Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AP0256

    Id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ ***II Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tas- 6 ta’ Lulju 2010 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004) (05218/3/2010 – C7-0077/2010 – 2008/0237(COD))
    P7_TC2-COD(2008)0237 Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fit-tieni qari fis- 6 ta’ Lulju 2010 bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru …/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 Test b’relevanza għaż-ŻEE
    ANNESS I
    ANNESS II

    ĠU C 351E, 2.12.2011, p. 149–168 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 351/149


    It-Tlieta 6 ta’ Lulju 2010
    Id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ ***II

    P7_TA(2010)0256

    Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Lulju 2010 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004) (05218/3/2010 – C7-0077/2010 – 2008/0237(COD))

    2011/C 351 E/28

    (Proċedura leġislattiva ordinarja: it-tieni qari)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (05218/3/2010 – C7-0077/2010),

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2008)0817),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 71(1) tat-Trattat KE, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0469/2008),

    wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari (1),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament u l-Kunsill bit-titolu “Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona dwar il-proċeduri interistituzzjonali ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li għaddejjin bħalissa” (COM(2009)0665),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) u l-Artikolu 91(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-16 ta’ Lulju 2009 (2),

    wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0174/2010),

    1.

    Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fit-tieni qari kif stabbilita hawn taħt;

    2.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.


    (1)  Testi adottati tat-23 April 2009, P6_TA(2009)0281.

    (2)  ĠU C 317, 23.12.2009, p. 99.


    It-Tlieta 6 ta’ Lulju 2010
    P7_TC2-COD(2008)0237

    Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fit-tieni qari fis-6 ta’ Lulju 2010 bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru …/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Azzjoni mill-Unjoni fil-qasam tat-trasport bix-xarabank u bil-kowċ għandha timmira, fost affarijiet oħra, li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri, li tkun komparabbli ma’ modi oħra ta’ trasport, kull fejn jivvjaġġaw. Barra minn hekk, għandu jittieħed kont sħiħ tar-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-konsumatur inġenerali.

    (2)

    Peress li l-passiġġier bix-xarabank jew bil-kowċ huwa l-aktar parti dgħajfa fil-kuntratt tat-trasport, il-passiġġieri kollha għandhom jingħataw livell minimu ta’ protezzjoni.

    (3)

    Il-miżuri tal-Unjoni biex jittejbu d-drittijiet tal-passiġġieri fis-settur tat-trasport tax-xarabank u l-kowċ għandhom iqisu l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dan is-settur, li jikkonsisti l-aktar f'intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

    (4)

    B'kunsiderazzjoni għall-karatteristiċi speċifiċi ta’ servizzi regolari speċjali u operazzjonijiet tat-trasport għal kont proprju, dawn it-tipi ta’ trasport għandhom jitħallew barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Servizzi regolari speċjali għandhom jinkludu servizzi rriżervati għat-trasport ta’ persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa, it-trasport ta’ ħaddiema bejn id-dar u x-xogħol, it-trasport lejn u minn istituzzjoni edukattiva għat-tfal tal-iskola u l-istudenti.

    (5)

    B'kunsiderazzjoni għall-karatteristiċi speċifiċi tas-servizzi urbani, suburbani u reġjonali regolari li jiffurmaw parti minn servizzi integrati mas-servizzi urbani jew suburbani , l-Istati Membri għandhom jingħataw id-dritt li jeżentaw dawn it-tipi ta’ trasport mill-applikazzjoni ta’ parti ▐ ta' dan ir-Regolament. Sabiex jiġu identifikati dawn is-servizzi urbani, suburbani u reġjonali regolari, l-Istati Membri għandhom jieħdu f'kunsiderazzjoni kriterji bħat-tqassim amministrattiv, is-sitwazzjoni ġeografika, id-distanza , il-frekwenza tas-servizzi, in-numru ta’ waqfiet skedati, it-tip ta’ xarabank jew kowċ użati, l-iskemi ta’ biljetti, il-varjazzjonijiet fin-numri ta’ passiġġieri bejn servizzi f'perjodi ta’ traffiku intens u perijodi ta’ traffiku mhux intens, il-kodiċi tax-xarabank u l-iskedi.

    (6)

    Il-passiġġieri għandhom igawdu minn regoli ta’ responsabbiltà komparabbli ma’ dawk applikabbli għal modi oħra ta’ trasport fil-każ ta’ inċidenti li jirriżultaw f'mewt jew korriment .

    (7)

    It-trasportaturi għandhom ikunu responsabbli għat-telf jew ħsara lill-bagalji tal-passiġġieri f'termini komparabbli ma’ dawk applikabbli għal modi oħra ta’ trasport .

    (8)

    Il-passiġġieri, minbarra għall-kumpens skont il-liġi nazzjonali applikabbli fil-każ ta’ mewt jew korriment fuq il-persuna jew telf ta’ jew ħsara lill-bagalji minħabba inċidenti li jirriżultaw mill-użu tax-xarabank jew il-kowċ, għandu jkollhom id-dritt għall-assistenza fir-rigward tal-bżonnijiet prattiċi u ekonomiċi immedjati tagħhom wara xi aċċident. Tali assistenza għandha tinkludi , fejn meħtieġ, l-ewwel għajnuna, akkomodazzjoni, ikel, ħwejjeġ , u trasport u spejjeż tal-funeral . F'każ ta’ mewt jew korriment personali, it-trasportatur għandu wkoll iħallas bil-quddiem biex ikopri l-bżonnijiet ekonomiċi immedjati, proporzjonalment mal-ħsara mġarrba, sakemm ikun hemm evidenza prima facie ta’ kawżalità li tista' tiġi attribwita lit-trasportatur.

    (9)

    Is-servizzi bix-xarabank u bil-kowċ għall-passiġġieri għandhom ikunu ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini inġenerali. Konsegwentement, il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa, kemm jekk minħabba diżabbiltà, età jew inkella minħabba xi fattur ieħor, għandu jkollhom opportunitajiet għall-użu ta’ servizzi ta’ xarabank u kowċ komparabbli ma’ dawk ta’ ċittadini oħra. Il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa għandhom l-istess drittijiet bħaċ-ċittadini l-oħra kollha f'dak li huwa moviment ħieles, libertà tal-għażla u nondiskriminazzjoni.

    (10)

    Fid-dawl tal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà u sabiex il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa jingħataw opportunitajiet għal ivvjaġġar bix-xarabank u bil-kowċ komparabbli ma’ dawk ta’ ċittadini oħra, għandhom jiġu stabbiliti regoli għal nondiskriminazzjoni u assistenza waqt il-vjaġġ tagħhom. Dawk il-persuni għandhom għalhekk jiġu aċċettati għat-trasport u mhux imċaħħda mit-trasport minħabba d-diżabbiltà jew il-mobbiltà mnaqqsa tagħhom, ħlief għal raġunijiet li huma ġġustifikati minħabba s-sigurtà jew id-disinn tal-vetturi jew l-infrastruttura. Fil-qafas tal-leġislazzjoni rilevanti għall-protezzjoni tal-ħaddiema, il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa għandhom igawdu d-dritt għall-assistenza fit-terminals u fuq il-vetturi. Fl-interess tal-inklużjoni soċjali, il-persuni kkonċernati għandhom jirċievu l-assistenza mingħajr ħlas. It-trasportaturi għandhom jistabbilixxu kondizzjonijiet għall-aċċess, preferibbilment bl-użu tas-sistema tal-Istandardizzazzjoni Ewropea.

    (11)

    Meta jiddeċiedu dwar id-disinn ta’ terminals ġodda, u bħala parti minn rinnovazzjoni kbira tal-post, il-korpi għall-ġestjoni tat-terminals għandhom, mingħajr eċċezzjoni u bħala kundizzjoni essenzjali , iqisu l-bżonnijiet ta’ persuni b'diżabbiltà u ta’ persuni b'mobbiltà mnaqqsa , bi qbil mar-rekwiżiti tad-“disinn għal kulħadd” . Fi kwalunkwe każ, il-korpi għall-ġestjoni tat-terminals għandhom jistabbilixxu postijiet fejn dawn il-persuni jistgħu jinnotifikaw il-wasla tagħhom u l-bżonn ta’ assistenza.

