabbil internazzjonali. It-tranżizzjoni għal NACE Rev. 2 saret mingħajr effetti notevoli fuq l-aspetti tal-kwalità bħat-tempestività jew l-istabilità tad-dejta (ara hawn taħt). AMBITU U KWALITÀ TAL-INDIKATURI FUQ TERMINU QASIR Ambitu u konformità mar-Regolament dwar l-istatistika għal żmien qasir F’Awwissu 2009 l-aħħar derogi li eżentaw lill-Istati Membri milli jwasslu dejta skont ir-Regolament (KE) Nru 1165/98 lill-Eurostat (li tikkonċerna prezzijiet dwar il-produttur ta' servizz) skadew. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 329/2009 emenda u aġġorna l-att legali bażiku u introduċa s-sigħat maħduma u l-pagi u s-salarji grossi bħala indikaturi ġodda tax-xogħol għall-bejgħ bl-imnut u t-tiswija u għal servizzi oħrajn. Wara din l-emenda, is-sigħat maħduma u l-pagi u s-salarji grossi se jinġabru mill-fergħat kollha tal-ekonomija koperta mill-istatistika għal terminu qasir. Id-dejta se tiġi kkalkulata għal perjodi trimestrali ta’ referenza u se ssir disponibbli fl-2013. Il-konformità tal-Istati Membri mar-Regolament dwar l-istatistika għal terminu qasir f’termini ta’ affidabilità, tempestività, koerenza u komparabilità hija mmonitorjata mill-Eurostat kull sitt xhur u turi livell għoli ta’ konformità u titjib konsistenti. Il-punteġġ medju tal-UE27 kien 8.9 (minn 10) mill-1 ta’ Ottubru 2010, kif imqabbel ma’ 8.5 għall-1 ta’ April 2005 u 6.6 għall-1 ta’ Jannar 2004. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kważi laħqu konformità sħiħa mar-Regolament. Eżattezza, affidabilità, koerenza u komparabilità Ir-Regolament (KE) Nru 1165/98 u atti marbuta miegħu introduċew sett ta’ definizzjonijiet komuni li huma applikati mill-Istati Membri kollha. Il-Eurostat u l-uffiċji nazzjonali tal-istatistika jaħdmu flimkien sabiex jiżguraw eżattezza għolja, affidabilità u koerenza tal-indikaturi fuq terminu qasir. Il-qafas metodoloġiku stabbilit bir-Regolament huwa kontinwament imtejjeb permezz ta' konsultazzjoni reċiproka u task forces speċjali ffukati b'mod tematiku. Għandu jiġu nnutat li l-metodoloġiji ma għandhomx għalfejn ikunu identiċi fl-Istati Membri. Skont Regolament dwar l-istatistika għal terminu qasir u b’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, l-Istati Membri huma ħielsa li jiddeċiedu dwar l-aktar modi effiċjenti u effettivi għall-ġbir u l-ipproċessar ta' dejta sabiex jikkunsidraw id-differenzi nazzjonali, eż. daqs, struttura ekonomika u disponibilità ta' dejta amministrattiva. Il-Eurostat jaħdem flimkien ukoll ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, b'mod speċjali mal-OECD, sabiex ikabbar il-komparabilità ta' dejta u metodi lil hinn mill-Unjoni Ewropea. Tempestività u puntwalità Għal statistika għal terminu qasir, id-disponibilità bikrija tad-dejta hija ta’ importanza kbira. Diġà fl-1998, l-ewwel regolament Ewropew dwar statistika għal terminu qasir inkluda skadenzi għat-twassil ta’ dejta nazzjonali lill-Eurostat (ara tabella 1, it-tielet kolonna). Bir-regolament emendatorju tal-2005[5] dawn l-iskadenzi tqassru b'mod konsiderevoli għal ħafna mill-indikaturi. It-tabella tindika wkoll id-dati attwali tat-twassil (eż. stqarrija