Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AE0993

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini” COM(2010) 119 finali – 2010/0074 (COD)

    ĠU C 44, 11.2.2011, p. 182–185 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.2.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 44/182


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini”

    COM(2010) 119 finali – 2010/0074 (COD)

    2011/C 44/34

    Relatur ġenerali: is-Sinjura Anne-Marie SIGMUND

    Nhar is-27 ta’ April 2010 u nhar id-19 ta’ Mejju 2010 rispettivament, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropew, li jitolbu lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħejji opinjoni dwar

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini

    COM(2010) 119 finali – 2010/0074 (COD)

    Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (seduta tal-14 ta’ Lulju 2010), li jaħtar lis-Sinjura Anne-Marie SIGMUND bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’155 vot favur u 4 voti kontra.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-Kumitat jilqa’ l-prinċipji fundamentali tal-Proposta tal-Kummissjoni, b’mod partikolari l-approċċ fi tliet stadji: ir-reġistrazzjoni formali, il-kontroll tal-ammissibbiltà tal-kontenut u l-valutazzjoni politika.

    1.2   Il-Kumitat jara r-rwol tiegħu f’żewġ fażijiet: l-ewwel nett, bħala “faċilitatur” għall-inizjattivi taċ-ċittadini li jkunu se jingħataw bidu biex jippermetti li dawn jibnu netwerk bejniethom, eventwalment jiltaqgħu, eċċ., u t-tieni nett bħala għajnuna istituzzjonali, billi jappoġġja l-valutazzjoni mill-Kummissjoni ta’ inizjattiva li tirnexxi permezz ta’ tħejjija ta’ opinjoni, l-organizzazzjoni ta’ seduti, eċċ. Barra minn dan, il-Kumitat ser jipparteċipa wkoll fil-kampanji ta’ informazzjoni.

    1.3   Madankollu, il-Kumitat jipproponi, fost affarijiet oħra, li jittejbu l-aspetti li ġejjin:

    għandha ssir referenza ċara anke għall-valuri tal-Unjoni bħala raġuni għaliex tiġi rifjutata reġistrazzjoni;

    għandhom jitneħħew id-diversi numri ta’ identifikazzjoni meta tiġi ffirmata inizjattiva;

    għandha ssir referenza għall-post fejn jgħixu l-persuni li jappoġġjaw l-inizjattiva bħala prinċipju għall-klassifikazzjoni tagħhom;

    it-tul ta’ żmien għandu jitwal għal 18-il xahar;

    għandu jiġi żviluppat open source software għall-ġbir onlajn;

    in-numru minimu ta’ Stati Membri għandu jitnaqqas għal ¼;

    il-kworum għall-kontroll tal-ammissibbiltà għandu jitnaqqas għal 50 000 firmatarju;

    ir-regolament għandu jiġi rivedut wara tliet snin;

    għandha titwaqqaf kooperazzjoni interistituzzjonali.

    2.   Introduzzjoni

    2.1   Il-Kumitat jilqa’ l-prinċipji fundamentali tal-Proposta għal Regolament tal-Kummissjoni dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. Din l-opinjoni tikkomplementa l-opinjoni adottata nhar is-17 ta’ Marzu 2010 dwar “L-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona: id-demokrazija parteċipattiva u l-inizjattiva taċ-ċittadini (Artikolu 11)” (1) u tindirizza biss dawk il-punti li l-Kumitat jikkunsidra li għad jistgħu jittejbu.

    2.2   Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni b’mod speċjali għall-objettiv tal-Konvenzjoni Ewropea, li fil-kuntest tal-“ħajja demokratika tal-Unjoni” riedet toħloq strument li permezz tiegħu ċ-ċittadini jkunu jistgħu jinfluwenzaw id-definizzjoni tal-aġenda politika b’mod ugwali għall-Parlament u l-Kunsill.

    3.   Bidliet mixtieqa fil-Proposta għal Regolament

    3.1   Reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta (Artikolu 4)

    3.1.1   Approċċ fi tliet stadji

    Il-Kumitat jilqa’ b’mod ċar l-approċċ fi tliet stadji propost mill-Kummissjoni

    reġistrazzjoni formali ta’ inizjattiva,

    kontroll legali tal-ammissibbiltà wara li jintlaħaq il-kworum, kif ukoll

    valutazzjoni politika ta’ inizjattiva li tirnexxi.