    (12)

    B'mod simili, it-trasportaturi għandhom jikkunsidraw dawk il-ħtiġijiet fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar id-disinn ta’ vetturi ġodda jew tal-immodernizzar ta’ dawk eżistenti.

    (13)

    L-Istati Membri għandhom itejbu l-infrastruttura eżistenti, fejn dan ikun meħtieġ sabiex it-trasportaturi jiżguraw l-aċċess bla xkiel għall-persuni b'diżabbiltà u għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa, kif ukoll biex tingħata għajnuna adegwata.

    (14)

    Sabiex iwieġbu għall-bżonnijiet tal-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa, il-persunal għandu jkun imħarreġ b'mod adegwat. Bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat l-għarfien reċiproku tal-kwalifiki nazzjonali tax-xufiera, jista' jiġi pprovdut taħriġ ta’ sensibilizzazzjoni għad-diżabbiltà bħala parti mill-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku kif imsemmi fid-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta’ prodotti jew passiġġieri (3). Sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn l-introduzzjoni tar-rekwiżit ta’ taħriġ u l-limiti ta’ żmien imniżżla f'dik id-Direttiva, għandha titħalla l-possibbiltà ta’ eżenzjoni matul perijodu ta’ żmien limitat.

    (15)

    ▐ L-organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta’ persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa għandhom jiġu kkonsultati jew involuti fit-tħejjija tal-kontenut tat-taħriġ relatat mad-diżabbiltà.

    (16)

    Id-drittijiet tal-passiġġieri bix-xarabank u bil-kowċ għandhom jinkludu li huma jirċievu informazzjoni rigward is-servizz qabel u matul il-vjaġġ. L-informazzjoni essenzjali kollha pprovduta lill-passiġġieri bix-xarabank u bil-kowċ għandha tkun ipprovduta wkoll f'formati alternattivi aċċessibbli għal persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa , bħall-użu ta’ tipa kbira, lingwaġġ sempliċi, Braille, komunikazzjonijiet elettroniċi li jistgħu jkunu aċċessibbli b'teknoloġija li tadattata ruħha u b'awdjo tejps .

    (17)

    Dan ir-Regolament m'għandux jillimita d-drittijiet tat-trasportaturi milli jfittxu kumpens mingħand kwalunkwe persuna, inklużi partijiet terzi, skont il-liġi nazzjonali applikabbli.

    (18)

    L-inkonvenjenza esperjenzata mill-passiġġieri minħabba kanċellazzjoni jew dewmien sinifikanti tal-vjaġġ tagħhom għandhom jitnaqqsu. Għal dan il-għan, il-passiġġieri li jitilqu minn terminals għandhom jirċievu attenzjoni adegwata u għandhom jiġu informati b'mod adegwat u li jkun aċċessibbli għal kulħadd . Il-passiġġieri għandhom ikunu jistgħu wkoll jikkanċellaw il-vjaġġ tagħhom u jiġu rimborżati l-prezz tal-biljetti tagħhom jew ikomplu l-vjaġġ tagħhom jew jingħataw rotta oħra taħt kundizzjonijiet sodisfaċenti. Jekk it-trasportaturi jonqsu milli jipprovdu lill-passiġġieri bl-għajnuna meħtieġa, il-passiġġieri għandu jkollhom id-dritt li jakkwistaw kumpens finanzjarju.

    (19)

    Permezz tal-assoċjazzjonijiet professjonali tagħhom, it-trasportaturi għandhom jikkooperaw biex jadottaw arranġamenti fuq livell reġjonali, nazzjonali jew Ewropew bl-involviment tal-partijiet interessati, l-assoċjazzjonijiet professjonali u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, il-passiġġieri u l-persuni b'diżabbiltà, bil-għan li jtejbu l-għoti ta’ informazzjoni u l-attenzjoni mogħtija lill-passiġġieri, speċjalment fil-każ ta’ kanċellazzjoni u dewmien fit-tul.

    (20)

    Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa d-drittijiet tal-passiġġieri stabbiliti mid-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (4). Dan ir-Regolament m'għandux japplika f'każijiet li tour kollox kompriż jiġi kkanċellat għal raġunijiet oħra għajr meta s-servizz tat-trasport bix-xarabank jew bil-kowċ jiġi ikkanċellat.

    (21)

    Il-passiġġieri għandhom jiġu informati għal kollox bid-drittijiet tagħhom taħt dan ir-Regolament, sabiex huma jkunu jistgħu jeżerċitaw effettivament dawn id-drittijiet.

    (22)

    Il-passiġġieri għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom permezz ta’ proċeduri xierqa għall-ilmenti implimentati mit-trasportaturi jew, skont il-każ, billi l-ilmenti jiġu ppreżentati lill-korp jew lill-korpi magħżulin għal dak il-għan mill-Istat Membru rilevanti.

    (23)

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament u jaħtru korp jew korpi kompetenti biex iwettqu l-kompiti ta’ superviżjoni u ta’ infurzar. Dan ma jaffettwax id-drittijiet tal-passiġġieri biex ifittxu rimedju legali mill-qrati skont il-liġi nazzjonali.

    (24)

    B'kunsiderazzjoni għall-proċeduri stabbiliti mill-Istati Membri għall-preżentazzjonui tal-ilmenti, ilment dwar l-assistenza għandu preferibbilment jiġi indirizzat lill-korp jew korpi magħżulin għall-infurzar ta’ dan ir-Regolament fl-Istat Membru fejn jinsab il-post tal-imbark jew tal-iżbark.

    (25)

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-pieni applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jiżguraw li dawn il-pieni jiġu applikati. Dawk il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    (26)

    Ladarba l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri biex ikun żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni u ta’ assistenza lill-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ fl-Istati Membri kollha, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba fl-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

    (27)

    Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (5).

    (28)

    L-infurzar ta’ dan ir-Regolament għandu jkun ibbażat fuq ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi) (6). Dak ir-Regolament għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

    (29)

    L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-użu ta’ trasport pubbliku u jintroduċu sistemi ta’ informazzjoni tagħrif interoperabbli u intermodali li jiffaċilitaw il-forniment ta’ tagħrif dwar l-iskeda tal-ġinijiet u l-ħruġ ta’ prezzijiet u ta’ biljetti b'mod integrat sabiex jiġu ottimizzati l-użu u l-interoperabilità tal-modi varji tat-trasport. Dawn is-servizzi għandhom ikunu aċċessibbli għall-persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa.

    (30)

    Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif imsemmi fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, filwaqt li titqies ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (7) u d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi (8),

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Kapitolu I

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għat-trasport bix-xarabank u bil-kowċ fir-rigward ta’ dan li ġej:

    (a)

    nondiskriminazzjoni bejn il-passiġġieri fir-rigward tal-kondizzjonijiet tat-trasport offruti mit-trasportaturi;

    (b)

    id-drittijiet tal-passiġġieri f'każ ta’ aċċidenti li jirriżultaw mill-użu tax-xarabank jew il-kowċ u li jirriżultaw f'mewt jew f'korriment fuq il-persuna jew it-telf ta’ jew ħsara lill-bagalji;

    (c)

    nondiskriminazzjoni u assistenza obbligatorja għall-persuni b'diżabbiltà u għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa;

    (d)

    id-drittijiet tal-passiġġieri f'każijiet ta’ kanċellazzjoni jew dewmien;

    (e)

    l-informazzjoni minima li għandha tingħata lill-passiġġieri;

    (f)

    it-trattament ta’ ilmenti;

    (g)

    ir-regoli ġenerali dwar l-infurzar.

    Artikolu 2

    Kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-passiġġieri li jivvjaġġaw fuq servizzi regolari:

    (a)

    meta l-post tal-imbark tal-passiġġier jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru; jew

    (b)

    meta l-post tal-imbark tal-passiġġier jinsab barra t-territorju ta’ Stat Membru u l-post tal-iżbark tal-passiġġier jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru.