tal-aħbarijiet) f'numru ta' jiem wara t-tmiem tal-perjodu ta' referenza. B’mod ġenerali, it-tempestività ta’ statistika għal terminu qasir tista’ tiġi kkunsidrata li hija tajba ħafna u kwalunkwe dewmien ġeneralment jikkorrispondi mal-jum ta' kunsinna fil-mira li jkun jew tmiem il-ġimgħa jew btala pubblika. Madankollu, l-istqarrijiet Ewropej ta’ indikaturi fuq terminu qasir għandhom jieħdu aktar ħin minn dak fl-Istati Uniti jew il-Ġappun. L-utenti huma infurmati bil-quddiem dwar il-pubblikazzjoni tad-dati tal-istqarrijiet tal-aħbarijiet permezz tal-kalendarju ta’ stqarrija fuq il-websajt tal-Eurostat[6]. Fl-2010, id-dati kollha mħabbra fil-kalendarju ta’ stqarrija ntlaħqu. Tabella 1 : It-tempestività mkejla bħala jiem bejn it-tmiem tal-perjodu ta' referenza u l-iskadenza tal-kunsinna, il-mira tal-KEF u t-tixrid Indikatur | Perjodiċità | Skadenzi tar-Regolament STS a) | Miri tal-KEF għall-2011 b) | Tixrid tat-totali tal-UE c) | Produzzjoni industrijali | Kull xahar | 40 | 40 | 42 | Prezzijiet tal-produzzjoni industrijali tas-suq domestiku | Kull xahar | 35 | 35 | 34 | Ordnijiet ġodda industrijali | Kull xahar | 50 | 50 | 55 | Prezzijiet tal-importazzjoni industrijali | Kull xahar | 45 | 45 | 34 | Produzzjoni fil-bini | Kull xahar | 45 | 45 | 49 | Dħul fil-bejgħ bl-imnut u t-tiswija | Kull xahar | 30 | 30 | 35 | Dħul u servizzi oħrajn | Kull tliet xhur | 60 | 60 | 61 | Prezzijiet ta’ produzzjoni tas-servizz | Kull tliet xhur | 90 | 60 | mhux applikabbli | Permessi għall-bini | Kull tliet xhur | 90 | 90 | 90 | a) Skadenzi għat-trażmissjoni ta’ dejta tal-Eurostat wara t-tmiem tal-perjodu ta’ referenza skont ir-regolament dwar l-istatistika għal terminu qasir. Innota li għal pajjiżi iżgħar spiss japplikaw skadenzi itwal. b) Miri stabbiliti sar-Rapport ta’ Status tal-2010 dwar ir-rekwiżiti tal-informazzjoni dwar l-UEM tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF). c) Jiem bejn tmiem il-perjodu ta’ referenza u t-tixrid (eż. stqarrija tal-aħbarijiet). Reviżjonijiet ta’ statistika għal terminu qasir L-ewwel riżultati ta’ indikaturi fuq terminu qasir huma parzjalment ibbażati fuq dejta preliminari, stmata u mhux kompluta. Għaldaqstant huwa mistenni li r-riżultati jinbidlu bejn l-ewwel u t-tieni pubblikazzjonijiet kif ukoll dawk sussegwenti. Wara l-ewwel stqarrija tad-dejta, ir-riżultati tal-istħarriġ spiss isiru aktar kompluti għaliex ikunu ġew miżjuda dawk li wieġbu tard jew dawk li kienu nieqsa. Ir-raġunijiet l-oħrajn għaliex d-dejta hija riveduta huma aġġustamenti staġonali, valutazzjoni komparattiva, sorsi ta' dejta ġodda u/jew imtejba, u korrezzjonijiet ta' żbalji jew bidliet metodoloġiċi. Madankollu, id-daqs tar-reviżjonijiet ta’ indikaturi fuq terminu qasir ġeneralment huwa limitat, b’mod speċjali fil-livell aggregat tal-UE u għaż-żona tal-euro. Sabiex tiġi vvalutata l-kwalità tal-ewwel riżultati tal-ħames indikaturi fuq terminu qasir ippubblikata fi stqarrija speċjali tal-aħbarijiet, il-bidliet bejn l-ewwel u t-tieni pubblikazzjoni tar-rati ta’ tkabbir ta’ kull xahar ġew analizzati għall-perjodu minn Ġunju 2007 sa Diċembru 2010. Tabella 2 : Daqs ta' reviżjoni għall-ħames