    Ma jidhirx li jagħmel sens li, kif ġie propost minn naħat differenti, il-kontroll tal-ammissibbiltà jsir mar-reġistrazzjoni ta’ proposta għaliex b’hekk jittardja u jixxekkel il-bidu ta’ ċerti proposti. B’dan il-mod ukoll, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tiġi akkużata li għamlet valutazzjoni ex-ante jew, saħansitra, li qed tuża ċ-ċensura.

    F’dan il-kuntest, il-Kumitat jenfasizza li l-inizjattiva taċ-ċittadini mhix biss element innovattiv, trans-Ewropew u demokratiku dirett, iżda tirrappreżenta wkoll mezz essenzjali ħafna ta’ komunikazzjoni biex jiġi mħeġġeġ id-dibattitu politiku Ewropew. B’hekk biss ikun possibbli li fid-diskors Ewropew jiddaħħlu proposti u ideat mill-aktar varjati, li mingħajr din l-inizjattiva qatt ma kienu ser jilħqu l-istadju tal-ġbir tal-firem, u dan fih innifsu diġà huwa ta’ valur.

    3.1.2   Preżentazzjoni tal-informazzjoni

    Il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata (Anness II). Dan huwa fl-interess li jkun hemm l-akbar trasparenza possibbli u b’hekk li tiġi aċċettata l-inizjattiva proposta. Però, id-deċiżjoni dwar jekk tissemmiex jew le l-bażi legali għandha titħalla f’idejn l-organizzaturi, u m’għandhiex tintalab bilfors.

    3.1.3   Reġistrazzjoni formali

    Il-Kumitat jikkunsidra li l-kriterji indikati fl-abbozz (“mhux adatti”, “abbużivi”, “neqsin mis-serjetà”) bħala raġunijiet għaliex tiġi rifjutata reġistrazzjoni m’għandhomx saħħa eżekuttiva fil-qrati. Barra minn hekk, dawn il-kunċetti jħallu flessibbiltà kbira wisq fl-interpretazzjoni tagħhom.

    Għaldaqstant, il-Kumitat jissuġġerixxi li fir-reġistrazzjoni formali jiġi ċċekkjat b’mod amministrattiv biss

    jekk il-proposta għal inizjattiva tirrispettax l-“unità tal-kwistjoni”, jiġifieri ma tipprovax iddaħħal diversi kwistjonijiet differenti fi proposta waħda;

    li ma jkun fiha xejn li jinfama persuni individwali jew gruppi ta’ persuni;

    li ma tiksirx il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-valuri tal-Unjoni (Artikolu 2 TUE).

    3.1.4   Appell

    Naturalment, b’mod ġenerali għandu jitħares id-dritt taċ-ċittadini għal amministrazzjoni tajba (Artikolu 41, Karta tad-Drittijiet Fundamentali). Meta tiġi rifjutata reġistrazzjoni, l-organizzaturi jistgħu, b’rabta ma’ dan, jirrikorru għand l-Ombudsman Ewropew, kif ukoll naturalment, bħala l-aħħar mezz, jappellaw. Il-Kumitat jemmen li dan għandu jiġi ċċarat għall-inqas fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni sabiex ir-Regolament ikun aktar trasparenti.

    3.1.5   Kontroll tas-sussidjarjetà

    Il-Kumitat jemmen li r-rabta mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, li ġiet promossa minn bnadi differenti, hija żejda. Ikun xi jkun il-każ, il-kontroll ser isir mill-Kummissjoni jekk din tiddeċiedi li tressaq proposta legali fuq il-bażi ta’ inizjattiva taċ-ċittadini.

    3.2   Ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ (Artikolu 5)

    3.2.1   Numri ta’ identifikazzjoni

    Fil-fehma tal-Kumitat, fil-formola proposta (Anness III) tintalab wisq informazzjoni personali, u b’hekk ikun ħafna aktar diffiċli li ċ-ċittadini jkunu lesti jiffirmaw. Għalhekk il-Kumitat huwa kontra li jintalbu dawn in-numri ta’ identifikazzjoni. Huwa improbabbli li n-nies li jkunu għaddejjin mit-triq u jkunu konvinti minn kwistjoni, joħorġu l-passaport mill-but jew inkella jkollhom numru ta’ identifikazzjoni f’rashom. Il-Kumitat jagħmel referenza wkoll għall-opinjoni negattiva tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (2) rigward din il-kwistjoni.

