EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007AE1703

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid u li jemenda ċerti Regolamenti COM(2007) 372 finali — 2007/0138 (CNS)

ĠU C 120, 16.5.2008, p. 42–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 120/42


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid u li jemenda ċerti Regolamenti

COM(2007) 372 finali — 2007/0138 (CNS)

(2008/C 120/10)

Nhar is-7 ta' Settembru 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikoli 36 u 37 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid u li jemenda ċerti Regolamenti.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta' Novembru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Kienle.

Matul l-440 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t-13 ta' Diċembru 2007 (seduta tat-12 ta' Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'109 voti favur, 5 voti kontra u 12-il astensjoni.

1.   Sommarju tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-KESE

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa' r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni fil-proposta tagħha dwar ir-riforma ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq Ewropew ta' l-inbid sabiex tinżamm organizzazzjoni speċifika tas-suq ta' l-inbid. Il-Kumitat xtaq kieku li l-Kummissjoni Ewropea adottat iktar mir-rakkomandazzjonijiet li l-Kumitat ippreżenta fl-opinjoni tiegħu ta' l-14 ta' Diċembru 2006 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament EwropewLejn settur ta' l-inbid Ewropew sostenibbli  (1).

1.2

Il-KESE jtenni l-punt tiegħu li l-għan ewlieni tar-riforma għandu jkun li tittejjeb il-kompetittività ta' l-inbejjed Ewropej u li tinkiseb lura l-pożizzjoni tagħhom fis-suq. Safejn huma kkonċernati d-dispożizzjonijiet ta' riforma u l-kummerċ estern, il-Kummissjoni għandha tqis iktar il-fatt li s-settur Ewropew ta' l-inbid jinsab fil-quċċata tas-suq globali.

1.3

Il-KESE jinnota li l-inbid u l-vinikultura huma aspetti importanti u integrali tal-kultura u l-istil ta' ħajja fl-Ewropa. Il-vinikultura ssawwar l-ambjent soċjali u ekonomiku ta' ħafna reġjuni Ewropej li jipproduċu l-inbid. Għalhekk, il-Kumitat jemmen li huwa importanti li l-objettivi u l-miżuri tar-riforma għandhom jirriflettu mhux biss l-effetti ekonomiċi, iżda wkoll il-konsegwenzi għall-impjiegi, l-istrutturi soċjali u l-ambjent — b'mod partikolari permezz ta' programmi ta' tindif (grubbing-up) — kif ukoll għall-ħarsien u s-saħħa tal-konsumatur. Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tonqos f'dan ir-rigward.

1.4

Il-KESE jenfasizza li l-vinikultura tipprovdi għajxien għal 1,5 miljun intrapriża fl-Unjoni Ewropea, il-biċċa l-kbira minnhom żgħar u tal-familja, u mill-inqas impjieg staġjonali għal iktar minn 2,5 miljun ħaddiem. Għaldaqstant, il-Kumitat jixtieq b'mod partikolari li r-riforma tagħti preferenza lillmiżuri li għandhom impatt pożittiv fuq id-dħul tal-produtturi ta' l-inbid u opportunitajiet ta' xogħol fis-settur ta' l-inbid Ewropew.

1.5

Il-KESE jaħseb li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tipprovdi lill-Istati Membri li jipproduċu l-inbid pakkett baġitarju nazzjonali individwali hija kontribut importanti għas-sussidjarjetà u l-konsiderazzjoni tad-differenzi reġjonali. Madankollu, il-lista ta' strumenti ta' appoġġ trid tiġi estiża sabiex jintlaħqu l-objettivi tar-riforma.

1.6

Il-KESE iqis mhux adegwati l-proposti mressqa mill-Kummissjoni Ewropea dwar miżuri għal tagħrif lill-konsumatur. Jilqa' l-proposti għall-promozzjoni tas-swieq ta' l-esportazzjoni, iżda jemmen li din l-idea għandha tkun estiża sabiex tinkludi s-suq intern.