indikaturi prinċipali fuq terminu qasir. Indikatur | Reviżjoni medja assoluta b) | Reviżjoni medja c) | Reviżjoni medja relattiva d) | Produzzjoni industrijali | 0.3 | 0.1 | 0.30 | Prezzijiet tal-produzzjoni industrijali tas-suq domestiku | 0.1 | 0.0 | 0.10 | Ordnijiet ġodda industrijali | 0.5 | -0.1 | 0.22 | Produzzjoni fil-bini | 0.5 | 0.0 | 0.41 | Volum ta’ kummerċ bl-imnut | 0.3 | 0.1 | 0.74 | a) Rati ta’ tkabbir aġġustati kull staġun tal-indikaturi taż-żona tal-euro b) Medja tad-differenzi f’termini assoluti bejn ir-rati ta' tkabbir fit-tieni u l-ewwel pubblikazzjoni. b) Medja tad-differenzi bejn ir-rati ta' tkabbir fit-tieni u l-ewwel pubblikazzjoni. d) Proporzjon medju bejn ir-reviżjoni u r-rata ta’ tkabbir fit-tieni pubblikazzjoni (it-tnejn f’termini assoluti). It-Tabella 2 turi, għall-aggregati Ewropej tal-ħames indikaturi soġġetti għal stqarrija tal-aħbarijiet, id-daqs medju ta’ reviżjonijiet ta’ rati ta’ tkabbir bejn l-ewwel u t-tieni pubblikazzjoni (xahar wara). F’termini assoluti (it-tieni kolonna) ir-reviżjonijiet medji jvarjaw bejn 0,1 punt perċentwali għall-prezzijiet industrijali tal-produzzjoni u 0,5 punti għal ordnijiet ġodda industrijali. Id-differenzi bejn l-indikaturi, fil-biċċa l-kbira għandhom raġunijiet metodoloġiċi. Bil-prezzijiet tal-produzzjoni industrijali spiss mhux riveduti għal kollox, reviżjonijiet tal-indikatur għal produzzjoni industrijali jistgħu jseħħu bosta snin wara l-ewwel pubblikazzjoni. Ir-reviżjonijiet medji (it-tielet kolonna) huma viċin iż-żero. Dan ifisser li, għall-perjodu analizzat, ma kienx hemm stima żejda jew nieqsa tar-rati ta' tkabbir fil-ħin tal-ewwel pubblikazzjoni. Finalment, l-aħħar kolonna f’tabella 2 tagħti indikazzjoni tal-iskala tar-reviżjonijiet matul il-perjodu analizzat billi turi r-relazzjoni bejn ir-reviżjoni tar-rata ta' tkabbir u r-rata ta' tkabbir innifisha fiż-żmien tat-tieni pubblikazzjoni. Aċċessibilità, ċarezza u disponibilità ta’ metadejta Id-dejta kollha dwar l-istatistika għat-terminu l-qasir hija aċċessibbli fuq il-websajt tal-Eurostat. It-taqsima speċjali dedikata għal statistika għal terminu qasir hija faċli biex wieħed isibha taħt it-tema “Industrija, kummerċ u servizzi” jew permezz tal-funzjoni tat-tiftix[7]. Spjegazzjonijiet komprensivi, immirati u dettaljati ta’ kwistjonijiet metodoloġiċi (metadejta) huma disponibbli wkoll, biċċa minnhom fil-pubblikazzjonijiet imsemmija hawn fuq (Statistics in focus, Panorama Trimestrali tal-istatistika Ewropea tan-negozju) u fuq il-websajt tal-Eurostat. Il-bażi tad-dejta “sorsi STS” tipprovdi diskussjonijiet dettaljati ta’ proċessi tal-istatistika, kwistjonijiet legali, regoli ta’ kunfidenzjalità, kwalità tad-dejta u deskrizzjoni tal-metodi ta’ ġbir ta’ dejta nazzjonali[8]. Għal numru ta’ indikaturi ewlenin, hemm disponibbli wkoll spjegazzjonijiet metodoloġiċi dettaljati (“Fokus fuq l-IEEP”)[9]. Spjegazzjonijiet konċiżi ta’ kunċetti tal-istatistika huma ppubblikati f’dizzjunarju onlajn fi stil wiki u bħala tweġibiet għal “Mistoqsijiet frekwenti”. SPEJJEż GħAS-SISTEMA TAL-ISTATISTIKA U PIż FUQ IN-NEGOZJI Il-Eurostat wettaq eżerċizzju ġenerali li jkopri 