    Billi mhux l-Istati Membri kollha jirrikjedu jew jużaw dawn in-numri ta’ identifikazzjoni u billi fi Stati Membri differenti jintalbu dokumenti differenti (3), dan se jiftaħ it-triq biex jibdew jintalbu dettalji differenti u b’hekk ma jiġux applikati l-istess kundizzjonijiet għall-ġbir tal-firem. Il-prinċipju tat-trattament ugwali taċ-ċittadini Ewropej b’hekk ma jiġix irrispettat. L-għan għandu jkun li jkun hemm proċedura uniformi.

    Għalhekk, fil-fehma tal-Kumitat huwa biżżejjed li jintalbu d-dettalji meħtieġa għall-kontroll tal-identifikazzjoni, jiġifieri l-isem, l-indirizz, id-data tat-twelid u ċ-ċittadinanza. Flimkien ma’ dan issir stqarrija fuq l-unur li l-inizjattiva ġiet iffirmata darba biss.

    3.2.2   Prinċipju tar-residenza

    B’mod ġenerali, iċ-ċittadini tal-UE għandhom jingħaddu b’konformità mal-prinċipju tar-residenza, fil-pajjiżi fejn huma jgħixu, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom. Iċ-ċittadini tal-UE bir-residenza f’pajjiż terz jiġu kklassifikati skont in-nazzjonalità tagħhom.

    3.2.3   Tul ta’ żmien

    Fil-fehma tal-Kumitat, it-tul ta’ żmien ta’ 12-il xahar mitlub mill-Kummissjoni huwa qasir wisq sabiex titlesta b’suċċess inizjattiva pan-Ewropea. Għalhekk, isostni li t-tul ta’ żmien għandu jkun ta’ 12-il xahar.

    3.3   Sistemi ta’ ġbir onlajn (Artikolu 6)

    Il-KESE jilqa’ biċ-ċar il-possibbiltà prevista tal-ġbir onlajn, u jaqbel mal-Kummissjoni li l-iżgurar ta’ din il-possibbiltà jeħtieġ tħejjijiet bl-akbar reqqa. Billi madwar id-dinja għad ma teżisti l-ebda sistema komparabbli għall-ġbir tal-firem fil-proċessi tal-inizjattiva (għall-kuntrarju tal-petizzjonijiet tal-massa li mhumiex legalment vinkolanti), fil-fehma tal-Kumitat għandhom jiġu eżaminati l-aspetti li ġejjin:

    Il-Kummissjoni trid tippromovi l-iżvilupp ta’ open source software għall-inizjattivi onlajn u tagħmlu disponibbli b’mod ġenerali.

    L-organizzaturi tal-inizjattiva għandhom jiċċertifikaw dan is-software fl-Istat Membru fejn tkun qed tinħażen id-data miġbura bil-għajnuna tas-sistema ta’ ġbir onlajn.

    Għandu jsir kontroll effiċjenti wkoll permezz ta’ elementi ta’ identifikazzjoni elettronika oħrajn, bħal pereżempju l-ittra elettronika ta’ verifika.

    Il-firmatarju jkun jista’ jikkonferma li ffirma darba biss permezz ta’ kaxxa li wieħed ikun jista’ jikklikkja fiha.

    3.4   Numru minimu ta’ firmatarji għal kull Stat Membru (Artikolu 7)

    3.4.1   Numru ta’ Stati Membri

    Il-KESE jsostni l-proposta tiegħu ta’ 1/4 tal-Istati Membri. B’hekk jiġi applikat l-istess prinċipju li jitqies fit-twaqqif ta’ partiti Ewropej (4) sabiex il-Parlament u ċ-ċittadinanza jinżammu f’livell ekwivalenti. Ma jistax ikun li f’inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej ikun hemm ostakli akbar milli fir-reġistrazzjoni ta’ partit Ewropew.

    3.4.2   Numru ta’ firmatarji għal kull Stat Membru

    Il-Kumitat jilqa’ biċ-ċar is-sistema proposta ta’ numru minimu ta’ firmatarji (Anness I) u l-approċċ tal-proporzjonalità digressiva tagħha. B’konformità mal-prinċipju tar-residenza (ara punt 3.2.2), il-persuni b’ċittadinanza doppja jew iċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru ieħor għandhom jingħaddu fil-pajjiż li jiddikjaraw li jgħixu fih. Fil-prattika l-każi li jista’ jkun hemm ta’ firem doppji jistgħu jiġu limitati ħafna, u b’hekk l-istrument kollu ma jiġix iddubitat.

