Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AE1366

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-mobilizzazzjoni tal-investiment privat u pubbliku għall-irkupru u tibdil strutturali fit-tul: l-iżvilupp tal-Partenarjati Pubbliċi Privati” COM(2009) 615 finali

    ĠU C 51, 17.2.2011, p. 59–66 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.2.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 51/59


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-mobilizzazzjoni tal-investiment privat u pubbliku għall-irkupru u tibdil strutturali fit-tul: l-iżvilupp tal-Partenarjati Pubbliċi Privati”

    COM(2009) 615 finali

    2011/C 51/12

    Relatur: is-Sur HUVELIN

    Nhar id-19 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – Il-mobilizzazzjoni tal-investiment privat u pubbliku għall-irkupru u tibdil strutturali fit-tul: l-iżvilupp tal-Partenarjati Pubbliċi Privati

    COM(2009) 615 finali.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Settembru 2010.

    Minħabba t-tiġdid tal-mandat tal-Kumitat, l-Assemblea plenarja ddeċidiet li tesprimi l-pożizzjoni tagħha dwar din l-opinjoni matul is-sessjoni plenarja ta’ Ottubru u ħatret lis-Sur HUVELIN bħala relatur ġenerali, b’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regoli ta’ Proċedura.

    Matul l-466 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 ta’ Ottubru 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’151 vot favur, 3 voti kontra u 11-il astensjoni.

    1.   Daħla

    1.1   Il-Kummissjoni għadha kif ippubblikat komunikazzjoni intitolata “Il-mobilizzazzjoni tal-investiment privat u pubbliku għall-irkupru u tibdil strutturali fit-tul: l-iżvilupp tal-Partenarjati Pubbliċi Privati” (PPP), fid-19 ta’ Novembru 2009, fejn tippreżenta d-direzzjoni li se tagħti lill-azzjoni tagħha fil-ġejjieni.

    Dan id-dokument jirrappreżenta inizjattiva rakkomandabbli u jista’ jitqies bħala riflessjoni bażika interessanti dwar il-PPP, li hija attwali ħafna fid-dawl tal-ħtieġa attwali biex jiġu mobilizzati l-investituri tas-settur pubbliku u s-settur privat, b’mod partikolari f’perijodu ta’ kriżi finanzjarja, meta fl-2009 stajna nosservaw tnaqqis kbir fl-għadd u l-volum ta’ dawn il-partenarjati. Id-dokument jelenka l-vantaġġi u l-aspetti speċifiċi tagħhom u jagħmel analiżi tar-raġunijiet li dawn l-aħħar snin setgħu xekklu l-iżvilupp tal-użu tagħhom. Iżda għandhom jitqiesu wkoll ċerti żvantaġġi potenzjalment marbutin mal-PPP u l-esperjenza ta’ ċerti operazzjonijiet li saru fil-passat (l-ispejjeż ta’ transazzjoni, il-periklu ta’ negozjati addizzjonali, it-tnaqqis fuq perijodu medju/twil tal-intensità tal-kompetizzjoni, iż-żieda fl-ispejjeż fuq perijodu twil, bi żvantaġġi fuq perijodu twil għall-klawsoli kuntrattwali (moħbija) fi ħdan kuntratti kumplessi, it-telf ta’ kontroll demokratiku) u xi problemi li jenfasizza l-Eurostat fil-linji gwida tiegħu dwar il-mod kif jiġu evitati l-istqarrijiet tad-defiċit baġitarju u l-inċentivi fittizji (biż-żieda fl-ispejjeż assoċjata ma’ dan).

    B’mod partikolari, il-Kummissjoni tesprimi x-xewqa tagħha li “jinstabu toroq ġodda biex isostnu l-iżvilupp tal-PPP”. Fil-Komunikazzjoni tagħha għandhom jiżdiedu proposti għal aktar żvilupp tal-qafas istituzzjonali, li permezz tagħhom ikunu jistgħu jitnaqqsu l-problemi u l-iżvantaġġi tal-PPP.

    L-argumenti favur il-PPP imsemmija fil-Komunikazzjoni huma dawn li ġejjin:

    inaqqsu l-ispejjeż relatati mal-infrastruttura, billi jisfruttaw l-effiċjenza ekonomika u l-potenzjal innovattiv ta’ settur privat kompetittiv;

    jifirxu l-ispiża tal-finanzjament tal-infrastruttura fuq il-ħajja kollha tagħha;

    itejbu l-qsim tar-riskju bejn is-settur pubbliku u s-settur privat;

    jistimolaw l-isforzi għas-sostenibbiltà, l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp;

    jagħtu lis-settur privat il-possibbiltà li jaqdi rwol ċentrali u ta’ tmexxija fl-iżvilupp ta’ programmi industrijali, kummerċjali u ta’ infrastruttura importanti;

    fl-aħħar nett, iwessgħu s-sehem fis-suq ta’ impriżi tal-UE fil-qasam tal-akkwist pubbliku fi swieq ta’ pajjiżi terzi.

    Ta’ min ifakkar ukoll li, fil-fehma tal-Kummissjoni, il-kunċett ta’ partenarjat pubbliku-privat ikopri kemm dak li jirrigwarda l-kuntratti ta’ konċessjoni (fejn dak li jħallas huwa l-utent) kif ukoll dak li jirrigwarda l-kuntratt ta’ partenarjat pubbliku-privat, fejn dak li jħallas, b’mod sħiħ jew parzjali, huwa l-awtorità pubblika.

    1.2   Il-ħames għanijiet stabbiliti mill-Kummissjoni għall-2010

    Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tipproponi li:

    twaqqaf grupp ta’ PPP, fejn il-partijiet interessati rilevanti jkunu jistgħu jiddiskutu t-tħassib tagħhom, u tippubblika gwida biex tgħin lill-Istati Membri jtaffu l-piż amministrattiv u d-dewmien biex jiġu implimentati l-PPP;

    taħdem mal-BEI biex iżżid il-fondi disponibbli għall-PPP, billi tfassal jew ittejjeb l-istrumenti finanzjarji Komunitarji f’oqsma tal-politika importanti;

    tiżgura li ma jkunx hemm diskriminazzjoni fl-allokazzjoni ta’ fondi pubbliċi, fejn huma involuti l-finanzi tal-Komunità, skont il-ġestjoni tal-proġett, kemm privat u kemm pubbliku;

    tipproponi qafas għall-innovazzjoni iktar effettiv, inkluża l-possibbiltà għall-UE li tipparteċipa f’korpi legali privati u tinvesti direttament fi proġetti speċifiċi;

    tikkunsidra proposta għal strument leġislattiv fuq konċessjonijiet ta’ servizz, ibbażata fuq il-valutazzjoni tal-impatt li tinsab għaddejja bħalissa.

