Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007XC1027(04)

Abbozz Avviż tal-Kummissjoni ta'[…] dwar il-mod ta' proċedimenti ta' riżolviment ta' tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skond l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

ĠU C 255, 27.10.2007, p. 51–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Please be aware that this draft act does not constitute the final position of the institution.

27.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 255/51


Abbozz Avviż tal-Kummissjoni

ta'[…]

dwar il-mod ta' proċedimenti ta' riżolviment ta' tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skond l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2007/C 255/20)

1.   INTRODUZZJONI

1.

Din in-Notifika tistabbilixxi qafas sabiex tiġi ppremjata l-kooperazzjoni fil-mod kif isiru l-proċedimenti li jkunu nbdew in vista ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat (1) tal-KE fil-każi ta' kartelli. Il-proċedimenti ta' riżoluzzjonijiet ta' tilwim jistgħu jippermettu lill-Kummissjoni timmaniġġa aktar każi bl-istess riżorsi biex b'hekk tinkoraġġixxi l-interess pubbliku fl-implimentazzjoni ta' kastigi effettivi u f'waqthom mill-Kummissjoni, filwaqt li tkabbar id-deterrent ġenerali. Il-kooperazzjoni koperta b'din in-Notifika hi differenti mill-produzzjoni volontarja ta' xhieda biex tixpruna jew tmexxi 'l quddiem l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, li hi koperta min-Notifika tal-Kummissjoni dwar l-Immunità mill-multi u t-tnaqqis fil-multi fil-każi ta' kartelli (2) (in-Notifika dwar Klemenzi). Sakemm il-kooperazzjoni offruta minn impriża tikkwalifika taħt iż-żewġ Notifiki tal-Kummissjoni, din tista' tkun ippremjata kif xieraq b'mod kumulattiv (3).

2.

Meta l-partijiet għall-proċedimenti jkunu lesti li jirrikonoxxu l-parteċipazzjoni tagħhom f'kartell li permezz ta' hekk ikunu kisru l-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE u għalhekk ikunu naqsu mir-responsabbilta' tagħhom, jistgħu wkoll jikkontribwixxu biex jintgħaġġlu l-proċedimenti li jwasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni korrispondenti skond l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (4) bil-mod u bis-salvagwardji speċifikati f'din in-Notifika. Filwaqt li l-Kummissjoni, bħala l-awtorità investigattiva u l-gwardjana tat-Trattat li hi mogħtija s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet ta' infurzar suġġett għall-kontroll ġuridiku tal-Qrati Komunitarji, ma tinnegozjax il-kwistjoni dwar l-eżistenza ta' ksur tal-liġi Komunitarja u s-sanzjoni li tkun xierqa, tista' tippremja l-kooperazzjoni deskritta f'din in-Notifika.

3.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004 tas-7 ta' April 2004 dwar il-mod kif jitmexxew il-proċedimenti mill-Kummissjoni skond l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE (5) (ir-Regolament tal-Kummissjoni) jistabbilixxi ir-regoli prattiċi ewlenin li jikkonċernaw il-mod kif jitwettqu l-proċedimenti fil-każi ta' antitrust inklużi dawk applikabbli fil-varjant għar-riżoluzzjoni tat-tilwima. F'dan ir-rigward, ir-Regolament (KE) Nru 773/2004 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tagħżilx li tesplora l-proċediment tar-riżoluzzjoni tat-tilwima jew le fil-każi ta' kartelli, filwaqt li tiżgura li l-għażla tal-proċediment tar-riżoluzzjoni tat-tilwima ma tkunx tista' jiġi imposta fuq il-partijiet.

4.

L-infurzar effettiv tal-liġi Komunitarja dwar il-kompetizzjoni huwa kumpatibbli ma' rispett sħiħ tad-dritt tal-partijiet biex jiddefendu ruħhom, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tal-liġi Komunitarja li għandu jkun irrispettat fiċ-ċirkustanzi kollha, u b'mod partikolari fil-proċedimenti ta' antitrust li jistgħu jwasslu għal penali. Minn dan isegwi li r-regoli stabbiliti għall-mod kif jitmexxew il-proċedimenti tal-Kummissjoni biex jiġi infurzat l-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE għandhom jiżguraw li l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta' l-impriżi kkonċernati jingħataw l-opportunità biex effettivament jesponu l-fehmiet tagħhom dwar il-vertità u r-relevanza tal-fatti, l-oġġezzjonijiet u ċ-ċirkustanzi mressqa mill-Kummissjoni (6), waqt it-tul kollu tal-proċedura amministrattiva.

2.   PROĊEDURA

5.

