EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0391

Iran: Il-każ ta' Roxana Saberi Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 7 ta' Mejju 2009 dwar l-Iran: Il-każ ta' Roxana Saberi

ĠU C 212E, 5.8.2010, p. 109–110 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 212/109


Il-Ħamis, 7 ta’ Mejju 2009
Iran: Il-każ ta' Roxana Saberi

P6_TA(2009)0391

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-Iran: Il-każ ta' Roxana Saberi

2010/C 212 E/16

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, b'mod partikolari dawk dwar id-drittijiet tal-bniedem,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru 63/191 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran,

wara li kkunsidra r-Rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-1 ta' Ottubru 2008 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-UE tal-10 ta' April 2009 dwar l-iżviluppi fil-każ ta' Roxana Siberi u d-Dikjarazzjoni mill-Presidenza f'isem l-UE tal-20 ta' April 2009 dwar is-sentenza ta' Roxana Saberi,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, id-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, li għalihom l-Iran hu stat kontraenti,

wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura,

A.

billi fit-18 ta' April 2009 il-Qorti Rivoluzzjonarja Iranjana qatgħet sentenza ta' tmien snin ħabs fuq spjunaġġ kontra Roxana Saberi, ġurnalista Amerikana-Iranjana, li ħadmet ma' diversi organizzazzjonijiet, fosthom ir-radju ABC, il-BBC, is-South African Broadcasting Corporatikon u l-NPR,

B.

billi Roxana Saberi ma kellhiex aċċess għal avukat għal ħames ġimgħat u ma kellhiex proċess ġust u trasparenti,

C.

billi l-avukat ta' Roxana Saberi appella kontra l-kundanna tagħha għaliex l-imputata qed tiddikjara l-innoċenza tagħha kontra kull akkuża,

D.

billi Roxana Saberi bdiet stajk tal-ġuħ u ddaħlet fl-isptar tal-ħabs ta' Envin fl-1 ta' Mejju 2009, skont kif ġie rrappurtat, f'kundizzjoni ta' saħħa dgħajfa ħafna,

E.

billi l-ġurnalista Maryam Malek, membru tal-Kampanja għall-Ugwaljanza “Miljun Firma”, ġiet arrestata fil-25 ta' April 2009, l-istess bħal ħafna membri oħra tal-kampanja qabilha, u billi l-familja tagħha ma tistax tħallas pleġġ biex tinħeles li jammonta għal 200 miljun rial (aktar minn EUR10 000),

F.

billi fl-1 ta' Mejju 2009, il-Jum Internazzjonali tal-Ħaddiem, forzi tas-sigurtà u tal-pulizija rażżnu b'mod vjolenti dimostrazzjonijiet paċifiċi li saru f'diversi lokalitajiet fl-Iran li kienu organizzati minn għaxar organizzazzjonijiet indipendenti tal-ħaddiem u billi skont rapporti aktar minn 100 persuna kienu arrestati,

G.

billi fl-1 ta' Mejju 2009 l-awtoritajiet Iranjani esegwew is-sentenza tal-mewt kontra Dilara Darabi fil-ħabs Ċentrali ta' Rasht minkejja xahrejn sospensjoni mogħtija mill-Kap tal-Awtorità Ġudizzjarja fit-19 ta' April 2009, u billi din is-sena Dilara Darabi mhijiex l-ewwel persuna li ngħatat is-sentenza tal-mewt wara li nstabet ħatja ta' reat li allegatament hi wettqet meta kienet iżgħar minn 18-il sena,

H.

billi l-qagħda ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran kompliet sejra għall-agħar mill-2005 'l hawn fl-oqsma u l-aspetti kollha, partikolarment fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet ċivili u l-libertajiet politiċi, minkejja l-fatt li l-Iran wiegħed li jġib 'il quddiem u jħares id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali skont l-istrumenti internazzjonali differenti f'dan il-qasam,

1.

Jikkundanna s-sentenza bla bażi li tat il-Qorti Rivoluzzjonarja Iranjana fit-18 ta' April 2009 kontra Roxana Saberi;

2.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-qagħda tas-saħħa ta' Roxana Saberi li qed tmur għall-agħar;

3.

jitlob b'insistenza lill-Qorti tal-Appell, biex matul s-smigħ tat-12 ta' Mejju 2009, jeħilsu lil Roxana Saberi immedjatament u mingħajr kundizzjoni minħabba li l-kawża saret fil-magħluq mingħajr proċess legali xieraq skont ir-regoli internazzjonali, u li jirrevokaw l-akkużi kollha kontra tagħha;

4.

Jinsab imkexkex bil-proċess inġust u l-eżekuzzjoni ta' Dilara Darabi u jinsab skandalizzat bl-eżekuzzjonijiet kontinwi ta' minuri li jwettqu reati, bi ksur tal-liġi internazzjonali u minkejja l-assigurazzjonijiet mill-awtoritajiet Iranjani li l-Iran waqqaf din il-prattika inumana; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex jonoraw l-impenn tagħhom li jwaqqfu l-eżekuzzjonijiet ta' minorenni li jwettqu reati;

5.

Jikkundanna s-sistema tal-pleġġ ipprattikata mill-awtoritajiet Iranjani f'tentattiv li jrażżnu kull stqarrija pubblika minn cittadini kritici jew minn movimenti ta' riforma pacifika u jsejjaħ biex tkun immedjatament meħlusa Maryam Malek;

6.

Ifakkar li diversi attivisti tad-drittijiet tal-ħaddiema, fosthom Mansour Osanloo, Ebrahim Maddadi, Farzad Kamangar u Ghaleb Hosseini, għadhom fil-ħabs minħabba l-impenn tagħhom favur prattiki ġusti tax-xogħol, u jitlob mill-ġdid li dawn jinħelsu immedjatament;

7.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex jikkonformaw mal-istrumenti kollha internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem ratifikati mill-Iran, speċjalment il-Konvenzjoni Internazzjonali tad-Drittijiet Ċivili u Politiċi u d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem li t-tnejn jiggarantixxu d-dritt għal proċess ġust;

8.

Jistieden lill-Presidenza tal-Kunsill u lir-rappreżentanti diplomatiċi tal-Istati Membri fl-Iran biex jieħdu azzjoni urġenti flimkien fir-rigward ta' dawn il-każijiet kollha;

9.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu jeżaminaw il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran u biex jippreżentaw lill-Parlament rapport komprensiv dwar il-kwistjoni fl-ewwel nofs tal-2009;

10.

Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kap tal-Awtorità Ġudizzjarja tal-Iran u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.


Top