2.   Proposti tal-Kummissjoni

2.1

Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tipproponi riforma ta' l-organizzazzjoni tas-suq ta' l-inbid, l-iktar f'dawn l-oqsma:

Miżuri ta' appoġġ bħala parti minn pakkett baġitarju nazzjonali sabiex jiġu ristrutturati u mibdula d-dwieli, l-uċuħ ta' l-għalf, il-fondi reċiproki, l-assigurazzjoni għall-ħsad u l-promozzjoni ta' l-inbid fi swieq terzi;

It-trasferiment finanzjarju lejn l-iżvilupp rurali;

Il-bidla tad-dispożizzjonijiet dwar il-produzzjoni ta' l-inbid, b'mod speċjali fir-rigward ta' prattiki enoloġiċi, iż-żjieda fl-ammont ta'alkoħol u l-aċidifikazzjoni;

Il-bidla fir-rekwiżiti għat-tikkettar, b'mod partikolari dwar l-indikazzjoni tal-provenjenza u l-oriġini kif ukoll l-adattament ta' rekwiżiti oħra ta' tikkettar;

L-organizzazzjonijiet tal-produtturi u dawk inter-professjonali;

Il-liberalizzazzjoni tar-regoli dwar it-taħwil mill-2013;

Programm volontarju tat-tindif;

It-tneħħija tal-mekkaniżmi attwali tas-suq;

It-trasferiment tal-poteri mill-Kunsill tal-Ministri għall-Kummissjoni Ewropea.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jappoġġja b'mod wiesa' l-objettivi tal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea. Madankollu, jaħseb li ċerti aġġustamenti u titjib huma meħtieġa fil-każ tal-miżuri rrakkomandati.

3.2

Il-KESE jtenni l-appell tiegħu li tittejjeb il-kompetittività tal-produtturi Ewropej ta' l-inbid fis-suq intern u fis-swieq ta' l-esportazzjoni, li l-Ewropa tissaħħaħ bħala żona tan-negozju, li l-miżuri ta' kwalità jiġu appoġġjati u sabiex ikun hemm enfasi aktar fuq l-iżviluppi fis-suq u l-preferenzi tal-konsumatur. Il-Kummissjoni ma tqisx biżżejjed dawn il-kwistjonijiet fil-proposta attwali.

3.3

Il-KESE jaħseb ukoll li huwa importanti li l-objettivi ekonomiċi jkunu speċifiċi u msaħħa b'objettivi soċjali u ta' politika ta' l-impjieg. Dawn għandhom jinkludu żjieda fid-dħul ta' intrapriżi li jipproduċu l-inbid, iktar possibbiltajiet ta' żvilupp għall-koltivaturi li għadhom jibdew, opportunitajiet ta' xogħol sostenibbli u ħlas xieraq għall-ħaddiema permanenti u dawk staġjonali.

3.4

Il-KESE għad għandu xi riżervi dwar it-trasferiment tal-poteri mill-Kunsill tal-Ministri għall-Kummissjoni, per eżempju fir-rigward ta' l-awtorizzazzjoni ta' prattiki aktar reċenti fil-produzzjoni ta' l-inbid, peress li l-Kummissjoni ma ddefendietx b'mod xieraq l-interessi tal-produtturi Ewropej ta' l-inbid meta nnegozjat ftehimiet bilaterali.

3.5

Il-KESE jisħaq mill-ġdid fuq il-fehma tiegħu li l-finanzjament attwali għandu jiżdied sabiex titqies is-sħubija fl-UE ta' żewġ pajjiżi ġodda li huma produtturi ta' l-inbid.

