Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0281

Il-Kosovo Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 8 ta’ Lulju 2010 dwar il-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea tal-Kosovo

ĠU C 351E, 2.12.2011, p. 78–85 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 351/78


Il-Ħamis 8 ta’ Lulju 2010
Il-Kosovo

P7_TA(2010)0281

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Lulju 2010 dwar il-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea tal-Kosovo

2011/C 351 E/12

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza li ħarġu mil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Tessaloniki tad-19 u l-20 ta’ Ġunju 2003, fejn saret il-wegħda lill-istati kollha tal-Balkani tal-Punent li dawn jissieħbu mal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tas-7 ta’ Diċembru 2009 li jisħqu li l-Kosovo, bla ħsara għall-pożizzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-istatus tiegħu, għandu jibbenefika wkoll mill-prospettiva ta’ proċess eventwali tat-tneħħija tar-rekwiżit ta’ viża ladarba jintlaħqu l-kundizzjonijiet kollha u jistiednu lill-Kummissjoni sabiex tipproċedi b'approċċ strutturat biex tressaq lin-nies tal-Kosovo eqreb lejn l-UE,

wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK tal-4 ta’ Frar 2008 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO, emendata mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2009/445/PESK tad-9 ta’ Ġunju 2009,

wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/123/PESK tal-4 ta’ Frar 2008 li taħtar Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/118/PESK tal-25 ta’ Frar 2010 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ottubru 2009 bl-isem “Strateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2009-2010” (COM (2009)0533) u r-rapport mehmuż tal-Kummissjoni dwar il-progress li sar fil-Kosovo fl-2009 u l-istudju bl-isem “Il-Kosovo (1) - It-Twettiq tal-Perspettiva Ewropea tiegħu” (COM(2009)0534),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tat-2 Laqgħa Interparlamentari bejn il-PE u l-Kosovo tas-7 ta’ April 2009 u tat-3 Laqgħa Interparlamentari bejn il-PE u l-Kosovo tat-23 ta’ Ġunju 2010,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ Marzu 2007 dwar il-futur tal-Kosovo u l-irwol tal-UE (2) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Frar 2009 dwar il-Kosovo u l-irwol tal-UE (3),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1244(1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1244/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (4) u partikolarment l-Anness I tiegħu li fih saret referenza għall-persuni residenti fil-Kosovo (UNSCR 1244) għal finijiet ta’ ċarezza legali u ta’ sigurtà,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta’ Ottubru 2008 (A/RES/63/3) li talbet lill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja sabiex tagħti opinjoni konsultattiva dwar il-konformità mad-dritt internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta’ indipendenza mill-Istituzzjonijiet Proviżorji tal-Gvern Awtonomu tal-Kosovo,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar id-dokument ta’ strateġija tal-2009 tal-Kummissjoni dwar it-tkabbir li jikkonċerna l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, l-Islanda u t-Turkija (5),

wara li kkunsidra r-rapport finali tas-26 ta’ Marzu 2007 tal-Mibgħut Speċjali tan-NU dwar l-istatus ġejjieni tal-Kosovo u dwar il-Proposta ta’ Status Komprensiv sabiex jiġi Riżolt l-Istatus tal-Kosovo,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi l-istabilità reġjonali fil-Balkani tal-Punent u l-integrazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fl-UE huma prijoritajiet għall-Unjoni Ewropea; billi dawn il-prijoritajiet jistgħu jinżammu biss jekk l-isħubija mal-UE hija prospett tanġibbli għall-pajjiżi kollha ta’ dan ir-reġjun,

B.

billi l-komunità internazzjonali minn dejjem iddefendiet is-sostenibilità ta’ stati multietniċi u plurireliġjużi fil-Balkani tal-Punent, abbażi tal-valuri tad-demokrazija, tat-tolleranza u tal-multikulturaliżmu,

C.

billi ċ-ċittadini tas-Serbja, ta’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u tal-Montenegro setgħu jivvjaġġaw lejn l-UE mingħajr viża mid-19 ta’ Diċembru 2009 'l quddiem u l-istess hu mistenni li jkun possibbli għaċ-ċittadini tal-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina dalwaqt; billi ċ-ċittadini tal-Kosovo ma jistgħux jitħallew l-art u iżolati miċ-ċittadini tal-pajjiżi l-oħra tar-reġjun u għalhekk il-proċess tat-tneħħija tar-rekwiżit ta’ viża mal-Kosovo għandu jinbeda mingħajr dewmien, sakemm jiġu ssodisfati l-kriterji neċessarji kollha,

D.

billi attwalment il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ntalbet opinjoni konsultattiva dwar il-konformità mad-dritt internazzjonali tad-Dikjarazzjoni Unilaterali ta’ Indipendenza mill-Istituzzjonijiet Proviżorji tal-Gvern Awtonomu tal-Kosovo u billi l-konklużjonijiet tagħha għadhom pendenti,

E.

billi d-deċiżjoni li l-Kosovo ma jkunx inkluż fit-tneħħija tar-rekwiżit ta’ viża turi kontradizzjoni qawwija fl-istrateġija tal-UE fir-rigward tal-Kosovo li tikkonsisti, minn naħa, fid-diskrepanza bejn l-isforz ta’ għajnuna enormi f'termini ta’ riżorsi u persunal u, min-naħa l-oħra, fiż-żamma tal-fruntieri magħluqa għal dawk kollha li xogħolhom jista' jikkontribwixxi għall-iżvilupp,

1.

Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo tas-17 ta’ Frar 2008, li ġiet rikonoxxuta minn 69 pajjiż; jinnota li 22 Stat Membru tal-UE għarfu lill-Kosovo bħala pajjiż indipendenti u li ħamsa m'għamlux dan; iħeġġeġ lill-Istati Membri, sabiex il-politiki tal-UE jkunu iktar effettivi għall-poplu tal-Kosovo, biex isaħħu l-approċċ komuni tagħhom lejn il-Kosovo bil-għan li sseħħ l-adeżjoni tal-Kosovo fi ħdan l-UE; jilqa' l-approċċ kostruttiv lejn il-Kosovo enfasizzat mill-Presidenza Spanjola minkejja n-nuqqas ta’ rikonoxximent tagħha tal-pajjiż; jilqa' r-rikonoxximent mill-Istati Membri kollha tal-indipendenza tal-Kosovo (jekk dan iseħħ);

2.

Jenfasizza l-importanza kbira tal-proċessi ta’ integrazzjoni mal-UE tal-pajjiżi kollha fir-reġjun għall-istabbilizzazzjoni reġjonali; jissottolinja li l-prospettiva ta’ adeżjoni fl-UE hija inċentiv qawwi għar-riformi meħtieġa fil-Kosovo u jitlob li jittieħdu passi prattiċi biex din il-prospettiva ssir iktar tanġibbli kemm għall-gvern kif ukoll għaċ-ċittadini; għal dan il-għan, jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi l-Kosovo fil-proċess ta’ sorveljanza li jibda fil-bidu tal-2011 u bil-għan li l-pajjiż jitħejja għat-tnedija tan-negozjati dwar il-Ftehima ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u biex tinforma lill-awtoritajiet tal-Kosovo bil-passi li għandhom jittieħdu qabel ma l-Kummissjoni tipprepara l-pjan direzzjonali għall-proċess tat-tneħħija tar-rekwiżit ta’ viża u biex tiddefinixxi l-pjan direzzjonali mill-ewwel ġaladarba jkunu ttieħdu dawn il-passi;

3.

Jieħu nota tar-rikonoxximent tal-indipendenza tal-Kosovo mill-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ġirien tiegħu, u r-relazzjoni tajba magħhom; jinnota l-fatt li l-Kosovo tħalla jsir membru tal-Bank Dinji, il-Fond Monetarju Internazzjonali u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra;

4.

Itenni l-opinjoni tiegħu espressa fir-riżoluzzjonijiet tad-29 ta’ Marzu 2007 u tal-5 ta’ Frar 2009 li tirrifjuta l-possibilità tat-tqassim tal-Kosovo;

5.

Huwa mħasseb dwar l-istat tar-relazzjoni mas-Serbja u jenfasizza li relazzjoni tajba mal-pajjiżi ġirien hija kriterju essenzjali għall-aspirazzjonijiet tas-Serbja kif ukoll tal-Kosovo u tal-pajjiżi l-oħra kollha tar-reġjun sabiex jissieħbu mal-UE; filwaqt li jifhem l-implikazzjonijiet emozzjonali tal-gwerra tal-1999 u jifhem li r-rikonoxximent uffiċjali tal-Kosovo mhuwiex għażla politika fattibbli bħalissa għall-mexxejja ta’ Belgrad, madankollu jitlob lis-Serbja biex tkun prammatika dwar il-kwistjoni tal-istatus; jilqa', għal dan il-għan, l-iffirmar tal-protokoll tal-pulizija mal-EULEX u jitlob li jkun hemm kooperazzjoni miżjuda mal-missjoni; jitlob, barra minn hekk, lis-Serbja biex toqgħod lura milli timblokka s-sħubija tal-Kosovo f'organizzazzjonijiet internazzjonali u partikolarment l-applikazzjoni riċenti biex jissieħeb fl-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; jenfasizza li l-kunflitt jaffettwa wkoll il-kummerċ u l-kooperazzjoni reġjonali skont il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA), billi jikkawża ħsara lill-ekonomiji tal-pajjiżi fir-reġjun; jitlob lin-naħat kollha biex jieħdu approċċ prammatiku sabiex tkun tista' tinkiseb l-integrazzjoni reġjonali tal-Kosovo; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-opinjoni konsultattiva mistennija mill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar jekk id-dikjarazzjoni unilaterali ta’ indipendenza mill-Istituzzjonijiet Proviżorji ta’ Tmexxija Proprija tal-Kosovo hix skont il-liġi internazzjonali m'għandhiex iżżomm lill-partijiet kollha involuti milli jintrabtu biċ-ċar f'kooperazzjoni effikaċi fuq livell transkonfinali, reġjonali u lokali fl-aħjar interess tal-popolazzjoni kollha fil-Kosovo u tal-madwar;

6.

Ifakkar li kwalunkwe pajjiż li jixtieq isir membru tal-UE għandu jissodisfa l-kriterji tal-adeżjoni u, fil-każ tal-Balkani tal-Punent, il-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ assoċjazzjoni huwa l-qafas tan-negozjati mal-UE; jenfasizza li wieħed mit-tliet għanijiet importanti tal-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ assoċjazzjoni huwa l-kooperazzjoni reġjonali;

7.

Jisħaq li l-integrazzjoni u l-kooperazzjoni reġjonali huma kruċjali għas-sigurtà u għall-istabbilità tal-Ewropa kif ukoll għall-ħolqien ta’ kuntest favorevoli għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo; huwa tal-fehma li pakkett ta’ qbil dwar is-sigurtà u l-kooperazzjoni fil-Balkani tal-Punent ikun ta’ min wieħed jixtiequ;

8.