    1.3   Madankollu, l-analiżi tat-test tal-Kummissjoni jwassalna biex nikkunsidraw li xi aspetti inqas pożittivi osservati f’ċerti pajjiżi jew f’ċerti kuntratti ma jissemmewx. B’mod partikolari, tħallew barra xi ostakli li setgħu ġew iffaċċjati huma u jitwettqu ċerti transazzjonijiet; dawn għandhom jissemmew essenzjalment biex il-konsegwenzi tagħhom jitqiesu fil-proposti appoġġjati mill-KESE. Il-kawżi prinċipali ta’ falliment li setgħu ġew elenkati essenzjalment jinkludu:

    it-trasparenza insuffiċjenti f’ċerti pajjiżi jew għal ċerti kuntratti, jew fl-analiżijiet ta’ profittabbiltà, fir-rapporti ta’ prestazzjoni, eċċ., bejn l-imsieħba pubbliċi u privati, inkluż fis-sottokuntrattar lil intrapriżi oħra, li tnaqqas il-kontroll demokratiku;

    inċentivi potenzjali għall-politiċi biex iwettqu wkoll PPP akkumpanjati minn żieda fl-ispejjeż, għax xi PPP li l-investiment ta’ kostruzzjoni tagħhom fil-bidu tal-kuntratt ikun ġie ffinanzjat fuq kollox b’kapital privat, il-proġetti (ta’ infrastruttura) – meta mqabbla mal-forma konvenzjonali b’finanzjament mill-baġit pubbliku – jistgħu jsiru b’mod antiċipat minħabba r-regoli baġitarji tal-Eurostat. Madankollu, fil-każ ta’ PPP fejn il-ħlas tal-operatur jiġi mill-baġit, il-finanzjament privat iżid b’mod indirett id-dejn tal-Istat. Għax bħalma jiġri għad-dejn pubbliku bi kreditu, fil-każ ta’ finanzjament privat ikun hemm obbligi ta’ ħlas li jillimitaw il-flessibbiltà futura tal-leġislatur;

    in-nuqqas, f’xi sitwazzjonijiet, ta’ valutazzjoni ġenwina minn qabel li tippermetti għażla oġġettiva kemm fil-proċedura tal-PPP kif ukoll fl-għoti tal-kuntratt;

    f’xi ċirkostanzi, it-tqassim tar-riskji bejn is-settur pubbliku u s-settur privat skont il-prinċipju tas-sħubija ġenwina bejn l-atturi;

    fl-aħħar nett, f’xi każijiet, il-lakuni fil-monitoraġġ mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti.

    Dawn il-punti kollha ġew ikkunsidrati fil-proposti tal-KESE.

    1.3.1   Il-proposta tal-KESE hija bbażata fuq tliet ideat:

    1.3.2   L-ewwel nett, huwa importanti li nkunu konxji li approċċ serju min-naħa tal-KESE jista’ jwassal sabiex ikollu influwenza ta’ veru fuq din il-kwistjoni importanti għall-futur tal-infrastruttura inġenerali (u b’hekk fuq it-tkabbir ekonomiku u l-amministrazzjoni pubblika), mingħajr ma ninsew li xogħolna hawnhekk huwa li nikkontribwixxu – għalkemm b’ħarsa kritika - għat-tfassil ta’ strument maħsub għall-awtoritajiet pubbliċi, li naturalment jibqgħu liberi li jiddeċiedu jekk jużawx dan l-istrument jew le.

    Il-KESE beħsiebu jaqdi rwol mexxej f’din il-kwistjoni, billi jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-promozzjoni tal-prattiki tajbin osservati, filwaqt li jiżgura li jitnaqqsu l-inċentivi fittizji, li jiġu identifikati u solvuti l-problemi ta’ kontroll demokratiku u soċjali kif ukoll li jiġu kkunsidrati b’mod adegwat l-effetti fuq perijodu twil tal-PPP. Għad baqa’ ħafna xi jsir sabiex l-istrument propost ikun l-aħjar wieħed possibbli.

    1.3.3   B’kunsiderazzjoni tal-prattiki tajbin osservati u tal-każijiet fejn ma nkisibx suċċess, ta’ min jissuġġerixxi żidiet fid-dokument tal-Kummissjoni sabiex dan l-istrument tal-PPP tingħatalu bażi aċċettabbli fl-Istati Membri kollha, iżda wkoll sabiex jiġu kkunsidrati r-riżultati pożittivi reġistrati bħad-diffikultajiet relatati mal-implimentazzjoni tiegħu u sabiex jitfasslu l-miżuri neċessarji li permezz tagħhom dawn id-diffikultajiet ikunu jistgħu jiġu evitati fil-ġejjieni.

    1.3.4   Il-KESE jitlob li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali tal-PPP issir b’tali mod li jiġu rrispettati l-liġijiet u r-regoli soċjali kollha applikabbli għall-attivitajiet konċernati (it-tfassil, il-kostruzzjoni, il-manutenzjoni). Għandu jkun possibbli għall-awtoritajiet responsabbli li jisħqu fuq iż-żamma tal-persunal oriġinali bl-istess kondizzjonijiet. F’dan ir-rigward, il-KESE jirrakkomanda li l-awtoritajiet ikkonċernati mill-kuntratti tal-PPP jintegraw dawn ir-rekwiżiti soċjali fl-ispeċifikazzjonijiet tagħhom u jqisu t-tweġibiet li saru fin-negozjati mal-awtoritajiet kontraenti. L-istess għandu jgħodd għal dak kollu li huwa relatat mal-aċċessibbiltà tal-persuni b’diżabbiltà għall-infrastruttura mwettqa fil-qafas tal-PPP b’konformità mal-leġislazzjoni u r-regoli fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea.

