EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AE1624

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ‘L-Islanda bħala pajjiż kandidat’ (opinjoni esploratorja)

ĠU C 54, 19.2.2011, p. 8–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 54/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ‘L-Islanda bħala pajjiż kandidat’

(opinjoni esploratorja)

(2011/C 54/02)

Relatur: is-Sinjura CARR

B’ittra tat-28 ta’ April 2010, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, is-Sur Maroš Šefčovič u l-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-proċess tat-tkabbir, is-Sur Štefan Füle, talbu lill-KESE, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, sabiex iħejji opinjoni esploratorja dwar

L-Islanda bħala pajjiż kandidat.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Ottubru 2010.

Matul l-467 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-8 u d-9 ta’ Diċembru 2010 (sessjoni tad-9 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’170 vot favur u vot wieħed kontra.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Bħalma ġie kkonfermat fis-seduta pubblika li saret f’Settembru 2010 fl-Islanda, attwalment ftit li xejn hemm appoġġ mill-pubbliku għall-applikazzjoni tal-Islanda għas-sħubija mal-UE. Filwaqt li s-sħubija bħala tali tibqa’ kwistjoni kontroversjali, l-appoġġ mill-pubbliku għan-negozjati tal-adeżjoni jidher li qiegħed jiżdied: 64 % jippreferu li l-proċess tal-adeżjoni għall-UE jitkompla, mhux li tiġi rtirata l-applikazzjoni. Din hija żieda konsiderevoli fl-appoġġ għall-proċess tal-adeżjoni meta mqabbla ma’ sondaġġi preċedenti.

1.2   Il-Kumitat jemmen li issa wasal iż-żmien biex l-organizzazzjonijiet favur l-UE jiġu inklużi ħafna aktar fid-dibattitu pubbliku sabiex juru l-benefiċċji tas-sħubija tal-UE kemm għall-Islanda kif ukoll għall-UE. Il-KESE jista’ jkun l-ewwel wieħed li jorganizza avvenimenti li jiffokaw b’mod speċjali fuq ir-rwol tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-“interessi varji”.

1.3   Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ is-sħubija tal-Islanda mal-UE u jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili tal-Islanda fin-negozjati tal-adeżjoni. Tradizzjonalment, l-imsieħba soċjali jaqdu rwol prinċipali fil-proċess ta’ politika fl-Islanda u diġà għandhom kuntatti mal-KESE u mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi Ewropej.

1.4   Apparti l-imsieħba soċjali, il-Kumitat jisħaq fuq il-bżonn ta’ parteċipazzjoni usa’ minn gruppi ta’ interessi varji fi ħdan is-soċjetà ċivili. Matul il-proċess tal-adeżjoni jeħtieġ li jiġi assigurat “djalogu ċivili” flimkien mad-djalogu soċjali aktar tradizzjonali.

1.5   Il-Kumitat jirrakkomanda li jitwaqqaf kemm jista’ jkun malajr Kumitat Konsultattiv Konġunt għall-Islanda, bħalma sar għall-pajjiżi l-oħra qabel l-adeżjoni tagħhom. Skont il-Kumitat, dan il-mekkaniżmu ser ikun utli biex isir skambju tal-fehmiet u l-informazzjoni bejn is-soċjetajiet ċivili tal-Islanda u l-Istati Membri tal-UE, sabiex jesprimu rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet konġunti lill-partijiet fin-negozjati, u b’mod partikolari biex jissaħħaħ ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-Grupp III matul in-negozjati tal-adeżjoni.

1.6   Minħabba l-iżvilupp politiku u ekonomiku għoli tagħha u l-parteċipazzjoni tagħha fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), b’mod ġenerali l-Islanda tinsab lesta biex tirrispetta l-obbligi tas-sħubija mal-UE (minkejja l-kollass tal-ekonomija Islandiża fil-kriżi reċenti), partikolarment fl-oqsma koperti mill-Ftehim ŻEE. Il-KESE jemmen ukoll li, bħala Stat Membru tal-UE, l-Islanda tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ diversi politiki tal-UE, pereżempju fl-oqsma tas-sajd sostenibbli, l-enerġija rinnovabbli u d-dimensjoni Artika. Bħalissa, l-Islanda m’għandhiex siġġu fl-istituzzjonijiet tal-UE responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet.

1.7   Minkejja li l-Islanda diġà implimentat ammont sostanzjali tal-acquis tal-UE, għad fadal xi sfidi f’ċerti oqsma prinċipali, primarjament fis-setturi tas-sajd u tal-agrikoltura. Il-KESE jenfasizza li l-gruppi tas-soċjetà ċivili f’dawn l-oqsma jridu jaqdu rwol prinċipali fil-proċess tal-adeżjoni. Hemm bżonn ukoll li jiġu involuti gruppi oħra fil-proċess tal-adeżjoni biex il-gvern Islandiż jiġi appoġġjat fil-kompitu tiegħu li jinnegozja l-adeżjoni tal-pajjiż mal-UE.

1.8   Xi organizzazzjonijiet influwenti tas-soċjetà ċivili diġà ddikkjaraw li huma kontra t-talba ta’ adeżjoni tal-Islanda. F’dawn iċ-ċirkustanzi huwa importanti ħafna li l-organizzazzjonijiet favur l-adeżjoni jniedu dibattitu pubbliku fil-futur qarib dwar il-benefiċċji tas-sħubija għall-Islanda u għall-UE. Il-KESE jemmen li jkun utli li jitnieda dibattitu usa’ fil-livell nazzjonali u Ewropew sabiex l-organizzazzjonijiet u l-pubbliku jiġu megħjuna jiffurmaw il-fehmiet tagħhom fil-kuntest ta’ proċess demokratiku, waqt li jitqies l-approċċ konsenswali adottat fil-livell Ewropew.

1.9   L-opinjoni pubblika negattiva fl-Islanda lejn sħubija mal-UE parjzalment ġejja mill-kontroversja, li għadha mhix solvuta, tal-każ Icesave. Għalhekk, huwa aktar importanti li s-soċjetà ċivili tiġi involuta fi djalogu kostruttiv dwar il-kwistjoni tas-sħubija mal-UE. Il-KESE jinsisti li l-każ Icesave għandu jiġi solvut barra n-negozjati tal-adeżjoni u m’għandux ikun ta’ ostaklu fil-proċess tal-adeżjoni tal-Islanda.

2.   Il-qagħda attwali

2.1   L-Islanda applikat għas-sħubija mal-UE f’Lulju 2009 u fl-24 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni pożittiva dwar l-applikazzjoni tal-Islanda. Fis-17 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jiftaħ in-negozjati tal-adeżjoni u stieden lill-Kunsill jadotta qafas ġenerali ta’ negozjar. Id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-Parlament Ewropew fit-28 ta’ Ġunju 2010. L-ewwel laqgħa tal-Konferenza Intergovernattiva saret fis-27 ta’ Lulju 2010.