Il-Kummissjoni għandha marġni wiesa' ta' diskrezzjoni biex tiddetermina liema każi jistgħu jkunu addattati biex tesplora l-interess tal-partijiet f'parteċipazzjoni f'diskussjonijiet dwar riżolviment, kif ukoll biex tiddeċiedi f'liema każi tinvolvi ruħha jew twaqqa' jew inkella tirriżolvi. F'dan ir-rigward, tajjeb li tiġi kkunsidrata l-probabbiltà li jintlaħaq ftehim komuni dwar l-ambitu ta' l-oġġettivi potenzjali mal-partijiet involuti sa skadenza raġonevoli, invista ta' fatturi bħal mhuma: l-għadd tal-partijiet involuti, il-pożizzjonijiet konfliġġenti prevedibbli dwar l-attribuzzjoni tar-responsabbiltajiet, il-limitu tal-kontestazzjoni tal-fatti, eċċ. Barra minn hekk, jiġi kkunsidrat jekk, fid-dawl tal-progress miksub f'sens ġenerali, ikunx probabbli li din il-proċedura ta' riżolviment tkunx aktar effikaċi. Jistgħu jitqiesu wkoll konsiderazzjonijiet oħra bħal mhu l-ħolqien ta' preċedent. Il-Kummissjoni tista' tidħol għal diskussjonijiet dwar riżolviment biss jekk issir talba bil-miktub mill-partijiet ikkonċernati.

6.

Filwaqt li l-partijiet għall-proċedimenti m'għandhomx dritt għal riżolviment, jekk jidhrilha li, fil-prinċipju, ikun xieraq li każ jiġi riżolt, il-Kummissjoni tesplora l-interess fir-riżolviment tal-partijiet kollha għall-istess proċedimenti.

7.

Il-partijiet għall-proċedimenti u r-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu ma jiżvelaw lil ebda impriża oħra jew parti terza oħra fi kwalunkwe ġurisdizzjoni l-kontenut tad-diskussjonijiet jew tad-dokumenti li huma kellhom aċċess għalihom invista tar-riżolviment, sakemm ma jkollhomx awtorizzazzjoni espliċita mill-Kummissjoni. Kwalunkwe ksur f'dan ir-rigward jista' jwassal biex il-Kummissjoni tiċħad it-talba ta' l-impriża biex issegwi l-proċediment ta' riżolviment u jista' jikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti fl-ambitu tat-tifsira tal-punt 28 tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-metodu ta' l-iffissar tal-multi imposti skond l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (7) (il-Linji Gwida dwar il-multi).

2.1.   Ftuħ ta' proċedimenti u passi esploratorji fir-rigward ta' riżolviment

8.

Jekk il-Kummissjoni tikkonsidra l-adozzjoni ta' deċiżjoni skond l-Artikolu 7 u/jew l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, ikun meħtieġ li bil-quddiem jiġu identifikati u rikonoxxuti bħala partijiet għall-proċedimenti l-persuni legali li jistgħu jkunu suġġetti għal penali minħabba ksur ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE.

9.

Għal dan il-għan, il-bidu ta' proċedimenti skond l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 bil-għan ta' l-adozzjoni ta' deċiżjoni bħal din jista' jseħħ f'ħin ikun meta jkun, imma mhux aktar tard mid-data li fiha l-Kummissjoni toħroġ dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet kontra l-partijiet ikkonċernati. L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 jispeċifika wkoll li, jekk il-Kummissjoni tqis li jkun xieraq li tesplora l-interess tal-partijiet f'parteċipazzjoni fid-diskussjonijiet dwar ir-riżolviment, hi tagħti bidu għal proċedimenti mhux aktar tard mid-data li fiha tkun jew għamlet dikjarazzjoni dwar l-oġġezzjonijiet jew talbet lill-partijiet jistqarru bil-miktub l-interess tagħhom f'parteċipazzjoni f'diskussjonijiet dwar riżolviment, liema miż-żewġ dati tiġi l-ewwel.

10.

Wara l-bidu tal-proċedimenti skond l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, tkun kompetenti esklużimament il-Kummissjoni biex tapplika l-Artikolu 81 tat-Trattat għall-każ speċifiku (8).

11.

Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li jkun xieraq li tesplora l-interess tal-partijiet fil-parteċipazzjoni f'diskussjonijiet dwar ir-riżolviment, hi tiffissa skadenza li mhux anqas minn ġimagħtejn skond l-Artikoli 10a(1) u 17(3) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 li fl-ambitu tiegħu il-partijiet għall-istess proċedimenti għandhom jiddikjaraw bil-miktub jekk ikunx bi ħsiebhom jipparteċipaw f'diskussjonijiet dwar riżolviment bil-għan li possibbilment jagħmlu sottomissjonijiet għal riżolviment aktar 'il quddiem.

12.

Il-partijiet kollha għall-proċedimenti li jappartjenu għall-istess impriża u li jipprevedu l-possibbiltà li jagħmlu sottomissjoni għal riżolviment u li jitolbu biex jipparteċipaw f'diskussjonijiet dwar riżolviment għandhom jaħtru rappreżentanti konġunti li jkollhom is-setgħa xierqa biex jaġixxu f'isimhom f'kull ħin, imma mhux aktar tard minn tmiem l-iskadenza msemmija fil-punt 10.

13.

Il-Kummissjoni tista' ma tikkunsidrax kwalunkwe applikazzjoni għall-immunità mill-multi jew it-tnaqqis tagħhom skond in-Notifika dwar Trattament Favorevoli fuq il-bażi li din l-applikazzjoni kienet ġiet sottomessa wara l-perjodu ta' skadenza msemmi fil-punt 10.

2.2.   Bidu tal-proċediment ta' riżolviment: diskussjonijiet dwar riżolviment

14.