    1.3.5   Billi l-proġetti tal-PPP jużaw fondi pubbliċi u billi għandhom jirriżultaw minn deċiżjoni ħielsa tal-awtoritajiet pubbliċi, il-KESE jitlob li:

    il-kuntratti tal-proġetti tal-PPP jkunu aċċessibbli għall-pubbliku;

    li tiġi kkunsidrata modifika tar-regoli tal-Eurostat, biex fil-qafas tal-proġetti tal-PPP il-kapital estern jiġi kkunsidrat fil-valutazzjoni taż-żamma tar-regoli bl-istess mod bħall-kapital pubbliku fi proċeduri konvenzjonali tal-finanzjament baġitarju.

    2.   Pożizzjoni ekonomika u argumenti favur il-PPP fl-Ewropa

    Skont BusinessEurope, bħalissa bilkemm 4 % tal-proġetti ta’ infrastruttura fid-dinja jagħmlu parti minn PPP. Ir-Renju Unit huwa l-Istat Membru li jiffirma l-aktar kuntratti ta’ partenarjati pubbliċi-privati fl-Ewropa (58 % tat-total), filwaqt li l-pajjiżi l-oħra li l-aktar jużaw l-istrument tal-PPP huma l-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja u l-Portugall.

    Peress li l-OECD stmat li l-ispejjeż annwali relatati mat-toroq, il-ferroviji, l-elettriku u l-ilma ser jilħqu t-2,5 % tal-PDG dinji sal-2030, huwa tassew importanti li l-awtoritajiet pubbliċi jimplimentaw il-forom kollha possibbli ta’ kuntratti sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-istennijiet u l-ħtiġiet tas-servizzi u l-infrastruttura pubblika: fil-konfront ta’ din il-problema, l-impatt storiku tal-kuntratti ta’ konċessjoni u ta’ PPP huwa realtà inevitabbli, u juri li l-PPP jappoġġjaw bis-sħiħ it-tkabbir ekonomiku billi jimmobilizzaw il-kompetenzi, l-enerġija u l-kapital, u barra minn hekk għandha tiġi kkunsidrata l-idea tat-tnaqqis mistenni mill-baġits għall-investiment fil-qafas tal-pjani ta’ awsterità fi kważi kull pajjiż Ewropew.

    2.1   L-argumenti favur il-PPP huma ppreżentati fil-wisgħa fid-dokument tal-Kummissjoni. Madankollu, il-proġetti tal-PPP li fallew mhumiex enfasizzati fid-dokument tal-Kummissjoni. Ir-raġunijiet għal dan huma:

    il-PPP huma użati għal proġetti li mhumiex adatti għalihom; b’rabta ma’ dan wieħed għandu jinnota li trasferiment globali tad-diversi livelli ta’ ħolqien ta’ valur lil intrapriżi privati flimkien mal-allokazzjoni tar-riskji (l-ispejjeż) lil dawn l-intrapriżi mhux bilfors iġib miegħu vantaġġ f’termini ta’ effikaċja. Tali vantaġġ f’termini ta’ effikaċja jista’ jkun possibbli jekk jiġu rispettati għadd ta’ kondizzjonijiet (kuntest ta’ nuqqas ta’ sigurtà kbira, potenzjal għoli ta’ ottimizzazzjoni bejn il-livelli ta’ ħolqien ta’ valur, nuqqas ta’ intensità baxxa fil-kompetizzjoni, know-how fis-settur pubbliku fil-qasam tal-iżvilupp, tan-negozjar u tal-kontroll tal-kuntratt, eċċ.);

    kultant intużaw xi PPP marbutin ma’ żieda fl-ispejjeż, għax skont ir-regoli baġitarji attwali tal-Eurostat, il-PPP li jkollhom investiment ta’ kostruzzjoni fil-bidu tal-kuntratti li jkunu finanzjati primarjament mill-kapital privat ikunu jistgħu jwettqu proġetti (ta’ infrastruttura) iktar malajr mill-proċedura konvenzjonali li tuża biss fondi pubbliċi. Madankollu, il-PPP fejn il-ħlas tal-operatur jiġi mill-baġit jistgħu jfissru indirettament żieda fid-dejn tal-Istat. Għax bħalma jiġri għad-dejn pubbliku bi kreditu, ċerti PPP iġibu magħhom obbligi ta’ ħlas li jillimitaw il-flessibbiltà futura tal-leġislatur fil-baġit li jmiss. It-twettiq ta’ PPP li jmur kontra l-prinċipju bażiku tal-limitazzjoni baġitarja tad-dejn pubbliku għandu jiġi rrifjutat mill-perspettiva ekonomika. Barra minn hekk, il-politiċi u partijiet oħra kkonċernati jitilfu kull interess fil-kontroll oġġettiv tal-profittabbiltà;

    it-trasparenza ta’ xi kuntratti bejn l-imsieħba pubbliċi u privati, inkluż fis-sottokuntrattar, mhijiex biżżejjed;

    minħabba l-fatt li t-trasparenza tal-kuntratti, tal-kontrolli ta’ profittabbiltà, tar-rapporti ta’ prestazzjoni, eċċ., hija insuffiċjenti, id-diversi problemi ta’ opportuniżmu li jirriżultaw minn dawn il-kuntratti fuq perijodu twil, kumplessi u b’possibbiltajiet ta’ prefinanzjament, ma jistgħux jiġu “ġestiti” sewwa u jkunu soġġetti għal kontroll demokratiku;

    f’xi każijiet, l-assenza ta’ valutazzjoni minn qabel li tippermetti li wieħed jagħżel il-proċedura tal-PPP u l-imsieħba kuntrattwali oġġettivament;

    f’xi każijiet, il-qsim tar-riskji bejn is-settur pubbliku u privat, fl-assenza ta’ sħubija reali bejn il-partijiet involuti;

    u fl-aħħar, f’xi każijiet, in-nuqqas ta’ kontroll min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-konsegwenzi għall-baġit pubbliku u l-kwalità tal-prestazzjoni.

    Madankollu, sabiex jindirizza aħjar il-punti li jixtieq iqajjem fl-opinjoni tiegħu, il-KESE qed jadotta preżentazzjoni kemxejn differenti, li tikkunsidra ġerarkija li taf tidher aktar realistika ta’ kif jiġu kklassifikati l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-użu tal-PPP.