    2.   Barra minn hekk, ħlief għall-Artikoli 11 sa 18 u l-Kapitoli IV sa VI, dan ir-Regolament għandu japplika għall-passiġġieri li jivvjaġġaw fuq servizzi okkażjonali meta l-post inizjali tal-imbark jew il-post finali tal-iżbark tal-passiġġier jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru.

    3.   Dan ir-Regolament m'għandux japplika għas-servizzi regolari speċjali u l-operazzjonijiet ta’ trasport għal kont proprju.

    4.   Bl-eċċezzjoni għall-Artikoli 4(2), 7, 9, 11 , 12(1) , 13(1), 15(1), 18, 19(1), 19(2), 21, 25, 27, 28 u 29 , l-Istati Membri jistgħu jeżentaw is-servizzi urbani, suburbani u reġjonali regolari, kif ukoll servizzi reġjonali regolari, jekk ikunu parti mis-servizzi integrati mas-servizzi urbani jew suburbani, inklużi s-servizzi transkonfinali ta’ dik ix-xorta, mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    5.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar eżenzjonijiet ta’ tipi differenti ta’ servizzi mogħtija skont il-paragrafu 4 …  (9). Il-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni xierqa jekk tali eżenzjoni titqies li mhix konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu. Sa … (10), il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-eżenzjonijiet mogħtija skont il-paragrafu 4 .

    6.   Xejn f'dan ir-Regolament m'għandu jinftiehem bħala li jkun f'kunflitt mal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar rekwiżit tekniku għax-xarabanks jew il-kowċis jew l-infrastruttura ▐ fil-postijiet ta’ waqfien u t-terminals.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “servizzi regolari” tfisser servizzi li jipprovdu għat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank jew bil-kowċ f'intervalli speċifikati f'rotot speċifikati, u fejn il-passiġġieri jitilgħu u jinżlu f'postijiet ta’ waqfien determinati minn qabel;

    (b)

    “servizzi regolari speċjali” tfisser servizzi regolari, organizzati minn min ikun, li jipprovdu għat-trasport bix-xarabank jew bil-kowċ ta’ kategoriji speċifikati ta’ passiġġieri bl-esklużjoni ta’ passiġġieri oħra;

    (c)

    “operazzjonijiet tat-trasport għal kont proprju” tfisser operazzjonijiet imwettqa bix-xarabank jew bil-kowċ għal għanijiet mhux kummerċjali u mingħajr profitt minn persuna fiżika jew ġuridika, fejn:

    l-attività tat-trasport tkun biss attività anċillari għal dik il-persuna fiżika jew ġuridika, u

    il-vetturi użati jkunu l-proprjetà ta’ dik il-persuna fiżika jew ġuridika jew ikunu nkisbu minn dik il-persuna b'xiri fit-tul jew ikunu s-suġġett ta’ kuntratt ta’ lokazzjoni fit-tul u jiġu misjuqa minn membru tal-persunal tal-persuna fiżika jew ġuridika jew mill-persuna fiżika nnifisha jew minn persunal impjegat minn, jew imqiegħed għad-dispożizzjoni ta', l-impriża taħt obbligu kuntrattwali;

    (d)

    “servizzi okkażjonali” tfisser servizzi li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ servizzi regolari u li l-karatteristika ewlenija tagħhom hija t-trasport bix-xarabank jew bil-kowċ ta’ gruppi ta’ passiġġieri kkostitwiti fuq l-inizjattiva tal-konsumatur jew tat-trasportatur innifsu;

    (e)

    “kuntratt ta’ trasport” tfisser kuntratt ta’ ġarr bejn trasportatur u passiġġier għall-forniment ta’ servizz wieħed jew aktar regolari jew okkażjonali;

    (f)

    “biljett” tfisser dokument validu jew evidenza oħra ta’ kuntratt ta’ trasport;

    (g)

    “trasportatur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, minbarra operatur turistiku , aġent tal-ivvjaġġar jew bejjiegħ tal-biljetti, li toffri trasport permezz ta’ servizzi regolari jew okkażjonali lill-pubbliku ġenerali;

    (h)

    “trasportatur li jwettaq il-ġarr” tfisser persuna fiżika jew ġuridika oħra minbarra t-trasportatur, li fil-fatt twettaq il-ġarr kollu jew parti minnu;

    (i)

    “bejjiegħ tal-biljetti” tfisser kwalunkwe intermedjarju li jikkonkludi kuntratti ta’ trasport f'isem trasportatur;

    (j)

    “aġent tal-ivvjaġġar” tfisser kwalunkwe intermedjarju li jaġixxi f'isem passiġġier għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ trasport;

    (k)

    “operatur turistiku” tfisser organizzatur ▐, minbarra t-trasportatur, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 90/314/KEE;

    (l)

    “persuna b'diżabbiltà” jew “persuna b'mobbiltà mnaqqsa” tfisser kull persuna li l-mobbiltà tagħha meta tuża t-trasport hija mnaqqsa b'riżultat ta’ xi diżabbiltà fiżika (sensorja jew lokomotorja, permanenti jew temporanja), diżabbiltà jew indeboliment intellettwali, jew kwalunkwe kawża oħra ta’ diżabbiltà, jew b'riżultat tal-età, u li s-sitwazzjoni tagħha teħtieġ attenzjoni xierqa u adattament tas-servizzi magħmulin disponibbli għall-passiġġieri kollha għall-bżonnijiet partikolari tagħha;

    (m)

    “kondizzjonijiet tal-aċċess” tfisser standards, linji gwida u informazzjoni rilevanti dwar l-aċċessibbiltà tax-xarabankijiet u/jew tat-terminals magħżulin, inklużi l-faċilitajiet tagħhom għall-persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa;

    (n)

    “riservazzjoni” tfisser ibbukkjar ta’ post fuq xarabank jew kowċ għal servizz regolari f'ħin tat-tluq speċifiku;

    (o)

    “terminal” tfisser terminal mgħammar bil-persunal fejn skont ir-rotta speċifikata jkun skedat li jieqaf servizz regolari biex il-passiġġieri jitilgħu jew jinżlu, u li jkollu faċilitajiet bħal bank għaċ-check-in, sala għall-istennija jew uffiċċju tal-biljetti;

    (p)

    “post ta’ waqfien” tfisser kwalunkwe post minbarra terminal fejn skont ir-rotta speċifikata, jkun skedat li jieqaf servizz regolari biex il-passiġġieri jitilgħu jew jinżlu;

    (q)

    “korp għall-maniġġar ta’ terminal” tfisser entità organizzattiva fi Stat Membru responsabbli għall-maniġġar ta’ terminal magħżul;

    (r)

    “kanċellazzjoni” tfisser in-nuqqas ta’ operazzjoni ta’ servizz regolari li kien skedat minn qabel;

    (s)

    “dewmien” tfisser differenza bejn il-ħin meta s-servizz regolari kien skedat li jitlaq skont l-iskeda ppubblikata u l-ħin tat-tluq tabilħaqq tiegħu.

    Artikolu 4

    Biljetti u kondizzjonijiet kuntrattwali nondiskriminatorji

    1.   It-trasportaturi għandhom jagħtu biljett lill-passiġġier, sakemm ma jkunux dokumenti oħra li jagħtu d-dritt għat-trasport. Biljett jista' jinħareġ f'format elettroniku.

    2.   Mingħajr preġudizzju għat-tariffi soċjali, il-kondizzjonijiet tal-kuntratt u t-tariffi applikati mit-trasportaturi għandhom jiġu offruti lill-pubbliku ġenerali mingħajr ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità tal-konsumatur finali jew fuq il-post ta’ fejn ikunu stabbiliti t-trasportaturi, jew il-bejjiegħa tal-biljetti fl-Unjoni.

    Artikolu 5

    Partijiet oħra li jwettqu l-ġarr

    1.   Jekk it-twettiq tal-obbligi skont dan ir-Regolament ikun ġie fdat lil trasportatur li jwettaq il-ġarr, bejjiegħ tal-biljetti jew kwalunkwe persuna oħra, it-trasportatur, l-aġent tal-ivvjaġġar, l-operatur turistiku jew il-korp għall-maniġġar tat-terminal, li fada tali obbligi, għandu minkejja dan ikun responsabbli għall-atti u l-ommissjonijiet ta’ dik il-parti li twettaq il-ġarr.