3.6

Il-KESE jerġa' jappella għal monitoraġġ imtejjeb u iktar komprensiv tas-suq sabiex tinkiseb data aħjar dwar il-produzzjoni, il-kummerċ u l-konsum li tintuża bħala bażi ta' l-organizzazzjoni tas-suq ta' l-inbid. Id-data ġenerali li ntużat s'issa kienet importanti iżda mhux biżżejjed. Huwa neċessarju wkoll li tingħata informazzjoni aġġornata dwar bidliet fl-istrutturi tal-produzzjoni, fil-kanali ta' distribuzzjoni u fl-imġiba tal-konsumatur.

3.7

Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-organizzazzjoni l-ġdida tas-suq ta' l-inbid għandha tidħol fis-seħħ kemm jista' jkun malajr. Madankollu, jaħseb li “perijodu ta' tnaqqis gradwali” huwa neċessarju sabiex in-negozji jkunu jistgħu jadattaw għall-qafas il-ġdid b'mod gradwali jekk ikun hemm bżonn.

3.8

Il-KESE huwa kuntent li l-Kummissjoni Ewropea mmodifikat il-proposta tagħha għal programm ta' tindif. Madankollu, ikun jagħmel sens li kieku dawn il-miżuri jitwettqu taħt programmi strutturali reġjonali jew nazzjonali, sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi ta' miżuri ta' tindif ta' darba biss (per eżempju, art mhux maħduma mdawra bid-dwieli) u sabiex tkun żgurata implimentazzjoni sistematika.

3.9

Il-KESE jtenni l-oġġezzjoni tiegħu għal-liberalizzazzjoni sħiħa tar-regoli tat-taħwil, peress li din ser tipperikola l-objettivi ekonomiċi, soċjali, ambjentali u tal-manutenzjoni tal-pajsaġġ fi ħdan ir-riforma tas-suq ta' l-inbid.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Titolu II: Miżuri ta' appoġġ; Kapitolu 1: Programmi ta' appoġġ

4.1.1

Il-KESE jilqa' l-fatt li l-fehmiet tiegħu bażikament ġew adottati fir-rigward tal-ħtieġa li l-proposti jagħtu dispożizzjoni sabiex jitqiesu iktar id-differenzi reġjonali u ssir implimentazzjoni iktar konsistenti tas-sussidjarjetà fis-settur ta' l-inbid permezz ta' l-introduzzjoni ta' pakketti baġitarji nazzjonali. Madankollu, jaħseb li l-miżuri ta' appoġġ ipprovduti ma humiex biżżejjed.

4.1.2

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li għandu jinżamm qafas Komunitarju iktar konsistenti u xieraq. Fi ħdan dak il-qafas għandha tkun ir-responsabilità ta' l-Istati Membri li jagħżlu l-miżuri għar-reġjuni tagħhom li jipproduċu l-inbid. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet settorjali, il-korpi regolatorji u organizzazzjonijiet oħra b'objettivi ekwivalenti għandhom rwol importanti x'jaqdu hawnhekk.

4.1.3

Il-KESE jixtieq jara lista aktar komprensiva ta' miżuri li jirriflettu l-objettivi ta' l-organizzazzjoni tas-suq. Jirreferi għall-opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-riforma ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid (2), fejn fost affarijiet oħra diġà talab għal programmi li jippromovu l-prodotti ta' kwalità fil-vinikultura, il-ħżin fil-kantini, it-tqegħid fis-suq u l-informazzjoni lill-konsumatur, miżuri sabiex jiġu appoġġjati ż-żoni żvantaġġati u l-possibbiltà ta' għajnuna finanzjarja diretta skond iż-żona.

4.1.4

Il-KESE jtenni s-sejħa tiegħu għal miżuri koerenti u integrati bil-għan li jintlaħaq il-qofol ta' l-effiċjenza. Miżuri bħal dawn għandhom jiġu inkorporati wkoll f'impjanti komprensivi għall-katina ta' produzzjoni kollha kemm hi, mill-koltivazzjoni ta' l-għeneb sa l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq tal-prodott, inklużi miżuri sabiex jiġu żviluppati mezzi kummerċjali alternattivi għall-prodotti kollha ta' l-għenba.