Jekk uħud mill-partijiet għall-proċedimenti jitolbu għal diskussjonijiet dwar riżolviment u jikkonformaw mar-rekwiżiti msemmija fil-punti 10 u 11, il-Kummissjoni tista' ssegwi l-proċediment ta' riżolviment permezz ta' kuntatti bilaterali bejn id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kompetizzjoni u l-kandidati tar-riżolviment.

15.

Il-Kummissjoni żżomm id-diskrezzjoni li tiddetermina matul it-tul kollu tal-proċediment fir-rigward ta' l-adegwatezza u r-ritmu tad-diskussjonijiet bilaterali dwar ir-riżolviment ma' kull impriża. F'konformità ma' l-Artikolu 10a(2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 (9), dan jinkludi li, fid-dawl tal-progress li jkun sar b'mod ġenerali fil-proċediment tar-riżolviment, il-Kummissjoni tiddetermina l-ordni u s-sekwenza tad-diskussjonijiet bilaterali dwar ir-riżolviment kif ukoll il-waqt meta tiżvela l-informazzjoni, inkluża x-xiehda fil-fajl tal-Kumnmissjoni użat biex jiġu stabbiliti l-oġġezzjonijiet previsti u l-multa eventwali (10). L-informazzjoni tiġi żvelata b'mod f'waqtu matul il-mixi 'l quddiem tad-diskussjonijiet dwar ir-riżolviment.

16.

Żvelar bikri bħal dan fil-kuntest ta' diskussjonijiet dwar ir-riżolviment skond l-Artikolu 10a(2) u l-Artikolu 15(1a) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 jippermetti li l-partijiet ikunu infurmati dwar l-elementi essenzjali li jkunu tqiesu sa dak il-mument, bħal mhuma l-fatti allegati, il-klassifikazzjoni ta' dawn il-fatti, il-gravità ta' l-allegat kartell u t-tul ta' żmien li jkun ilu jeżisti, l-attribuzzjoni tar-responsabbiltajiet, stima tal-firxa tal-multi li x'aktarx jingħataw (11) kif ukoll ix-xhieda miġjuba biex jiġu stabbiliti l-oġġezzjonijiet eventwali (12). B'hekk il-partijiet ikunu jistgħu jasserixxu l-fehmiet tagħhom b'mod effettiv dwar l-oġġezzjonijiet li potenzjalment jinġiebu kontrihom u jkunu jistgħu wkoll jagħmlu deċiżjoni infurmata dwar jekk jirriżolvux jew le.

17.

Meta l-progress li jkun sar matul id-diskussjonijiet dwar ir-riżolviment iwassal għal qbil komuni dwar l-ambitu ta' l-oġġezzjonijiet eventwali u l-istima tal-multi li x'aktarx tkun ser twaħħal il-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista' tiffissa skadenza finali ta' mill-inqas XXX ġurnata ta' xogħol għal impriża biex tippreżenta sottomissjoni ta' riżolviment finali u bil-miktub skond l-Artikoli 10a(2) u 17(3) tar-Regolament Nru 773/2004. L-iskadenza tista' tittawwal wara talba rraġunata. Qabel l-għoti ta' din l-iskadenza, il-partijiet ikollhom id-dritt li, fuq talba tagħhom, jingħataw l-informazzjoni speċifikata fil-punt 15 żvelata lilhom. Wara talba rraġunata minn xi parti, is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu wkoll jagħtuha aċċess għall-verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta' kwalunkwe dokument aċċessibbli elenkat fil-fajl tal-każ sa dak il-mument, jekk ikun jidhrilhom li dan huwa ġġustifikat biex il-parti tkun tista' tiżgura l-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta' kwalunkwe aspett ieħor tal-kartell u sakemm l-effiċjenzi proċedurali msemmija fil-punt 0 ma jkunux fil-periklu (13).

18.

Il-partijiet jistgħu jappellaw lill-Kunsillier tas-Seduta fi kwalunkwe ħin matul il-proċediment tar-riżolviment fir-rigward ta' kwistjonijiet marbuta mad-drittijiet tad-difiża. Dmir il-Kunsillier tas-Seduta hu li jiżgura li d-drittijiet tad-difiża jkunu realment irrispettati fil-proċedimenti tal-kompetizzjoni.

19.

Jekk il-partijiet ikkonċernati jonqsu milli jippreżentaw sottomissjoni tar-riżolviment, il-proċediment li jwassal għad-deċiżjoni finali fil-każ tagħhom jimxi skond id-dispożizzjonijiet ġenerali fl-Artikoli 10(2) u 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004, minflok dawk li jirregolaw il-proċediment tar-riżolviment.

2.3.   Sottomissjonijiet għar-riżolviment

20.

Il-partijiet li jagħżlu li jsir proċediment ta' riżolviment iridu jagħmlu talba formali għar-riżolviment fil-forma ta' sottomissjoni għal riżolviment bil-miktub. Is-sottomissjoni għal riżolviment bil-miktub prevista fl-Artikolu 10a(2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 għandu jkun fiha: (a)

(a)

rikonoxximent f'termini mingħajr ekwivoki tar-responsabbiltà tal-partijiet għall-ksur imfisser fil-qosor fir-rigward tal-fatti ewlenin, il-kwalifikazzjoni ġuridika tagħhom, u t-tul ta' żmien tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur f'konformità mar-riżultati tad-diskussjonijiet dwar ir-riżolviment;

(b)

indikazzjoni (14) ta' l-ogħla ammont ta' multa li l-partijiet jipprevedu li l-Kummissjoni ser twaħħalhom u li l-partijiet jaċċettaw fil-qafas tal-proċedura tar-riżolviment.