    2.   Barra minn hekk, il-parti li tkun ġiet fdata bit-twettiq ta’ obbligu mit-trasportatur, l-aġent tal-ivvjaġġar, l-operatur turistiku jew il-korp għall-maniġġar tat-terminal għandha tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-obbligu fdat.

    Artikolu 6

    Esklużjoni tar-rinunzja

    1.   Id-drittijiet u l-obbligi skont dan ir-Regolament m'għandhomx ikunu rinunzjati jew limitati, b'mod partikolari b'deroga jew klawsola restrittiva fil-kuntratt tat-trasport.

    2.   It-trasportaturi jistgħu joffru kondizzjonijiet kuntrattwali aktar favorevoli għall-passiġġieri mill-kondizzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament.

    Kapitolu II

    Kumpens u assistenza f'każ ta’ aċċidenti

    Artikolu 7

    Responsabbiltà għal mewt jew korriment tal-passiġġieri

    1.    Skont dan il-Kapitolu, it-trasportaturi għandhom jinżammu responsabbli għat-telf jew ħsara li jirriżultaw mill-mewt jew korriment personali għall-passiġġieri ikkawżati minn inċidenti li jirriżultaw mill-operazzjoni tas-servizzi tat-trasport b 'xarabank u b 'kowċ u li jseħħu waqt li l-passiġġier ikun dieħel fil-vettura, qiegħed fiha, jew ikun ħiereġ minnha.

    2.    Ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tat-trasportaturi għal ħsarat m'għandhiex tkun soġġetta għal xi limitu finanzjarju, kemm jekk ikun iddefinit b 'liġi, b 'konvenzjoni jew b 'kuntratt.

    3.     Għal kwalunkwe talba sa EUR 220 000 għal kull passiġġier, trasportatur m'għandux jeskludi jew jillimita r-responsabbiltà tiegħu billi jagħti prova li huwa ta l-attenzjoni dovuta skont il-paragrafu 4(a), sakemm l-ammont totali tat-talba ma jaqbiżx l-ammont li għalih l-assigurazzjoni obbligatorja hija meħtieġa, b'konformità mad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (11) , skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li fih ix-xarabank jew kowċ huwa normalment ibbażat. F'sitwazzjoni bħal din, ir-responsabbiltà għandha tkun limitata għal dak l-ammont.

    4.     Trasportatur m'għandux ikun responsabbli skont il-paragrafu 1:

    (a)

    jekk l-inċident ikun ġie kkawżat minn ċirkostanzi mhux relatati mal-operat tas-servizzi tat-trasport b'xarabank u b'kowċ jew li, l-intrapriża tal-ġarr ma setgħetx tevita minkejja li tkun tat l-attenzjoni meħtieġa fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, jew li l-konsegwenzi tiegħu ma setgħux jiġu evitati;

    (b)

    safejn dak l-inċident hu t-tort tal-passiġġier jew ikkawżat minħabba negliġenza min-naħa tal-passiġġier.

    Xejn f'dan ir-Regolament ma għandu:

    (a)

    jimplika li trasportatur huwa l-uniku parti responsabbli għall-ħlas ta’ danni; jew

    (b)

    jirrestrinġi kwalunkwe dritt tat-trasportatur milli jfittex rimedju minn kwalunkwe parti oħra skont il-liġi applikabbli ta’ Stat Membru.

    Artikolu 8

    Ħsarat

    1.     Fil-każ tal-mewt ta’ passiġġier, il-ħsarat rigward ir-responsabbiltà previsti fl-Artikolu 7 għandhom jinkludu:

    (a)

    kwalunkwe spiża mġarrba wara l-mewt tal-passiġġier, b'mod partikolari l-ispiża tat-trasport tal-ġisem u l-ispejjeż tal-funeral;

    (b)

    jekk il-mewt ma sseħħx f'daqqa, il-ħsarat previsti fil-paragrafu 2.

    2.     Fil-każ ta’ korriment lill-persuna jew ta’ xi ħsara fiżika jew mentali oħra lil passiġġier, il-ħsarat għandhom jinkludu:

    (a)

    kwalunkwe spejjeż, b'mod partikolari dawk tal-kura u tat-trasport;

    (b)

    kumpens għal telf finanzjarju, minħabba inkapaċità totali jew parzjali għax-xogħol, jew għal ħtiġijiet miżjuda.

    3.     Jekk, permezz tal-mewt tal-passiġġier, persuni li l-passiġġier kellu, jew seta' jkollu, dover legali li jmantni jkunu mċaħħda mill-appoġġ, għandhom ukoll jiġu kkumpensati għal dak it-telf.

    Artikolu 9

    Bżonnijiet prattiċi u ekonomiċi immedjati tal-passiġġieri

    F'każ ta’ aċċident li jirriżulta mill-użu tax-xarabank jew il-kowċ, it-trasportatur għandu jipprovdi assistenza raġonevoli fir-rigward tal-bżonnijiet prattiċi immedjati tal-passiġġieri wara l-aċċident. Tali assistenza għandha tinkludi, fejn hu meħtieġ, l-ewwel għajnuna, akkomodazzjoni, ikel, ħwejjeġ, trasport u spejjeż tal-funerali. F'każ ta’ mewt jew korriment personali, it-trasportatur għandu wkoll iħallas bil-quddiem biex ikopri l-bżonnijiet ekonomiċi immedjati, proporzjonalment mal-ħsara mġarrba, sakemm ikun hemm evidenza prima facie ta’ kawżalità li tista' tiġi attribwita lit-trasportatur. Kwalunkwe ħlas li jkun sar, jew assistenza provduta m'għandhiex tikkostitwixxi rikonoxximent ta’ responsabbiltà.

    Artikolu 10

    Responsabbiltà għal bagalji mitlufa jew li ssirilhom ħsara

    1.     It-trasportaturi għandhom ikunu responsabbli għat-telf jew għall-ħsara fuq bagalji mpoġġija taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Il-kumpens massimu għandu jammonta għal EUR 1 800 għal kull passiġġier.

    2.     Fil-każ ta’ inċidenti li jirriżultaw mill-operat ta’ servizzi tat-trasport b'xarabank u b'kowċ, it-trasportaturi għandhom ikunu responsabbli għat-telf jew għall-ħsara lill-proprjetà personali li l-passiġġieri kellhom fuqhom jew magħhom fil-bagalji tal-idejn. Il-kumpens massimu għandu jammonta għal EUR 1 300 għal kull passiġġier.

    3.     Trasportatur m'għandux jinżamm responsabbli għal telf jew ħsara skont il-paragrafi 1 u 2:

    (a)

    jekk it-telf jew il-ħsara tkun ġiet ikkawżata minn ċirkostanzi mhux relatati mal-operat tas-servizzi tat-trasport b'xarabank u b'kowċ jew li t-trasportatur ma setax jevita minkejja li jkun ta l-attenzjoni meħtieġa fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, u li l-konsegwenzi ta’ dan ma setgħux jiġu evitati;

    (b)

    safejn dak it-telf jew il-ħsara tkun it-tort tal-passiġġier jew ikkawżata minħabba negliġenza min-naħa tal-passiġġier.

    Kapitolu III

    Drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà u tal-persuni b'mobbiltà mnaqqsa

    Artikolu 11

    Dritt għat-trasport

    1.   It-trasportaturi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi m'għandhomx jirrifjutaw li jaċċettaw post ibbukkjat minn, li joħorġu jew jipprovdu xort'oħra biljett lil jew li jtellgħu abbord persuni minħabba diżabbiltà jew mobbiltà mnaqqsa.

    2.   Positijiet ibbukkjati u biljetti għandhom jiġu offruti lil persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa mingħajr spejjeż żejda.