2.2   L-Islanda diġà implimentat il-maġġorparti tal-acquis tal-UE permezz tal-Ftehim ŻEE u tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Schengen. Dan għandu jħaffef il-proċess ta’ skrining u n-negozjati li jsegwu dwar kull kapitolu. Madankollu, għad fadal xi sfidi f’xi oqsma prinċipali bħall-agrikoltura, is-sajd u l-politika monetarja. Il-proċess ta’ skrining beda u għandu jikkonkludi f’Ġunju 2011.

2.3   L-Islanda tissodisfa bi sħiħ il-kriterji politiċi għal sħubija mal-UE stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta’ Kopenħagen fl-1993. Hija demokrazija rappreżentattiva żviluppata tajjeb b’istituzzjonijiet b’saħħithom u b’sistema estensiva ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-bniedem u r-rispett għall-istat tad-dritt.

2.4   L-amministrazzjoni pubblika tagħha ġeneralment hija effiċjenti u ħielsa minn kwalunkwe interferenza politika. Madankollu, id-diżordni finanzjarju reċenti ġab miegħu taqlib politiku kbir u bżonn għal riforma amministrattiva. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-kriżi finanzjarja qajmet mistoqsijiet dwar il-kunflitti potenzjali ta’ interessi relatati mar-rabtiet mill-qrib bejn il-klassi politika u l-intrapriżi, u probabbilment ser ikun hemm bżonn ta’ aktar riformi. Diġà nbdiet ir-riforma pubblika li indirizzat xi wħud mit-tħassibiet li qajmet il-Kummissjoni.

2.5   Minkejja l-konsegwenzi severi tal-kriżi ekonomika, l-Islanda hija ekonomija tas-suq li taħdem tajjeb u kapaċi tiffaċċja l-pressjonijiet kompetittivi u l-forzi tas-suq fi ħdan l-UE. Biex jiġġieled kontra l-kriżi, il-gvern tal-Islanda adotta miżuri severi ta’ awsterità, ippropona politiki biex jiddiversifika l-ekonomija u qed jispera li jerġa’ jkun hemm tkabbir pożittiv sal-aħħar tal-2010. L-għan prinċipali tal-gvern attwali huwa li jerġa’ jibbilanċja l-baġit statali sal-2013 filwaqt li joħloq l-impjiegi u jippromovi l-innovazzjoni biex l-Islanda terġa’ ssir kompetittiva sal-2020.

2.6   B’mod ġenerali, l-Islanda titqies bħala kandidat naturali għas-sħubija. Għandha kultura demokratika żviluppata tajjeb u livell għoli ta’ konformità mal-acquis u għalhekk tista’ ttemm in-negozjati tal-adeżjoni pjuttost malajr, sakemm tikkonforma b’mod sħiħ il-leġislazzjoni tagħha mal-acquis saż-żmien tal-adeżjoni. Jekk il-proċess tan-negozjati jintemm b’suċċess u l-Islandiżi japprovaw is-sħubija ta’ pajjiżhom f’referendum, l-Islanda tkun l-Istat Membru bl-inqas popolazzjoni ta’ madwar 317 000 ċittadin.

2.7   Wara li l-Islanda applikat għas-sħubija, twaqqfu għaxar gruppi ta’ negozjati inkarigati min-negozjati f’oqsma differenti. L-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet prinċipali oħrajn huma rappreżentati tajjeb u għandhom siġġijiet fil-gruppi rilevanti. Għalkemm l-uffiċjali huma responsabbli għan-negozjati, il-gruppi l-aktar milqutin ġew mistiedna jieħdu sehem fil-ħidma preparatorja tat-timijiet tan-negozjati u jipparteċipaw direttament fil-proċess.

2.8   Hija l-politika tal-gvern Islandiż li jinvolvi bis-sħiħ lis-soċjetà ċivili fil-proċess tal-adeżjoni. Meta l-Kumitat tal-Affarijiet Barranin tal-Parlament Islandiż abbozza l-opinjoni tiegħu dwar is-sħubija mal-UE, għadd ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, individwi u istituzzjonijiet ġew mistiedna jressqu l-kummenti tagħhom, li ġew ikkunsidrati. Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kumitat iddikjara li għandu jitwaqqaf forum ta’ konsultazzjoni estensiva li fih jiġu diskussi l-UE, il-qagħda tan-negozjati tal-adeżjoni u l-pożizzjoni tan-negozjati tal-Islanda f’setturi speċifiċi.

2.9   Minkejja dawn is-sinjali pożittivi kollha dwar l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-adeżjoni, il-kredibbiltà tal-Islanda sofriet f’xi Stati Membri tal-UE minħabba l-kriżi bankarja u l-każ tal-Icesave. L-attitudni tal-Islandiżi rigward l-UE mhix kostanti. Sondaġġ li għamlet l-organizzazzjoni Gallup f’Lulju 2010 wera li 60 % kienu favur li l-applikazzjoni għas-sħubija tiġi rtirata iżda fl-aħħar ta’ Settembru, sondaġġ ieħor li sar mill-gazzetta Fréttablaðið wera li 64 % ta’ dawk li rrispondew riedu li n-negozjati jiġu konklużi sabiex ikunu jistgħu jivvotaw f’referendum dwar il-kwistjoni. Għalkemm għadu kmieni wisq biex jingħad jekk inbidlitx il-perċezzjoni tal-UE fost l-Islandiżi, li hu żgur hu li hemm domanda enormi għal aktar informazzjoni fattwali dwar l-UE u s-sħubija mal-UE. Jidher li hemm xewqa dejjem tikber biex il-poplu jitgħallem aktar dwar l-UE u l-proċess tal-adeżjoni sabiex id-deċiżjonijiet futuri jiġu bbażati fuq għarfien sod u mhux fuq miti u biżgħat.

3.   Ir-relazzjonijiet mal-UE

3.1   L-Islanda għandha rabtiet stretti mal-Unjoni Ewropea permezz tal-Ftehim ŻEE li daħal fis-seħħ fl-1994. Il-Ftehim ŻEE jippermetti lit-tliet pajjiżi tal-EFTA jipparteċipaw fis-suq intern tal-UE. Wara li l-Islanda applikat għas-sħubija, l-UE waqqfet rappreżentanza fl-Islanda. Qabel, l-Islanda kienet rappreżentata minn dik ta’ Oslo.