    3.5   Deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ inizjattiva taċ-ċittadini proposta (Artikolu 8)

    3.5.1   Numru ta’ firem meħtieġa

    Il-Kumitat jappoġġja l-approċċ fi tliet stadji tal-Kummissjoni. Madankollu, in-numru propost mill-Kummissjoni ta’ 300 000 firma għall-kontroll tal-ammissibbiltà huwa kbir wisq. Dan jirrappreżenta sforz konsiderevoli għall-organizzaturi. Il-frustrazzjoni tkun kbira ferm għall-firmatarji jekk isiru jafu li l-inizjattiva mhijiex ammissibbli.

    Il-kontroll tal-ammissibbiltà għandu jsir wara li jintlaħqu l-50 000 firma minn tliet Stati Membri (mingħajr verifika) u għandu jitlesta f’mhux aktar minn xahrejn. Matul dan il-perijodu, l-organizzaturi jistgħu jkomplu jiġbru l-firem.

    3.6   Dispożizzjonijiet għall-verifika u ċ-ċertifikazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ mill-Istati Membri (Artikolu 9)

    Il-Kumitat jappoġġja l-ammissibbiltà tal-kampjuni aleatorji fil-valutazzjoni.

    3.7   Sottomissjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini lill-Kummissjoni (Artikolu 10)

    Bil-għan li jkun hemm l-akbar trasparenza possibbli, kull firmatarju għandu jkun jista’ jinforma ruħu dwar min huwa responsabbli għall-organizzazzjoni u l-finanzjament tal-inizjattiva. Għalhekk, il-Kumitat itenni t-talba tiegħu li meta jippreżenta l-firem, l-organizzatur jagħti wkoll l-informazzjoni dwar il-forom ta’ finanzjament u appoġġ tal-inizjattiva taċ-ċittadini inkwistjoni.

    3.8   Proċedura ta’ eżaminazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini mill-Kummissjoni (Artikolu 11)

    3.8.1   Proċedura bħal dik għall-inizjattivi tal-Parlament jew tal-Kunsill

    Il-Kumitat jitlob li l-inizjattivi taċ-ċittadini jiġu ttrattati bl-istess mod mill-Kummissjoni bħall-inizjattivi proposti mill-Parlament jew mill-Kunsill skont l-Artikoli 225 u 241 tat-TFUE rispettivament. Għalhekk għandu jkollhom l-istess valur.

    3.8.2   Dritt għal seduti pubbliċi

    Billi l-inizjattiva taċ-ċittadini tal-UE hija wkoll mezz ta’ komunikazzjoni, li għandu jippromovi d-djalogu bejn iċ-ċittadini u l-Kummissjoni tal-UE, wara li tiġi ppreżentata inizjattiva taċ-ċittadini li tirnexxi għandha tiġi organizzata seduta pubblika. Il-KESE huwa lest li jgħin f’dan ir-rigward u/jew li jorganizza tali seduta; b’hekk ikun qed jassumi r-rwol tiegħu ta’ pont bejn l-UE u ċ-ċittadini.

    3.8.3   Informazzjoni tal-korpi konsultattivi

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar kif se tipproċedi għandha tiġi indirizzata wkoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

    3.9   Klawsola ta’ reviżjoni (Artikolu 21)

    Minħabba n-nuqqas ta’ esperjenza b’dan l-istrument transnazzjonali ġdid, il-Kumitat jirrakkomanda li dan ir-Regolament jiġi rivedut wara tliet snin. Hawnhekk, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kumitat ukoll.

    3.10   Dħul fis-seħħ tar-Regolament (Artikolu 22)

    Il-Kumitat jappoġġja ż-żmien propost mill-Kummissjoni għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament, anke jekk pereżempju ma jkunux għadhom ġew stabbiliti d-dettalji kollha tal-ġbir ta’ firem onlajn. L-istennijiet taċ-ċittadini rigward dan l-istrument il-ġdid huma tant għoljin li għandu jidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli.

    3.11   Kwistjonijiet miftuħa oħra

    3.11.1   Appoġġ finanzjarju

    Il-Kumitat itenni t-talba tiegħu li inizjattiva taċ-ċittadini li tkun qabżet il-50 000 firma biex tiġi aċċettata għall-kontroll amministrattiv, għandha tingħata ċertu appoġġ finanzjarju mill-Kummissjoni.

    3.11.2   Traduzzjoni

    Il-Kumitat huwa tal-fehma li malli tiġi reġistrata inizjattiva, is-sommarju qasir tal-kwistjoni (skont l-Anness II, dan b’kollox jammonta għal 800 karattru biss) għandu jiġi tradott mis-servizzi tal-Kummissjoni għal-lingwi uffiċjali kollha.