    Artikolu 12

    Eċċezzjonijiet u kondizzjonijiet speċjali

    1.   Minkejja l-Artikolu 11(1), it-trasportaturi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi jistgħu jirrifjutaw li jaċċettaw post ibbukkjat minn, li joħorġu jew jipprovdu xort'oħra biljett lil jew li jtellgħu abbord persuna, minħabba diżabbiltà jew mobbiltà mnaqqsa:

    (a)

    sabiex jintlaħqu r-rekwiżiti tas-sigurtà applikabbli stabbiliti mil-liġi internazzjonali, tal-Unjoni jew nazzjonali, jew sabiex jintlaħqu r-rekwiżiti tas-saħħa u s-sigurtà stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti;

    (b)

    fejn id-disinn tal-vettura jew l-infrastruttura, inklużi l-postijiet ta’ waqfien u t-terminals, jagħmluha fiżikament impossibbli biex isir it-tlugħ abbord, l-inżul jew il-ġarr tal-persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa b'mod sikur u mil-lat operattiv vijabbli.

    2.   F'każ ta’ rifjut ta’ aċċettazzjoni ta’ riservazzjoni jew li jinħareġ jew jiġi pprovdut b'mod ieħor biljett minħabba r-raġunijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, it-trasportaturi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi għandhom ▐ jinformaw lill-persuna kkonċernata rigward servizz alternattiv aċċettabbli mħaddem mit-trasportatur.

    3.   Jekk persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa, li jkollha post ibbukkjat jew għandha biljett u li tkun konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 16(1)(a), tiġi xorta waħda mċaħħda l-permess li tittella' abbord minħabba d-diżabbiltà jew il-mobbiltà mnaqqsa tagħha, dik il-persuna u kwalunkwe persuna li takkumpanjaha skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi offruta l-għażla bejn:

    (a)

    id-dritt għal rimborż, u fejn rilevanti, servizz ta’ ritorn mingħajr ħlas lejn l-ewwel post tat-tluq, kif stabbilit fil-kuntratt ta’ trasport, mal-ewwel opportunità; u

    (b)

    ħlief fejn mhux fattibbli, il-kontinwazzjoni tal-vjaġġ jew il-bdil tar-rotta permezz ta’ servizzi ta’ trasport alternattiv raġonevoli lejn il-post tad-destinazzjoni stabbilit fil-kuntratt ta’ trasport.

    Id-dritt għar-rimborż tal-flus mħallsa għall-biljett m'għandux ikun affettwat min-nuqqas ta’ notifika skont l-Artikolu 16(1)(a).

    4.    Jekk trasportatur, aġent tal-ivvjaġġar jew operatur tat-tours jirrifjutaw li jaċċettaw formola ta’ riżervazzjoni, joħorġu jew inkella jipprovdu biljett biex itellgħu persuna fuq il-bażi ta’ diżabbiltà jew mobbiltà mnaqqsa għar-raġunijiet stipulati f'paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew jekk l-ekwipaġġ tal-vettura kkonċernata jikkonsisti minn persuna waħda biss, li ssuq il-vettura u li mhijiex f'pożizzjoni li tipprovdi lill-persuna b'diżabbiltà jew lill-persuna b'mobbiltà mnaqqsa bl-għajnuna kollha kif speċifikat fl-Anness I parti b), il-persuna b'diżabbiltà jew b'mobbiltà mnaqqsa, tista' titlob li tkun akkumpanjata minn persuna oħra li tkun kapaċi tipprovdi l-assistenza meħtieġa mill-persuna b'diżabbiltà jew b'mobbiltà mnaqqsa. Tali persuna li tkun qed takkumpanja għandha tiġi ttrasportata mingħajr ħlas u, meta vijabbli, tpoġġi maġenb il-persuna b'diżabbiltà jew il-persuna b'mobbiltà mnaqqsa.

    5.   Meta trasportaturi, aġenti tal-ivvjaġġar jew operaturi turistiċi jirrikorru għall-paragrafu 1, huma għandhom jinformaw immedjatament lill-persuna b'diżabbiltà jew lill-persuna b'mobbiltà mnaqqsa bir-raġunijiet għal dan, u, fuq talba, javżaw bil-miktub lill-persuna inkwistjoni fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol minn meta ssir it-talba.

    Artikolu 13

    Aċċessibbiltà u informazzjoni

    1.   F'kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta’ persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa, it-trasportaturi u l-korpi għall-maniġġar tat-terminals għandhom, fejn meħtieġ permezz tal-organizzazzjonijiet tagħhom, jistabbilixxu, jew ikollhom fis-seħħ, kondizzjonijiet ta’ aċċess nondiskriminatorji għat-trasport ta’ persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa.

    2.   Il-kondizzjonijiet ta’ aċċess previsti fil-paragrafu 1 għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mit-trasportaturi u mill-korpi għall-immaniġġjar tat-terminals f'formati aċċessibbli, u bl-istess lingwi bħal dawk li bihom l-informazzjoni ġeneralment tkun għad-dispożizzjoni tal-passiġġieri kollha. Meta tkun ipprovduta din l-informazzjoni, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabbiltà u ta’ persuni b'mobbiltà mnaqqsa.

    3.     Fuq talba, it-trasportaturi għandhom b'mod immedjat jagħmlu disponibbli kopji tal-liġijiet internazzjonali, tal-Unjoni jew nazzjonali li jistabbilixxu l-ħtiġijiet ta’ sikurezza, li fuqhom huma bbażati r-regoli dwar aċċess mhux diskriminatorju. Dawn għandhom jiġu provduti f'formati aċċessibbli.

    4.   L-operaturi turistiċi għandhom jagħmlu disponibbli l-kondizzjonijiet ta’ aċċess previsti fil-paragrafu 1 li japplikaw għal traġitti inklużi fi vjaġġi kollox kompriż, f'vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż li huma jorganizzaw, ibigħu jew joffru għall-bejgħ.

    5.   L-informazzjoni dwar kondizzjonijiet ta’ aċċess imsemmija fil-paragrafi 2 u 4 għandha tingħata fiżikament meta tintalab mill-passiġġier.

    6.   It-trasportaturi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi għandhom jiżguraw li l-informazzjoni ġenerali kollha rilevanti dwar il-vjaġġ u l-kondizzjonijiet tal-ġarr tkun disponibbli u aċċessibbli f'formati adatti u aċċessibbli għal persuni b'diżabbiltà u għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa, inkluż, fejn applikabbli ibbukkjar u informazzjoni online. L-informazzjoni għandha tingħata fiżikament meta tintalab mill-passiġġier.

    Artikolu 14

    Għażla tat-terminals

    L-Istati Membri għandhom jagħżlu t-terminals tax-xarabankijiet u l-kowċijiet fejn għandha tiġi pprovduta l-assistenza lill-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan. Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli fuq l-Internet lista tat-terminals magħżula tax-xarabankijiet u tal-kowċijiet.

    Artikolu 15

    Dritt għal assistenza f'terminals magħżula u abbord xarabankijiet u kowċijiet

    1.   ▐ It-trasportaturi u l-korpi għall-immaniġġjar tat-terminals għandhom, fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom, f'terminals magħżula mill-Istati Membri, jipprovdu assistenza mingħajr ħlas lil persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa , mill-inqas sal-punt kif speċifikat fil-parti (a) tal-Anness I.

    2.   ▐ It-trasportaturi għandhom, abbord ix-xarabanks u l-kowċis, jipprovdu assistenza mingħajr ħlas lil persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa , mill-inqas sal-punt speċifikat fil-parti (b) tal-Anness I.

    Artikolu 16

    Kondizzjonijiet li taħthom tiġi pprovduta assistenza

    1.   It-trasportaturi u l-korpi għall-maniġġar tat-terminals għandhom jikkooperaw biex jagħtu assistenza lill-persuni b'diżabbiltà u lill-persuni b'mobbiltà mnaqqsa bil-kondizzjoni li:

    (a)

    il-bżonn tal-persuna għal assistenza bħal dik jiġi notifikat lit-trasportaturi, lill-korpi għall-immaniġġjar tat-terminals, lill-aġenti tal-ivvjaġġar jew lill-operaturi turistiċi mill-inqas 24 siegħa qabel ma tkun meħtieġa l-assistenza; u

    (b)

    il-persuni kkonċernati jippreżentaw ruħhom fil-post magħżul:

    i)

    fil-ħin stipulat minn qabel mit-trasportatur li m'għandux ikun aktar minn 60 minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat sakemm perjodu iqsar ma jkunx miftiehem bejn it-trasportatur u l-passiġġier ; jew

    ii)

    jekk ma jkun ġie stipulat l-ebda ħin, mhux aktar tard minn 30 minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat.