Jitlob it-tisħiħ tal-kooperazzjoni transkonfinali bejn is-Serbja u l-Kosovo, partikolarment fil-livell lokali, dwar il-kwistjonijiet li huma importanti għaċ-ċittadini, bħall-ambjent, l-infrastruttura u l-kummerċ;

9.

Jinnota li ċerti Stati Membri japplikaw miżuri ta’ faċilitazzjoni tal-viżi b'mod unilaterali filwaqt li tmien Stati Membri jibqgħu jitolbu tariffi sħaħ għall-viżi; jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-Kummissjoni biex jagħmlu kull sforz sabiex jadottaw bil-ħeffa proċedura faċilitata proviżorja uniformi sabiex l-ivvjaġġar isir iktar sempliċi għaċ-ċittadini tal-Kosovo, partikolarment fid-dawl tal-possibbiltajiet offruti skont il-kodiċi l-ġdid tal-viżi;

10.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-elezzjonijiet lokali li saru fil-15 ta’ Novembru 2009 bħala l-ewwel elezzjonijiet organizzati bir-responsabbiltà politika tal-Gvern tal-Kosovo; jilqa' l-fatt li b'mod ġenerali dawn saru bil-kalma u f'atmosfera tajba; jenfasizza madankollu li ġew irrappurtati għadd ta’ irregolaritajiet; jistieden lill-awtoritajiet biex jimplimentaw malajr ir-rakkomandazzjonijiet tal-komunità internazzjonali, inkluż it-tibdil meħtieġ għal-liġi elettorali sabiex jiġu ċċarati l-livelli ta’ ġurisdizzjoni li jittrattaw l-ilmenti u biex il-kompetenzi jitqassmu sew bejn il-Kummissjoni tal-Elezzjonijiet Ċentrali u l-Kummissjoni tal-Ilmenti u l-Appelli, biex jiġu aġġornati l-listi tal-votanti u biex tiġi żgurata l-edukazzjoni konsistenti tal-votant; jenfasizza l-ikbar importanza tar-rieda politika għall-avvanz ta’ dawn ir-riformi u biex jinżammu responsabbli dawk li jkunu wettqu frodi elettorali bil-ħsieb tal-elezzjonijiet ġenerali li jmiss;

11.

Jiddispjaċih li Belgrad għadha ssostni strutturi paralleli fiż-żoni Serbi u li b'hekk jiddgħajfu u jiġu kompromessi s-setgħat tal-muniċipalitajiet li għadhom kif ġew stabbiliti; jistieden lis-Serbja tadotta atitudni aktar kostruttiva u żżarma dawn l-istrutturi;

12.

Itenni l-importanza ta’ implimentazzjoni effettiva tal-proċess ta’ deċentralizzazzjoni u jilqa' r-rata għolja ta’ parteċipazzjoni tas-Serbi tal-Kosovo tan-naħa t'isfel tax-xmara Ibar fl-aħħar elezzjonijiet bħala pass lejn il-bini ta’ ġejjieni sostenibbli għalihom fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-Gvern biex jappoġġa bi sħiħ il-mexxejja li għadhom kif ġew eletti f'dawn il-muniċipalitajiet b'għajnuna finanzjarja u politika suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jistabbilixxu l-istrutturi meħtieġa malajr sabiex jipprovdu servizzi importanti bl-assistenza tal-Kummissjoni; iqis il-funzjonament effiċjenti tal-istrutturi muniċipali bħala kruċjali għall-parteċipazzjoni tas-Serbi tal-Kosovo fil-proċessi politiċi u l-istrutturi amministrattivi tal-Kosovo; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tappoġġa l-proġetti ta’ żvilupp u ta’ infrastruttura mibdija fil-muniċipji li għadhom kif ġew stabbiliti; sabiex jiġi evitat kunflitt mal-istrutturi paralleli, partikolarment fil-qasam tal-edukazzjoni u s-saħħa, iħeġġeġ lill-Gvern biex bl-għajnuna tar-RSUE/ICR ifassal strateġija dwar kif għandu jkun l-approċċ għal strutturi bħal dawn;

13.