24 att legali bażiku tal-UE li jinvolvi intrapriżi bħala dawk li wieġbu jew bħala parti ewlenija ta’ dawk li wieġbu fl-2009 u ġabar dejta dwar il-piż tal-istatistika għall-intrapriżi (dejta dwar l-ispejjeż tal-produzzjoni għall-awtoritajiet tal-istatistika ma kinux inklużi). Għal statistika għal terminu qasir, ġiet ipprovduta dejta suffiċjenti għal statistika għal terminu qasir għas-snin 2006, 2007 u 2008 minn 21 pajjiż, iżda l-eżerċizzju ma tax ċifri mqabbla sħaħ minħabba problemi metodoloġiċi. Għaldaqtsant it-tendenzi biss jistgħu jiġu ppubblikati. Għal statistika tan-negozju fuq terminu qasir, ġie nnutat żvilupp reltattivament stabbli bejn l-2006 u l-2007, segwit minn ftit tnaqqis tal-piż tar-rispons bejn l-2007 u l-2008. Miżuri speċifiċi għall-ispiża u l-piż għal statistika għal terminu qasir bdiet bl-ewwel rapport ta’ kwalità ppubblikat fl-2003 li pprovda (għal indikaturi magħżula) dejta dwar in-numri ta’ intrapriżi li jwieġbu l-kwestjonarji kif ukoll stimi għal ħaddiema meħtieġa kemm mill-intrapriżi kif ukoll mill-awtoritajiet tal-istatistika biex jipproduċu statistika għal terminu qasir. Għat-tħejjija tat-tieni rapport ta’ kwalità ppubblikat fl-2008, task force stabbiliet qafas metodoloġiku biex jivvaluta l-ispiża u l-piż għal statistika għal terminu qasir bħala sħiħa jew għal indikaturi individwali. L-għodda għall-kejl kienet konsistenti mal-ispiża netta tal-UE għall-kejl tal-piż amministrattiv. Għar-rapport preżenti, id-dejta inġabret bejn Settembru u Ottubru 2010 għas-sena ta’ referenza 2009. Il-kejl segwa l-metodoloġija żviluppata għall-eżerċizzju preċedenti iżda kien aġġustat fid-dawl tal-esperjenza miksuba fil-passat u ffoka minn naħa fuq iż-żmien li kellhom bżonn n-negozji biex jiġbru d-dejta meħtieġa u biex iwieġbu talbiet dwar l-istatistika u, min-naħa l-oħra, fiż-żmien li l-awtoritajiet tal-istatistika kienu jeħtieġu jkunu konformi mar-Regolament dwar l-istatistika fuq terminu medju. Li wieħed jistabbilixxi indikaturi kwantitattivi affidabbli u komparabbli għall-ispejjeż (għal sistemi ta’ statistika biex jiġbru, jipproċessaw u jxerrdu d-dejta) u l-piż (fuq l-intrapriżi biex jipprovdu d-dejta) joħloq mistoqsijiet prattiċi u metodoloġiċi pjuttost diffiċli. Iż-żmien meħtieġ minn negozju medju biex jimla kwestjonarju ta' stħarriġ jew biex jipprovdi informazzjoni dwar oġġett partikolari jista' jkun indikat bejn wieħed u ieħor. Barra minn hekk, in-numru ta’ negozji li jwieġbu għal oġġetti individwali tal-istatistika huwa diffiċli biex jiġi stmat (pereżempju, negozju wieħed jista’ jkun f’bosta kampjuni għal oġġetti differenti li jista’ jwassal għal għadd doppju). B’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, il-kampjuni huma organizzati b’mod differenti fl-Istati Membri li jagħmel il-paraguni diffiċli. Fl-aħħar statistika għal terminu qasor tista’ tkun separata b’mod sħiħ minn statistiki oħrajn u spiss ma jkunx hemm metodu ċar biex tiġi allokata l-ispiża u l-piż għal statistiki differenti. Ħafna mid-dejta miġbura bi stħarriġ għal statistika għal terminu qasir se tintuża wkoll għal statistiki oħrajn b’mod partikolari l-kontijiet nazzjonali. Min-naħa