    2.   Barra mill-paragrafu 1, persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa għandhom jinnotifikaw lit-trasportatur, lill-aġent tal-ivvjaġġar jew lill-operatur turistiku meta jsir l-ibbukkjar jew ix-xiri minn qabel tal-biljett bil-bżonnijiet speċifiċi tagħhom tal-postijiet fejn joqogħdu bilqiegħda, kemm-il darba l-ħtieġa tkun magħrufa dak iż-żmien.

    3.   It-trasportaturi, il-korpi għall-maniġġar tat-terminals, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiffaċilitaw id-dħul ta’ notifiki dwar il-bżonn ta’ assistenza li jsiru minn persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa. Dan l-obbligu għandu japplika fit-terminals magħżula u fil-postijiet kollha tal-bejgħ tagħhom inkluż il-bejgħ bit-telefon u permezz tal-Internet.

    4.   Jekk ma ssir l-ebda notifika skont il-paragrafi 1(a) u 2, it-trasportaturi, il-korpi għall-maniġġar tat-terminals, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi għandhom jagħmlu kull sforz raġonevoli biex jiżguraw li l-assistenza tkun ipprovduta b'mod li l-persuna b'diżabbiltà jew il-persuna b'mobbiltà mnaqqsa tkun tista' titla' abbord is-servizz tat-tluq, tibdel għas-servizz korrispondenti jew tinżel mis-servizz tal-wasla li għalih hi tkun xtrat biljett.

    5.   Il-korp għall-maniġġar tat-terminals għandu jagħżel post fit-terminal jew barra t-terminal fejn persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa jistgħu jħabbru l-wasla tagħhom u jitolbu assistenza. Dan il-post għandu jkun immarkat b'mod ċar b'tabella u għandu joffri, f'formati aċċessibbli, informazzjoni bażika dwar it-terminal u l-assistenza pprovduta.

    Artikolu 17

    Trasmissjoni ta’ informazzjoni lil parti terza

    Jekk l-aġenti tal-ivvjaġġar jew l-operaturi turistiċi jirċievu notifika msemmija fl-Artikolu 16(1)(a), huma għandhom, fil-ħin normali tagħhom tal-uffiċċju, jibagħtu l-informazzjoni lit-trasportatur jew lill-korp għall-maniġġar tat-terminal fl-aqsar żmien possibbli.

    Artikolu 18

    Taħriġ

    1.   It-trasportaturi u, fejn xieraq, il-korpi għall-maniġġar tat-terminals għandhom jistabbilixxu proċeduri ta’ taħriġ relatati mad-diżabbiltà, inklużi struzzjonijiet, u jiżguraw li:

    (a)

    il-persunal tagħhom, ħlief ix-xufiera, inklużi dawk impjegati minn kwalunkwe parti oħra li twettaq il-ġarr, li jipprovdi assistenza diretta lill-persuni b'diżabbiltà u lill-persuni b'mobbiltà mnaqqsa jkunu mħarrġa jew jingħataw struzzjonijiet kif deskritt fl-Anness II, il-parti a) u b); u

    (b)

    il-persunal tagħhom, inklużi x-xufiera, li jittrattaw direttament mal-pubbliku li jkun qed jivvjaġġa jew ma’ kwistjonijiet relatati mal-pubbliku li jkun qed jivvjaġġa, ikunu mħarrġa jew jingħataw struzzjonijiet kif deskritt fl-Anness II, il-parti a).

    2.   Stat Membru jista' għal perijodu massimu ta’ sentejn minn … (12) jagħti eżenzjoni mill-applikazzjoni tal-paragrafu (1)(b) fir-rigward tat-taħriġ tax-xufiera.

    Artikolu 19

    Kumpens rigward siġġijiet tar-roti u apparat ieħor għall-mobbiltà

    1.   It-trasportaturi u l-korpi għall-immaniġġjar tat-terminals għandhom ikunu responsabbli meta jkunu kkawżaw it-telf ta’ jew ħsara fis-siġġijiet tar-roti, apparat għall-mobbiltà jew tagħmir ieħor ta’ assistenza ▐. It-trasportatur jew il-korp għall-immaniġġjar tat-terminal responsabbli għat-telf jew għall-ħsara għandhom jagħtu l-kumpens għal dak it-telf jew ħsara.

    2.   Il-kumpens imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun daqs l-ispiża ta’ tibdil jew tiswija tal-apparat jew tat-tagħmir mitluf jew li tkun saritlu ħsara.

    3.   Fejn meħtieġ għandu jsir kull sforz biex ikun ipprovdut malajr apparat jew tagħmir ta’ sostituzzjoni temporanji. Is-siġġijiet tar-roti, appart ta’ mobbiltà u tagħmir ieħor ta’ assistenza għandu jkollhom, fejn possibbli, karatteristiċi tekniċi u funzjonali simili għal dawk li jkunu ntilfu jew li tkun saritilhom ħsara.

    Kapitolu IV

    Drittijiet tal-Passiġġieri f'każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien

    Artikolu 20

    Kontinwazzjoni, bdil tar-rotta u rimborż

    1.   Fejn trasportatur raġonevolment jipprevedi li servizz regolari ser jiġi kkanċellat jew ittardjat fit-tluq minn terminal għal aktar minn 120 minuta, jew f'każ ta’ ibbukkjar żejjed, il-passiġġier għandu immedjatament jiġi offrut l-għażla bejn:

    (a)

    kontinwazzjoni jew bdil tar-rotta lejn id-destinazzjoni finali, bl-ebda spejjeż addizzjonali u taħt kondizzjonijiet komparabbli, kif stabbilit fil-kuntratt ta’ trasport, mal-ewwel opportunità;

    (b)

    rimborż tal-prezz tal-biljett u, fejn rilevanti, servizz ta’ ritorn bix-xarabank jew bil-kowċ mingħajr ħlas lejn l-ewwel post tat-tluq, kif stabbilit fil-kuntratt ta’ trasport, mal-ewwel opportunità ;

    (c)

    b'żieda mar-rimborż imsemmi fil-punt (b), d-dritt għal kumpens li jammonta għal 50 % tal-prezz tal-biljett jekk it-trasportatur jonqos milli joffri kontinwazzjoni jew tibdil fir-rotta għad-destinazzjoni finali kif imsemmi fil-punt (a). Il-kumpens għandu jitħallas fi żmien xahar minn meta tiġi ppreżentata t-talba għal kumpens.

    2.     Jekk ix-xarabank jew il-kowċ ikollhom il-ħsara, il-passiġġieri għandhom jiġu offruti trasport mill-post fejn tkun waqfet il-vettura għal post ta’ stennija xieraq jew venda, minn fejn ikunu jistgħu jkomplu l-vjaġġ tagħhom.

    3.   Meta servizz regolari jiġi kkanċellat jew jittardja fit-tluq minn post ta’ waqfien għal aktar minn 120 minuta, il-passiġġieri għandu jkollhom id-dritt għal tali kontinwazzjoni jew bdil tar-rotta jew rimborż tal-prezz tal-biljett mit-trasportatur.

    4.   Il-ħlas tar-rimborż previst fil-paragrafi 1(b) u 3 għandu jsir fi żmien 14-il jum minn meta tkun saret l-offerta jew tkun ġiet irċevuta t-talba. Il-ħlas għandu jkopri l-ispiża sħiħa tal-biljett bil-prezz li bih ikun inxtara, għall-parti jew il-partijiet tal-vjaġġ li ma sarux, u għall-parti jew il-partijiet li diġà saru jekk il-vjaġġ ma jkunx għad fadallu skop fir-rigward tal-pjan oriġinali tal-vjaġġ tal-passiġġier. Fil-każ ta’ pass tal-ivjaġġar jew biljett staġunali il-ħlas għandu jkun daqs il-parti proporzjonali tiegħu tal-ispiża sħiħa tal-pass jew biljett. Ir-rimborż għandu jitħallas fi flus, sakemm il-passiġġier ma jaċċettax forma oħra ta’ rimborż.