Jilqa' t-twaqqif ta’ Dar l-UE fit-Tramuntana tal-Kosovo iżda huwa mħasseb dwar is-sitwazzjoni f'din il-parti tal-Kosovo, li għadha qed tbati minn nuqqasijiet kbar fl-istat tad-dritt, aktar pressjoni u intimidazzjoni tas-soċjetà ċivili mill-gruppi radikali u mill-kriminalità organizzata; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li l-Kunsill jagħmel il-missjoni dwar l-istat ta’ dritt operattiva fit-territorju kollu tal-Kosovo u jitlob lill-Kummissjoni biex tgħolli l-profil tal-ħidma tagħha f'isem il-komunità Serba fit-Tramuntana, filwaqt li jiġi enfasizzat lill-atturi kollha li għaddejjin minn din is-sitwazzjoni li l-kooperazzjoni lokali, reġjonali u transkonfinali hija ta’ valur għall-popolazzjoni kollha kemm hi; għal dan il-għan, jilqa' r-reġistrazzjoni ta’ oġġetti kummerċjali fil-Passaġġi 1 u 31, ħaġa li għenet biex jitnaqqsu l-attivitajiet ta’ kuntrabandu fir-reġjun, u jitlob li jittieħdu iktar passi biex jerġa' jiddaħħal il-ġbir tad-dazji; jesprimi tħassib dwar il-problemi fil-funzjonament ta’ bħalissa tal-ġudikatura fir-reġjun ta’ Mitrovica u jistieden lis-Servja u lill-Kosovo biex jiffinalizzaw il-ftehim dwar ir-reklutaġġ fil-qorti ta’ Mitrovica tat-Tramuntana b'imħallfin u prosekutur Serbi Kosovari; jappoġġa l-pjanijiettal-integrazzjoni mill-ġdid tat-Tramuntana tal-pajjiż fl-istrutturi politiċi u amministrattivi tal-Kosovo u jitlob li dawn jiġu implimentati b'attenzjoni xierqa għas-sensittivitajiet tal-minoranza Serba ħalli jitjiebu u jitkattru s-servizzi governattivi fir-reġjun u jitjiebu l-kundizzjonijiet ta’ ħajja għaċ-ċittadini t'hemmhekk b'mod li jippermetti li jkun hemm gvern awtonomu b'firxa wiesa'; jistieden lill-EULEX biex tagħmel sforzi sabiex jiżdiedu l-attivitajiet tagħha fit-Tramuntana, b'mod partikolari sabiex tkattar relazzjonijiet interetniċi tajbin, filwaqt li l-popolazzjoni li għaddejja minn din is-sitwazzjoni tkun infurmata dwar l-azzjoni tal-UE u dwar il-missjoni li għaddejja bħalissa favur l-istat ta’ dritt;

14.

Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-isplużjoni qattiela li qatlet persuna u weġġgħet għaxra oħra li seħħet f'Mitrovica Tramuntana fit-2 ta’ Lulju 2010 waqt id-dimostrazzjonijiet kontra l-ftuħ ta’ ċentru ta’ servizzi ċivili u dwar l-attakk tal-5 ta’ Lulju 2010 fuq membru Serb etniku tal-assemblea tal-Kosovo; jikkundanna bil-qawwa kull att ta’ vjolenza u jsejjaħ lill-partijiet biex jaġixxu b'mod responsabbli; iħeġġeġ lill-EULEX biex jagħmel kull sforz biex itaffi it-tensjoni u jipprevjeni aktar vjolenza u jsejjaħ lill-Pulizija tal-Kosovo biex, bl-għajnuna tal-EULEX, jibdew minnufih investigazzjonijiet bir-reqqa u imparzjali dwar il-ġrajjiet sabiex iressqu lill-min wettaqhom għall-ġustizzja;

15.

Jenfasizza l-importanza tas-suċċess tal-Missjoni tal-UE għall-Istat tad-Dritt EULEX, kemm għall-iżvilupp sostenibbli, il-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet u l-istabbiltà tal-Kosovo, u għall-ambizzjonijiet tal-UE bħala parteċipant globali fil-konsolidazzjoni tal-paċi; jenfasizza r-responsabilità tal-EULEX fir-rigward tal-poteri eżekuttivi tagħha kif ukoll tal-mandat tagħha li tissorvelja, tiggwida u tagħti pariri; jinkoraġġixxi, f'dan is-sens, lill-EULEX tieħu azzjonijiet aktar konkreti ħalli jsir progress fil-każijiet ta’ korruzzjoni f'livelli għoljin; jagħraf il-progress tajjeb li sar f'xi oqsma bħall-pulizija u d-dwana iżda jenfasizza li x-xogħol għandu jiġi aċċellerat sabiex il-missjoni sa fl-aħħar tibda turi riżultati tanġibbli f'oqsma oħra, partikolarment f'każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli, il-kriminalità organizzata u d-delitti tal-gwerra; jilqa' għalhekk l-aktar approċċ riċenti tal-EULEX ħalli jkunu indirizzati l-każijiet possibbli ta’ korruzzjoni wkoll fl-ogħla livell governattiv u amministrattiv u jenfasizza l-ħtieġa li tissokta f'din it-triq ħalli jkunu żgurati l-kredibilità u l-viżibilità tal-azzjonijiet tal-EULEX; jenfasizza li f'dan ir-rigward attenzjoni partikolari fuq il-qasam tal-akkwisti pubbliċi hija ta’ importanza kbira u li fil-qafas tal-kriminalità organizzata, il-EULEX għandha tissokta biex tikseb riżultati konkreti fil-lok; huwa mħasseb, f'dan ir-rigward, dwar għadd kbir ta’ każijiet pendenti minħabba l-għadd kbir mhux mistenni ta’ każijiet trasferiti lill-EULEX mill-Missjoni Temporanja ta’ Amministrazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo; jenfasizza li n-numru ta’ mħallfin u prosekuturi disponibbli għall-EULEX huwa insuffiċjenti, u jitlob lill-Istati Membri biex jissekondaw l-għadd meħtieġ ta’ esperti jew biex jipprovdu għar-reklutaġġ tagħhom; jissottolinja l-importanza tas-simplifikazzjoni tal-burokrazija fi ħdan l-EULEX; jisħaq, f'dan is-sens, dwar in-neċessità għal ġestjoni, koordinazzjoni u kooperazzjoni interni kompetenti, ħalli l-missjoni taħdem b'mod effiċjenti; jenfasizza l-ħtieġa għat-trasparenza u r-responsabbiltà fix-xogħol tal-EULEX kif ukoll biex jintwera element ta’ sensittività għall-kuntest politiku tal-attivitajiet tagħha sabiex tiżdied il-leġittimità tagħha mill-perspettiva taċ-ċittadini; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li tinżamm komunikazzjoni mill-qrib mal-Gvern, maċ-ċittadini u mal-mezzi tax-xandir tal-Kosovo; jinkoraġġixxi lill-EULEX biex tikkomunika l-kisbiet tal-missjoni liċ-ċittadini Kosovari u, barra minn hekk, biex taħdem ħalli tkattar il-fiduċja fil-missjoni u tkun b'għajnejha miftuħin għall-istennijiet taċ-ċittadini; jilqa' t-twaqqif riċenti ta’ Grupp ta’ Esperti għas-Sorveljanza tad-Drittijiet tal-Bniedem, inkarigat biex jara l-ilmenti ppreżentati minn persuni li jallegaw li huma vittmi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem mill-EULEX hi u twettaq il-mandat eżekuttiv tagħha;

16.