3.2   B’konformità mal-Ftehim ŻEE, l-Islanda kellha tintegra l-maġġorparti tal-acquis tal-UE fis-sistema legali nazzjonali tagħha. Il-pajjiż adotta l-maġġoranza tad-dispożizzjonijiet relatati mal-erba’ libertajiet. Huma ftit is-setturi tal-politika nazzjonali li ma jintlaqtux mill-Ftehim ŻEE li, bħalma xi wħud isostnu, jirrappreżenta forma ta’ kważi sħubija mal-UE. Sa Lulju 2009, il-perċentwali tal-leġislazzjoni tas-suq intern traspost fil-leġislazzjoni nazzjonali huwa fuq l-istess livell tal-medja tal-Istati Membri tal-UE.

3.3   Għalkemm il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà ma jagħmlux parti mill-Ftehim ŻEE, l-Islanda tipparteċipa wkoll f’dan is-settur politiku permezz tal-Ftehim Schengen. Meta l-Istati Membri Nordiċi talbu biex jingħaqdu mal-Ftehim Schengen, għamlu dan bil-kondizzjoni li tinstab soluzzjoni biex tinżamm l-Unjoni Nordika tal-Passaporti mal-Islanda u n-Norveġja. Għalhekk, iż-żewġ pajjiżi ilhom japplikaw l-acquis Schengen minn Marzu 2001.

3.4   Fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, il-Ftehim ŻEE prinċipalment jagħti aċċess għall-Kummissjoni. Skont l-Artikoli 99 u 100 tal-Ftehim ŻEE, l-Istati EFTA-ŻEE jistgħu jipparteċipaw fil-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u l-gruppi ta’ ħidma tal-kumitati tal-komitoloġija. Madankollu, l-Istati EFTA-ŻEE m’għandhom l-ebda aċċess formali għall-Kunsill jew għall-Parlament Ewropew.

3.5   L-imsieħba soċjali Islandiżi jipparteċipaw fil-Kumitat Konsultattiv Konġunt taż-ŻEE mal-KESE. Fil-livell politiku, l-Islanda tipparteċipa fil-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-ŻEE. Flimkien man-Norveġja, l-Islanda tipparteċipa wkoll fil-laqgħat informali tal-pajjiżi Nordiċi u dawk Baltiċi qabel ma jiltaqa’ l-Kunsill, li fihom għandha l-opportunità tipprova twassal fehmietha.

3.6   Apparti li ma jkollhiex parteċipazzjoni sħiħa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, id-differenza prinċipali bejn l-istatus tal-Islanda skont il-Ftehim ŻEE u s-sħubija mal-UE hija li l-Ftehim ŻEE ma joħloqx istituzzjonijiet sovranazzjonali li għandhom il-poter li jadottaw liġijiet li jkunu direttament applikabbli fl-Istati Membri. Il-Ftehim ŻEE lanqas ma jipprevedi l-konferiment ta’ poteri ġudizzjali. Fl-istess waqt, is-sħubija mal-UE tippermetti li l-Islanda tiġi rappreżentata fl-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE għat-teħid tad-deċiżjonijiet.

3.7   Minkejja li għandha relazzjonijiet stretti mal-UE, sa ftit ilu l-Islanda għażlet li tibqa’ barra mill-Unjoni. B’mod ġenerali, din il-pożizzjoni hija dovuta għal diversi fatturi, u l-aktar importanti fosthom hija x-xewqa li jinżamm il-kontroll nazzjonali fuq ir-riżorsi tas-sajd. Il-Politika Agrikola Komuni wkoll ma tantx tintlaqa’ tajjeb mill-bdiewa Islandiżi li jibżgħu mill-kompetizzjoni ta’ prodotti orħos minn pajjiżi Ewropej oħra. It-tendenzi nazzjonalistiċi huma b’saħħithom f’ċerti partijiet tal-popolazzjoni fl-Islanda u wħud minn dawk responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet ġeneralment ma kinux lesti li jippromovu xi ħaġa li tista’ titqies bħala attakk fuq is-sovranità tal-pajjiż. L-iżolazzjoni ġeografika tal-Islanda, ir-relazzjoni speċjali tagħha fir-rigward tas-sigurtà mal-Istati Uniti matul is-snin tal-Gwerra Bierda, id-daqs żgħir tal-amministrazzjoni tagħha u s-sistema elettorali magħmula b’tali mod li tipprivileġġja ż-żoni rurali xi kultant jissemmew ukoll bħala kawżi potenzjali tal-politika tal-Islanda fil-konfront tal-UE. Fl-aħħar nett, sa meta faqqgħet il-kriżi finanzjarja, kien jidher li, b’mod ġenerali, il-Ftehim -ŻEE kien qiegħed jaqdi biżżejjed l-interessi tal-Islanda.

3.8   Minkejja l-fatturi msemmija hawn fuq, partijiet kbar tal-popolazzjoni kienu favur rabtiet stretti mal-UE matul is-snin. Il-kollass tas-sistema finanzjarja Islandiża f’Ottubru 2008 wassal għal aktar bidla fl-opinjoni favur sħubija mal-UE u l-adozzjoni tal-euro. F’Lulju 2009, il-Parlament Islandiż ivvota favur l-applikazzjoni għas-sħubija mal-UE. Madankollu, il-fehma pubblika u l-partiti politiċi fl-Islanda baqgħu mifrudin dwar il-kwistjoni.

3.9   L-isħubija tal-Islanda ser tkun ta’ benefiċċju kemm għall-UE kif ukoll għall-Islanda stess. L-UE tgawdi minn ċerta unità ġeografika u testendi l-influwenza tagħha saż-żona tal-Artiku, inkluża l-possibbiltà li tipparteċipa fil-Kunsill Artiku. Għall-Islanda, l-adeżjoni mal-UE ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fit-tiftix ta’ forom aktar effettivi ta’ governanza multilaterali fl-Artiku. L-isħubija tkun ta’ benefiċċju wkoll biex terġa’ trodd il-kredibbiltà internazzjonali tal-pajjiż u tikkontribwixxi għall-istabbiltà tal-munita u l-ekonomija inġenerali. Bħala Stat Membru tal-UE, l-Islanda għandha ħafna x’toffri għall-Politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, għall-iżvilupp u l-isfruttament tar-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli u għal ekonomija li tirrispetta aktar l-ambjent fl-UE.