4.1.5

Il-KESE għal darb'oħra jħeġġeġ bil-qawwi l-introduzzjoni ta' programm speċjali sabiex jiġu promossi żoni li jipproduċu l-inbid li huma żvantaġġati, bħall-vinji li jinsabu fuq għoljiet weqfin, u żoni li huma suġġetti għal kundizzjonijiet tat-temp estremi.

4.1.6

Il-KESE jilqa' l-enfasi konsiderevoli tal-Kummissjoni ta' l-UE fuq il-miżuri ta' promozzjoni ta' l-esportazzjoni fil-pakkett baġitarju nazzjonali. Il-miżuri huma meħtieġa wkoll sabiex il-konsumaturi fis-suq intern jiġu informati dwar il-produzzjoni ta' l-inbid u b'mod partikolari dwar il-vantaġġi ta' konsum moderat ta' l-inbid u l-perikli ta' l-abbuż mill-alkoħol. Itenni s-sejħa tiegħu għall-appoġġ li għandu jingħata għat-twaqqif ta' sistema ta' monitoraġġ tas-suq Ewropew.

4.1.7

Il-Kumitat ma jħossx li t-tneħħija immedjata tal-miżuri ta' intervent tista' ssir. Għalhekk, jirrakkomanda li jingħataw għajnuniet fi ħdan il-pakketti nazzjonali matul il-“perijodu ta' tnaqqis gradwali” bejn l-2008 u l-2010 maħsuba għad-distillazzjoni sabiex jiġi prodott alkoħol potabbli u għall-appoġġ tal-ħżin privat.

4.1.8

Il-Kumitat jemmen li l-pakketti finanzjarji nazzjonali għandhom jinkludu miżuri ta' ġestjoni tal-kriżi abbażi tal-qsim tar-responsabilità bejn il-produtturi ta' l-inbid. Il-miżuri attwali (l-assigurazzjoni għall-ħsad u l-fondi reċiproki) ma humiex adegwati għall-ġestjoni ta' kriżijiet ekonomiċi. Dan ifisser li huwa neċessarju nevalwaw l-effiċjenza ta' l-arranġamenti ta' emerġenza attwali għad-distillazzjoni, u l-possibilità ta' dispożizzjoni għal sistema ta' emerġenza għad-distillazzjoni fil-pakketti finanzjarji nazzjonali.

4.1.9

Il-projbizzjoni attwali fuq l-għasir żejjed ta' l-għeneb, fuq maxx ta' l-għeneb u fuq il-karfa ta' l-inbid kienet mod effettiv sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-prodotti ta' l-inbid u sabiex jitwaqqaf l-abbuż, u għaldaqstant għandha tinżamm. L-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati jgħollu l-persentaġġ tal-produzzjoni għad-distillazzjoni matul ċerti snin partikolari.

4.1.10

Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni Ewropea ħejjiet proposta għall-allokazzjoni tal-baġit għall-pakketti finanzjarji nazzjonali. Għandhom jiġu stipulati dispożizzjonijiet finanzjarji speċjali għall-Istati Membri l-ġodda, li għalihom ma hemmx informazzjoni ta' sfond, skond l-ammont ta' art fejn hemm dwieli mħawla.

4.2   Kapitolu 2: It-trasferiment finanzjarju

4.2.1

F'diversi opinjonijiet il-Kumitat enfasizza l-importanza tat-tieni pilastru għall-iżvilupp futur taż-żoni rurali, li jagħmlu parti minnhom ukoll iż-żoni Ewropej li jipproduċu l-inbid. Iżda anke meta jitqies dan l-objettiv fundamentali ġenerali, il-KESE jaħseb li, bil-għan li jissolvew il-problemi speċifiċi tas-settur ta' l-inbid, il-miżuri kollha diskussi b'rabta mar-riforma tas-suq ta' l-inbid għandhom jiġu ffinanzjati mill-baġit ta' l-inbid. Għalhekk, dan il-baġit la għandu jonqos bit-tnaqqis ta' fondi u bit-trasferimenti tagħhom.