Jistieden lill-korpi kompetenti tiegħu, b'mod partikolari s-Sottokumitat għas-Sikurezza u d-Difiża, biex iżidu l-iskrutinju u s-sorveljanza tal-EULEX, possibilment b'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili tal-Kosovo; jitlob, għal dan il-għan, lill-Kunsill biex jgħaddi kull valutazzjoni u kull rapport ta’ reviżjoni, regolari u eċċezzjonali, dwar il-EULEX lill-Parlament;

17.

Josserva l-isforzi kemm tas-Serbja kif ukoll tal-Kosovo ħalli jinsabu persuni mitlufa wara l-kunflitt tal-1998-1999 permezz tal-“Grupp ta’ ħidma dwar il-persuni li għebu marbuta mal-avvenimenti fil-Kosovo”; jenfasizza s-sinifikat li għandha r-riżoluzzjoni ta’ din il-kwistjoni ħalli jsir progress mill-kunflitt tal-1998-1999; jinnota wkoll l-1 862 każ ta’ persuni li għadhom mitlufa u jistieden lill-Kosovo u lis-Serbja jestendu l-kooperazzjoni possibbli kollha lil xulxin, lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, lill-EULEX u lill-entitajiet l-oħra fit-tfittxija ta’ dawn il-persuni;

18.

Jenfasizza li s-sena 2010 hija kruċjali kemm għall-Gvern tal-Kosovo kif ukoll fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni sabiex isir progress fuq ir-riformi ewlenin bħall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, id-diċentralizzazzjoni u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika; jenfasizza li l-proċess ta’ riforma, sabiex ikun ta’ suċċess, għandu jkun ibbażat fuq dibattitu fid-dettall dwar l-abbozzi tal-leġiżlazzjoni b'konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha, inklużi l-partijiet kollha tas-soċjetà ċivili; ifakkar, barra minn hekk, lill-Gvern li għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-implimentazzjoni effiċjenti u rapida tal-liġijiet, li fin-nuqqas tagħha, l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni ma jkollha l-ebda impatt reali fuq is-sitwazzjoni fil-Kosovo;

19.

Huwa estremament imħasseb dwar il-korruzzjoni mifruxa li tibqa' waħda mill-ikbar problemi fil-Kosovo, filwaqt li l-kriminalità organizzata hija oħra, u jitlob li jittieħdu azzjonijiet urġenti biex jiġġielduha billi jittejjeb il-qafas legali għat-trattament tal-korruzzjoni, l-adozzjoni ta’ strateġija u ta’ pjan ta’ azzjoni kontra l-korruzzjoni u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-pajjiżi kollha tar-reġjun; huwa profondament imħasseb dwar it-tixrid riċenti ta’ demm ikkawżat minn inċident vjolenti ħdejn il-konfini tal-Kosovo u jitlob li jittieħdu provvedimenti immedjati ħalli inċidenti bħal dan jiġu evitati fil-futur u ħalli jintemm it-traffikar tal-armi li jikkontribwixxi għad-destabilizzazzjoni tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent; jilqa' t-twaqqif ta’ dipartiment speċjali kontra l-korruzzjoni fi ħdan l-Uffiċċju ta’ Prosekuzzjoni Speċjali tal-Kosovo iżda jenfasizza li l-impenn tal-ministeri kollha huwa meħtieġ sabiex dan id-dipartiment ikun effettiv u li l-persunal fil-każijiet kollha għandu jinkludi biss nies b'imġiba tajba li wieħed ma jkunx jista' jsibilhom difetti; jitlob għal adozzjoni b'ħeffa ta’ liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti politiċi, li tirregola l-finanzjament tal-partiti b'mod effettiv u trasparenti, bl-iżgurar tal-iżvelar komplut tar-rapporti finanzjarji tagħhom;

20.

Jenfasizza l-importanza kbira tar-riforma tas-servizz tal-ġudikatura u tas-servizz ta’ prosekuzzjoni, li għadu fi stadju bikri, sabiex jiġu żgurati l-indipendenza u l-professjonalità tal-imħallfin u l-prosekuturi u biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jerġgħu jafdaw fl-istat tad-dritt; jilqa', għal dan il-għan, il-ħatra ta’ Ombudsman, tal-imħallfin tal-Qorti Suprema, tal-prosekuturi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Istat, u l-prosekuturi tal-Uffiċju ta’ Prosekuzzjoni Speċjali tal-Kosovo; huwa mħasseb li n-nuqqasijiet fil-protezzjoni tax-xhieda għadhom jimpedixxu l-ġustizzja għall-aktar delitti gravi; jitlob għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni mħeffa tal-Liġi dwar il-Qrati u għall-istabbiliment ta’ sistema ta’ protezzjoni effettiva ta’ xhieda u mħallfin; iħeġġeġ, f'dak is-sens, lir-rappreżentanti tal-EULEX biex ikomplu jirrapportaw pubblikament dwar l-isfidi li fadal fir-rigward tal-istat ta’ dritt fil-Kosovo;

21.