(ċ)

il-konferma tal-partijiet li huma kienu rċevew informazzjoni biżżejjed dwar l-oġġezzjonijiet li l-Kummissjoni tipprevedi li ser tqajjem kontrihom u li kienu ngħataw opportunità biżżejjed biex jesprimu l-fehmiet tagħhom mal-Kummissjoni;

(d)

il-konferma tal-partijiet li, fid-dawl ta' dak li ssemma hawn fuq, ma jipprevedux li ser jitolbu aċċess għall-fajl jew jitolbu smigħ ieħor f'seduta verbali, sakemm il-Kummissjoni ma tilqax is-sottomissjoni tagħhom għar-riżolviment; (e)

(e)

u d-deċiżjoni finali skond l-Artikolu 7 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 f'lingwa uffiċjali determinata tal-Komunità Ewropea.

21.

Ir-rikonoxximenti u l-konfermi pprovduti mill-partijiet rigward riżolviment jikkostitwixxu espressjoni ta' l-impenn tagħhom biex jikkooperaw fil-maniġġar bil-għaġġla tal-każ skond il-proċediment ta' riżolviment. Madankollu, dawn ir-rikonoxximenti u l-konfermi huma suġġetti għall-aċċettazzjoni mill-Kummissjoni tat-talba tagħhom għal riżolviment, inkluż l-ogħla ammont previst tal-multa.

22.

Għalhekk, it-talbiet għal riżolviment bil-miktub ma jistgħux jiġu rrevokati b'mod unilaterali mill-partijiet li jkunu pprovdewhom sakemm il-Kummissjoni ma tilqax it-talbiet tagħhom għal riżolviment billi tikkonferma s-sottomissjonijiet għal riżolviment bil-miktub l-ewwel f'dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet u fl-aħħarnett, f'deċiżjoni finali (ara f'dan ir-rigward il-punti 25 u 28). Id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet tkun meqjusa bħala konferma tas-sottomissjonijiet għal riżolviment bil-miktub jekk tirrifletti l-kontenut tagħhom fejn għandhom x'jaqsmu d-deskrizzjoni tal-kartell u l-involviment ta' l-impriża fih u l-kwalifiki legali ta' dan. Barra minn hekk, biex deċiżjoni finali titqies bħala konferma tas-sottomissjonijiet għal riżolviment bil-miktub, għandha wkoll timponi multa li ma tkunx taqbeż l-ogħla ammont indikat fiha.

2.4.   Dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet u tweġiba

23.

Skond l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004, in-notifika ta' dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet bil-miktub lil kull waħda mill-partijiet li kontrihom ikunu tqajmu l-oġġezzjonijiet, hija fażi preparatorja obbligatorja qabel l-adozzjoni ta' kwalunkwe deċiżjoni finali (15). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ser toħroġ dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet anke f'każ ta' proċediment ta' riżolviment (16).

24.

Biex ikun żgurat li l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-partijiet għad-difiża jkun effettiv, il-Kummissjoni tisma' l-fehmiet tagħhom dwar l-oġġezzjonijiet kontrihom u x-xhieda ta' sostenn qabel ma tadotta deċiżjoni finali u tagħtihom kunsiderazzjoni billi temenda l-analiżi preliminari tagħha kif ikun jiexraq (17). Il-Kummissjoni trid tkun tista' mhux biss taċċetta jew tiċħad l-argumenti rilevanti tal-partijiet miġjuba minnhom matul il-proċediment amministrattiv, imma wkoll tagħmel l-analiżi proprja tagħha tal-kwistjonijiet li jkunu tressqu bil-għan li jew jikkonvinċuha twaqqa' dawn l-oġġezzjonijiet minħabba provi ta' nuqqas ta' bażi għalihom jew li jiġu ssupplimentati u riveduti l-argumenti tagħhom, kemm fil-fatt kif ukoll bi dritt, b'sostenn ta' l-oġġezzjonijiet imħaddna mill-Kummissjoni (18).

25.

Bil-preżentazzjoni ta' talba formali għal-riżolviment fil-forma ta' sottomissjoni bil-miktub għal riżolviment qabel ma tintbagħtilhom in-notifika tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, il-partijiet ikkonċernati jippermettu lill-Kummissjoni li effettivament tikkunsidra l-fehmiet tagħhom (19) sewwasew fil-mument meta tkun qed tabbozza d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet u mhux biss qabel il-konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv għall-Prattiċi Restrittivi u l-Pożizzjonijiet Dominanti (il-Kumitat Konsultattiv) jew qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali (20). Konsegwentement, id-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet innotifikata lill-partijiet tista' tibbaża fuq il-kontenut tas-sottomissjonijiet għar-riżolviment, fejn ikun xieraq, u l-ammont tal-multa potenzjali tista' tiġi riveduta u titnaqqas fid-dawl ta' dan (21).

26.