    2.1.1   Hemm wisq tendenza li jiġi kkunsidrat li l-ewwel argument li għandu jitqies fl-għażla ta’ kuntratt ta’ PPP huwa l-argument baġitarju: filwaqt li m’għandhiex tonqos l-importanza tiegħu (dan ser jiġi diskuss aktar ’il quddiem), jidher li analiżi fil-fond u l-esperjenza miksuba fil-qasam juru li, f’termini ta’ impatt ekonomiku ġenerali, dan mhuwiex l-aktar element importanti.

    L-ewwel argument li jista’ jiġġustifika l-użu ta’ PPP huwa l-ottimizzazzjoni tal-fattur taż-żmien. Dawk kollha li osservaw b’mod imparzjali u bir-reqqa l-operazzjonijiet tal-PPP jaqblu li:

    l-użu tal-PPP jippermetti t-tnedija ta’ tagħmir pubbliku b’rata ferm aktar mgħaġġla mill-proċeduri klassiċi. Dan il-vantaġġ taż-żmien iġib miegħu “utilità soċjali” li, għalkemm għalissa ma tistax titkejjel bil-preċiż, hija bla dubju ta’ xejn konsiderevoli. Ġeneralment, din l-utilità soċjali tissarraf f’żieda fl-attività ekonomika, li min-naħa tagħha ġġib magħha dħul ta’ taxxa, liema dħul itaffi l-piż finanzjarju tal-komunità lokali;

    ħafna drabi l-fażijiet tat-tħejjija u tal-istudju jieħdu inqas żmien meta mqabbla mal-proċedura klassika ta’ akkwist pubbliku, peress li l-għażliet kollha, li jaqgħu taħt il-kompetenzi tiegħu, ikunu saru mill-klijent pubbliku;

    fl-aħħar nett, l-iskadenzi tat-twettiq għandhom jiġu rrispettati aħjar, minħabba li l-kuntratturi jkollhom sens akbar ta’ responsabbiltà.

    B’hekk, it-tqassir potenzjali tal-iskadenzi għandu jitqies bħala l-akbar vantaġġ tal-kuntratti ta’ PPP, avolja kultant jista’ jidher li jinsab f’kunflitt mad-drawwiet tradizzjonali tal-klijenti tas-settur pubbliku u l-użu kważi sistematiku li jagħmlu mill-proċeduri konvenzjonali.

    B’mod partikolari, f’perijodu ta’ pjani ta’ rilanċ u ta’ ħruġ mill-kriżi, il-PPP jistgħu jkunu fattur importanti biex iħaffu l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda kif ukoll strument mill-aqwa biex isaħħu r-ritmu tal-effett ta’ rilanċ mistenni sabiex ir-riżultati jitkattru.

    2.1.2   It-tieni argument favur il-PPP huwa li dawn għandhom kapaċità naturali biex isaħħu l-koerenza ta’ proġett, u b’hekk jiżguraw l-akbar effiċjenza ekonomika għall-komunità lokali.

    Bħalma jsemmi d-dokument tal-Kummissjoni, dan jista’ jiġi spjegat permezz tal-integrazzjoni aktar sħiħa tal-katina tal-produzzjoni, mill-fażi tat-tfassil sal-fażijiet tal-manutenzjoni u t-tħaddim, inkluż it-twettiq innifsu tal-infrastruttura kkonċernata.

    F’dan il-kuntest, dawk li jfasslu l-infrastruttura jafu li jridu jottimizzaw il-proċeduri u l-kwalità tal-kostruzzjoni, peress li wara huma jkunu responsabbli għat-tħaddim tal-infrastruttura fuq tul ta’ żmien, u li għandu jħalli lill-gvern, skont it-termini tal-kuntratt, ħidma tajba li tirrispetta l-istandards u r-regoli tal-implimentazzjoni. Għaldaqstant, jadottaw approċċ naturalment integrat lejn dawn il-proġetti, ħaġa li hija ħafna aktar diffiċli biex tinkiseb meta jkun hemm tqassim riġidu tal-kompiti u r-responsabbiltajiet relatati magħhom, bħalma jiġri tipikament fil-każ tal-akkwisti pubbliċi.

    2.1.3   It-tielet wieħed fost l-argumenti ewlenin li jiġġustifikaw l-użu tal-PPP huwa naturalment dak tal-finanzjament.

    Wieħed iġib faċilment quddiem għajnejh il-każ ta’ persuna li tieħu d-deċiżjonijiet fis-settur pubbliku, li tieħu ħsieb il-ġestjoni ta’ baġit u li tkun konxja tal-limiti tiegħu, u li tkun qed tfittex kif tipprovdi tagħmir li jkun meħtieg mill-komunità lokali li għaliha hija responsabbli. Kuntratt ta’ PPP jista’ jkun is-soluzzjoni finanzjarja għal problema li din il-persuna taf li ma tistax issolvi fil-qafas tal-proċeduri baġitarji tagħha.

    Qabel ma niddiskutu aktar ’il quddiem il-proposti li nistgħu nressqu biex inwessgħu s-soluzzjonijiet finanzjarji tal-PPP b’mod ġenerali, nistgħu, f’sitwazzjoni bħal din, neżaminaw il-limitazzjonijiet tar-regoli tal-kontabbiltà pubblika fil-pajjiżi Ewropej kważi kollha, problema li kulħadd ilu ħafna jaf biha iżda li ħadd ma azzarda jiffaċċjaha. B’mod partikolari, tqum il-kwistjoni tal-impossibbiltà, skont ir-regoli tal-kontabbiltà, li l-ispiża involuta f’investiment pubbliku tinfirex fuq il-ħajja kollha tagħha.

    Peress li l-finanzjament permezz ta’ kuntratt ta’ PPP jagħmilha possibbli li l-piż finanzjarju għall-komunità lokali jinqasam fuq medda normali ta’ amortizzazzjoni, mhuwiex dan l-ewwel pass lejn bidla, mixtieqa minn ħafna nies, fir-regoli tal-kontabbiltà pubblika, li jostakolaw numru dejjem akbar ta’ deċiżjonijiet u li ma jirriflettu qatt realtajiet ovvji?

    Jekk tuża l-mudell tal-PPP biex tħeġġeġ it-tnedija ta’ riflessjoni politika dwar dan is-suġġett, l-Unjoni Ewropea tkun tista’ turi li qed tadotta approċċ prammatiku f’dan il-qasam. Barra minn hekk, f’ċerti pajjiżi l-introduzzjoni tal-PPP ġiet ippreżentata bħala l-ewwel pass lejn ir-riforma neċessarja tal-ġestjoni pubblika u tal-istrumenti li tuża.