3.10   Għad fadal diversi sfidi peress li diversi setturi importanti ma jidħlux fl-ambitu tal-applikazzjoni taż-ŻEE jew tal-Ftehim Schengen. Xi wħud minn dawn wisq probabbli ser joħolqu xi diffikultajiet matul in-negozjati. Is-sajd u l-agrikoltura wisq probabbli ser ikunu punti partikolarment problematiċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’dawn l-oqsma ser jaqdu rwol importanti fil-proċess tal-adeżjoni. Il-proċess tal-adeżjoni għandu jkun fuq bażi volontarja, kunsenswali u bilaterali, fejn l-ebda parti ma tħossha obbligata mill-parti l-oħra li tidħol f’impenji li ma tkunx lesta li tonora.

4.   Is-sitwazzjoni soċjoekonomika

4.1   Tradizzjonalment, l-ekonomija tal-Islanda hija bbażata prinċipalment fuq is-sajd, u s-sajd għadu jirrappreżenta kważi nofs l-esportazzjonijiet fil-merkanzija tal-Islanda. Dan l-aħħar, il-produzzjoni tal-aluminju u t-turiżmu wkoll saru industriji importanti. Fis-snin disgħin, l-Islanda bdiet proċess ta’ deregolazzjoni, liberalizzazzjoni u diversifikazzjoni tal-ekonomija, u ħolqot settur finanzjarju kbir. Minħabba espożizzjoni żejda, nuqqas ta’ superviżjoni adegwata tas-settur finanzjarju u d-daqs kbir tal-banek meta mqabbel mal-ekonomija nazzjonali, is-settur bankarju Islandiż ikkollassa fid-dawl tal-kriżi finanzjarja globali. It-telf tal-banek ilkoll flimkien kien għaxar darbiet iktar mill-PDG tal-Islanda (1). Dan wassal għal reċessjoni profonda b’konsegwenzi kemm soċjali kif ukoll ekonomiċi.

4.2   Il-Krona Islandiża ddeprezzat b’mod sinifikattiv u dan wassal għal inflazzjoni għolja, żieda fil-qgħad, tnaqqis fil-prezzijiet tal-assi, numru kbir ta’ kumpaniji li fallew u tnaqqis fil-konsum privat. It-taxxi (fuq il-kapital, id-dħul, is-sisa u r-rati tal-VAT) żdiedu wkoll, ġiet introdotta sistema fiskali ġdida fuq id-dħul personali fuq tliet livelli, u tbaxxew diversi benefiċċji bħal-leave tal-maternità/paternità u l-benefiċċji tal-għajnuna għat-tfal. L-infiq pubbliku fuq l-edukazzjoni u s-saħħa wkoll tnaqqas. Ħafna familji Islandiżi sofrew minħabba li tilfu proporzjon kbir tat-tfaddil tagħhom u/jew tad-dħul. Madankollu, biex tittaffa s-severità tal-kriżi, għaddej ristrutturar estensiv tad-dejn kemm għall-individwi kif ukoll għall-intrapriżi. Fir-rigward tal-individwi, jeżisti qafas speċjali ta’ ristrutturar tad-dejn barra l-qorti għall-familji f’diffikultajiet serji (2).

4.3   Fid-dawl tal-kriżi, il-livell tad-dejn nazzjonali żdied. Proporzjon kbir ta’ dan id-dejn huwa riżultat tal-obbligi tal-Icesave. Skont id-Direttiva dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti (94/19/KE), l-Islanda għandha tirrimborża lid-depożituri sa EUR 20 000 kull kont. L-Islanda qablet li tonora dawn l-obbligi. Madankollu, il-kontroversja relatata mal-Icesave, li għadha trid tiġi solvuta, hija relatata mat-termini u l-kondizzjonijiet li bihom l-Islanda għandha tħallas lura lill-gvernijiet Ingliżi u Daniżi li rrimborżaw lid-depożituri tagħhom.

4.4   L-Islanda adottat diversi miżuri biex tiġġieled kontra l-kriżi. It-tliet banek prinċipali ġew nazzjonalizzati, ristrutturati u rikapitalizzati. Ġew implimentati miżuri ta’ salvagwardja tal-bilanċ tal-pagamenti, li llimitaw il-flussi ta’ kapital internazzjonali biex jiġi evitat il-ħruġ ta’ munita barranija u żvalutazzjoni ulterjuri tal-Korona Islandiża. Il-Bank Ċentrali beda t-tneħħija gradwali ta’ dawn il-kontrolli f’Ottubru 2009. Ġie stabbilit Ministeru ġdid tal-Affarijiet Ekonomiċi, inbidlet il-governanza tal-Bank Ċentrali u ssaħħaħ ir-rwol tal-Awtorità Superviżorja Finanzjarja. Il-gvern nieda wkoll investigazzjoni komprensiva tal-avvenimenti li wasslu għall-kriżi, bil-ħatra ta’ Kummissjoni Speċjali ta’ Inkjesta u Prosekutur Speċjali.

4.5   Il-gvern talab ukoll l-assistenza tal-komunità internazzjonali, inkluż il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). L-hekk imsejjaħ Stand-by Arrangement tal-FMI għall-Islanda huwa ta’ $2,1 biljun u $2,75 biljun addizzjonali mill-pajjiżi Nordiċi l-oħra, il-Polonja u l-Gżejjer Faeroe. Il-programm ekonomiku appoġġjat mill-FMI jinkludi miżuri mmirati biex jistabbilizzaw ir-rata tal-kambju u jistabbilixxu mill-ġdid il-fiduċja fil-politika monetarja, tiġi riveduta l-politika fiskali u jinżamm livell maniġabbli tad-dejn fis-settur pubbliku, jiġi ristrutturat is-settur finanzjarju u l-qafas regolatorju tiegħu u jiġi ffaċilitat ir-ristrutturar tad-dejn tal-familji u tal-impriżi. Fl-aħħar ta’ Settembru 2010, il-FMI approva t-tielet verifika tal-Programm ta’ Rkupru Ekonomiku tal-Islanda.

4.6   L-istabbilizzazzjoni makroekonomika tal-Islanda għadha mhux lesta u l-konsolidazzjoni fiskali għadha sfida prinċipali. Biex jissaħħaħ il-qafas fiskali, ser jiġi adottat pjan ta’ konsolidazzjoni fiskali fuq medda ta’ 4 snin. Diġà hemm sinjali ta’ titjib. Il-FMI jikkalkula li l-ekonomija għandha tesperjenza tkabbir pożittiv sat-tieni nofs tal-2010, bis-saħħa tal-bażi ekonomika b’saħħitha fl-Islanda (2). L-inflazzjoni qiegħda tonqos u r-rata tal-kambju stabbilizzat ruħha. Il-banek kummerċjali ġodda ġew rikapitalizzati u tlestew riformi estensivi tar-regolamenti dwar is-suq finanzjarju. Ir-rati tal-qgħad ma laħqux il-livelli mbassra ta’ ’l fuq minn 10 %.