Jekk id-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet tapprova s-sottomissjonijiet tal-partijiet għal riżolviment, il-partijiet ikkonċernati jkunu, sa skadenza ta' mill-inqas ġimgħa ffissata mill-Kummissjoni skond l-Artikoli 10a(3) u 17(3) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004, weġbuha billi sempliċement jikkonfermaw (f'termini mingħajr ekwivoki) li d-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet tikkorrispondi mal-kontenut tas-sottomissjonijiet tagħhom dwar ir-riżolviment u li għalhekk huma jibqgħu marbuta li jsegwu l-proċediment tar-riżolviment. Jekk din it-tweġiba ma ssirx, il-Kummissjoni ma tkunx tista' tikkunsidra t-talba ta' l-impriża biex issegwi l-proċediment tar-riżolviment.

27.

Il-Kummissjoni tista', b'mod leġittimu, tadotta dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet li ma tikkonfermax is-sottomissjoni tal-partijiet għal riżolviment. F'dan il-każ, ikunu japplikaw id-dispożizzjonijiet ġenerali fl-Artikoli 10(2), 12(1) u 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004. Ir-rikonoxximenti pprovduti mill-partijiet fis-sottomissjoni għar-riżolviment jitqiesu bħala li ġew irtirati u ma jkunu jistgħu jintużaw kontra l-ebda waħda mill-partijiet għall-proċedimenti Għaldaqstant, il-partijiet ikkonċernati ma jkunux aktar marbutin bis-sottomissjonijiet tagħhom għal riżolviment u tinħarġilhom skadenza li tippermettilhom li jippreżentaw id-difiża tagħhom mill-ġdid, inkluża l-possibbiltà li jitolbu smigħ f'seduta verbali u aċċess għall-fajl, jekk ikunu jixtiequ dan.

2.5.   Deċiżjoni tal-Kummissjoni u għoti ta' kumpens għal riżolviment

28.

Ladarba l-partijiet ikunu wieġbu għad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet u jikkonfermaw l-impenn tagħhom biex jirriżolvu, ir-Regolament (KE) Nru 773/2004 jippermetti lill-Kummissjoni tipproċedi, mingħajr ebda pass proċedurali ieħor, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni finali sussegwenti skond l-Artikoli 7 u/jew 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv skond l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. B'mod partikolari, dan ifisser li l-ebda seduta verbali jew aċċess għall-fajl ma jistgħu jintalbu minn dawk il-partijiet ladarba s-sottomissjonijiet tagħhom għal riżolviment ikunu kkonfermati mid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet (22) f'konformità ma' l-Artikoli 12(2) (23) u 15(1a) (24) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004.

29.

Il-Kummissjoni tista', b'mod leġittimu, tadotta pożizzjoni finali li titbiegħed mill-pożizzjoni preliminari tagħha ppreżentata f'dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet li tikkonferma s-sottomissjonijiet bil-miktub tal-partijiet għal riżolviment, jew wara li tikkunsidra l-argumenti żviluppati mill-Kumitat Konsultattiv jew konsiderazzjonijiet oħra marbuta ma' l-awtonomija aħħarija tal-Kulleġġ tal-Kummissarji f'dan ir-rigward (25). Madankollu, jekk ikollha l-intenzjoni li taġixxi f'dan is-sens, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-partijiet dwar din l-intenzjoni u tinnotifikalhom dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet ġdida sabiex ikunu jistgħu jħejju d-difiża tagħhom skond ir-regoli ġenerali tal-proċediment (26). Isegwi li l-partijiet b'hekk ikollhom id-dritt li jitolbu aċċess għall-fajl, għal smigħ f'seduta verbali u għal tweġiba għad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet. Ir-rikonoxximenti pprovduti mill-partijiet fis-sottomissjonijiet għal riżolviment jitqiesu bħala li ġew irtirati u ma jkunu jistgħu jintużaw kontra l-ebda waħda mill-partijiet għall-proċedimenti

30.

(30) L-ammont finali tal-multa f'każ speċifiku jiġi stabbilit fid-deċiżjoni li fiha tikkonstata l-ksur u timponi sanzjoni skond l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

31.

F'konformità mal-prattika tal-Kummissjoni, il-fatt li impriża kkooperat mal-Kummissjoni fil-qafas ta' din in-Notifika matul il-proċediment amministrattiv ser jiġi indikat f'kull deċiżjoni, biex tiġi spjegata r-raġuni li tiġġustifika l-livell tal-multa.

32.

Jekk tiddeċiedi li tikkumpensa lil parti partikolari bħala riżolviment fil-qafas ta' din in-Notifika, il-Kummissjoni tnaqqas b'XX % l-ammont tal-multa wara li jkun applikat il-limitu ta' 10 % stabbilit fil-Linji Gwida għall-metodu ta' kif jiġu ffissati l-multi imposti skond l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (27) u kwalunkwe żieda speċifika għal skop dissważiv (28) użat fir-rigward tagħhom ma tistax taqbeż fattur multiplikatur ugwali għal tnejn.

33.

F'każi li fihom sar riżolviment ma' impriżi li jkunu talbu għall-benefiċċji ta' trattament favorevoli, it-tnaqqis fil-multa li jkun ingħatalhom għandu jikkorrispondi mas-somma tal- kumpens mogħtija bħala benefiċċju tat-trattament favorevoli u l-kumpens mogħti għar-riżolviment.