l-oħra, id-dejta miġbura taħt ir-responsabilità nominali ta' dipartimenti oħra tal-istatistika tista’ tintuża wkoll għal statistika għal terminu qasir. Id-dejta disponibbli għall-Unjoni Ewropea bħala sħiħa tindika tnaqqis fl-ispiża tal-produzzjoni b’6% u tnaqqis fil-piż fuq intrapriżi bi 15% (it-tnejn li huma mkejla f’sigħat kull sena) bejn l-2006 u l-2009. Kif instab fl-aħħar rapport ta’ kwalità, l-ispejjeż għas-sistema tal-istatistika (eż. uffiċji tal-istatistika nazzjonali) u l-piż fuq in-negozji huma bejn wieħed u ieħor identiċi minkejja bidla żgħira tal-ispiża u l-piż globali min-negozji lejn l-awtoritajiet tal-istatistika. Kalkolu tentattiv tal-piż (li ġej prinċipalment mill-mili fil-kwestjonarji għal statistiki fuq terminu qasir) dwar negozju medju huwa ppreżentat fit-tabella 3 għall-indikaturi prinċipali. Innota li biex ikun iffaċilitat it-tqabbil il-piż huwa kkalkulat bħala minuti fix-xahar anke għall-indikaturi trimestrali. Piż minimu ta’ żero jindika li d-dejta mhijiex miġbura bi kwestjonarju tal-istatistika għal terminu qasir iżda hija meħuda minn sorsi amministrattivi. Għad hemm bosta każijiet meta l-piż jidher li huwa stmat iżżejjed. Tabella 3: Medji tal-pajjiżi bla piż (UE 27), l-ogħla u l-inqas valuri tal-pajjiż tal-piż (minuti kull xahar) fuq negozju li wieġeb għal kwestjonarju Produzzjoni industrijali | Prezzijiet ta’ produzzjoni industrijali | Ordnijiet ġodda industrijali | Produzzjoni fil-bini | Dħul fil-konsum u tiswija | Medja | 20 | 17 | 6 | 22 | 11 | Massimu | 73 | 70 | 19 | 87 | 22 | Minimu | 0 | 3 | 0 | 1 | 0 | TITJIB FIL-ġBIR U PPROċESSAR TA’ STATISTIKA GħAL TERMINU QASIR Hemm grupp ta’ fatturi li jispjegaw għala t-tnaqqis fl-ispiża u d-dejta mhux preċiża disponibbli ma jippermettux distinzjoni kwantitattiva tal-bosta influwenzi fuq il-figura totali. F’bosta każijiet, id-daqsijiet tal-kampjuni għall-istħarriġ ġie mnaqqas jew l-istħarriġ postali jew bil-faks ġew sostitwiti permezz ta' stħarriġ elettroniku jew fuq l-internet. Dan iwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż għall-awtoritajiet tal-istatistika. L-effett pożittiv għan-negozji ġejjin mill-possibilità li jinkludu verifiki ta’ plawżibilità fil-kwestjonarju elettroniku li jirriżulta f’inqas żbalji u numru inqas ta’ mistoqsijiet dwar il-klassifikazzjonijiet. Raġuni ewlenija għat-tnaqqis fil-piż fuq in-negozji tidher li hija d-dipendenza akbar mill-uffiċji tal-istatistika dwar dejta amministrattiva, b’mod partikolari għall-indikaturi tax-xogħol (sigħat maħduma, persuni impjegati, pagi u salarji grossi). Din it-tip ta’ informazzjoni spiss tkun diġà disponibbli eż. fi ħdan uffiċji tat-taxxa, amministrazzjonijiet tax-xogħol, assigurazzjonijiet soċjali pubbliċi jew awtoritajiet tal-bini u ma għandhiex tkun miġbura darba oħra għal skopijiet ta’ statistika. Filwaqt li l-użu ta’ sorsi amministrattivi eżistenti għal skopijiet ta' statistika jnaqqas il-piż fuq in-negozji, dan jista' jwassal għal spejjeż ogħla fi ħdan l-uffiċji tal-istatistika minħabba li d-dejta jista’ jkun li jkollha bżonn tiġi aġġustata. L-użu ta’ dejta amministrattiva jeħtieġ ukoll koordinazzjoni kontinwa b’mod