    2.2   Qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet ta’ politika mifruxa, il-KESE jitlob li jsir studju tal-impatt globali u evalwazzjoni indipendenti tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-proġetti tal-PPP, u li jiġu kkonsultati u vvalorizzati l-proposti tal-imsieħba soċjali, inklużi l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-SMEs. F’din l-evalwazzjoni, għandhom jiġu eżaminati l-veloċità tal-proċess, il-kwistjoni tal-ispejjeż, il-kwalità tas-servizz u l-konsegwenzi soċjali għall-impjegati u l-utenti. Il-KESE jqis li huwa importanti li l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju jibbenefikaw ukoll minn possibbiltajiet aħjar biex jieħdu sehem fil-PPP.

    3.   Il-linji ta’ riflessjoni tal-KESE

    Dawn il-linji għandhom jibqgħu konsistenti mat-tliet argumenti li żviluppajna (skadenza - koerenza fi ħdan il-proġett – soluzzjonijiet finanzjarji) u għandhom jiddaħħlu fil-proposti tal-Kummissjoni u l-kuntest leġislattiv u regolatorju eżistenti.

    Dawn il-proposti jistgħu jinġabru f’żewġ kategoriji:

    kategorija li tittratta l-finanzjament, b’mod ġenerali;

    kategorija li tittratta l-istrutturi legali, bi sforz biex issir distinzjoni bejn:

    dak li għandu jinżamm,

    dak li għandu jinbidel,

    dak li għandu jiġi żviluppat.

    Huma għandhom ukoll iqisu t-tliet ħtiġiet fundamentali għal din il-proċedura partikolari, billi japplikaw għall-proċeduri kollha tal-iffirmar tal-kuntratti pubbliċi, jiġifieri:

    l-evalwazzjoni minn qabel, li tippermetti l-ġustifikazzjoni kemm tat-twettiq tal-investiment propost kif ukoll l-għażla tal-proċedura li ntużat mill-awtorità kontraenti;

    it-trasparenza, fil-konsultazzjoni u l-għażla inizjali u fit-twettiq tal-operazzjoni;

    il-monitoraġġ, kemm min-naħa tal-awtoritajiet amministrattivi inkarigati minn din il-funzjoni kif ukoll mill-assembleji eletti, responsabbli mill-baġits.

    3.1   Fil-livell finanzjarju

    F’dan il-livell, hemm erba’ linji essenzjali li għandhom jiġu enfasizzati.

    3.1.1   Id-definizzjoni tal-PPP fil-proċeduri tal-Eurostat għandha tiġi riveduta b’tali mod li l-ispejjeż finanzjarji pubbliċi relatati mal-proġetti tal-PPP jibdew jiġu kkunsidrati bl-istess mod bħall-obbligi ta’ ħlas fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi konvenzjonali fid-dejn pubbliku.

    3.1.2   Ir-rwol tal-fondi strutturali s’issa bilkemm inħass fil-finanzjament tal-PPP: allura mhuwiex paradoss li hemm qbil perfett bejn l-objettivi kkonċernati?

    Minkejja li f’dan il-livell kien hemm xi esperjenzi li rnexxew (hemm seba’ pajjiżi li għaddew minn din l-esperjenza), wisq probabbli setgħu kienu ħafna aħjar, b’mod partikolari kieku ntuża approċċ aktar pedagoġiku mal-Istati u l-awtoritajiet pubbliċi possibbilment ikkonċernati, sabiex ikollhom perċezzjoni globali tal-PPP, bħala strument li huwa kapaċi jintuża ma’ kull tip ta’ finanzjament pubbliku, u l-ewwel nett il-finanzjament Ewropew.

    3.1.3   Kif ipproponiet il-Kummissjoni, għandha ssir talba lill-BEI biex, bil-kompetenzi tiegħu, jaqdi rwol ċentrali fil-politika tal-finanzjament tal-PPP fl-Ewropa, mhux biss fi rwol ta’ koordinazzjoni u ta’ parir fl-azzjonijiet li jittieħdu mill-intrapriżi f’dan il-qasam, iżda wkoll bħala akkumpanjament fil-ġbir finanzjarju, li fil-perijodi ta’ kriżi attwali jirrikjedi iktar u iktar għarfien u know-how.

    F’dawn l-oqsma, il-BEI għandu l-vantaġġ doppju tal-kompetenza teknika u n-newtralità politika meħtieġa. Huwa jista’ jaqdi rwol permanenti bħala interface bejn il-korpi nazzjonali jew lokali ta’ monitoraġġ.

    Dan iwassal sabiex il-BEI jintalab assistenza partikolari:

    fit-tkabbir mixtieq tar-rwol operattiv tal-EPEC (korp li nħoloq speċifikament fil-BEI biex jimmonitorja l-operazzjonijiet tal-PPP fl-Ewropa), li madwaru għandu jinbena l-korp pubbliku Ewropew meħtieġ għall-monitoraġġ u t-tmexxija tal-politika komuni fil-qasam tal-PPP, kif ukoll l-assistenza prattika lill-Istati Membri. L-organizzazzjoni u s-segwitu tal-għajnuna lill-awtoritajiet lokali ż-żgħar, mingħajr mezzi adegwati, għandhom jagħmlu parti mill-missjonijiet ġodda tal-EPEC;

    fil-ħolqien u t-tmexxija ta’ grupp ta’ esperti privati (b’kompożizzjoni ekwa: rappreżentanti ta’ min iħaddem, tat-trejdjunjins u tas-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-SMEs, finanziera, ġuristi, eċċ.), li ser jikkostitwixxu interface utli mal-esperti pubbliċi li jiffurmaw l-EPEC, f’approċċ konsultattiv;

    fil-monitoraġġ sistematiku tal-kuntratti kollha tal-PPP fil-livell Ewropew;

    fl-aħħar nett, fl-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament mill-ġdid tal-PPP, li jmorru lil hinn mill-perijodu ta’ kostruzzjoni tagħhom, b’mod partikolari permezz tal-mobilizzazzjoni tas-suq tal-ishma, kif inhu propost fil-punt 3.1.4 hawn taħt.