4.3   Titolu III: Miżuri regolatorji; Kapitolu 2: Prattiki enoloġiċi u restrizzjonijiet

4.3.1

Il-KESE jemmen li huwa assolutament essenzjali li tiġi stabbilita definizzjoni ta' l-“inbid” li hija rikonoxxuta fil-livell internazzjonali. Minħabba dan ikun jinħtieġ ukoll li jiġu stipulati metodi ta' produzzjoni rikonoxxuti. Għandu jkun ċar li “inbejjed tal-frott” ma humiex koperti mill-organizzazzjoni tas-suq ta' l-inbid.

4.3.2

Il-KESE jemmen li l-miżuri sabiex il-prattiki tal-produzzjoni ta' l-inbid ikunu konformi ma' l-istandards ta' l-OIV għandhom ikunu inkorporati b'iktar konsistenza fil-kuntest strateġiku ta' ftehimiet bilaterali jew internazzjonali tal-kummerċ. L-awtorizzazzjoni ta' kwalunkwe prattika għal inbejjed importati li hija approvata f'post ieħor fid-dinja ser tkun f'kunflitt ma' l-allinjament eqreb propost għall-inbejjed Ewropej ma' l-istandards ta' l-OIV u ser twassal għal aktar distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Il-KESE jopponi l-proposta li matul l-esportazzjoni ta' l-inbid jiġu awtorizzati prattiki enoloġiċi pprojbiti fis-suq intern.

4.3.3

Il-KESE jirrakkomanda li jiġi mehmuż bħala appendiċi għal din id-direttiva katalogu ta' prattiki enoloġiċi awtorizzati, u li l-Kunsill għandu jżomm il-poteri tiegħu li jaġġorna dawn il-prattiki u jawtorizza prattiki ġodda.

4.3.4

Il-KESE huwa kuntent li l-Kummissjoni Ewropea ħadet pożizzjoni kontral-proposta li fl-Ewropa tiġi awtorizzata l-produzzjoni ta' l-inbid li jsir mill-most ta' l-għeneb jew mill-konċentrat tal-moss importat u l-proposta li jiġi awtorizzat it-taħlit ta' prodotti ta' l-UE ma' prodotti minn pajjiżi oħra.

4.3.5

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni sabiex fil-proposti tagħha għal regoli ta' produzzjoni tqis id-diversita tal-lokal, tal-klima u tal-kundizzjonijiet tat-temp fl-Unjoni Ewropea. Jinnota li din il-kwistjoni hija waħda sensittiva ħafna u ma għandhiex twassal għal firda fis-settur ta' l-inbid Ewropew jew saħansitra għal bojkott tal-proposti ta' riforma. Madankollu, il-KESE jaqbel mal-bżonn ta' aktar kontroll fuq il-kwalità u l-produzzjoni permezz ta' limitazzjoni fuq il-prattiċi ta' arrikkiment.

4.3.6

Il-KESE għalhekk isejjes l-evalwazzjoni tiegħu tal-proposti tal-Kummissjoni fuq l-opinjoni preċedenti tiegħu, l-analiżi ppreżentata mill-Kummissjoni, il-liberalizzazzjoni tal-metodi ta' produzzjoni ta' l-inbid li ġiet proposta, l-għarfien tal-proċessi ta' produzzjoni ta' l-inbid fi ftehimiet bilaterali, u fuq l-objettivi tar-riforma, b'mod speċjali l-kompetittività li qiegħda tikber u t-tnaqqis ta' l-ispejjeż ta' produzzjoni. Wara li studja l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-proposti tal-Kummissjoni, il-KESE jappoġġja ż-żamma ġenerali tar-regoli attwali li jirregolaw l-użu tas-sukrożju u l-għajnuna għall-konċentrat tal-moss.