4.7   L-imsieħba soċjali qdew rwol prinċipali fil-pjan tal-irkupru ekonomiku tal-Islanda. Il-gvern u l-imsieħba soċjali ffirmaw “patt ta’ stabbiltà” f’Ġunju 2009 u l-baġit tal-2010 jirrifletti dan il-ftehim. L-għan tal-patt kien li jiġi assigurat kunsens soċjali għall-miżuri neċessarji ta’ aġġustament. Madankollu, peress li primarjament dan involva lill-imsieħba soċjali, xi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ħassewhom esklużi minn dan il-proċess. F’Marzu 2010, il-Konfederazzjoni Islandiża ta’ Min Iħaddem irtirat mill-patt u sostniet li l-patt kien inkiser u akkużat lill-gvern li mhux kapaċi jżomm il-wegħdiet tiegħu.

4.8   Fuq il-perijodu medju u fit-tul, l-Islanda għandha suq tax-xogħol relattivament flessibbli b’rata għolja ta’ parteċipazzjoni, forza tax-xogħol pjuttost żagħżugħa u edukata tajjeb u bażi soda ta’ riżorsi li tinkludi żoni rikki ta’ sajd u sorsi vasti ta’ enerġija rinnovabbli. Għalhekk, huwa probabbli li maż-żmien l-Islanda tegħleb kompletament l-ostakli ekonomiċi attwali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea temmen li jekk l-Islanda tikkonforma mal-acquis fiż-żona tal-politika ekonomika u monetarja, il-parteċipazzjoni tagħha fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja m’għandhiex toħloq problemi kbar.

5.   Is-soċjetà ċivili fl-Islanda

5.1   L-Islanda għandha esperjenza vasta ta’ parteċipazzjoni attiva mis-soċjetà ċivili. B’mod partikolari minħabba d-daqs żgħir tas-soċjetà Islandiża, il-gruppi ta’ interess għandhom rabtiet stretti ħafna u ta’ spiss personali mal-gvern u pparteċipaw b’mod attiv fil-proċess tat-tfassil tal-politika. Fil-fatt, xi gruppi ta’ interess bħall-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa u s-sajjieda u t-trejdjunjins tradizzjonalment għandhom rabtiet stretti ħafna ma’ partiti politiċi partikolari.

5.2   Biex jiġu kontrobbilanċjati l-limiti ta’ amministrazzjoni żgħira, il-Gvern Islandiż jaħdem mill-qrib ma’ gruppi ta’ interess lokali li huma attivi fil-livell tal-UE, u sikwit jiddependi minnhom biex jiġbor l-informazzjoni u jissensibilizza iżjed lil Brussell dwar il-kwistjonijiet li jolqtu lill-Islanda. Madankollu, l-aktar rwol importanti tal-gruppi ta’ interess huwa pjuttost dak li jiġbru l-informazzjoni u jfasslu strateġiji iktar milli jinfluwenzaw il-politika tal-UE, ħlief f’oqsma bħall-politika soċjali, fejn l-imsieħba soċjali huma partikolarment attivi u għandhom aċċess dirett għall-proċess tat-tfassil tal-politika.

5.3   B’konformità mal-Artikolu 74 tal-Kostituzzjoni, bħalma jeżisti f’pajjiżi Nordiċi oħra, jista’ jiġi ffurmat kull tip ta’ assoċjazzjoni mingħajr permess minn qabel, u assoċjazzjoni ta’ din ix-xorta ma tistax tinħall b’deċizjoni amministrattiva. L-assoċjazzjonijiet iridu jkunu reġistrati mal-uffiċċju tar-Reġistratur Nazzjonali biex jiksbu numru ta’ reġistrazzjoni nazzjonali għal finijiet fiskali u jrid ikollhom indirizz uffiċjali. L-attivitajiet tat-trejdjunjins huma rregolati mill-Att tat-Trejdjunjins u l-Kontroversji Industrijali.

5.4   Ħafna organizzazzjonijiet Islandiżi għandhom affinitajiet b’saħħithom u dejjiema mal-kontropartijiet Nordiċi tagħhom. Dawn ir-rabtiet jistgħu jgħinu lill-organizzazzjonijiet Islandiżi jaqsmu l-aħjar prattiki u jitgħallmu mill-esperjenzi tal-organizzazzjonijiet imsieħba tagħhom matul il-perijodu tal-adeżjoni tal-pajjiżi tagħhom mal-UE.

5.5   Madankollu, is-seduta pubblika li saret mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Islanda indikat li meta mqabbla mal-organizzazzjonijiet li huma rappreżentanti mill-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili l-oħra jikkonċentraw l-aktar fuq l-affarijiet interni tagħhom. Kooperazzjoni msaħħa għandha twassal biex tikkonvinċihom jadottaw viżjoni usa’ tar-rwol tagħhom fl-Islanda, speċjalment tar-rwol tagħhom fil-proċess tal-adeżjoni mal-UE, u għandu jkun possibbli wkoll li l-organizzazzjonijiet tal-UE jitgħallmu mill-kontropartijiet Islandiżi tagħhom.

5.6   L-Islanda applikat il-mudell ekonomiku u soċjali Nordiku, li huwa kkaratterizzat minn livell għoli ta’ għajnuna statali b’benefiċċji soċjali ġenerużi. L-imsieħba soċjali fuq iż-żewġ naħat tas-suq tax-xogħol jipparteċipaw b’mod attiv fid-djalogu soċjali bil-għan li jkun hemm skambju tal-informazzjoni u jiġu solvuti diversi kwistjonijiet soċjali u ekonomiċi importanti. Id-dispożizzjonijiet soċjali ġeneralment huma stabbiliti fil-ftehimiet kollettivi minflok fil-liġi.

5.7   Fl-Islanda, l-iżviluppi jixbhu ħafna lil dawk tal-pajjiżi Nordiċi ġirien, ikkaretterizzati minn żieda fl-infiq pubbliku. L-urbanizzazzjoni u l-bidliet fl-istruttura tas-soċjetà wasslu għall-ħolqien ta’ diversi gruppi ta’ interess, primarjament trejdjunjins, kooperattivi u assoċjazzjonijiet tal-bdiewa. Fis-snin bikrin, il-gruppi ta’ interess kienu ftit iżda b’saħħithom, b’rabtiet stretti ma’ partiti politiċi partikolari li kienu jaqdu l-interessi tagħhom.

5.8   Matul l-aħħar nofs tas-seklu 20, in-numru ta’ gruppi kiber hekk kif is-soċjetà saret iktar diversa. Biż-żieda fid-diversità ddgħajfu r-rabtiet bejn partiti politiċi partikolari u l-gruppi potenti ta’ interess. Madankollu, f’soċjetà żgħira bħal dik tal-Islanda, id-distanza bejn is-soċjetà ċivili u l-gvern hija inevitabbilment qasira.