    3.1.4   L-evalwazzjoni tal-PPP turi li fil-livell finanzjarju, il-karatteristiċi prinċipali tagħhom (perijodu fit-tul – firmatarji pubbliċi tal-ogħla kwalità) għandhom il-potenzjal li jagħmluhom strument eċċezzjonali għat-tfaddil permezz tas-suq, inkluż it-tfaddil marbut mat-tħejjija għall-pensjonijiet.

    Xi pajjiżi diġà qed jaħdmu b’mod attiv biex joħolqu fond speċjalizzat jew sensiela ta’ fondi speċjalizzati, li jkollhom aċċess għas-suq finanzjarju u maħsuba għall-finanzjament mill-ġdid tal-operazzjonijiet tal-PPP wara l-perijodu ta’ kostruzzjoni (u b’hekk mingħajr ir-riskji tal-iskadenza u l-ispejjeż li jistgħu jinqalgħu). Il-ħolqien fil-livell Ewropew ta’ strument bħal dan jista’ jkun notevoli, peress li l-ġestjoni teknika tiegħu tista’ tiġi ggarantita mill-BEI, tal-inqas fil-fażi inizjali.

    Madankollu, fl-istess ħin, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li bosta proġetti tal-PPP jinvolvu servizzi ta’ interess (ekonomiku) ġenerali. Lil hinn mill-kriterji purament finanzjarji, il-kwalità, l-aċċessibbiltà u l-prezz tajjeb ta’ dawn is-servizzi huma fatturi li għandhom jingħataw prijorità.

    3.2   Fil-livell legali u regolatorju

    Il-KESE beħsiebu jaħdem għal soluzzjoni sostenibbli li fil-qafas tagħha l-PPP jiġu implimentati biss jekk iwasslu għal tnaqqis fl-ispejjeż - sakemm ċerti kondizzjonijiet politiċi jintlaħqu (standards soċjali, kwalità tas-servizzi, eċċ.) u jkun hemm viżjoni fit-tul li tqis l-ispejjeż tat-transazzjonijiet, in-negozjati li jsiru mill-ġdid, eċċ. Fl-istess waqt, il-prefinanzjament tal-inċentivi għandu jiġi eliminat u dan jimplika kemm huwa urġenti li ssir diskussjoni dwar ir-reviżjoni tal-kriterji tal-Eurostat. Ħarsa mill-qrib lejn il-PPP turi li l-kumplessità tagħhom, f’ċerti pajjiżi jew għal ċerti kuntratti flimkien ma’ nuqqas ta’ trasparenza (fejn jidħlu kuntratti, analiżijiet tal-vijabbiltà ekonomika, eċċ), tbiegħed lil xi wħud mill-kontroll demokratiku. Għalhekk, b’mod urġenti, il-Kummissjoni mitluba tgħarraf lill-Istati Membri dwar dawn il-problemi.

    Is-sitwazzjoni preżenti tidher hawn taħt, maqsuma fi tliet kategoriji: f’dak li jeżisti bħalissa,

    x’għandu jinżamm?

    x’għandu jinbidel?

    x’għandu jiġi żviluppat?

    3.2.1   X’għandu jinżamm mit-testi attwali?

    F’dan il-livell ta’ testi u ta’ liġi, ma tinstab l-ebda definizzjoni preċiża ta’ x’inhu PPP fir-rigward tal-ġabra ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw is-swieq pubbliċi, il-konċessjonijiet u dak kollu li jwassal għall-kostruzzjoni tal-infrastrutturi.

    Fl-evalwazzjoni, u b’kunsiderazzjoni tal-esperjenza miksuba mill-ħafna pajjiżi li diġà jużaw il-PPP, jidher li dan in-nuqqas ta’ definizzjoni stretta fil-livell Ewropew m’għandux ikun problema, la għall-iżvilupp tal-operazzjonijiet u lanqas għall-monitoraġġ tagħhom mill-awtoritajiet Ewropej.

    Jekk mill-fatt li l-Kummissjoni baqgħet siekta dwar dan naslu għall-konklużjoni li ma tħossx li hemm bżonn definizzjoni iktar preċiża, jidher li l-KESE jista’ u għandu jaqbel ma’ din il-fehma, li tħalli lill-Istati Membri jżommu l-kontroll tad-definizzjoni adatta għall-kuntest partikolari tagħhom u għall-użanzi tagħhom.

    Din il-fehma tħalli wkoll il-mistoqsija miftuħa dwar jekk ċerti testi li qegħdin fis-seħħ għandhomx jinżammu; għandu jitfakkar li vot reċenti tal-Parlament Ewropew jirrakkomanda li fil-qasam tal-akkwist pubbliku l-ewwel għandhom jintużaw it-testi eżistenti minflok ma jsiru sforzi biex jitħejjew testijiet ġodda.

    F’dan il-kuntest, il-KESE jirrakkomanda li tinżamm id-Direttiva 2004/18 li tittratta l-proċeduri tal-għoti ta’ konċessjonijiet pubbliċi, f’dan il-każ il-konċessjonijiet, mingħajr ma tiżdied b’definizzjoni tal-PPP, li r-regolazzjoni tagħhom tiddependi mill-kompetenza tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ kull Stat Membru tal-UE. Din id-Direttiva tiddefinixxi l-konċessjoni tal-kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi kif ġej: il-konċessjoni tax-xogħlijiet pubbliċi hija kuntratt bl-istess karatteristiċi bħal suq pubbliku tax-xogħlijiet, ħlief il-fatt li l-kunsiderazzjoni għax-xogħlijiet li għandhom jitwettqu tikkonsisti jew esklużivament fid-dritt għall-ġestjoni tax-xogħol jew f’dan id-dritt flimkien mal-ħlas.

    Id-definizzjoni tal-konċessjoni tas-servizzi hija identika (ħlief li s-servizzi jissostitwixxu x-xogħlijiet pubbliċi) imma d-direttiva ma tipprevedi xejn fir-rigward tal-kondizzjonijiet ta’ kif jingħataw is-servizzi, filwaqt li tiddedika kapitolu sħiħ għall-proċeduri tal-għoti tal-konċessjonijiet tax-xogħlijiet pubbliċi.

    Id-definizzjonijiet t’hawn fuq jevitaw apposta li jidħlu fid-dettall dwar punti li huma meqjusa bħala nazzjonali u li fil-prattika jagħmluha impossibbli li jkun hemm konverġenza f’test komuni.