Jitlob li jkun hemm iktar sforzi biex titħaffef ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika sabiex jinħoloq servizz pubbliku professjonali u indipendenti li jirrispetta l-bilanċ bejn is-sessi u li jirrifletti bis-sħiħ il-kompożizzjoni etnika diversa tal-poplu tal-Kosovo; jenfasizza l-ħtieġa tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv għal dan il-għan u biex tingħata attenzjoni xierqa u biex jiġu pprovduti fondi għall-bini tar-riżorsi umani; huwa mħasseb dwar l-indħil politiku fil-ħatriet ta’ min se jokkupa pożizzjonijiet fundamentali fis-servizz pubbliku u jitlob li din il-prattika, li tipperikola l-ħidma tal-amministrazzjoni, tintemm;

22.

Iħeġġeġ lill-Gvern biex jiżgura l-pluraliżmu fil-midja u l-indipendenza finanzjarja u editorjali tal-midja, mingħajr pressjoni politika, u t-trasparenza tas-sjieda u tal-finanzjamenti; jitlob li jkun hemm jeddijiet operattivi għall-ġurnalisti kif ukoll proċeduri effiċjenti għall-protezzjoni ta’ ġurnalisti investigattivi minn theddid jenfasizza l-importanza tax-xandar pubbliku biex jipprovdi informazzjoni indipendenti ta’ kwalità għolja lill-poplu kollu kemm hu u hu mħasseb dwar in-nuqqas ta’ sistema finanzjarja sostenibbli biex tiżgura dan; jilqa' l-investimenti li saru mill-Gvern fil-provvista ta’ aċċess għall-internet; iħeġġeġ lill-Gvern iwessa' l-aċċess għall-internet miċ-ċittadini; jisħaq dwar ir-rwol importanti ta’ aċċess ħieles miċ-ċensura għall-impriżi u għall-politika, l-aktar ħalli toktor il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fi żmien l-elezzjonijiet;

23.

Jitlob għall-appoġġ biex tissaħħaħ l-Assemblea tal-Kosovo sabiex tkun tista' twettaq il-funzjonijiet leġiżlattivi tagħha b'mod effettiv u twettaq sorveljanza demokratika tal-attivitajiet politiċi u baġitarji tal-Gvern; jitlob, f'dan ir-rigward, għall-ħolqien ta’ programm ta’ ġemellaġġ ad hoc sabiex il-persunal amministrattiv tal-Assemblea tal-Kosovo jingħata l-opportunità ta’ taħriġ fil-Parlament Ewropew u jistieden lill-parlamenti tal-Istati Membri biex jistabbilixxu programmi ta’ ġemellaġġ sabiex il-membri parlamentari u l-persunal amministrattiv tal-Assemblea tal-Kosovo jkollhom l-opportunità ta’ skambju u bini ta’ kapaċità fir-rigward tal-proċeduri leġiżlattivi u ta’ kontroll parlamentari, partikolarment għall-gruppi ta’ oppożizzjoni u tal-minoranzi parlamentari;

24.

Ifaħħar lill-Gvern dwar il-progress fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, u jħeġġusabiex il-liġijiet li fadal jiġu adottati malajr; jinnota, madankollu, li l-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv tibqa' mhux sodisfaċenti u li l-progress globali miexi bil-mod; jitlob li jkun hemm iktar politiki attivi biex jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni għal kwalunkwe raġuni (etniċità, reliġjon, orjentazzjoni sesswali, diżabilità u oħrajn) u li jiġi żgurat il-bilanċ bejn il-ġeneri kif ukoll il-parteċipazzjoni attiva tal-minoranzi fil-ħajja politika u fl-istrutturi amministrattivi, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak lokali; jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni f'dan il-proċess, jistieden lill-Gvern biex jipprovdi edukazzjoni għall-minoranzi bil-lingwi tagħhom stess, inkluż il-kurrikula u l-kotba, b'mod li jippermettilhom jippreservaw il-kultura u l-identità tagħhom, u biex dan jgħinhom jibnu l-kapaċitajiet umani;

25.

Huwa mħasseb dwar il-livelli għoljin ta’ vjolenza domestika, id-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-fenomenu tat-traffikar tal-persuni, partikolarment tfajliet u nisa għall-isfruttar sesswali; jitlob li jittieħdu passi attivi biex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u biex jiġu protetti b'mod effettiv id-drittijiet tan-nisa u tat-tfal;

26.

Jenfasizza l-wirt diffiċli ħafna tal-kunflitt bl-armi, li dgħajjef il-fiduċja pubblika fil-possibbiltà ta’ riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti, kemm fost il-gruppi soċjali kif ukoll fil-ħajja privata;

27.

Jissottolinja li s-sitwazzjoni politika fraġli, is-seħħ ta’ inċidenti interetniċi f'ċerti nħawi u l-kundizzjonijiet ekonomiċi ħżiena fixklu r-ritorn sostenibbli tar-refuġjati u jitlob li jsiru aktar sforzi ħalli titjieb is-sitwazzjoni tagħhom;

28.