5.9   Filwaqt li l-mudell Islandiż huwa, f’diversi modi, simili għal dak tal-pajjiżi Nordiċi, huwa differenti mill-mudell Nordiku bażiku f’ċerti aspetti. L-iżviluppi fl-Islanda kienu aktar bil-mod u l-infiq fil-qasam tal-benefiċċji soċjali tradizzjonalment kien inqas fl-Islanda meta mqabbel ma’ dak tal-pajjiżi Nordiċi. Il-politiki tal-liberalizzazzjoni u l-privatizzazzjoni kienu prominenti fis-snin disgħin iżda minħabba l-kollass finanzjarju, is-sistema tal-benefiċċji soċjali tnaqqset sostanzjalment. Madankollu, fil-pajjiżi Nordiċi, il-mudell tal-benefiċċji soċjali ġeneralment jintlaqa’ tajjeb mill-partiti xellugin kif ukoll dawk leminin tas-sistema politika, u dan jgħodd ukoll għall-Islanda minkejja li x-xena politika hija karatterizzata b’mod predominanti mill-koalizzjonijiet tal-lemin-ċentrali. L-imsieħba soċjali qdew rwol importanti fil-proċess ta’ politika.

5.10   Mis-sedua pubblika ħareġ li s-soċjetà ċivili fl-Islanda hija maqsuma dwar il-kwistjoni tas-sħubija mal-UE. B’mod partikolari, l-assoċjazzjoni tas-sajjieda u l-bdiewa jopponu s-sħubija mal-UE filwaqt li l-organizzazzjonijiet bħall-Konfederazzjoni tax-Xogħol u l-Federazzjoni tal-Industriji huma favur. Ħafna organizzazzjonijiet fl-Islanda huma newtrali dwar din il-kwistjoni. Filwaqt li d-demokrazija hija estremament qawwija fl-Islanda, ir-rappreżentanza tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili hija relattivament dgħajfa u dan iwassal għal vuċi inqas ibbilanċjata mis-soċjetà ċivili.

6.   Organizzazzjonijiet prinċipali u l-pożizzjoni tagħhom fid-dibattitu tal-UE

6.1   L-imsieħba soċjali

6.1.1   Il-Konfederazzjoni Islandiża tax-Xogħol (ASI) hija l-organizzazzjoni prinċipali tat-trejdjunjins fl-Islanda u tirrappreżenta il-ħaddiema ġenerali, l-impjegati tal-uffiċċju u tal-bejgħ bl-imnut, il-baħħara, il-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni u fl-industrija, il-ħaddiema fis-settur tal-elettriku u diversi professjonijiet oħra fis-settur privat u parti mis-settur pubbliku, għalkemm il-maġġoranza tal-ħaddiema fis-settur pubbliku huma rrappreżentati mill-Federazzjoni tal-Impjegati Statali u Muniċipali (BSRB). Iż-żewġ organizzazzjonijiet huma membri tal-KETU. It-tielet tip ta’ organizzazzjoni ċentrali, l-Assoċjazzjoni tal-Akkademiċi (BHM), tlaqqa’ l-impjegati tas-settur pubbliku u privat li għandhom grad universitarju.

6.1.2   Organizzazzjoni oħra li tixbah l-ASI iżda fil-livell tal-maniġment, u li hija membru tal-BUSINESSEUROPE, hija l-Konfederazzjoni Islandiża ta’ Min Iħaddem (SA). L-SA tħaddan tmien assoċjazzjonijiet f’oqsma diversi bħall-enerġija, it-turiżmu, il-finanzi u s-sajd. Dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet jaqdu rwol prinċipali fil-koordinazzjoni tal-politiki fl-oqsma tal-impjiegi, l-affarijiet soċjali, l-ambjent u s-suq tax-xogħol. Organizzazzjoni oħra attiva fil-livell tal-UE u li wkoll tagħmel parti minn BUSINESSEUROPE hija l-Federazzjoni tal-Industriji Islandiżi (SI), li hija membru tal-SA.

6.1.3   Il-Konfederazzjoni ta’ Min Iħaddem u l-Konfederazzjoni tax-Xogħol jipparteċipaw f’numru ta’ kumitati u bords ta’ korpi pubbliċi sabiex jipproteġu l-interessi tal-membri rispettivi tagħhom matul il-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni, pereżempju l-Amministrazzjoni tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol fl-Islanda, il-Kunsill għall-Ugwaljanza u l-Kunsill tax-Xjenza u t-Teknoloġija. Jinsabu wkoll f’kuntatt mill-qrib mal-gvern fir-rigward tal-preparazzjoni u t-tiġdid tal-kuntratti tal-pagi. L-imsieħba soċjali jaħdmu f’kollaborazzjoni stretta fir-rigward ta’ interessi komuni fl-oqsma tal-ugwaljanza, il-protezzjoni tax-xogħol u t-tixrid tal-informazzjoni.

6.1.4   L-imsieħba soċjali fl-Islanda diġà jinsabu integrati tajjeb fil-proċess ta’ politika tal-UE. Isegwu mill-qrib il-proċedura leġislattiva tal-UE, peress li l-politiki tal-UE li jiġu adottati permezz tal-Ftehim ŻEE jolqtuhom.

6.1.5   Ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tax-xogħol u ta’ min iħaddem fl-Istati EFTA għandhom rabtiet mal-KESE permezz tal-Kumitat Konsultattiv taż-ŻEE, li jagħmel parti mill-istruttura istituzzjonali taż-ŻEE. Il-forum iservi ta’ rabta bejn l-imsieħba soċjali fil-pajjiżi EFTA u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-UE. Għall-kuntrarju tal-KESE, il-membri tal-Kumitat Konsultattiv tal-EFTA jinkludu biss l-organizzazzjonijiet trejdjunjonistiċi u ta’ min iħaddem. Indubbjament, din hija limitazzjoni peress li mhux l-atturi kollha jiġu involuti fid-djalogu ċivili.