4.4   Kapitolu III: Id-denominazzjonijiet ta' l-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi

4.4.1

Il-KESE jilqa' l-elaborazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-proposti ddettaljati dwar it-tikkettar ta' l-inbejjed skond il-provenjenza tagħhom. Jaqsam mal-Kummissjoni il-fehma li l-kunċett ta' l-inbejjed ta' kwalità fil-Komunità jissejjes, fost l-oħrajn, fuq il-karatteristiċi speċifiċi marbuta ma' l-oriġini ġeografika ta' l-inbid. Il-ħarsien tad-denominazzjoni ta' l-oriġini u ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi huwa ta' prijorità għolja. Għal din ir-raġuni l-użu ta' denominazzjoni ta' l-oriġini jew ta' indikazzjoni ġeografika għandu jkun ibbażat fuq il-produzzjoni f'żoni ġeografiċi ddelinjati.

4.4.2

Il-KESE jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea issa spjegat u elaborat il-proposti tagħha b'mod li juri li huwa possibbli li jinżammu s-sistemi ta' politika tal-kwalità li taw xhieda ta' l-effiċjenza tagħhom u li ma humiex, jew għallinqas mhux unikament, ibbażati fuq il-prinċipju tad-denominazzjonijiet ta' l-oriġini. F'ħafna pajjiżi l-ittestjar ta' l-inbid ta' kwalità għolja, b'mod partikolari, ta prova ta' kemm huwa effettiv għall-produtturi u iktar u iktar għall-konsumaturi.

4.4.3

Minkejja dan, jibqgħu ħafna mistoqsijiet dwar il-kompatibilità tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 753/2002 tad-29 ta' April 2002 li jistipula ċerti regoli dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 rigward id-deskrizzjoni, id-denominazzjoni, il-preżentazzjoni u l-protezzjoni ta' ċerti prodotti tas-settur ta' l-inbid (3). Għalhekk il-KESE jappella sabiex tiġi ppreżentata tabella ta' ekwivalenza li minnha jkun jista' jiġi vverifikat l-impatt fuq id-denominazzjonijiet ġeografiċi u tradizzjonali.

4.5   Kapitolu IV: It-tikkettar

4.5.1

Il-KESE jaħseb li il-proposti tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tikkettar huma kumplessi ħafna, u jistenna li l-Kummissjoni twettaq simulazzjoni preċiża ta' l-impatt tal-bidliet proposti.

4.5.2

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, wara dibattitu li dam sejjer għadd ta' snin, il-liġi dwar it-tikkettar ġiet emendata biss dan l-aħħar. Għalhekk jappella lill-Kummissjoni sabiex tispjega liema fatturi ġodda ser ikunu involuti issa li ma kinux evalwati fid-dibattitu li għadu kemm wasal fi tmiemu.

4.5.3

Il-KESE jilqa' l-isforzi għas-semplifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar, sakemm jippromovu t-titjib fl-informazzjoni mogħtija lill-konsumatur. Bidliet bħal dawn ma għandhomx, madankollu, iżidu r-riskju ta' distorzjoni tal-kompetizzjoni jew ta' ingann tal-konsumaturi u jwasslu għal baħar ta' tilwim legali. Minn dan l-aspett, toħloq konfużjoni l-proposta tal-Kummissjoni għal indikazzjoni fakultattiva tal-varjetà ta' l-għenba u s-sena tal-qtugħ ta' inbejjed mingħajr denominazzjoni ta' l-oriġini jew indikazzjoni ġeografika. Din il-proposta tista' tiġi appoġġjata biss jekk ikun hemm dispożizzjoni għal sistema ta' kontroll u ċertifikazzjoni sabiex tkun assigurata t-traċċabilità ta' dawn l-inbejjed għall-ħarsien tal-konsumaturi u l-prevenzjoni ta' tagħrif żbaljat u kompetizzjoni mhux ġusta.

