Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0283

    Is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 8 ta’ Lulju 2010 dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan

    ĠU C 351E, 2.12.2011, p. 92–95 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 351/92


    Il-Ħamis 8 ta’ Lulju 2010
    Is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan

    P7_TA(2010)0283

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Lulju 2010 dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan

    2011/C 351 E/14

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kirgiżistan u l-Ażja Ċentrali, b'mod partikolari dawk tat-12 ta’ Mejju 2005 u tas-6 ta’ Mejju 2010,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Frar 2008 dwar Strateġija tal-UE għall-Ażja Ċentrali (1),

    wara li kkunsidra l-Programm tal-UE għall-Prevenzjoni ta’ Kunflitti Vjolenti adottat mill-Kunsill Ewropew f'Göteborg fl-2001,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar il-kunflitti l-ġodda li seħħew fil-Kirgiżistan fil-11 ta’ Ġunju 2010 u dwar ir-referendum kostituzzjonali tat-28 ta’ Ġunju 2010,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-14 ta’ Ġunju 2010,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan mill-Mibgħut Speċjali tal-President fil-kariga tal-OSKE, ir-Rappreżentant Speċjali tan-NU u r-Rappreżentant Speċjali tal-UE fil-Kirgiżistan tas-16 ta’ Ġunju 2010,

    wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għal Sħubija Ġdida mal-Ażja Ċentrali adottata mill-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta’ Ġunju 2007,

    wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt dwar il-Progress tal-14 ta’ Ġunju 2010 mill-Kunsill u l-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Ażja Ċentrali,

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija u ta’ Kooperazzjoni(PCA) bejn l-UE u l-Kirgiżistan li daħal fis-seħħ fl-1999,

    wara li kkunsidra l-Karta ta’ Strateġija Reġjonali tal-Komunità Ewropea għal Assistenza lill-Ażja Ċentrali għall-perjodu 2007-2013,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    A.

    billi fil-11 ta’ Ġunju 2010 faqqaw kunflitti vjolenti fil-bliet Kirgiżi tan-Nofsinhar ta’ Osh u Jalal-Abad, li komplew jintensifikaw ruħhom sal-14 ta’ Ġunju 2010, meta ġie rrapurtat li mijiet ta’ rġiel armati attakkaw it-toroq tal-bliet, jisparaw fuq iċ-ċivili u jqabbdu l-ħwienet, waqt li l-objettivi tagħhom għażluhom skont l-etniċità,

    B.

    billi skont l-awtoritajiet Kirgiżi madwar 300 persuna mietu fil-ġlied iżda ntwera li hemm il-biża', anki mill-kap tal-gvern interim Rosa Otunbayeva, li ċ-ċifra reali tista' tkun akbar; billi aktar minn 2 000 persuna sfaw midruba jew kellhom jiddaħħlu l-isptar u għad fadal ħafna li huma neqsin,

    C.

    billi hu stmat li, minħabba l-vjolenza, 300 000 persuna ġew spostjati internament u 100 000 persuna fittxew kenn fl-Uzbekistan qariba; billi l-gvern ta’ Tashkent ipprovda assistenza umanitarja lir-refuġjati bl-għajnuna ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, iżda għalaq il-fruntiera tiegħu mal-Kirgiżistan fl-14 ta’ Ġunju 2010 waqt li semma' nuqqas ta’ kapaċità biex jilqa' aktar nies,

    D.

    billi l-gvern interim iddikjara stat ta’ emerġenza fiż-żona u l-forzi tas-sigurtà ma rnexxielhomx jikkontrollaw is-sitwazzjoni; billi l-appelli li l-president interim Roza Otunbayeva għamlet lill-President Russu Medvedev u lill-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar is-Sigurtà Kollettiva għal appoġġ militari biex jerġa' jiġi instawrat l-ordni ġew irrifjutati; billi talba biex tintbagħat forza tal-pulizija internazzjonali fil-Kirgiżistan ġiet mgħoddija lill-OSKE u qed tiġi eżaminata minnha,

    E.

    billi l-UE għandha interess ċar f'Kirgiżistan li jgħix fil-paċi, fid-demokrazija u fil-prosperità ekonomika; billi l-UE impenjat ruħha, b'mod partikulari permezz tal-Istrateġija tagħha għall-Ażja Ċentrali, biex tkun sieħba tal-pajjiżi fir-reġjun; billi issa hemm bżonn urġenti ta’ ħafna aktar involviment internazzjonali u r-rispons tal-UE se jkollu impatt fuq l-kredibilità tagħha bħala sieħba,

    F.

    billi l-Kummissjoni allokat 5 miljun euro biex tipprovdi għajnuna medika ta’ emerġenza, għajnuna umanitarja, materjal mhux tal-ikel, protezzjoni u assistenza psikoloġika għall-persuni effettwati mill-kriżi; billi dan l-ammont għandu jitqabbel mal-appell urġentissimu tan-NU għal USD 71 miljun f'għajnuna ta’ emerġenza,