    Mil-lat prammatiku, il-KESE jqis li m’hemmx bżonn definizzjoni iktar dettaljata tal-idea ta’ konċessjoni (jiġifieri kuntratt fit-tul li jinkludi t-tfassil, il-kostruzzjoni, il-finanzjament, il-ġestjoni u/jew il-manutenzjoni ta’ xogħol pubbliku jew ta’ servizz pubbliku), peress li s-sitwazzjoni attwali taqdi rwol effikaċi fil-kopertura tat-tipi kollha ta’ kuntratti pubbliċi, li jkunu differenti mill-akkwisti pubbliċi klassiċi, billi jinsabu soġġetti għal minimu ta’ regoli Ewropej għall-għoti tal-kuntratti.

    Il-KESE jaħseb li jkun aħjar li tiġi evitata l-leġislazzjoni f’dan il-qasam, li malajr jista’ jsir kumpless iżżejjed, iktar u iktar li attwalment il-partijiet interessati jistgħu – fl-Istati Membri kollha u skont it-tradizzjonijiet nazzjonali tagħhom – jużaw kuntratti ta’ PPP fis-sens wiesa’ tal-kelma (konċessjonijiet bi ħlas privat mill-utent, il-kuntratti ta’ partenarjati bi ħlas pubbliku, kuntratti oħra tal-partenarjat pubbliku-privat), li jwieġbu b’mod adegwat għall-problemi li jinħolqu.

    3.2.2   X’għandu jinbidel?

    Madankollu, rigward id-Direttiva 2004/18, il-KESE, għall-finijiet ta’ koerenza fit-testijiet użati, jipproponi li, permezz ta’ din l-opinjoni dwar il-PPP, issir diskussjoni dwar kif jistgħu jiġu ċċarati l-kondizzjonijiet tal-għoti tal-kuntratti tas-servizzi, li tabilħaqq ma jissemmewx f’din id-Direttiva, għad li din tagħti definizzjoni ċara tal-konċessjonijiet tas-servizzi.

    F’dan il-kuntest, il-KESE jieħu l-opportunità biex jiċċara l-problema delikata tal-Partenarjat Pubbliku Privat Istituzzjonali (PPPI), li hija indirizzata parzjalment f’komunikazzjoni interpretattiva tal-2008 li kellha l-għan li tfakkar lill-istituzzjonijiet pubbliċi li jirrikorru għal entitajiet parastatali biex jirrispettaw ir-regoli dwar il-kompetizzjoni.

    Fir-realtà, l-istituzzjonijiet pubbliċi jew ma jafux b’din il-Komunikazzjoni jew jagħżlu li ma jagħtux kasha. Jekk il-Kummissjoni beħsiebha taqbad it-triq li twassal għal leġislazzjoni speċifika għall-konċessjonijiet, għandha tinkludi espressament ir-regolamentazzjoni dwar il-ħolqien u t-tiġdid tal-attivitajiet tal-PPPI u ttejjeb il-liġijiet sabiex jiġu evitati l-abbużi, li l-ġurisprudenza Ewropea tagħtina ħafna eżempji tagħhom, u li kultant imorru kontra t-trasparenza mixtieqa.

    3.2.3   X’għandu jiġi żviluppat?

    Fl-applikazzjoni tal-proċeduri, il-KESE jirrakkomanda qafas aħjar għal tliet aspetti tal-PPP b’mod ġenerali, jiġifieri:

    l-evalwazzjoni minn qabel li tintuża ħafna biex tqabbel l-impatt tal-ispiża totali ta’ PPP ma’ dak ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku tradizzjonali; “l-analiżi komparattiva mas-settur pubbliku” hija strument tajjeb ukoll;

    id-djalogu kompetittiv, fejn kultant ikun hemm nuqqasijiet f’termini ta’ etika, skadenzi u t-talbiet li jsiru fuq kumpaniji privati;

    il-monitoraġġ tal-operazzjonijiet tal-PPP biex l-interess tagħhom jitkejjel bl-iktar mod preċiż possibbli u b’hekk tittejjeb l-analiżi minn qabel tal-operazzjonijiet sussegwenti.

    3.2.3.1   L-evalwazzjoni minn qabel

    Din l-analiżi inizjali, li fil-prinċipju għandha tippermetti li jiġi ġġustifikat ir-rikors għal proċedura partikolari, għandha ssir ir-regola essenzjali għal dak kollu li jikkonċerna l-għoti ta’ kuntratti fis-swieq pubbliċi.

    Fil-fatt, għall-awtorità kontraenti, hemm xi mezz aħjar biex tkejjel l-impatt – jew aħjar l-impatti – tad-deċiżjoni li tkun qed tħejji? L-obbligu tal-pubblikazzjoni tar-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni minn qabel, f’ħafna każijiet, ikun pass importanti lejn it-trasparenza, li hija essenzjali jekk irridu nfittxu l-aħjar soluzzjonijiet u kompetizzjoni iktar rigoruża.

    Din għandha tkun okkażjoni wkoll biex bħala parti mill-ispiża globali nkejlu tajjeb l-impatt tad-differenzi potenzjali fil-finanzjament, bejn ir-rata applikabbli mis-swieq għall-entitajiet pubbliċi li jissellfu u r-rata applikabbli għall-proġett tal-PPP, filwaqt li jiġi nnotat li dan l-aspett tal-evalwazzjoni minn qabel huwa diġà obbligatorju fl-iktar pajjiżi avvanzati fil-qasam tal-PPP.

    Fi Franza, l-analiżi minn qabel tiffoka fuq erba’ kriterji: l-ispiża globali, it-trasferiment tar-riskju, l-iżvilupp sostenibbli u l-prestazzjoni skont il-ftehim fil-kuntratt. Il-KESE jipproponi li dawn il-kriterji jiġu sistematizzati filwaqt li magħhom tiżdied il-pubblikazzjoni tal-kuntratti u l-applikazzjoni stretta tal-liġijiet soċjali tal-pajjiżi kkonċernati kif jissemma hawn fuq (1.3.4).

    3.2.3.2   Djalogu kompetittiv

    Din il-proċedura, li hija differenti minn sempliċement negozjati bilaterali li jintużaw biex jiġu ffinalizzati l-proċeduri tradizzjonali, bħalissa qed tintuża ħafna – u hija saħansitra obbligatorja f’xi pajjiżi – biex jingħataw il-kuntratti ta’ PPP b’mod ġenerali. F’din il-proċedura, wara li l-ewwel issir għażla preliminarja mill-klijent, jiġi ffinalizzat il-kuntratt finali, bi djalogu mal-imsieħeb jew iż-żewġ imsieħba magħżula, permezz ta’ rfinar u titjib suċċessiv tal-informazzjoni fil-kuntratt.