4.5.4

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għad-diversità lingwistika li qiegħda tiżviluppa f'Unjoni Ewropea dejjem ikbar. Id-diversità lingwistika tista' twassal għal ostakli għall-kummerċ, kif inhu l-każ attwalment rigward l-indikazzjoni ta' l-użu tas-sulfat. Għaldaqstant, għandu jkun possibbli li tingħata informazzjoni mandatorja fuq it-tikketti, per eżempju l-ingredjenti, permezz ta' simboli li jinftiehmu mill-ewwel.

4.6   Titolu V: Il-potenzjal tal-produzzjoni

4.6.1

Il-KESE jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni bidlet il-proposti tagħha dwar ir-regoli tat-tindif u naqqset il-baġit previst. Jirrikonoxxi l-importanza tat-tindif bħala strument ta' l-organizzazzjoni tas-suq li għandu jkun offrut bħala parti mill-programmi strutturali reġjonali jew nazzjonali għal perijodi limitati ta' tliet jew ħames snin fi ħdan il-qafas globali Komunitarju. It-tindif għandu jkun offrut bħala miżura volontarja għat-tneħħija tad-dwieli mill-art li ma hijiex adattata għall-vinikultura u bħala difiża kontra l-effetti soċjali ta' l-irtirar mill-produzzjoni ta' negozji li m'għadhomx vijabbli.

4.6.2

Il-KESE huwa kuntent li l-Kummissjoni bidlet l-iskadenzi oriġinali tagħha għal-liberalizzazzjoni tar-regoli tat-taħwil. Madankollu, il-KESE għadu kontra l-liberalizzazzjoni sħiħa — anke fil-futur — peress li din tipperikola l-objettivi ekonomiċi, soċjali, ambjentali u tal-manutenzjoni tal-pajsaġġ li jagħmlu parti mir-riforma tas-suq ta' l-inbid. Ma huwiex aċċettabbli li l-produzzjoni ta' l-inbid tiġi ttrasferita minn pajsaġġi ta' valur kulturali li ħalaq il-bniedem għall-vinikultura għal żoni li huma irħas sabiex jiġu ikkoltivati, minħabba r-responsabilità ġenerali għall-impjieg, l-ekonomija u l-infrastruttura tar-reġjuni li jipproduċu l-inbid, il-fibra soċjali, l-ambjent, u l-ħarsien tan-natura.

4.6.3

Jekk ir-regolament ta' l-UE dwar it-taħwil ul-projbizzjoni ta' taħwil ġdid ser jitneħħew, għandu jinħoloq qafas sabiex ir-reġjuni li jipproduċu l-inbid ikunu jistgħu jkomplu japplikaw jew jiżviluppaw ir-regoli tat-taħwil tagħhom skond l-objettivi ta' l-organizzazzjoni Ewropea tas-suq ta' l-inbid.

4.7   Titolu ġdid: Il-promozzjoni u l-informazzjoni

4.7.1

Il-KESE jemmen li l-proposti tal-Kummissjoni ma jipprovdux dak kollu li huwa meħtieġ sabiex is-settur Ewropew ta' l-inbid jerġa' jikseb il-quċċata tas-swieq fejn bħalissa qegħdin jiddominaw l-inbejjed minn pajjiżi terzi, b'mod speċjali mid-Dinja l-Ġdida.

4.7.2

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni sabiex fil-pakketti baġitarji nazzjonali tikkunsidra l-promozzjoni ta' l-informazzjoni għall-konsumatur u l-miżuri ta' promozzjoni mhux biss fis-swieq ta' l-esportazzjoni iżda wkoll fis-suq intern. Meta jiġi kkunsidrat dan il-għan, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-għoti ta' tagħrif komprensiv dwar il-benefiċċji tal-konsum moderat ta' l-inbid bħala parti integrali minn dieta tajba u stil ta' ħajja modern.