Jenfasizza s-sitwazzjoni diffiċli u d-diskriminazzjoni li jħabbtu wiċċhom magħhom il-minoranzi u partikolarment ir-Roma fl-aċċess għall-edukazzjoni, akkomodazzjoni, servizzi soċjali u impjiegi; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tagħlaq il-kampijiet ikkontaminati biċ-ċomb fit-Tramuntana ta’ Mitrovica u biex toffri akkomodazzjoni alternattiva għall-familji li kienu jgħixu fihom u jitlob li din tiġi implimentata malajr; jaqsam it-tħassib li esprima l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa li l-Kosovo għadu mhux f'pożizzjoni li jipprovdi l-kundizzjonijiet xierqa biex jintegra mill-ġdid ir-Roma mibgħuta lura bil-forza, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex iwaqqfu din il-prattika; jieħu nota, f'dan ir-rigward, tal-ftehim li ntlaħaq bejn l-awtoritajiet Ġermaniżi u tal-Kosovo biex b'mod gradwali jibagħtu lura 14 000 refuġjat lejn il-Kosovo, li 10 000 minnhom huma Roma, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-programmi ta’ għajnuna ad hoc; jistieden lill-pajjiżi li jipparteċipaw fid-Deċennju tar-Roma biex jiffaċilitaw l-involviment tal-Kosovo fil-programmi;

29.

Jenfasizza l-importanza kruċjali tal-edukazzjoni, kemm biex iż-żgħażagħ jingħataw il-kompetenzi meħtieġa fis-suq tax-xogħol kif ukoll biex tikkontribwixxi għar-rikonċiljazzjoni bejn il-gruppi etniċi; iħeġġeġ, għal dan il-għan, l-introduzzjoni gradwali ta’ klassijiet komuni, it-tagħlim tal-lingwi tal-minoranzi, partikolarment is-Serb, lill-istudenti ta’ etniċità Albaniża, u tal-lingwa Albaniża lill-minoranzi kollha; jilqa' t-twaqqif riċenti tal-Kulleġġ Internazzjonali tan-Negozju f'Mitrovica li, filwaqt li jirrappreżenta investiment sinifikanti fl-ekonomija lokali, jattira studenti mill-komunitajiet kollha, għandu l-għan li joħloq prospetti għaż-żgħażagħ billi jippromwovi l-intraprenditorjat, u jintroduċihom għall-istandards professjonali Ewropej fil-ġestjoni negozjali, ambjentali u pubblika;

30.

Jisħaq li r-rispett għad-diversità kulturali hija dejjem fil-qalba tal-proġett Ewropew u li l-wirt reliġjuż u kulturali huwa kundizzjoni neċessarja għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun; jisħaq li protezzjoni adegwata tal-wirt kulturali hija ta’ importanza għall-komunitajiet kollha tal-Kosovo; jitlob lill-Gvern jipproċedi bir-riformi istituzzjonali ppjanati fis-settur tal-wirt kulturali; jenfasizza li l-adozzjoni tal-Lista tas-Siti ta’ Wirt Kulturali hija prekundizzjoni importanti għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-wirt kulturali; jilqa' l-attivitajiet tal-Faċilitatur għall-Protezzjoni tal-Wirt Reliġjuż u Kulturali tal-Knisja Ortodossa Serba u jinkoraġġixxi lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jikkooperaw attivament miegħu;

31.

Jenfasizza li l-iskambji akkademiċi għandu jingħatalhom l-appoġġ u jiġu promossi permezz ta’ programmi bħalma huma Erasmus Mundus ħalli ċ-ċittadini Kosovari jkunu jistgħu jiksbu l-kwalifiki u l-esperjenza fl-UE u jsaħħu l-interazzjoni tagħhom maċ-ċittadini tal-UE;

32.

Jitlob lill-awtoritajiet biex jappoġġaw b'mod attiv lis-soċjetà ċivili u l-involviment tagħha fit-tfassil ta’ politiki soċjali u ekonomiċi b'appoġġ sħiħ għal-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni, jenfasizza r-rwol importanti li għandhom is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonjiet mhux governattivi internazzjonali fir-rikonċiljazzjoni bejn il-gruppi etniċi u jitlob lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-għajnuna finanzjarja tagħha f'xogħolhom; jenfasizza f'dan is-sens il-ħtieġa ta’ inkwadrament effettiv ta’ dawn il-kwistjonijiet fil-Programmi Annwali għall-Kosovo skont l-Istrument għall-Għajnuna ta’ Qabel l-Adeżjoni; jinnota li teżisti kooperazzjoni interpersonali tajba u partikolarment fin-negozju bejn individwi ġejjin minn komunitajiet etniċi differenti u li huma meħtieġa aktar sforzi mill-awtoritajiet Kosovari, mis-soċjetà ċivili u mill-komunità internazzjonali ħalli jingħata appoġġ lill-proġetti lokali li jtejbu dan it-tip ta’ kooperazzjoni;

33.

Huma mħasseb b'mod serju dwar il-fatt li l-Kosovo jibqa' wieħed mill-ifqar pajjiżi fl-Ewropa, b'livell ta’ qgħad li jaqbeż l-40 %; jenfasizza li din is-sitwazzjoni mhix sostenibbli u li l-kundizzjonijiet diffiċli tal-għajxien wasslu għal żieda fin-nuqqas ta’ kuntentizza fis-soċjetà; jitlob azzjonijiet urġenti għat-titjib tal-effiċjenza tas-sistemi soċjali biex jipprovdu xibka ta’ sikurezza għall-elementi vulnerabbli tas-soċjetà u biex isegwu politiki ta’ impjieg attivi biex jitnaqqas il-qgħad; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni biex tuża bis-sħiħ l-Istrument għall-Għajnuna ta’ Qabel l-Adeżjoni biex toħloq żvilupp soċjoekonomiku fil-Kosovo partikolarment għaż-żgħażagħ; jappella lill-UE u lill-Istati Membri biex jaċċettaw kemm jista' jkun ċittadini Kosovari bħala ħaddiema staġjonali u fl-oqsma b'nuqqas ta’ ħaddiema;

34.