partikolari meta l-pajjiżi jkollhom amministrazzjonijiet deċentralizzati. Barra minn hekk, l-użu ta’ dejta amministrattiva bħala input għal statistika għal terminu qasir huwa limitat b’mod partikolari għal indikaturi ta’ kull xahar meta r-rekwiżiti jkunu għoljin ħafna f'termini ta' tempestività u skadenzi qosra. Dejta amministrattiva spiss tinġabar b’mod inqas frekwenti minn dak li hu meħtieġ għal statistika għal terminu qasir u/jew issir disponibbli tard wisq. Barra minn hekk, huma meħtieġa aġġustamenti meta dejta amministrattiva ma tkunx xierqa b'mod dirett għar-rekwiżiti ta' definizzjoni ta' statistika għal terminu qasir, u tali aġġustamenti jista' jkollhom ukoll rabta mal-kwalità tad-dejta. Statistika għal terminu qasir hija kontinwament imtejba mill-uffiċji tal-istatistika fil-livell nazzjonali u b’koperazzjoni bejn l-uffiċji nazzjonali u l-Eurostat f’bosta task forces. Fimkien ma’ xi dominji oħrajn tal-istatistika, statistika għal terminu qasir hija koperta mill-programm għall-Modernizzazzjoni tal-Istatistika Ewropea tal-Intrapriża u tal-Kummerċ (MEETS). Fi ħdan il-programm statistika għal terminu qasir hija inkluża f’bosta azzjonijiet li jikkonċernaw użu ulterjuri ta’ dejta amministrattiva, l-akkomodazzjoni ta’ sorsi li sa issa għadhom ma ntużawx, il-kombinazzjoni tad-dejta minn sorsi differenti, il-ħżin tad-dejta, l-istima ta’ dejta mhux disponibbli, u l-armonizzazzjoni tad-definizzjonijiet. Dawn il-proċessi ta’ identifikazzjoni, żvilupp u taqsim ta' prassi tajbin diġà eżistenti għandhom jikkontribwixxu għal żieda fl-effiċjenza tal-ġbir tad-dejta u l-ipproċessar. Statistika għal terminu qasir diġà tuża varjetà ta’ strumenti biex tillimita l-piż tal-intrapriżi. Għal xi indikaturi, l-iskema Ewropea tal-kampjuni ġiet introdotta. Il-pajjiżi li qed jipparteċipaw f'tali skema għandhom jiġbru biss dejta minn dawk l-industriji jew prodotti li l-kontribuzzjonijiet nazzjonali tagħhom għall-aggregat fil-livell Ewropew jagħmlu differenza sinifikanti. Strument ieħor importanti biex inaqqas jew saħansitra jevita l-piż fuq negozji żgħar huwa li jiġu applikati livelli limiti meta tinġabar id-dejta. F’każijiet meta intrapriżi żgħar ma jkunux jistgħu jiġu eżentati kompletament mill-ġbir tad-dejta, huma applikati rati aktar baxxi ta’ kampjunar, jiġifieri negozju żgħir huwa inqas probabbli li jiġi inkluż f’kampjun. Teknika oħra ta' kampjunar li hija applikata f'rutina minn ħafna uffiċji tal-istatistika hija r-rotazzjoni tal-kampjuni sabiex sehem min-negozji jkun sostitwit kull sena. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li d-daqsijiet meħtieġa tal-kampjun għal statistika Ewropea fuq terminu qasir spiss ikunu inqas mid-daqsijiet tal-kampjun użati fil-prattika, minħabba li l-uffiċji nazzjonali jista' jkollhom jirriproduċu l-indikaturi b’analiżi reġjonali jew lokali. Anness: It-43 indikatur għal terminu qasir (IEEP b’tipa grassa), Q - indikatur trimestrali, M - indikatur ta' kull xahar L-Industrija | Il-kostruzzjoni | Negozju bl-imnut u tat-tiswija | Servizzi oħra | Produzzjoni | Produzzjoni industrijali (M) | Produzzjoni fil-kostruzzjoni (M/Q) Kostruzzjoni tal-bini Inġinerija