3.   KONSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

34.

Din in-Notifika tapplika għall-każi kollha pendenti quddiem il-Kummissjoni fil-mument tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali jew fi żmien wara dan.

35.

Il-Kummissjoni ssostni li normalment l-iżvelar pubbliku ta' dokumenti u dikjarazzjonijiet miktuba jew dokumentati li jkunu waslu fil-kuntest ta' din in-Notifika jimmina ċerti interessi pubbliċi jew privati, pereżempju l-protezzjoni ta' l-għan ta' spezzjonijiet u investigazzjonijiet fl-ambitu tat-tifsira ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (29), anke wara l-adozzjoni ta' deċiżjoni.

36.

Id-deċiżjonijiet finali meħuda mill-Kummissjoni skond ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 huma suġġetti għal eżami ġurisdizzjonali skond l-Artikolu 230 tat-Trattat tal-KE. Barra minn hekk, kif previst fl-Artikolu 229 tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha kompetenza ġurisdizzjonali mingħajr limitu biex teżamina deċiżjonijiet dwar sanzjonijiet adottati skond l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.


(1)  Ir-referenzi f'dan it-test għall-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE jkopru wkoll l-Artikolu 53 ŻEE meta applikat mill-Kummissjoni skond ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 56 tal-Ftehim ŻEE.

(2)  ĠU C 298, 8.12.2006

(3)  Ara l-punt 32 hawn taħt.

(4)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. Ir-Regolament emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1419/2006 ( ĠU L 269, 28.9.2006, p. 1.

(5)  ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament Nru XXX/200Y (ĠU L…, p…).

(6)  Ara l-Kawża 85/76 Hoffmann-La Roche v il-Kummissjoni [1979] ĠABRA 461, il-paragrafi 9 u 11; Il-Kawża T11/89, Shell v Il-Kummissjoni [1992] ĠABRA II757, il-paragrafu 39; Il-Kawżi konġunti T-10/92, T-11/92, T-12/92 u T-15/92 [1992] ĠABRA II.-2667, Cimenteries CBR, il-paragrafu 39; Il-Kawżi konġunti T-191/98, T 212/98 sa T-214/98 Atlantic Container Line u Oħrajn v il-Kummissjoni [2003] ĠABRA II-3275, il-paragrafu 138; is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Ottubru 2003 fil-Kawża C-176/99 P, ARBED SA v il-Kummissjoni, il-paragrafu 19; is-Sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza fil-Kawża T-15/02, BASF AG v il-Kummissjoni, tal-15 ta' Marzu ta' l-2006, il-paragrafu 44; is-Sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza tas-27 ta' Settembru ta' l-2006 fil-Kawża T-329/01, Archer Daniels Midland Co. v il-Kummissjoni (glukonat tas-sodju) il-paragrafu 358.

(7)  ĠU C 210, 1.9.2006, p. 2.

(8)  L-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jaqra hekk: “Il-bidu tal-proċedimenti mill-Kummissjoni għall-adozzjoni ta' deċiżjoni skond il-Kapitolu III jeħles lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta' l-Istati Membri mill-kompetenzi tgħhom biex japplikaw l-Artikoli 81u 82 tat-Trattat. Jekk l-awtorità tal-kompetizzjoni ta' Stat Membru qed tagixxi diġa fuq il-każ, il-Kummissjoni għandha tibda proċedimenti biss wara li tikkonsulta lil dik l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali”.

(9)  “Il-Kummissjoni tista' tinforma lill-partijiet li jkunu lesti li jippreżentaw sottomissjonijiet ta': (a) l-oġġezzjonijiet li tipprevedi li tkun se tqajjem kontrihom, (b) ix-xhieda li ssostni dawn l-oġġezzjonijiet u (ċ) il-multi eventwali. (...)” (l-Artikolu 10a(2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004).

(10)  Ir-referenza għall-“multi eventwali” fl-Artikolu 10a(2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 tagħti lis-servizzi tal-Kummissjoni l-possibbiltà li jinfurmaw lill-partijiet involuti fid-diskussjonijiet dwar ir-riżolviment, dwar stima tal-multa eventali fid-dawl tal-gwida fil-Linji Gwida dwar il-multi, id-dispożizzjonijiet ta' din in-Notifika u n-Notifika dwar Trattament Favorevoli, fejn applikabbli.

(11)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Konġunti 100/80 sa 103/80 Musique diffusion française u Oħrajn v il-Kummissjoni [1983] ĠABRA 1825, il-paragrafu 21, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza fil-Kawża T-16/99 Lögstör Rör v il-Kummissjoni [2002] ĠABRA II-1633, il-paragrafu 193, ikkonfermata wara appell bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Konġunti C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P, C-208/02 P u C-213/02 P Dansk Rørindustri u Oħrajn v il-Kummissjoni [2005] ĠABRA I-0000, b'mod partikolari l-paragrafu 428; Is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim' Istanza tal-15 ta' Marzu 2006 fil-Kawża T-15/02 BASF AG v il-Kummissjoni, fil- paragrafu 48; u tas-27 ta' Settembru 2006 fil-Kawża T-329/01, Archer Daniels Midland Co. v il-Kummissjoni Ewropea (glukonat tas-sodju), fil-paragrafu 361.