Iqis l-iżvilupp ekonomiku bħala element ewlieni fir-riżoluzzjoni ta’ problemi importanti fil-pajjiż, inkluż il-kontribut prinċipali tiegħu biex itejjeb is-sitwazzjoni tan-nisa u tal-minoranzi u biex jiffaċilita r-relazzjonijiet interetniċi; jenfasizza l-importanza tas-settur agrikolu għal dan il-għan; jilqa' l-għadd ta’ liġijiet li qed jitħejjew f'dan il-qasam u jitlob li jiġu adottati malajr; jenfasizza, madankollu, li l-implimentazzjoni effiċjenti tal-qafas legali li diġà ġie adottat hija prerekwiżit biex jitjiebu l-kundizzjonijiet fil-post;

35.

Jisħaq li l-Kosovo għandu jagħżel il-politiki ekonomiċi xierqa li jiżgurawlu tkabbir ekonomiku sostenibbli, il-protezzjoni ambjentali, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tnaqqis tal-esklużjoni soċjali; jistieden lill-awtoritajiet Kosovari biex itejbu l-klima ekonomika għall-investiment barrani u t-trasparenza fir-relazzjonijiet kummerċjali;

36.

Jitlob li jittieħdu passi attivi fil-qasam tal-enerġija sabiex tkun żgurata s-sigurtà tal-enerġija meħtieġa għall-iżvilupp tal-Kosovo; jenfasizza li l-ħtiġijiet infrastrutturali enormi f'dan il-qasam huma opportunità biex il-provvista tal-enerġija tiġi ddiversifikata b'mod li tinkludi sorsi iktar ekoloġiċi, biex tiġi modernizzata u msaħħa l-effiċjenza enerġetika tan-netwerk tal-elettriku u biex jiġu implimentati l-aqwa teknoloġiji disponibbli inkluż fl-impjanti li jaħdmu bil-faħam li huma ppjanati; jitlob li l-impjant tal-enerġija Kosovo A jingħalaq mingħajr dewmien u ta’ Kosovo B mill-iktar fis possibbli mingħajr ma jiġu kompromessi l-ħtiġijiet tal-enerġija tal-pajjiż;

37.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo biex ikomplu jinvestu fl-enerġija rinnovabbli u jipprovaw joħolqu kooperazzjoni reġjonali f'dan il-qasam;

38.

Jindika li l-politika ta’ trasport tal-Kosovo kienet ikkonċentrata s'issa fuq il-bini tat-toroq; jiddispjaċih dwar il-kundizzjoni ħażina tat-trasport pubbliku, partikolarment il-ferroviji; jistieden lill-Gvern Kosovar biex jagħmel użu sħiħ mill-fondi IPA ħalli jiżviluppa, itejjeb u jimmodernizza n-netwerk tal-ferroviji u jtejjeb l-interkollegamenti mal-pajjiżi ġirien kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija bil-għan li l-mobilità ssir sostenibbli;

39.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-problemi ambjentali mifruxa ma’ kullimkien li jaffettwaw l-art, l-arja u l-ilma u jitlob lill-Gvern biex jemenda u jimplimenta l-qafas leġiżlattiv sabiex jiġi konformi mal-istandards tal-UE u sabiex l-edukazzjoni ambjentali ssir element ewlieni tal-edukazzjoni;

40.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-preżenza tal-UE fil-Kosovo tiġi ssimplifikata b'mod konformi mal-iżvilupp tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-ħolqien ta’ Delegazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja, u li l-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Kummissjoni jinbidel f'Delegazzjoni tal-UE sabiex tittejjeb l-effettività u l-koordinazzjoni tal-azzjoni tal-UE fil-Kosovo; jieħu nota tal-ftuħ ta’ Uffiċċju ġdid tal-UE f'Belgrad fil-qafas tal-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kosovo, li qed jopera separatament mid-Delegazzjoni eżistenti tal-UE fis-Serbja;

41.

Jiddeplora n-nuqqas ta’ trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-estensjoni l-aktar riċenti tal-mandat għar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kosovo, inkluża żieda sostanzjali tal-approprjazzjonijiet; ifakkar li l-adozzjoni ta’ ftehim interistituzzjonali ġdid dwar il-kwistjonijiet baġitarji għandu jindirizza sewwa r-rekwiżiti ta’ informazzjoni tal-PE billi jqis it-Trattat ta’ Lisbona;

42.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Kunsill u l-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE/Rappreżentant Ċivili Internazzjonali għall-Kosovo, lill-Gvern u l-Assemblea tal-Kosovo, lill-Gvern tas-Serbja, lill-membri tal-Grupp ta’ Tmexxija Internazzjonali għall-Kosovo u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.


(1)  Riżoluzzjoni 1244(1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

(2)  ĠU C 27 E, 31.01.2008, p. 207.

(3)  ĠU C 67 E, 18.03.2010, p. 126.

(4)  ĠU L 336, 18.12.2009, p. 1.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2009)0097.


Top