    Artikolu 21

    Informazzjoni

    1.   F'każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien fit-tluq ta’ servizzi regolari, il-passiġġieri li jitilqu minn terminals għandhom jiġu informati mit-trasportatur jew, fejn meħtieġ, mill-korp għall-maniġġar tat-terminals, bis-sitwazzjoni malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 30 minuta wara l-ħin tat-tluq skedat, u bil-ħin tat-tluq stmat hekk kif din l-informazzjoni tkun disponibbli.

    2.   Jekk il-passiġġieri jitilfu, skont l-iskeda, servizz li jkun jgħaqqad ma’ servizz ieħor, minħabba kanċellazzjoni jew dewmien, it-trasportatur jew, fejn xieraq, il-korp għall-maniġġar tat-terminal, għandu jagħmel sforzi raġonevoli biex jinforma lill-passiġġieri kkonċernati dwar konnessjonijiet alternattivi.

    3.   It-trasportatur jew, fejn meħtieġ, il-korp għall-maniġġar tat-terminal, għandu jiżgura li persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa jirċievu l-informazzjoni meħtieġa skont il-paragrafi 1 u 2 f'formati aċċessibbli.

    Artikolu 22

    Assistenza f'każ ta’ tluq kanċellat jew ittardjat

    1.   Għal vjaġġ ta’ tul skedat ta’ aktar minn tliet sigħat, it-trasportatur, f'każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien fit-tluq minn terminal għal aktar minn siegħa , għandu joffri lill-passiġġier mingħajr ħlas:

    (a)

    ikliet ħfief, ikliet jew xorb b'mod raġonevoli skont it-tul tal-ħin ta’ stennija jew dewmien, bil-kondizzjoni li dawn ikunu disponibbli fuq ix-xarabank jew fit-terminal, jew jistgħu jkunu fornuti b'mod raġonevoli;

    (b)

    ▐ kamra f'lukanda jew akkomodazzjoni oħra kif ukoll assistenza biex jiġi rranġat trasport bejn it-terminal u l-post tal-akkomodazzjoni f'każijiet fejn ikun meħtieġ soġġorn ta’ lejl wieħed jew aktar.

    2.   Fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, it-trasportatur għandu jagħti attenzjoni partikolari għall-bżonnijiet tal-persuni b'diżabbiltà u tal-persuni b'mobbiltà mnaqqsa u tal-persuni li jkunu qed jakkumpanjawhom.

    Artikolu 23

    Talbiet ulterjuri

    Xejn f'dan il-Kapitolu m'għandu jipprekludi lill-passiġġieri milli jfittxu għal danni, skont il-liġi nazzjonali quddiem il-qrati nazzjonali, fir-rigward ta’ telf li jirriżulta mill-kanċellazzjoni jew dewmien ta’ servizzi regolari.

    Artikolu 24

    Miżuri addizzjonali favur il-passiġġieri

    It-trasportaturi għandhom jikkooperaw biex jadottaw arranġamenti fil-livell nazzjonali u Ewropew bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati, assoċjazzjonijiet professjonali u assoċjazzjonijiet ta’ konsumaturi, passiġġieri u persuni b'diżabbiltà. Dawn il-miżuri għandhom ikunu mmirati biex itejbu l-attenzjoni mogħtija lill-passiġġieri, speċjalment fil-każ ta’ dewmien fit-tul u interruzzjoni jew kanċellazzjoni tal-ivvjaġġar b'attenzjoni partikolari għall-passiġġieri bi bżonnijiet speċjali minħabba diżabbiltà, mobbiltà limitata, mard, età kbira, tqala u li għandha tiġi estiża għal tfal żgħar u l-passiġġieri li jakkumpanjawhom.

    Kapitolu V

    Regoli ġenerali dwar informazzjoni u ilmenti

    Artikolu 25

    Dritt għal informazzjoni dwar l-ivjaġġar

    It-trasportaturi u l-korpi għall-maniġġar tat-terminals għandhom, fl-oqsma rispettivi ta’ kompetenza tagħhom, jipprovdu lill-passiġġieri informazzjoni adegwata mill-mument tar-riservazzjoni u matul il-vjaġġ kollu tagħhom f'formati aċċessibbli u skont mudell kunċettwali komuni għal data u sistemi tat-trasport pubbliku.

    Artikolu 26

    Informazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri

    1.   It-trasportaturi u l-korpi għall-immaniġġjar tat-terminals għandhom, fl-oqsma rispettivi tagħhom ta’ kompetenza, jiżguraw li l-passiġġieri tingħatalhom informazzjoni xierqa u li tinftiehem fir-rigward tad-drittijiet tagħhom skont dan ir-Regolament fil-mument tar-riservazzjoni u l-aktar tard mat-tluq. L-informazzjoni għandha f'formati aċċessibbli, u skont modell kunċettwali komuni għad-data u s-sistemi ta’ trasport pubbliku tingħata fit-terminals u fejn applikabbli, fuq l-Internet. ▐ Din l-informazzjoni għandha tinkludi d-dettalji ta’ kuntatt tal-korp jew korpi għall-infurzar magħżulin mill-Istat Membru skont l-Artikolu 29(1).

    2.   Sabiex ikunu konformi mar-rekwiżit ta’ informazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, it-trasportaturi u l-korpi għall-maniġġar tat-terminals jistgħu jużaw sommarju tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament imħejji mill-Kummissjoni bil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u magħmul disponibbli għalihom.

    Artikolu 27

    Ilmenti

    It-trasportaturi għandhom jistabbilixxu jew jiddisponu minn mekkaniżmu għall-ġestjoni tal-ilmenti għad-drittijiet u l-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament .

    Artikolu 28

    Preżentazzjoni tal-ilmenti

    Jekk passiġġier kopert minn dan ir-Regolament ikun irid iressaq ilment lit-trasportatur ▐, huwa għandu jagħmel dan fi żmien tliet xhur mid-data li fiha jkun twettaq is-servizz regolari jew meta servizz regolari kellu jitwettaq. Fi żmien xahar minn meta jirċievi l-ilment, it-trasportatur għandu jinnotifika lill-passiġġier li l-ilment tiegħu ġie sostanzjat, miċħud jew għadu qed jiġi kkunsidrat. Iż-żmien li jittieħed biex tingħata t-tweġiba finali m'għandux ikun itwal minn xahrejn minn meta jkun ġie rċevut l-ilment.

    Kapitolu VI

    Infurzar u korpi nazzjonali tal-infurzar

    Artikolu 29

    Korpi nazzjonali tal-infurzar

    1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar korp jew korpi ▐ eżistenti , jew korp ġdid, jekk m'hemmx korp eżistenti, responsabbli għall-infurzar ta’ dan ir-Regolament ▐. Kull korp għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

    Kull korp għandu, fl-organizzazzjoni, fid-deċiżjonijet dwar finanzjament, fl-istruttura legali u fit-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu, ikun indipendenti mit-trasportaturi, mill-operaturi turistiċi u mill-korpi għall-immaniġġjar tat-terminals.

    2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-korp jew il-korpi magħżulin skont dan l-Artikolu.

    3.   Kwalunkwe passiġġier jista' jressaq ilment, ▐ lill-korp xieraq magħżul skont il-paragrafu 1, jew lil kwalunkwe korp xieraq ieħor magħżul minn Stat Membru, dwar ksur allegat ta’ dan ir-Regolament.

    Stat Membru jista' jiddeċiedi li l-passiġġier bħala l-ewwel pass għandu jippreżenta ilment ▐ lit-trasportatur , li f'dak il-każ, il-korp nazzjonali ta’ infurzar jew kwalunkwe korp xieraq ieħor magħżul mill-Istat Membru għandu jaġixxi bħala korp tal-appell għall-ilmenti li ma jiġux riżolti taħt l-Artikolu 28.

