Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0438

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/438 tal-24 ta’ Frar 2023 li tagħti deroga mitluba minn ċerti Stati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jintużaw mezzi oħrajn għajr it-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data għall-iskambju u l-ħażna tal-informazzjoni għar-Rilaxx 2 tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2 (notifikata bid-dokument C(2023) 1174) (It-testi bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bil-Kroat, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bir-Rumen u bl-Iżvediż biss huma awtentiċi)

    C/2023/1174

    ĠU L 63, 28.2.2023, p. 56–58 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2023

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/438/oj

    28.2.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 63/56


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/438

    tal-24 ta’ Frar 2023

    li tagħti deroga mitluba minn ċerti Stati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jintużaw mezzi oħrajn għajr it-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data għall-iskambju u l-ħażna tal-informazzjoni għar-Rilaxx 2 tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2

    (notifikata bid-dokument C(2023) 1174)

    (It-testi bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bil-Kroat, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bir-Rumen u bl-Iżvediż biss huma awtentiċi)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(4) flimkien mal-Artikolu 8(2) tiegħu,

    Wara li kkonsultat lill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jirrikjedi li l-iskambji kollha ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet doganali u l-ħażna ta’ tali informazzjoni kif rikjest skont il-leġiżlazzjoni tad-dwana, bl-użu ta’ tekniki elettroniċi tal-ipproċessar tad-data. Għal dan l-għan u f’konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, il-Kummissjoni tfassal rekwiżiti komuni tad-data.

    (2)

    L-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jipprevedi l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tadotta deċiżjonijiet, f’każijiet eċċezzjonali, biex Stat Membru wieħed jew aktar ikunu jistgħu jidderogaw mill-użu ta’ tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data għall-iskambju u l-ħażna ta’ informazzjoni jekk tali deroga tkun ġustifikata mis-sitwazzjoni speċifika tal-Istat Membru rikjedenti u tingħata għal perjodu speċifiku ta’ żmien.

    (3)

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151 (2) tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (“il-programm ta’ ħidma”). Il-programm ta’ ħidma jelenka s-sistemi elettroniċi li għandhom jiġu żviluppati u d-dati meta dawk is-sistemi huma mistennija li jsiru operattivi. Fost oħrajn, dak il-programm jispeċifika l-implimentazzjoni u l-perjodu tat-tnedija tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2 (“ICS2”) f’konformità mal-Artikoli 6(1), 16, 46, 47 u 127 sa 132 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

    (4)

    Barra minn hekk, l-Artikolu 278(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jispeċifika l-iskadenza sa meta mezzi għajr tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data jistgħu jintużaw fuq bażi tranżizzjonali biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet rigward d-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u l-analiżi tar-riskju f’relazzjoni mad-dħul ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni.

    (5)

    F’konformità mal-programm ta’ ħidma, l-Istati Membri jridu jkunu lesti mill-1 ta’ Marzu 2023 biex ivaraw is-sistema nazzjonali ta’ dħul bħala komponent nazzjonali tar-Rilaxx 2 tal-ICS2 sabiex jiskambjaw u jaħżnu d-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul miġbura mill-operaturi ekonomiċi għall-merkanzija ttrasportata bl-ajru u għandhom jagħtu lill-operaturi ekonomiċi l-possibbiltà li jikkonnettjaw mas-sistema fil-perjodu tat-tnedija li jdum sat-2 ta’ Ottubru 2023 u, mid-data tal-konnessjoni tagħhom, jippreżentaw dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul billi jużaw dik is-sistema.

    (6)

    Madankollu, inqalgħu tliet żviluppi kbar u parzjalment imprevisti, li kollha għandhom impatt sinifikanti fuq ir-riżorsi tal-Istati Membri, u li joħolqu sfidi komplementari għalihom: il-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat dewmien sostanzjali fl-iżviluppi tal-IT fl-Awstrija, Franza, il-Greċja u n-Netherlands. Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u ż-żieda li tirriżulta fl-għadd ta’ dikjarazzjonijiet doganali kienu jirrikjedu li Franza u n-Netherlands ibiddlu r-riżorsi u l-prijoritajiet. Il-konsegwenzi finanzjarji tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna fuq l-attivitajiet doganali tal-pajjiżi ġirien jew dawk qrib ġeografikament komplew jaggravaw is-sitwazzjoni u ħtieġu riżorsi addizzjonali fl-Awstrija. B’mod partikolari, id-diffikultajiet fl-akkwist u fis-sejħiet għall-offerti, kif ukoll kwistjonijiet baġitarji u ta’ persunal, li rriżultaw miċ-ċirkostanzi msemmija hawn fuq kellhom impatt sinifikanti fuq il-kapaċitajiet tal-Istati Membri li jilħqu l-iskadenzi, kif imsemmi mill-Belġju, mid-Danimarka, mill-Estonja, mill-Greċja, minn Franza, mill-Kroazja, mil-Lussemburgu, mill-Awstrija, mill-Polonja, mir-Rumanija u mill-Iżvezja.