(12)  L-Artikolu 15(1a) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 jippermetti lill-Kummissjoni teżerċita d-diskrezzjoni tagħha fir-rigrawd tal-waqt ta' l-iżvelar tal-bażi ta' xhieda fil-fajl li ssostni l-oġġezzjonijiet previsti lil partijiet li jkun bi ħsiebhom jippreżentaw sottomissjonijiet għal riżolviment wara l-bidu tal-proċedimenti.

(13)  Għal dan il-għan, lill-partijiet ser tingħatalhom lista tad-dokumenti kollha aċċessibbli li jkunu jinsabu fil-fajl tal-każijiet sa dak il-mument.

(14)  Dan ikun riżultat tad-diskussjonijiet kif stipulat fil-punti 16 u 17.

(15)  Skond l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004: “Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-partijiet bl-oġġezzjonjiet imressqa kontrihom. Id-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet għandha tiġi nnotifikata bil-miktub lil kull waħda mill-partijiet li kontrihom ikunu qed jitressqu l-oġġezzjonijiet”. Skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 u l-Artikolu 27(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha ssejjes id-deċiżjonijiet tagħha biss fuq l-oġġezzjonijiet li dwarhom id-destinatarji tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet li tikkonċerna lilhom kienu setgħu jikkummentaw.

(16)  Kif mistqarr mill-Qorti ta' Prim' Istanza fis-sentenza tagħha tal-15 ta' Marzu ta' l-2006 fil-Kawża T-15/02, BASF AG v Il-Kummissjoni, fil-paragrafu 58, “(…) irrispettivament mil-livell ta' kooperazzjoni min-naħa ta' l-impriża, il-funzjoni tad-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet tibqa' dik li jipprovdi lill-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta' l-impriżi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jiddefendu ruħhom b'mod xieraq, qabel ma l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni finali (Ahlström Osakeyhtiö u Oħrajn v Il-Kummissjoni, il-paragrafu 46 ta' hawn fuq, il-paragrafu 42, u l-Kawża C-283/98 P Mo och Domsjö v Il-Kummissjoni, il-paragrafu 46 ta' hawn fuq, il-paragrafu 63). Fid-dawl ta' dan, il-fatt li l-applikant ikkoopera mal-Kummissjoni billi rrikonoxxa li kien l-awtur ta' atti illegali u billi ddiskriva dawn l-atti, ma kienx ifisser li ma baqagħlux id-dritt jew l-interess li jikseb dokument mill-Kummissjoni li jistipula preċiżament l-oġġezzjonijiet kollha li l-Kummissjoni kienet ressqet kontrih, inklużi dawk li setgħu kienu bbażati fuq dikjarazzjonijiet jew xhieda pprovduti minn impriżi oħrajn involuti (...)”. Fil-kuntest ta' dikjarazzjonijiet diretti, id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjonijiet għandhom jinkludu informazzjoni li tippermetti lill-partijiet jikkonstataw li l-Kummissjoni taċċetta s-sottomissjonijiet tagħhom għal riżolviment.

(17)  F'konformità ma' ġurisprudenza konsolidata, il-Kummissjoni għandha ssejjes id-deċiżjonijiet tagħha biss fuq oġġezzjonijiet li dwarhom il-partijiet ikkonċernati kienu setgħu jikkummentaw u, għal dan il-għan, dawn għandhom id-dritt għal aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni, suġġett għall-interess leġittimu ta' l-impriżi fil-ħarsien tas-sigrieti kummerċjali tagħhom (Ara l-Kawżi Konġunti T-39/92 u T-40/92, CB u Europay v Il-Kummissjoni [1994] ĠABRA II-49, fil-paragrafu 47; il-Kawżi Konġunti T-191/98, T 212/98 sa T-214/98 Atlantic Container Line u Oħrajn v Il-Kummissjoni [2003] ĠABRA II-3275, fil-paragrafu 138).

(18)  Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-Kawżi ACF Chemiefarma v Il-Kummissjoni ta' hawn fuq, fil-paragrafi 47, 91 u 92; Il-Kawżi Konġunti 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73 Suiker Unie u Oħrajn v Il-Kummissjoni [1975] ĠABRA 1663, fil-paragrafi 80, 437 u 438; u l-Kawżi Konġunti 209/78 sa 215/78 u 218/78 Van Landewyck u Oħrajn v Il-Kummissjoni [1980] ĠABRA 3125, il-paragrafu 68; U s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim' Istanza fil-Kawża T-44/00 Mannesmannröhren-Werke v Il-Kummissjoni, [2004] ĠABRA II-0000, il-paragrafi 98 sa 100; u l-Kawża T-15/02, BASF AG v Il-Kummissjoni, tal-15 ta' Marzu 2006, fil-paragrafi 93 u 95.

(19)  F'dan ir-rigward, il-Premessa 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru XXX/2008 taqra hekk: “(...) Żvelar bikri bħal dan għandu jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jressqu l-fehmiet tagħhom dwar l-oġġezzjonijiet li l-Kummissjoni tkun bi ħsiebha tressaq kontrihom kif ukoll dwar ir-responsabbiltà potenzjali tagħhom.”