    Artikolu 30

    Rapport dwar l-infurzar

    Sa l-1 ta’ Ġunju … (13) u kull sentejn wara dik id-data, il-korpi tal-infurzar magħżulin skont l-Artikolu 29(1) għandhom jippubblikaw rapport dwar l-attività tagħhom fis-sentejn kalendarji preċedenti, li jkun fih, b'mod partikolari, deskrizzjoni tal-azzjonijiet meħudin sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament u statistika dwar l-ilmenti u s-sanzjonijiet li jkunu ġew applikati.

    Artikolu 31

    Kooperazzjoni bejn korpi tal-infurzar

    Il-korpi nazzjonali tal-infurzar kif imsemmijin fl-Artikolu 29(1) għandhom, fejn xieraq, jiskambjaw l-informazzjoni dwar ħidmiethom u l-prinċipji u l-prassi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tappoġġahom f'dan il-kompitu.

    Artikolu 32

    Pieni

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dawk ir-regoli u miżuri sa … (14) u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

    Kapitolu VII

    Dispożizzjonijiet finali

    Artikolu 33

    Rapport

    Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa … (15), dwar l-operat u l-effetti ta’ dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn meħtieġ, bi proposti leġislattivi li jimplimentaw f'aktar dettall id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, jew li jemendawh.

    Artikolu 34

    Emenda għar-Regolament (KE) Nru 2006/2004

    Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 għandu jiżdied il-punt li ġej:

    “18.

    Ir-Regolament (UE) Nru …/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' …dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ (16)  (18)

    Artikolu 35

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika minn … (19).

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi,

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    Għall-Kunsill

    Il-President


    (1)  ĠU C 317, 23.12.2009, p. 99.

    (2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ April 2009 (ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 312), pożizzjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2010 (ĠU C 122 E, 11.5. 2010, p. 1.) u pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Lulju 2010.

    (3)  ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4.

    (4)  ĠU L 158, 23.6.1990, p. 59.

    (5)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

    (6)  ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.

    (7)  ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.

    (8)  ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.

    (9)   ĠU: Jekk jogħġbok daħħal id-data tliet xhur mid-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    (10)  ĠU: Jekk jogħġbok daħħal id-data ekwivalenti għal ħames snin wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    (11)   ĠU L 263, 7.10.2009, p. 11.

    (12)  ĠU: Jekk jogħġbok daħħal id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    (13)  ĠU: Jekk jogħġbok daħħal id-data ekwivalenti għal sentejn wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    (14)  ĠU: Jekk jogħġbok daħħal id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    (15)  ĠU: Jekk jogħġbok daħħal id-data ekwivalenti għal tliet snin wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    (16)  ĠU … ()

    (17)  ĠU: Jekk jogħġbok daħħal ir-referenzi ta' pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament.”

    (18)  ĠU: Jekk jogħġbok daħħal in-numru u d-data tal-adozzjoni ta' dan ir-Regolament.

    (19)  ĠU: Jekk jogħġbok daħħal id-data ekwivalenti għal sentejn wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    It-Tlieta 6 ta’ Lulju 2010
    ANNESS I

    Assistenza pprovduta lil persuni b'diżabbiltà u lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa

    a)   Assistenza f'terminals magħżulin

    L-assistenza u l-arranġamenti meħtieġa biex jippermettu lil persuni b'diżabbiltà u lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa sabiex:

    jikkomunikaw il-wasla tagħhom fit-terminal kif ukoll it-talba tagħhom għal assistenza f'postijiet magħżula;

    jiċċaqilqu mill-post magħżul sal-bank taċ-check-in, il-kamra għall-istennija u ż-żona għall-imbark;

    jitilgħu abbord il-vettura, permezz ta’ liftijiet, siġġijiet tar-roti jew assistenza oħra meħtieġa, skont il-każ;

    jgħabbu l-bagalji tagħhom;

    jieħdu lura l-bagalji tagħhom;

    jinżlu mill-vettura;

    ikollhom magħhom kelb tal-għajnuna rikonoxxut abbord ix-xarabank jew il-kowċ;

    jipproċedu għall-post bilqiegħda.

    b)   Assistenza abbord

    L-assistenza u l-arranġamenti meħtieġa biex jippermettu lil persuni b'diżabbiltà u lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa sabiex:

    tingħatalhom l-informazzjoni essenzjali dwar vjaġġ f'formati aċċessibbli kemm-il darba ssir talba mill-passiġġier;

    imorru sat-tojlits abbord, jekk ikun hemm persunal ieħor apparti x-xufier abbord;

    jitilgħu/jinżlu waqt pawżi fi vjaġġ, jekk ikun hemm persunal ieħor minbarra x-xufier abbord.

    It-Tlieta 6 ta’ Lulju 2010
    ANNESS II

    Taħriġ li għandu x'jaqsam mad-diżabbiltà

    a)   Taħriġ dwar sensibilizzazzjoni għad-diżabbiltà

    It-taħriġ tal-persunal li jittratta direttament mal-pubbliku li jivvjaġġa jinkludi:

    sensibilizzazzjoni għal u risponsi adatti għal passiġġieri b'diżabbiltajiet fiżiċi, sensorji (smigħ u viżiv), moħbija jew ta’ tagħlim, inkluż dwar kif wieħed jiddistingwi bejn l-abbiltajiet differenti ta’ persuni li l-mobbiltà, l-orjentazzjoni jew il-komunikazzjoni tagħhom tista' tkun imnaqqsa;

    xkiel iffaċċjat minn persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa, inkluż xkiel ta’ attitudni, ambjentali/fiżiku u organizzattiv;

    klieb tal-għajnuna rikonoxxuti, inklużi r-rwol u l-bżonnijiet ta’ kelb tal-għajnuna;

    kif wieħed jittratta avvenimenti mhux mistennija;

    ħiliet interpersonali u metodi tal-komunikazzjoni ma’ persuni torox u ma’ persuni neqsin mis-smigħ, ma’ persuni neqsin mid-dawl, ma’ persuni b'diffikultajiet fit-taħdit u ma’ nies b'diżabbiltà ta’ tagħlim;

    kif tittratta siġġijiet tar-roti u għajnuniet oħra għall-mobbiltà bil-galbu sabiex tiġi evitata l-ħsara (għall-persunal kollu li hu responsabbli għall-maniġġar tal-bagalji, jekk ikun hemm).

    b)   Taħriġ għal assistenza fil-każ ta' diżabbiltà

    It-taħriġ lill-persunal li jassisti direttament lil persuni b'diżabbiltà jew lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa jinkludi:

    kif tgħin lil min juża siġġu tar-roti jpoġġi u jqum mis-siġġu tar-roti;

    ħiliet biex tingħata assistenza lil persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa li jkunu qed jivvjaġġaw b'kelb tal-għajnuna rikonoxxut, inklużi r-rwol u l-bżonnijiet ta’ dawk il-klieb;

    teknika għall-akkompanjament ta’ passiġġieri b'nuqqas ta’ dawl u għall-immaniġġar u l-ġarr ta’ klieb tal-għajnuna rikonoxxuti;

    għarfien tat-tipi ta’ apparat li jista' jassisti lil persuni b'diżabbiltà u lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa u għarfien ta’ kif għandu jkun immaniġġat apparat bħal dan;

    l-użu ta’ tagħmir ta’ assistenza għat-tlugħ u għall-inżul użat u l-għarfien ta’ proċeduri xierqa għal assistenza waqt it-tlugħ u l-inżul li jissalvagwardjaw is-sigurtà u d-dinjità tal-persuni b'diżabbiltà u tal-persuni b'mobbiltà mnaqqsa;

    għarfien tal-ħtieġa għal assistenza affidabbli u professjonali. Barra minn hekk, għarfien tal-potenzjal ta’ ċerti passiġġieri b'diżabbiltà li jesperjenzaw sensazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà waqt l-ivvjaġġar minħabba d-dipendenza tagħhom fuq l-assistenza pprovduta;

    għarfien tal-ewwel għajnuna.


    Top