6.1.6   L-imsieħba soċjali fl-Islanda ġeneralment huma pjuttost pożittivi lejn l-integrazzjoni Ewropea, għalkemm hemm fehmiet diversi. L-ASI fil-bidu kienet xettika mis-sħubija tal-Islanda maż-ŻEE, iżda fl-2000 irrevediet il-politika tagħha wara li kkonstatat li ż-ŻEE tħalli diversi benefiċċji għall-ħaddiema Islandiżi. L-ASI issa hija favur in-negozjati tal-adeżjoni mal-UE u l-adozzjoni tal-euro peress li temmen li l-interessi tal-forza tax-xogħol Islandiża u l-istabbiltà ġenerali tal-ekonomija ser ikunu garantiti aħjar permezz ta’ integrazzjoni sħiħa fl-UE. Madankollu, hija tal-fehma li, matul in-negozjati tal-adeżjoni, għandha ssir enfasi fuq li jinżamm kontroll sħiħ taż-żona ekonomika esklużiva tal-Islanda fir-rigward tas-sajd u li l-appoġġ għall-agrikoltura Islandiża għandu jiġi garantit. Il-BSRB, li tirrappreżenta l-impjegati fis-settur pubbliku, għad m’għandhiex opinjoni uffiċjali dwar is-sħubija, għalkemm tilqa’ b’sodisfazzjon id-diskussjonijiet miftuħa relatati man-negozjati.

6.1.7   Min-naħa ta’ dawk li jħaddmu, l-SA għandha l-għan li ssewgi mill-qrib it-taħditiet dwar is-sħubija, iżda adottat pożizzjoni newtrali dwar is-sħubija mal-UE peress li l-assoċjazzjonijiet membri tagħha ma jaqblux dwar il-kwistjoni. L-SI, pereżempju, hija favur is-sħubija u targumenta li l-ekonomija Islandiża mhix stabbli minħabba ċ-ċaqliq fil-munita u li l-integrazzjoni mal-UE u l-adozzjoni tal-euro jsaħħu l-kompetittività u jwasslu għal kondizzjonijiet ta’ xogħol aħjar għall-industriji Islandiżi.

6.2   Is-settur tas-sajd

6.2.1   Il-Federazzjoni tas-Sidien tal-Bastimenti tas-Sajd (LIU) u l-Federazzjoni tal-Impjanti tal-Ipproċessar tal-Ħut, min-naħa l-oħra, jopponu bil-qawwa s-sħubija mal-UE. Dawk li għandhom interess fl-industrija tas-sajd isibuha bi tqila jissieħbu fil-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) għax din tippermetti investiment barrani fis-settur u tagħti lil Brussell il-poter li tistabbilixxi l-kwota ta’ qabda totali permissibbli ġewwa ż-Żona Ekonomika Esklużiva ta’ 200 mil tal-Islanda. Għalkemm bħala Stat Membru l-Islanda tipparteċipa bi sħiħ fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jemmnu li minħabba d-daqs tiegħu, il-pajjiż ma jkunx jista’ jinfluwenza biżżejjed id-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE. L-Islanda titlef ukoll id-dritt li tikkonkludi l-ftehimiet tagħha ma’ pajjiżi terzi fir-rigward tas-sajd ta’ ħażniet transżonali li jkopru 30 % tal-qbid tal-Islanda. L-LIU tafferma li r-rimi u s-sajd eċċessiv huma problemi serji fl-UE filwaqt li fl-Islanda, is-settur tas-sajd iħalli profitt. Barra minn hekk, m’hemm l-ebda garanzija li bl-adeżjoni mal-UE ser jinżamm il-prinċipju tal-istabbiltà relattiva.

6.2.2   Madankollu, f’Awwissu 2010, waqt programm fuq ir-radju Islandiż RÚV, il-President tal-LIU qal li l-Islanda għandha tkompli bid-diskussjonijiet tagħha dwar l-adeżjoni mal-UE u għandha tħabrek biex tikseb “l-aħjar kondizzjonijiet possibbli”, u qal ukoll li ma jagħmilx sens li issa tiġi rtirata l-applikazzjoni għas-sħubija mal-UE.

6.2.3   Fl-aħħar nett, il-fatt li l-Islanda reġgħet bdiet bil-qbid tal-baleni bi skop kummerċjali fl-2006 probabbilment ser ikun kwistjoni taħraq peress li dan jikkontradixxi l-politika tal-UE u, jekk ma tinstabx soluzzjoni, jista’ jikkostitwixxi ostaklu serju fit-triq tal-adeżjoni tal-Islanda.

6.2.4   Il-PKS attwalment tinsab f’fażi ta’ reviżjoni u l-modifiki ppjanati probabbilment ser iqarrbuha lejn il-mudell Islandiż. Madankollu, in-negozjati dwar is-sħubija tal-Islanda ser ikunu bbażati fuq l-acquis attwali u għalhekk hemm diversi punti ta’ kunflitt potenzjali. Qed jitbassar li s-sajd probabbilment ser ikun l-aktar kwistjoni importanti fin-negozjati tal-adeżjoni tal-Islanda. Il-gruppi ta’ pressjoni fis-settur tas-sajd għandhom influwenza enormi fil-proċess ta’ politika u probabbilment ser jaqdu rwol prinċipali fid-dibattitu dwar is-sħubija mal-UE, peress li d-dħul per capita mis-sajd fl-Islanda huwa ħafna akbar minn dak ta’ xi Stat Membru ieħor tal-UE.

6.3   Is-settur agrikolu

6.3.1   Organizzazzjoni oħra li għandha tradizzjoni twila ta’ parteċipazzjoni politika hija l-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa. Tradizzjonalment, il-bdiewa huma forza qawwija fl-Islanda b’rabtiet mill-qrib mal-gvern, għalkemm l-influwenza tagħhom iddgħajfet matul is-snin peress li s-settur m’għadux kbir bħal qabel. Bħal-LIU, l-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa ssegwi l-proċedura leġislattiva tal-UE mill-qrib. Din l-Assoċjazzjoni hija organizzazzjoni msieħba tal-COPA/COCEGA u għalhekk sa ċertu punt tipparteċipa b’mod limitat. Din l-organizzazzjoni Ewropea, li tlaqqa’ l-bdiewa u l-kooperattivi tagħhom, tiffoka l-aktar fuq kwistjonijiet relatati mal-UE.

6.3.2   L-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa topponi bil-qawwa s-sħubija mal-UE u ssostni li din twassal għal telf kbir ta’ impjiegi fl-agrikoltura u għandha impatt negattiv konsiderevoli fuq is-sigurtà u s-sikurezza tal-ikel fil-pajjiż. Ir-raġunament prinċipali għal dan l-argument huwa li l-Islanda jkollha tippermetti l-importazzjonijiet illimitati ta’ prodotti agrikoli mill-UE, li jagħmilha diffiċli għall-bdiewa Islandiżi li jikkompetu. Madankollu, ir-Regolament tal-UE dwar il-Liġi dwar l-Ikel li jassigura s-sigurtà tal-ikel (3) diġà jagħmel parti mill-Ftehim ŻEE u ser jidħol fis-seħħ fl-aħħar tal-2011. Matul l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament fil-livell nazzjonali, l-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa ħabirket bis-sħiħ u rnexxielha żżomm il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ laħam frisk fil-leġislazzjoni Islandiża, anke jekk probjbizzjoni bħal din hija bla dubju inkonsistenti mal-għanijiet tal-leġislazzjoni tal-UE. Skont l-Artikolu 19 tal-Ftehim ŻEE, l-Islanda aċċettat ukoll il-kwoti u l-konċessjonijiet mingħajr tariffi li japplikaw għal prodotti speċifiċi, u dan iħasseb lill-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa.