    (7)

    Dawn iċ-ċirkostanzi speċifiċi kkawżaw dewmien sinifikanti fl-iżviluppi tal-IT li għaddejjin u żammew lil ċerti Stati Membri milli jlestu t-tnedija ta’ mezzi tal-IT għall-komponent tas-sistema nazzjonali ta’ dħul tas-sistema tar-Rilaxx 2 tal-ICS2 sal-1 ta’ Marzu 2023. Għalhekk, l-Estonja fis-16 ta’ Mejju 2022, in-Netherlands fid-19 ta’ Mejju 2022, ir-Rumanija fil-25 ta’ Mejju 2022, il-Greċja fit-3 ta’ Ġunju 2022, Franza fis-7 ta’ Ġunju 2022, id-Danimarka fit-23 ta’ Settembru 2022, l-Awstrija fit-28 ta’ Ottubru 2022, l-Iżvezja fil-15 ta’ Diċembru 2022, il-Belġju fid-19 ta’ Diċembru 2022, il-Lussemburgu fit-22 ta’ Diċembru 2022, il-Kroazja fit-23 ta’ Diċembru 2022 u l-Polonja fit-23 ta’ Jannar 2023 talbu li jużaw mezzi għall-iskambju u l-ħażna ta’ informazzjoni differenti mit-tekniki elettroniċi għall-ipproċessar tad-data f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

    (8)

    F’konformità mal-Artikolu 6(4), it-tielet subparagrafu, tar-regolament ta’ hawn fuq, jenħtieġ li tali derogi ma jaffettwawx l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istat Membru li lilu hija indirizzata u Stati Membri oħra u lanqas ma jaffettwaw l-iskambju u l-ħażna ta’ informazzjoni fi Stati Membri oħra għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali. Il-Belġju, il-Kroazja, id-Danimarka, l-Estonja, il-Greċja, Franza, il-Lussemburgu, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, ir-Rumanija u l-Iżvezja għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tas-sistema ta’ dħul nazzjonali tar-Rilaxx 2 tal-ICS2 fir-rigward tal-merkanzija ttrasportata bl-ajru bħala parti mill-proċess ta’ rapportar tal-progress stabbilit fl-Artikolu 278a tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Għandhom jiġu żgurati l-komunikazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar l-ippjanar nazzjonali kif deskritt fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2151.

    (9)

    Minħabba s-sinifikat tas-sistema ICS2 fl-istabbiliment ta’ approċċ integrat tal-UE biex tissaħħaħ il-ġestjoni tar-riskju doganali u biex jiġu żgurati s-sigurtà u s-sikurezza ta’ qabel il-wasla, filwaqt li jiġi ffaċilitat il-fluss liberu tal-kummerċ leġittimu, u minħabba n-natura u l-kumplessità tas-sistema tal-ICS2, il-bidliet meħtieġa għall-allinjament mar-rekwiżiti tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandhom riperkussjonijiet ukoll fuq sistemi tal-IT relatati jew dipendenti oħra. Għalhekk jenħtieġ li t-tul tad-deroga jinżamm għal minimu strett. Fid-dawl ta’ dan u wara li jitqiesu l-impatti taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li kkawżaw dewmien fl-iżviluppi tal-IT li għaddejjin bħalissa tar-Rilaxx 2 tal-ICS 2 fl-Istati Membri u l-istat attwali ta’ dawk l-iżviluppi, id-deroga jenħtieġ li ddum sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2023,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Sat-30 ta’ Ġunju 2023, L-Istati Membri jistgħu jużaw mezzi għall-iskambju u l-ħażna ta’ informazzjoni għajr tekniki elettroniċi għall-ipproċessar tad-data taħt il-komponent komuni tar-rilaxx 2 tas-sistema elettronika prevista fl-Artikolu 182 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (3) (“ICS2”), dment li l-użu ta’ mezzi oħra għajr tekniki elettroniċi għall-ipproċessar tad-data ma jaffettwax l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istat Membru u Stati Membri oħra jew l-iskambju u l-ħażna ta’ informazzjoni fi Stati Membri oħra għall-fini tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali.

    2.   Għall-fini ta’ konformità mal-kundizzjoni prevista fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jużaw is-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 36(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2015/2447 (“CRMS”) sabiex jiskambjaw informazzjoni kif ġej:

    (a)

    l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri lil min ġew ikkomunikati d-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul permezz tal-ICS2, kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 186(2) tar-Regolament (UE) 2015/2447 għandhom jikkomunikaw ir-riżultati tal-analiżi tar-riskju tagħhom lill-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul fl-Istat Membru li lilu tingħata deroga stabbilita fil-paragrafu 1;

    (b)

    l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul, imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 186(7) tar-Regolament (UE) 2015/2447, għandu jikkomunika r-rakkomandazzjoni biex tiġi kkontrollata l-merkanzija lil uffiċċju doganali, imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 186(7) tar-Regolament (UE) 2015/2447, ta’ Stat Membru li lilu tingħata d-deroga stabbilita fil-paragrafu 1;

    (c)

    l-uffiċċju doganali, imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 186(7) tar-Regolament (UE) 2015/2447, ta’ Stat Membru li lilu tingħata deroga stabbilita fil-paragrafu 1, għandu jikkomunika d-deċiżjoni dwar il-kontroll tal-merkanzija msemmija fil-punt (b) lill-uffiċċji doganali kollha potenzjalment ikkonċernati mill-moviment tal-merkanzija;

    (d)

    l-uffiċċju doganali ta’ Stat Membru li lilu tingħata deroga stabbilita fil-paragrafu 1 għandu jikkomunika r-riżultati tal-kontroll imwettaq minnu lill-awtoritajiet doganali l-oħra tal-Istati Membri, skont l-Artikolu 186 (7a) tar-Regolament (UE) 2015/2447.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Marzu 2023 sat-30 ta’ Ġunju 2023.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Kroazja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tan-Netherlands, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija u r-Renju tal-Iżvezja.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Frar 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Paolo GENTILONI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151 tat-13 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 325, 16.12.2019, p. 168).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).


    Top