    Madankollu, analiżi dettaljata tal-użu attwali tiżvela bosta fatti:

    b’esperjenza mill-inqas f’din il-proċedura, xi persuni pubbliċi nedew djalogi kompetittivi bi tħejjija fqira. Dan wassal għal tilwim dwar klawsoli kuntrattwali, skadenzi eċċessivament twal u talbiet lill-intrapriżi kultant eżaġerati fil-fażi finali;

    l-awtoritajiet pubbliċi kontraenti kultant għad għandhom it-tentazzjoni li jużaw din il-proċedura bil-għan li jevitaw il-liġijiet tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-protezzjoni tal-ideat innovattivi.

    Naturalment, l-ideat oriġinali suppost huma mħarsa mill-kunfidenzjalità tal-offerti, iżda l-esperjenza turi li fil-fatt mhuwiex il-każ u li huwa faċli li t-tort ta’ mġiba mhux etika jiġi attribwit lil xi “leaks” li ma jistgħux jiġu identifikati.

    Ċertu livell ta’ armonizzazzjoni tal-qafas kuntrattwali Komunitarju għandu jqis il-mezzi kif għandha tiġi protetta l-proprjetà intellettwali, li fiha nnifisha hija waħda mil-garanziji tal-progress u tal-innovazzjoni.

    3.2.3.3   Il-monitoraġġ tal-operazzjonijiet tal-PPP

    Sabiex jiġu rrispettati t-trasparenza u r-rekwiżiti tal-monitoraġġ, jeħtieġ li titħejja lista sistematika tal-operazzjonijiet tal-PPP u li jsir monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom fil-livell nazzjonali u dak Ewropew. Dan il-kompitu, minbarra dak diġà allokat lill-BEI u lill-EPEC, għandu jiġi fdat lil organizzazzjoni newtrali li, fl-evalwazzjonijiet tagħha, ma jkollha l-ebda inċentiv li tagħti vantaġġ jew żvantaġġ lill-PPP u għalhekk dan il-kompitu jista’ jingħata lill-grupp ta’ esperti

    4.   Konklużjonijiet

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija test interessanti u attwali ħafna f’kuntest fejn hemm bżonn li jiġu mobilizzati l-investimenti pubbliċi u privati u speċjalment fil-perijodu ta’ kriżi finanzjarja li għaddejjin minnha. Il-qafas istituzzjonali għandu jiġi żviluppat sabiex il-PPP jittejbu u jiġu sfruttati l-possibbiltajiet u l-vantaġġi li jġibu magħhom, iżda wkoll biex jonqsu l-problemi li jgħaddu minnhom bosta PPP bħalma diġà ssemma f’din l-opinjoni (il-problemi tal-prefinanzjament u ż-żieda fl-ispejjeż, problemi li ħafna drabi jinqalgħu matul ir-relazzjonijiet kuntrattwali fuq perijodu twil).

    Il-possibbiltajiet offruti mill-PPP bħala kontribut għall-iżvilupp tal-infrastruttura pubblika (kemm fuq skala kbira u kemm żgħira), u għaldaqstant għall-progress ekonomiku tal-Unjoni Ewropea, m’għandhomx jiġu injorati. Il-KESE jqis li huwa importanti li l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju jibbenefikaw huma wkoll minn possibbiltajiet aħjar biex jieħdu sehem fil-PPP.

    Fir-rigward tal-PPP, l-Ewropa jmissha tattrezza ruħha bil-mezzi meħtieġa biex titgħallem mid-diffikultajiet li kultant kellha tiffaċċja fil-passat, billi ttejjeb il-mekkaniżmi tal-monitoraġġ eżistenti u billi tiġbor b’mod sistematiku r-riżultati finali tal-operazzjonijiet.

    Jeżistu bosta strumenti legali Komunitarji u nazzjonali: il-KESE jqis li m’hemmx bżonn li nerġgħu nibdew mill-bidu nett biex nibnu qafas uniku u teoretikament perfett. B’hekk inkunu qed nitilfu ħafna ħin għal gwadann limitat, jew saħansitra kontraproduttiv. Il-partijiet interessati jaħdmu kuljum f’dan il-qafas legali u, jekk dan jitqiegħed fid-dubju, jispiċċa jtawwal il-proċess tal-akkwist pubbliku jew saħansitra jiddestabilizza sew il-mekkaniżmu tal-PPP. Id-definizzjonijiet attwali skont id-Direttiva 2004/18 m’għandhomx jinbidlu u lanqas jiġu miżjuda; b’hekk, kull Stat Membru jkun ħieles li jadotta definizzjoni legali li tkun iktar adatta tal-PPP għall-kuntest partikolari tiegħu u għall-prattiki tajba reġistrati.

    Ejjew għalhekk nottimizzaw il-mezzi eżistenti, niċċaraw u ntejbu għadd ta’ punti, u nużaw il-kompetenzi eżistenti, l-iktar il-pjattaforma tal-finanzjament tal-BEI, u nsaħħu r-rwol tal-EPEC u tal-grupp tal-esperti; dan jista’ jikkontribwixxi biex il-metodi kuntrattwali jsiru ħafna iktar popolari, biex jinġabru, jiġu promossi u valutati l-aħjar prattiki u biex isir djalogu mas-settur privat fil-livell Ewropew bit-twaqqif ta’ grupp “mera” ta’ esperti privati.

    It-tisħiħ tat-trasparenza, tal-evalwazzjoni minn qabel ibbażata fuq l-ispejjeż globali, tal-analiżi tas-suċċess u l-fallimenti, kif ukoll ir-rispett tal-leġislazzjoni, huma lkoll punti li jistgħu jiġu ttrattati fi studji futuri.

    Ejjew nirriflettu dwar kif nistgħu nwaqqfu mekkaniżmu ta’ finanzjament mill-ġdid tal-PPP, wara l-fażi tal-kostruzzjoni, sabiex nisfruttaw is-suq tal-ishma, li mhux qed jintuża biżżejjed f’dan ir-rigward.

    Brussell, 21 ta’ Ottubru 2010.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    Top