    G.

    billi l-UE, permezz tal-Programm ta’ Göteborg adottat fl-2001 u d-dokumenti sussegwenti, tirrikonoxxi l-importanza ta’ prevenzjoni tal-kunflitt u billi s-sitwazzjoni attwali fil-Kirgiżistan titlob sabiex ir-raġunament teoretiku jissarraf f'azzjoni prattika,

    H.

    billi referendum li tmexxa taħt ċirkustanzi pjuttost paċifiċi fis-27 ta’ Ġunju 2010 u b’ rata ta’ parteċipazzjoni għolja irriżulta fl-approvazzjoni ta’ iktar minn 90 % tal-votanti għal kostituzzjoni ġdida li tibbilanċja s-setgħat presidenzjali u s-setgħat parlamentari, għal konferma ta’ Rosa Otunbayeva bħala president interim sal-31 ta’ Diċembru 2011 u għax-xoljiment tal-Qorti Kostituzzjonali; billi l-elezzjonijiet parlamentari huma ppjanati għall-10 ta’ Ottubru 2010,

    I.

    billi l-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali qed jiffaċċjaw għadd ta’ sfidi komuni, bħall-faqar u theddidiet serji għas-sigurtà tal-bniedem, u l-bżonn li tissaħħaħ id-demokrazija, governanza tajba u l-istat tad-dritt; billi jeħtieġ li titrawwem u titjieb il-kooperazzjoni reġjonali sabiex jiġi żviluppat approċċ komuni għall-problemi u l-isfidi li qed jiffaċċja r-reġjun; billi l-protagonisti reġjonali u internazzjonali għandhom ifittxu approċċ iktar komuni għall-problemi u l-isfidi li qed jiffaċċja r-reġjun,

    J.

    billi l-UE dejjem għandha tirrispetta l-impenn tagħha għall-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-ftehimiet tagħha ma’ stati terzi, u tippromwovi riformi demokratiċi permezz ta’ politiki koerenti u b'hekk iżżid il-kredibilità tagħha bħala protagonista fir-reġjun,

    1.

    Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-kunflitti traġiċi u vjolenti li faqqgħu fin-Nofsinhar tal-Kirgiżistan u joffri l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi kollha;

    2.

    Jikkundanna l-vjolenza reċenti fin-Nofsinhar tal-Kirgiżistan; jiddeplora l-mewt ta’ persuni u jesprimi t-tama li tinstab soluzzjoni paċifika għall-kunflitt fil-Kirgiżistan, ibbażata fuq prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

    3.

    Jistieden lill-gvern interim biex imexxi stħarriġ kredibbli, imparzjali u indipendenti fir-rigward tal-vjolenza, bil-possibilità ta’ assistenza minn protagonisti internazzjonali, bl-għan li ssir ġustizzja minn min wettaq il-vjolenzi;

    4.

    Jistieden lill-awtoritajiet interim biex jagħmel kull sforz biex jirritornaw għan-normalità u biex joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ir-refuġjati u l-persuni spostjati internament (IDPs) ikunu jistgħu jirritornaw lejn djarhom fis-sikurezza u d-dinjità; iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali biex jieħdu miżuri effettivi biex tinbena l-fiduċja u biex jinbeda djalogu ġenwin mal-komunitajiet etniċi kollha li jgħixu fin-Nofsinhar tal-Kirgiżistan bil-għan li jiġi żviluppat proċess ta’ rikonċiljazzjoni kredibbli;

    5.

    Jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tintensifika l-assistenza umanitarja b'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u biex tniedi programmi ta’ rikostruzzjoni fuq medda ta’ żmien qasira u medja għad-djar meqruda, biex tintradd lura l-proprjetà mitlufa u għall-proġetti ta’ riabilitazzjoni b'kollaborazzjoni mal-awtoritajiet Kirgiżi u donaturi oħra, sabiex jinħolqu kundizzjonijiet li jwasslu għar-ritorn tar-refuġjati u tal-persuni spostjati internament; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għall-importanza tal-proġetti għall-iżvilupp lokali;

    6.

    Jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jsir sforz maġġuri internazzjonali biex tingħata assistenza għar-rikostruzzjoni, l-istabilizzazzjoni u r-rikonċiljazzjoni fin-Nofsinhar tal-Kirgiżistan, u għall-opportunità li toffri l-laqgħa tad-donaturi ppjanata li ssir f'Bishkek fis-27 ta’ Lulju 2010 biex jitqegħdu l-pedamenti għal dan l-isforz;

    7.

