EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1433

Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/1433 tal-10 ta’ Lulju 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/44 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

ĠU L 176, 11.7.2023, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1433/oj

11.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2023/1433

tal-10 ta’ Lulju 2023

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/44 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 tal-31 ta’ Lulju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/137/PESK (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Frar 2011, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“KSNU”) adotta tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 1970 (2011), u b’hekk impona embargo tal-armi fuq il-Libja.

(2)

Il-KSNU fil-UNSCR 2292 (2016) tiegħu awtorizza lill-Istati li jaġixxu f’livell nazzjonali jew permezz ta’ organizzazzjonijiet reġjonali, biex jispezzjonaw fl-ibħra internazzjonali ’l barra mill-kosta tal-Libja l-bastimenti li huma għandhom xi bażi raġonevoli biex jaħsbu li dawn il-bastimenti qed iġorru armi jew materjal relatat lejn jew mil-Libja, direttament jew indirettament, bi ksur tal-embargo fuq l-armi tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-Libja, u ddeċieda li l-Istati, malli jiskopru waqt dawn l-ispezzjonijiet oġġetti pprojbiti mill-embargo tal-armi fuq il-Libja, għandhom jikkonfiskaw u jeħilsu minn dawn l-oġġetti.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/472 (2) tipprevedi li l-kompitu ewlieni tal-operazzjoni navali tal-Unjoni EUNAVFOR MED IRINI huwa li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-embargo fuq l-armi tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-Libja.

(4)

Għal dak l-għan, l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/472 jipprevedi li, f’konformità mar-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, bħall-UNSCR 1970 (2011) u UNSCR 2473(2019), u b’mod partikolari l-UNSCR 2292 (2016), kif meħtieġ, l-EUNAVFOR MED IRINI għandha twettaq, fiż-Żona maqbula tal-Operazzjonijiet fl-ibħra internazzjonali ’l barra mill-kosta tal-Libja, spezzjonijiet fuq bastimenti destinati lejn jew mil-Libja fejn ikun hemm bażi raġonevoli biex taħseb li dawn il-bastimenti qed iġorru armi jew materjal relatat lejn jew mil-Libja, direttament jew indirettament, bi ksur tal-embargo tal-armi fuq il-Libja, u li l-EUNAVFOR MED IRINI għandha tieħu l-azzjoni rilevanti biex tikkonfiska u teħles minn tali oġġetti.

(5)

Barra minn hekk, l-Artikolu 2(5) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/472 jipprevedi li, fid-dawl tar-rekwiżiti operazzjonali eċċezzjonali, u fuq stedina minn Stat Membru, l-EUNAVFOR MED IRINI tista’ tiddevja bastimenti lejn il-portijiet ta’ dak l-Istat Membru u teħles mill-armi u mill-materjal relatat li tkun issekwestrat, inkluż billi taħżinhom, teqridhom jew tittrasferihom lejn Stat Membru jew lejn parti terza. Jipprevedi wkoll li l-eliminazzjoni ta’ armi maqbuda u materjal relatat jista’ jseħħ bl-assistenza ta’ Stat Membru, li għandu jimpenja ruħu li jlesti malajr kemm jista’ jkun il-proċeduri meħtieġa li jippermettu l-eliminazzjoni tal-oġġetti maqbuda, fil-qafas tal-liġi u l-proċeduri applikabbli.

(6)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1439 (3) tintroduċi dispożizzjoni fid-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 fis-sens li tali Stat Membru jkun obbligat jieħu l-miżuri neċessarji biex jiffaċilita l-eliminazzjoni, f’isem l-EUNAVFOR MED IRINI, ta’ armi u materjal relatat issekwestrati mill-EUNAVFOR MED IRINI fl-ibħra internazzjonali f’konformità mal-mandat tagħha.

(7)

Bl-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ din id-dispożizzjoni fl-Istati Membri kollha, hija neċessarja azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni.

(8)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 (4) idaħħal fis-seħħ id-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2016/44 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-artikolu li ġej jiddaħħal fir-Regolament (UE) Nru 2016/44:

“Artikolu 22a

1.   Stat Membru li jassisti lill-EUNAVFOR MED IRINI f’konformità mal-Artikolu 2(5) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/472 (*1) għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex f’isem l-EUNAVFOR MED IRINI jiddisponi minn armi jew -materjal relatat, inkluż oġġetti u teknoloġija li huma koperti mil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni, li jiġu ttrasportati fl-ibħra internazzjonali bi ksur tal-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 5a(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333, u li ġew issekwestrati mill-EUNAVFOR MED IRINI fl-ibħra miftuħa skont l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/472.

2.   Id-disponiment imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jsir, b’mod partikolari, billi dawn l-oġġetti jinqerdu, jsiru inoperabbli jew billi jkun permess l-użu tagħhom, inkluż minn parti terza, filwaqt li jiġi evitat it-trasferiment sussegwenti tagħhom lejn il-Libja jew lejn kwalunkwe pajjiż terz ieħor li lejh huwa ppprojbit it-trasferiment ta’ armi jew ta’ materjal relatat.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)  ĠU L 206, 1. 8. 2015, p. 34.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/472 tal-31 ta’ Marzu 2020 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI) (ĠU L 101, 1.4.2020, p. 4).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1439 tal-10 ta’ Lulju 2023 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ara l-paġna 26 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 tat-18 ta’ Jannar 2016 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 (ĠU L 12, 19. 1. 2016, p. 1).


Top