ċivili | - | - | Ammont ta’ dħul | Dħul industrijali (M) Dħul industrijali domestiku Industrijali mhux domestiku (Żona tal-Euro u żona mhux tal-Euro) | - | Dħul fil-bejgħ bl-imnut u t-tiswija | Dħul f’servizzi oħrajn (Q) | Spejjeż | - | Spejjeż tal-kostruzzjoni (Q) Spejjeż tal-materjal L-ispejjeż tax-xogħol | - | - | Ordnijiet ġodda/ permessi għall-bini | Ordnijiet ġodda riċevuti (M) Ordnijiet ġodda domestiċi Ordnijiet ġodda mhux domestiċi (Żona tal-Euro u żona mhux tal-Euro) | Permessi għall-bini (Q) numru ta’ abitazzjonijiet m2 ta’ użu ta’ erja tal-art | - | - | Numru ta' persuni impjegati | Numru ta' persuni impjegati fl-industrija (Q) | Numru ta' persuni impjegati fil-kostruzzjoni (Q) | Numru ta' persuni impjegati fil-bejgħ bl-imnut u tiswija (Q) (għadu mhux disponibbli) | Numru ta' persuni impjegati f’servizzi oħrajn (Q) (għadu mhux disponibbli) | Sigħat maħduma | Sigħat maħduma fl-industrija (Q) | Sigħat maħduma fil-kostruzzjoni (Q) | Sigħat maħduma fil-bejgħ bl-imnut u tiswija (Q) (għadu mhux disponibbli) | Sigħat maħduma f’servizzi oħrajn (Q) (għadu mhux disponibbli) | Pagi u salarji grossi | Pagi u salarji grossi fl-industrija (Q) | Pagi u salarji grossi fil-kostruzzjoni (Q) | Pagi u salarji grossi fil-bejgħ bl-imnut u t-tiswija (Q) | Pagi u salarji grossi f’servizzi oħrajn (Q) | Prezzijiet ta’ produzzjoni | Prezzijiet ta’ produzzjoni industrijali (M) Prezzijiet ta’ produzzjoni domestika Prezzijiet ta’ produzzjoni mhux domestika (Żona tal-Euro u żona mhux tal-Euro) | Deflatur tal-bejgħ (M) | Prezzijiet tal-produzzjoni ta’ servizzi oħrajn (Q) | Il-prezzijiet tal-importazzjoni | Prezzijiet industrijali tal-importazzjoni (Żona tal-Euro u żona mhux tal-Euro) | - | - | - | [1] COM(2008) 340 finali, 9.6.2008. [2] COM (2003) 36 finali, 29.1.2003. [3] Rekwiżiti tal-istatistika tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-Istatistika Ekonomika Ġenerali, Bank Ċentrali Ewropew, Awwissu 2000. [4] Il-lista oriġinali tad-19-il IEEP ġiet stabbilita fl-2002 (Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsilll dwar l-Istatistika taż-Żona tal-Euro, 27.11.2002, COM(2002) 661 finali). Fl-2008 tliet indikaturi għas-suq tal-proprjetà ġew miżjuda, inklużi l-permessi għall-bini (Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,ir-Rapport tal-Istatus dwar ir-Rekwiżiti tal-Informazzjoni fl-UEM, Brussell, 4 ta’ Novembru 2008). [5] Ir-Regolament (KE) Nru 1158/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2005 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1165/98 li jikkonċerna l-istatistika għal żmien qasir (ĠU L 191, 22.7.2005, p.1). [6] http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/release_calendars/news_releases. Innota li l-kalendarju jkopri numru kbir ta' indikaturi prinċipali Ewropej, u mhux biss fil-qasam ta' statistika għal terminu qasir. [7] http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/short_term_business_statistics/introduction [8] http://circa.europa.eu/Public/irc/dsis/ebt/library?l=/methodology/sts_sources&vm=detailed&sb=Title [9] http://circa.europa.eu/Public/irc/dsis/ebt/library?l=/methodology&vm=detailed&sb=Title