This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32023R1679
Regulation (EU) 2023/1679 of the European Central Bank of 25 August 2023 amending Regulation (EU) 2021/378 on the application of minimum reserve requirements (ECB/2021/1) (ECB/2023/21)
Regolament (UE) 2023/1679 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-25 ta’ Awwissu 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/378 dwar l-applikazzjoni ta’ riżervi minimi (BĊE/2021/1) (BĊE/2023/21)
Regolament (UE) 2023/1679 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-25 ta’ Awwissu 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/378 dwar l-applikazzjoni ta’ riżervi minimi (BĊE/2021/1) (BĊE/2023/21)
ECB/2023/21
ĠU L 216, 1.9.2023, p. 96–97
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Modifies | 32021R0378 | Sostituzzjoni | artikolu 2 punt 13 | 20/09/2023 | |
Modifies | 32021R0378 | Sostituzzjoni | artikolu 9 | 20/09/2023 |
1.9.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 216/96 |
REGOLAMENT (UE) 2023/1679 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tal-25 ta’ Awwissu 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/378 dwar l-applikazzjoni ta’ riżervi minimi (BĊE/2021/1)
(BĊE/2023/21)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u partikolarment l-Artiklu 19(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2531/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar l-applikazzjoni ta’ riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew (1),
Billi:
(1) |
Il-fondi ta’ riżerva minimi tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li huma meħtieġa taħt ir-Regolament (UE) 2021/378 tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2021/1), (2)u r-riżervi miżmuma fil-faċilità ta’ depożitu, huma attwalment remunerati bir-rata tal-faċilità ta’ depożitu tal-Eurosistema (DFR). Fil-kundizzjonijiet attwali ta’ likwidità abbundanti, l-imgħax imħallas fuq ir-riżervi li l-banek iżommu fil-faċilità ta’ depożitu huwa l-istrument ewlieni biex jidderieġi r-rati tas-suq monetarju għal żmien qasir f’konformità mal-pożizzjoni mixtieqa tal-politika monetarja. |
(2) |
Fis-27 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iddeċieda li jistabbilixxi r-remunerazzjoni tar-riżervi minimi għal 0 %. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv li jnaqqas ir-remunerazzjoni fuq ir-riżervi minimi tiżgura l-effettività kontinwa tal-politika monetarja billi tippreserva l-funzjoni ta’ ankraġġ tad-DFR għar-rati tas-suq monetarju u b’hekk iżżomm il-grad attwali ta’ kontroll fuq il-pożizzjoni tal-politika monetarja. Fl-istess ħin, id-deċiżjoni ttejjeb l-effiċjenza tal-politika monetarja fil-kuntest ekonomiku kurrenti billi tnaqqas l-ammont globali tal-imgħax li jeħtieġ li jitħallas fuq ir-riżervi sabiex tiġi implimentata l-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja. Din il-kunsiderazzjoni ta’ effiċjenza saret aktar u aktar rilevanti maż-żidiet fir-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE. |
(3) |
Dan ir-Regolament għandu japplika mill-20 ta’ Settembru 2023, li huwa l-ewwel jum tas-sitt perijodu ta’ żamma fl-2023. |
(4) |
Għalhekk, ir-Regolament (UE) 2021/378 (BĊE/2021/1) għandu jiġi emendat kif meħtieġ, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi
Ir-Regolament (UE) 2021/378 (BĊE/2021/1) huwa emendat kif ġej:
1. |
fl-Artikolu 2, il-punt (13) huwa ssostitwit b’dan li ġej: “jum ta’ negozju TARGET2” tfisser “jum ta’ negozju” jew “jum ta’ negozju TARGET” kif definit fl-Artikolu 2(13) tal-Linja Gwida (UE) 2022/912 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2022/8) (*1), flimkien mal-punt (13) tal-Anness III ta’ dik il-Linja Gwida; (*1) Linja Gwida (UE) 2022/912 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Frar 2022 dwar il-ġenerazzjoni ġdida tas-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2) u li tħassar il-Linja Gwida (BĊE/2012/27) (BĊE/2022/8) (ĠU L 163, 17.6.2022, p. 84)." |
2. |
L-Artikolu 9 huwa mibdul b’dan li ġej: “Artikolu 9 Remunerazzjoni 1. Il-BĊN rilevanti għandu jirrimunera fondi ta’ riżervi minimi fil-kontijiet ta’ riżerva b’ 0 %. 2. Il-BĊN rilevanti għandu jħallas ir-remunerazzjoni fuq il-fondi ta’ riżervi minimi fit-tieni jum ta’ negozju TARGET wara t-tmiem tal-perijodu ta’ żamma li matulu ġiet iggwadanjata r-remunerazzjoni. 3. Fondi inklużi f’fondi ta’ riżervi minimi li huma sussegwentement esklużi minn dawk ir-riżervi minimi skont l-Artikolu 3(1)(d) għandhom jiġu remunerati mill-BĊN rilevanti skont ir-regoli applikabbli għal depożiti ta’ politika mhux monetarja fil-Linja Gwida (UE) 2019/671 tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2019/7) (*2), b’effett mid-data li fiha tapplika l-kundizzjoni speċifika tal-Artikolu 3(1)(d), kif determinat mill-BĊN rilevanti. (*2) Linja Gwida (UE) 2019/671 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta’ April 2019 dwar operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊE/2019/7) (ĠU L 113, 29.4.2019, p. 11).”." |
Artikolu 2
Dispożizzjonijiet finali
1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ħames jum wara dak tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. Għandu japplika mill-20 ta’ Settembru 2023.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.
Magħmul fi Frankfurt am Main, il-25 ta’ Awwissu 2023.
Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) ĠU L 318, 27.11.1998, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) 2021/378 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Jannar 2021 dwar l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ riżervi minimi (BĊE/2021/1) (ĠU L 73, 3.3.2021, p. 1).