4.7.3

Il-KESE jenfasizza li kwalunkwe informazzjoni u miżuri promozzjonali għandhom jinkludu l-prodotti kollha li jsiru mill-għeneb.

4.7.4

Il-KESE jirrakkomanda li l-miżuri ta' komunikazzjoni għall-prodotti ta' l-inbid ikunu marbutin mat-turiżmu, ma' l-attivitajiet gastronomiċi u ma' prodotti oħrajn fir-reġjuni li jipproduċu l-inbid.

Brussell, it-12 ta' Diċembru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ĠU C 325, 30.12.2006, p. 29. (Nota tat-traduttur: Dan id-dokument ma huwiex tradott għall-Malti).

(2)  ĠU C 101, 12.4.1999, pp. 60-64 u d-dokument imsemmi fin-nota 1.

(3)  ĠU C 118, 4.5.2002, p. 1-54.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li jidhru hawn taħt ġew irrifjutati, għalkemm ġabu mill-inqas kwart tal-voti mixħuta:

Punt 4.3.6

Biddel l-aħħar paragrafu bit-test li ġej:

“Wara li wiżen l-argumenti favur u kontra l-proposta tal-Kummissjoni, il-KESE huwa tal-fehma li l-possibbiltà li s-sukrożju jintuża, b'konformità mal-liġi u t-tradizzjoni, fil-pajjiżi li għandhom din id-drawwa għandha titkompla. Madankollu, sabiex il-produtturi ta' l-inbid ta' l-UE jkunu trattati l-istess, l-għajnuna għall-most ikkonċentrat rettifikat għandha tinżamm u tiġi modifikata sabiex tikkonforma mal-kondizzjonijiet il-ġodda tas-suq fir-rigward ta' prezzijiet orħos taz-zokkor. Din l-għajnuna, li hija bżonjuża sabiex l-ispejjeż jinżammu sostanzjalment indaqs, ma għandhiex ikollha effett fuq il-baġits nazzjonali, iżda għandha titqies bħala linja separata fil-baġit ta' l-inbid.”

Raġuni

Ir-riforma ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq (OKS) fil-qasam taz-zokkor, li hija diġà fis-seħħ, flimkien mar-riforma komprensiva ta' l-OKS fil-qasam ta' l-inbid, ġabet tibdil radikali fl-istruttura ta' l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni ta' l-inbid; għalhekk, jekk vera rridu li jinżamm l-istatus quo ante u li jkun rispettat il-prinċipju li ma ssirx distorzjoni tal-kompetizzjoni — meta nqisu li z-zokkor u l-most fil-fatt huma żewġ prodotti li qed jikkompetu ma' xulxin fil-proċessi ta' l-arrikkament ta' l-inbid — hemm bżonn li r-reviżjoni ta' l-għajnuna għall-most kif ukoll il-kontabbiltà tagħha barra mill-baġits nazzjonali jkunu żgurati.

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur: 25 Voti kontra: 54 Astensjonijiet: 8

Punt ġdid 4.3.7

Żid dan il-punt ġdid:

“4.7.3

Il-KESE, wara li kkunsidra li l-użu tas-sukrożju għall-arrikkiment ta' l-inbid ifisser żieda ta' prodott li ma huwiex derivat mit-trasformazzjoni ta' l-għenba, u b'konformità ma' l-attenzjoni istituzzjonali tiegħu għat-trasparenza tat-tikkettar u l-protezzjoni tal-konsumatur, iħoss li din il-prattika tal-produzzjoni ta' l-inbid għandha titniżżel fuq it-tikketti ta' l-inbejjed arrikkiti b'dan il-metodu.

Raġuni

Hija parti inaljenabbli u mhux negozjabbli tal-missjoni tal-KESE li kontinwament iżomm trasparenza sħiħa fil-komunikazzjoni mal-konsumaturi li jagħmlu użu mill-merkanzija u l-ikel.

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur: 30 Voti kontra: 70 Astensjonijiet: 21


Top