(20)  Kif jeżiġu l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 u l-Artikolu 27(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 rispettivament:

“Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-partijiet destinatarji tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet l-opportunità biex jinstemgħu qabel ma jsiru konsultazzjonijiet mal-Kumitat Konsultattiv imsemmi fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003” (l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004).

“Qabel ma tadotta kwalunkwe deċiżjoni kif previst fl-Artikoli 7, 8, 23 u l-Artikolu 24(2), il-Kummissjoni tipprovdi lill-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta' l-impriżi li huma l-oġġett tal-proċedimenti mmexxija mill-Kummissjoni, l-opportunità biex isemmgħu leħinhom dwar il-kwistjonijiet li l-Kummissjoni kienet oġġezzjonat għalihom. Il-Kummissjoni għandha ssejjes id-deċiżjonijiet tagħha biss fuq oġġezzjonijiet li dwarhom il-partijiet ikkonċernati kienu setgħu jikkummentaw. Ir-rikorrenti għandhom ikunu strettament assoċjati mal-proċedimenti” (l-Artikolu 27(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003).

(21)  Ara f'dan ir-rigward is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Musique diffusion française u Oħrajn v Il-Kummissjoni, hawn fuq, fil-paragrafu 21; il-Kawża 322/81, Michelin v Il-Kummissjoni [1987] ĠABRA 3461, fil-paragrafu 19; u Lögstör Rör v Il-Kummissjoni, hawn fuq, fil-paragrafu 200; u s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim' Istanza fil-Kawża T-15/02, BASF AG v il-Kummissjoni, tal-15 ta' Marzu 2006 fil- paragrafu 62.

(22)  Fil-prinċipju, is-seduti verbali u l-aċċess għall-fajl jitwettqu fuq talba tal-partijiet biex jiġi żgurat li dawn ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom għal difiża.

(23)  Skond l-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004: “2. Madankollu, meta jippreżentaw is-sottomissjonijiet għar-riżolviment tagħhom, il-partijiet għandhom jikkonfermaw lill-Kummissjoni li jinħtieġu biss li jingħataw l-opportunità biex jiżviluppaw l-argumenti tagħhom f'seduta verbali jekk id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ma' tikkonfermax il-kontenut tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom għal riżolviment”.

(24)  Skond l-Artikolu 15(1a) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004:“Wara l-bidu tal-proċedimenti skond l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha tiżvela, meta jitqies xieraq, il-bażi ta' xhieda li ssostni l-oġġezzjonijiet previsti fil-konfront tal-partijiet li jkunu jridu jippreżentaw sottomissjonijiet għal riżolviment biex ikunu jistgħu jagħmlu dan. Fid-dawl ta' dan, meta jippreżentaw is-sottomissjonijiet miktuba tagħhom għal riżolviment, il-partijiet għandhom jikkonfermaw lill-Kummissjoni li ser jinħtieġu biss aċċess ulterjuri għall-fajl jekk id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ma' tikkonfermax il-kontenut tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom għal riżolviment”.

(25)  Ara f'dan ir-rigward il-Kawżi Konġunti T-129/95, T-2/96 u T-97/96 Neue Maxhütte Stahlwerke u Lech-Stahlwerke v Il-Kummissjoni [1999] ĠABRA II-17, il-paragrafu 231, u l-Kawża T-16/02 Audi v OHIM [2003] ĠABRA II 5167, il-paragrafu 75; Is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim' Istanza fil-Kawża T-15/02 BASF AG v il-Kummissjoni, tal-15 ta' Marzu 2006, fil- paragrafu 94.

(26)  Skond il-ġurisprudenza: “Għaldaqstant, minn naħa, id-drittijiet tad-difiża jinkisru biss bħala riżultat ta' diskrepanza bejn id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni finali meta oġġezzjoni ddikjarata fid-deċiżjoni ma tkunu stipulata fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet b'mod suffiċjenti biex id-destinatarji jikunu jistgħu jiddefendu l-interessi tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni legali tal-fatti magħmula fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet tista', bħala definizzjoni, tkun biss proviżorja, u deċiżjoni sussegwenti tal-Kummissjoni ma tistax tiġi annullata fuq il-bażi esklużiva li l-konklużjonijiet definittivi misluta minn dawn il-fatti ma jikkorrispondux b'mod preċiż ma' dik il-klassifikazzjoni intermedja proviżorja. Il-Kummissjoni hija obbligata li tisma' lid-destinatarji ta' dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet u, meta rilevanti, li tikkunsidra kwalunkwe kummenti li jsiru bi tweġiba għall-oġġezzjonijiet filwaqt li temenda l-analiżi tagħha speċifikament sabiex tirrispetta d-drittijiet tagħhom għal difiża”. (Il-Kawża T-44/00 Mannesmannröhren-Werke v Il-Kummissjoni [2004] ĠABRA II-0000, fil-paragrafi 98 sa 100; Il-Kawża T-15/02 BASF AG v il-Kummissjoni, fil-paragrafu 95).

(27)  ĠU C 210, 1.9.2006, p. 2.

(28)  Il-Punt 30 tal-Linji Gwida dwar il-multi.

(29)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.


Top