    Jenfasizza li r-rispons umanitarju jrid ikun akkumpanjat minn sforzi sabiex is-sitwazzjoni tiġi stabbilizzata u jitnaqqas u jitwaqqaf ir-riskju konsiderevoli ta’ vjolenza ġdida, li hija theddida wkoll għall-paċi u s-sigurtà f'partijiet oħra ta’ Wied Ferghana, li huwa maqsum bejn l-Uzbekistan, il-Kirgiżistan u t-Taġikistan;

    8.

    Jitlob żieda sostanzjali fl-għajnuna umanitarja tal-UE lill-persuni effettwati mill-vjolenza reċenti fin-Nofsinhar tal-Kirgiżistan, kif ukoll biex isir użu komprensiv tal-Istrument għall-Istabilità;

    9.

    Jemmen li se jkun neċessarji livell ġdid ta’ impenn tal-UE fin-Nofsinhar tal-Kirgiżistan, ukoll fuq medda twila ta’ żmien; itenni t-talba tiegħu biex il-Kummissjoni tħejji proposti għar-riallokazzjoni ta’ fondi taħt l-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, maħsub biex l-UE titqiegħed f'pożizzjoni aħjar biex tagħti rispons qawwi lis-sitwazzjoni l-ġdida fil-Kirgiżistan; iqis li iffokar fuq is-sigurtà tal-bniedem huwa essenzjali fil-politika tal-UE għall-Ażja Ċentrali;

    10.

    Jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri biex jappoġġaw u jikkontribwixxu b'mod attiv għall-użu mgħaġġel tal-missjoni tal-pulizija tal-OSKE bl-għan li jiġi evitat it-tfaqqigħ ta’ vjolenzi ġodda, tiġi stabilizzata s-sitwazzjoni fil-bliet effettwati mill-kunflitti, jiġu protetti l-vittmi u l-iktar persuni vulnerabbli u jiġi ffaċilitat ir-ritorn tar-refuġjati u tal-persuni spostjati internament;

    11.

    Jieħu nota tal-imġiba pjuttost paċifika tar-referendum kostituzzjonali fil-Kirgiżistan fis-27 ta’ Ġunju 2010; jenfasizza li r-ritorn għall-ordni kostituzzjonali u l-istat tal-liġi huma kruċjali għall-prospettiva ta’ stabilizzazzjoni tas-sitwazzjoni fil-pajjiż fuq perjodu ta’ żmien twil; jenfasizza li l-elezzjonijiet parlamentari li jmiss (provviżorjament ippjanati għal Ottubru 2010) għandhom jagħtu l-bażi kostituzzjonali għal gvern li jgawdi kemm leġittimità qawwija kif ukoll appoġġ popolari wiesa'; jistieden għalhekk lill-awtoritajiet biex jieħdu miżuri immedjati u deċiżi biex jirrimedjaw in-nuqqasijiet sinifikattivi identifikati mill-OSKE / ODIHR qabel l-elezzjonijiet parlamentari li jmiss; jistenna bil-ħerqa l-ħolqien ta’ rabtiet interparlamentari b'saħħithom mal-Parlament futur tal-Kirgiżistan;

    12.

    Jesprimi tħassib fir-rigward ta’ rapporti dwar arresti ta’ xi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kirgiżistan u jitlob biex dawn jinħelsu minnufih; jistieden lill-awtoritajiet Kirgiżi biex jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ikunu jistgħu jwettqu xogħlhom għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem mingħajr xkiel;

    13.

    Jenfasizza l-interessi u r-responsabilitajiet komuni li għandhom il-Kirgiżistan, il-pajjiżi ġara tiegħu, ir-Russja, iċ-Ċina, l-UE, l-Istati Uniti, l-OSKE u l-bqija tal-komunità internazzjonali fir-rigward tal-prevenzjoni tad-destabilizzazzjoni, u jitlob biex il-protagonisti kollha involuti biex jidentifikaw sinerġiji;

    14.

    Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-diffikultajiet tal-proċess ta’ demokratizzazzjoni fil-Kirgiżistan, li jidhru li ġejjin mill-pożizzjoni dgħajfa tal-gvern interim tal-Kirgiżistan u l-qawwa ta’ netwerks kriminali fil-pajjiż, inkluż ta’ traffikanti tad-droga fin-Nofsinhar tal-Kirgiżistan;

    15.

    Jemmen li l-ħolqien ta’ sistema politika pluralista li tippermetti r-rappreżentanza ta’ interessi differenti u l-arbitraġġ bejniethom huwa fundamentali sabiex jitnaqqsu t-tensjonijiet u jiġi evitat li tfaqqa' vjolenza ġdida u li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jappoġġaw attivament id-demokratizzazzjoni u jistinkaw biex inaqqsu d-distakk bejn l-attitudnijiet ta’ protagonisti internazzjonali, sabiex itejbu l-prospetti għall-proċess ta’ riforma fil-Kirgiżistan;

    16.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-gvern interim tal-Kirgiżistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-OSKE u lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.


    (1)  ĠU C 184 E, 6.8.2009, p. 49.


    Top