6.3.3   L-agrikoltura ser tkun settur prinċipali matul in-negozjati tal-adeżjoni u l-appoġġ espliċitu għall-produzzjoni tal-ħalib, it-trobbija tan-nagħaġ u biedja tradizzjonali oħra ser ikunu fost l-objettivi tal-Islanda. Skema ta’ għajnuna nazzjonali fuq perijodu fit-tul simili għal dawk ta’ reġjuni oħrajn tal-UE li jinsabu fit-Tramuntana tat-62 parallel tista’ tgħin issostni l-attività agrikola f’dawn is-setturi ta’ densità baxxa ta’ popolazzjoni u kondizzjonijiet diffiċli ta’ klima.

6.4   Is-settur ambjentali

6.4.1   Jeżistu numru ta’ gruppi ambjentali attivi fl-Islanda. Il-gruppi ambjentali fl-UE ġeneralment isegwu mill-qrib il-politika ambjentali tal-UE, huma attivi fil-livell Ewropew u huma wkoll membri ta’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom. Dan ma jidhirx li kien daqshekk importanti għall-gruppi ambjentalisti Islandiżi matul is-snin, għalkemm xi wħud minnhom għandhom xi affiljazzjonijiet internazzjonali.

6.4.2   Hemm numru ta’ spjegazzjonijiet possibbli għal dan. L-ewwel nett, il-gruppi ta’ interess Ewropej huma favur il-politiki kontra l-qbid tal-baleni, u dan jista’ jfisser li l-gruppi ambjentalisti Islandiżi ma jħossux affinità mal-kontropartijiet Ewropej tagħhom. It-tieni nett, il-gruppi ambjentalisti Islandiżi, bħal Landvernd, primarjament jiffokaw fuq il-problema tat-taħfir tal-ħamrija, il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali fl-Islanda, u ta’ sikwit jopponu l-kostruzzjoni ta’ diegi idroelettriċi biex tiżdied il-produzzjoni tal-aluminju. Minkejja li l-Ftehim ŻEE jkopri l-maġġoranza tal-politika ambjentali tal-UE, dan ma jinkludix il-leġislazzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali. Fl-aħħar nett, il-gruppi ambjentalisti fl-Islanda batew minn nuqqas ta’ fondi u riżorsi. Forsi għal dawn ir-raġunijiet, il-gruppi ambjentalisti Islandiżi huma inqas attivi meta mqabbla mal-ekwivalenti Ewropej tagħhom fil-livell tal-UE u ġeneralment s’issa ma kinux attivi ħafna fid-dibattitu dwar is-sħubija mal-UE. Landvernd pereżempju, għalkemm b’mod ġenerali jħoss li l-impatt tal-leġislazzjoni ambjentali Ewropea kien pożittiv, għadu ma adottax pożizzjoni uffiċjali dwar is-sħubija tal-UE. Dan il-grupp huwa ħerqan ukoll li jiċċara r-rwol li jista’ jaqdi fin-negozjati tal-adeżjoni, inkluża parteċipazzjoni aktar attiva fil-programmi tal-UE bħall-programm qafas għall-konservazzjoni tan-natura.

6.5   Il-protezzjoni tal-konsumatur

6.5.1   L-Għaqda tal-Konsumaturi tal-Islanda (NS) hija organizzazzjoni indipendenti, mhux governattiva u mingħajr skop ta’ qligħ li twaqqfet fl-1953. Hija attiva fil-livell Ewropew u membru ta’ organizzazzjonijiet ġeneriċi. L-NS, li diġà taħdem mill-qrib maċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur tal-Islanda (ECC-Iceland) li jagħmel parti min-Netwerk taċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur, għadha ma ħaditx pożizzjoni ċara favur jew kontra l-adeżjoni tal-Islanda mal-UE. Madankollu, l-NS ilha tal-femha li l-Islanda għandha teżamina l-vantaġġi u l-iżvantaġġi kollha tal-adeżjoni mal-UE. L-assemblea ġenerali tal-NS li saret fl-2008 kkonkludiet li l-Islanda għandha tapplika għas-sħubija mal-UE sabiex tara x’inhuma l-kwistjonijiet reali, b’tali mod li d-diskussjonijiet dwar l-UE jistgħu jitkomplew mingħajr preġudizzji u jkunu bbażati fuq il-fatti. Fl-2008, i kkummisjonat rapport dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi għall-konsumaturi jekk l-Islanda tissieħeb mal-UE. Għalhekk, mingħajr ma tieħu pożizzjoni soda jew tadotta politika kontra jew favur l-UE, l-NS minn dejjem ħeġġet l-applikazzjoni għas-sħubija mal-UE u ppruvat tikkontribwixxi għat-tnedija tad-dibattitu dwar l-UE.

6.6   Organizzazzjonijiet oħrajn

6.6.1   Organizzazzjonijiet oħra importanti jinkludu l-Organizzazzjoni tal-Persuni b’Diżabilità, il-Kamra tal-Kummerċ, li hija membru tal-EUROCHAMBERS, il-Federazzjoni tal-Kummerċ u s-Servizzi, li hija membru tal-EUROCOMMERCE, il-Federazzjoni tal-Kummerċ Islandiż u diversi NGOs oħra. Attwalment, dawn l-organizzazzjonijiet għadhom ma adottawx fehmiet uffiċjali dwar is-sħubija mal-UE, għalkemm jistgħu jesprimu pożizzjoni favur jew kontra ċerti politiki Ewropej. Jeżistu wkoll gruppi speċjali favur jew kontra l-UE, bħall-Evrópusamtökin u l-Heimssýn.

Brussell, 9 ta’ Diċembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ministru Islandiż tal-Affarijiet Barranin, Nota informattiva, Programm ta’ Rkupru Ekonomiku tal-Islanda, Ġunju 2010 http://www.mfa.is/media/MFA_pdf/Factsheet--Iceland%27s-Economic-Recovery-Program-June.pdf.

(2)  http://www.mfa.is/media/MFA_pdf/Factsheet--Iceland%27s-Economic-Recovery-Program-June.pdf.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel u l-atti relatati.


Top