    Wara li jinġabru l-ewwel 50 000 firma u l-inizjattiva tiġi aċċettata b’mod formali, il-Kummissjoni għandha tintrabat li tittraduċi t-test reġistrat kollu tal-inizjattiva għal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    4.   Proposti speċifiċi tal-KESE

    Il-Kumitat jagħmel referenza għall-offerta li ressaq fl-opinjoni msemmija hawn fuq tas-17 ta’ Marzu 2010, li hija ppreżentata b’mod aktar preċiż hawn taħt.

    4.1

    Komunikazzjoni u informazzjoni

    Il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa ta’ kampanja ta’ informazzjoni dettaljata hekk kif jidħol fis-seħħ ir-Regolament. F’dan ir-rigward, l-istituzzjonijiet tal-UE jridu jaqblu u jaħdmu id f’id. Il-Kumitat diġà qed jaħdem fuq fuljett ta’ informazzjoni, li ser jispjega u jfiehem l-opportunitajiet il-ġodda ta’ din l-inizjattiva liċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u li ser jindirizza wkoll il-konsultazzjoni u d-dibattitu ċivili. Barra minn hekk, il-Kumitat qed jippjana konferenza mal-partijiet ikkonċernati hekk kif ir-Regolament jiġi adottat. Jista’ jkun hemm ukoll inizjattivi oħra li jkunu diretti, pereżempju, lejn l-iskejjel sabiex jiġu sensibilizzati l-ġenerazzjonijiet żgħażagħ.

    4.2

    Kooperazzjoni interistituzzjonali

    Huwa importanti li l-persunal tal-istituzzjonijiet u l-korpi konsultattivi tal-UE inkarigat mill-inizjattiva taċ-ċittadini jiftiehem u jikkoordina ruħu sewwa, sabiex jissodisfa l-bżonnijiet ta’ informazzjoni taċ-ċittadini b’mod effiċjenti. Dan l-effett ta’ sinerġija, fir-rispett tal-kompetenzi rispettivi, fil-fatt huwa meħtieġ jekk wieħed irid li l-inizjattiva taċ-ċittadini tkun strument effettiv għas-servizz tal-mudell Ewropew ta’ demokrazija moderna.

    4.3

    Parteċipazzjoni tal-Kumitat

    Il-Kumitat jara r-rwol tiegħu f’żewġ fażijiet differenti:

    4.3.1

    L-ewwel fażi: il-Kumitat bħala “faċilitatur”

    Bħala tħejjija jew matul inizjattiva attwali, il-Kumitat huwa lest li, bħala pjattaforma għad-djalogu u l-informazzjoni, jaqdi rwol ta’ “faċilitatur” li jippermetti li l-inizjattivi taċ-ċittadini jibnu netwerk bejniethom, eventwalment jiltaqgħu, eċċ., mingħajr ma dan jaffettwa l-fehma tal-Kumitat fir-rigward tal-kontenut tal-inizjattivi.

    4.3.2

    It-tieni fażi: il-Kumitat bħala għajnuna istituzzjonali

    Fid-dawl tal-funzjoni ewlenija tiegħu – korp konsultattiv għall-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill – il-Kumitat f’din il-fażi jista’ jservi ta’ għajnuna istituzzjonali għal inizjattiva taċ-ċittadini. Għalhekk joffri li jappoġġja lill-Kummissjoni rigward il-konsutazzjonijiet interni u d-definizzjoni tal-pożizzjoni tagħha dwar inizjattiva li tirnexxi billi jħejji opinjoni. Huwa wkoll lest li joffri li tintuża l-infrastruttura tiegħu għall-organizzazzjoni ta’ seduti dwar l-inizjattivi li jirnexxu.

    4.3.3

    Tisħiħ tal-istrutturi disponibbli

    Jista’ jagħti l-każ li dawn l-offerti u dawk tal-opinjoni tas-17 ta’ Marzu 2010 jkunu jeħtieġu li jissaħħu l-istrutturi disponibbli fil-Kumitat, u b’hekk jista’ jkun hemm bżonn ukoll ta’ riżorsi oħra sabiex ikun hemm reazzjoni adegwata.

    Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

    (2)  Opinjoni tal-21 ta’ April 2010 dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (Sors: http://www.edps.europa.eu/EDPSWEB/).

    (3)  Approċċ ġenerali għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (10626/2/10 REV 2).

    (4)  Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 01, Volum 04, p. 500-503).


    Top