EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1933

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1933 tal-14 ta’ Lulju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-għasafar domestiċi fi Stat Membru minn territorju jew minn pajjiż terz (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/5167

ĠU L 396, 10.11.2021, p. 4–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/1933/oj

10.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 396/4


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1933

tal-14 ta’ Lulju 2021

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-għasafar domestiċi fi Stat Membru minn territorju jew minn pajjiż terz

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 5(5), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 jistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali applikabbli għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi, inkluż l-għasafar imsemmija fil-Parti B tal-Anness I tiegħu (għasafar domestiċi), u jipprevedi li l-miżuri sanitarji preventivi jistgħu jiġu adottati permezz ta’ atti delegati għall-ħarsien tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika minn mard jew minn infezzjonijiet li x’aktarx li jinxterdu minħabba l-movimenti mhux kummerċjali tal-għasafar domestiċi fi Stat Membru minn territorju jew minn pajjiż terz.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 jipprevedi wkoll li l-miżuri sanitarji preventivi jkunu msejsa fuq tagħrif xjentifiku adegwat, affidabbli, u vvalidat u jkunu japplikaw b’mod proporzjonat mar-riskju għas-saħħa pubblika u għas-saħħa tal-annimali tal-firxa ta’ dak il-mard jew ta’ dawk l-infezzjonijiet minn movimenti transfruntieri tal-għasafar domestiċi.

(3)

Fl-interessi tas-sempliċità u tat-trasparenza tar-regoli tal-Unjoni, kif ukoll sabiex tiġi ffaċilitat l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli u jiġi evitat xogħol doppju, jenħtieġ li r-regoli għall-movimenti mhux kummerċjali tal-għasafar domestiċi fi Stat Membru minn territorju jew minn pajjiż terz jiġu stabbiliti f’att uniku aktar milli f’għadd ta’ atti separati b’kontroreferenza. Dan l-approċċ huma allinjat ukoll mal-approċċ attwali fil-qasam tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali, bħal dak adottat fir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li jiffavorixxi s-simplifikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tagħhom u jitnaqqas il-piż amministrattiv.

(4)

L-influwenza tat-tjur hi marda virali infettiva tal-għasafar li jista’ jkollha impatt negattiv fuq is-saħħa tal-annimali u fuq is-saħħa pubblika. B’mod partikolari, l-infezzjonijiet bil-viruses tal-influwenza tat-tjur fit-tjur domestiku jikkawżaw żewġ forom ewlenin ta’ dik il-marda li jvarjaw fil-virulenza tagħhom. Il-forma b’patoġeniċità baxxa ġeneralment tikkawża biss sintomi ħfief, filwaqt li l-forma b’patoġeniċità għolja twassal għal rati ferm għoljin ta’ mortalità fil-parti l-kbira tal-ispeċijiet tat-tjur tat-trobbija. Għaldaqstant, dik il-marda tista’ tħalli impatt qawwi fuq il-profitabbiltà tat-trobbija tat-tjur. Barra minn hekk, għalkemm l-influwenza tat-tjur tinstab l-aktar fl-għasafar, f’ċerti ċirkustanzi jaf ikun hemm infezzjonijiet ukoll fil-bnedmin, minkejja li r-riskju ta’ dan huwa ġeneralment baxx ħafna.

(5)

Wara l-ewwel okkorrenza, fl-2005, ta’ każ ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja (HPAI) tas-subtip H5N1, f’għasfur imrobbi fil-magħluq introdott fl-Unjoni, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/759/KE (3) stabbiliet miżuri ta’ protezzjoni mmirati biex jevitaw l-introduzzjoni u l-firxa tal-virus tal-HPAI minħabba l-movimenti fl-Unjoni tal-għasafar domestiċi li huma akkumpanjati minn sidhom. Id-Deċiżjoni 2005/759/KE tħassret u ġiet sostitwita mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/25/KE (4) minħabba r-riskji kontinwi għas-saħħa tal-annimali li ġejjin minn dawn il-movimenti. Id-Deċiżjoni 2007/25/KE reġgħet ġiet emendata minħabba l-bidliet fil-qagħda epidemjoloġika fl-Unjoni u d-data tal-applikazzjoni tagħha ġiet estiza diversi drabi, l-aħħar darba mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2107 (5). Id-Deċiżjoni 2007/25/KE issa se tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2021.

(6)

Madankollu, peress li t-theddida globali tal-influwenza tat-tjur żdiedet f’dawn l-aħħar snin, u li l-qagħda epidemjoloġika mhix mistennija li titjieb fil-ġejjieni qarib, xieraq li jiġu stabbiliti miżuri ta’ ħarsien permanenti fi ħdan il-qafas tar-Regolament (UE) Nru 576/2013, sabiex jiġi żgurat li l-movimenti mhux kummerċjali tal-għasafar domestiċi fl-Unjoni ma joħolqux riskju għall-introduzzjoni u l-firxa tal-virus tal-influwenza tat-tjur.

(7)

Ċerti territorji u ċerti pajjiżi terzi japplikaw regoli tas-saħħa tal-annimali għall-moviment mhux kummerċjali fit-territorju tagħhom tal-għasafar domestiċi, li huma ekwivalenti għar-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. Għaldaqstant, il-movimenti mhux kummerċjali tal-għasafar domestiċi minn dawk it-territorji jew minn dawk il-pajjiżi terzi fl-Unjoni jistgħu jitqiesu li jippreżentaw riskju minimu għas-saħħa tal-annimali għall-Unjoni, u jenħtieġ li r-regoli tal-movimenti mhux kummerċjali tal-għasafar domestiċi stabbiliti f’dan ir-Regolament ma japplikawx għall-movimenti mhux kummerċjali fl-Unjoni tal-għasafar domestiċi minn dawk it-territorji partikolari u minn dawk il-pajjiżi terzi partikolari.

(8)

Sabiex jiġi evitat li l-movimenti kummerċjali tal-għasafar fl-Unjoni jinħbew b’mod qarrieqi bħala movimenti mhux kummerċjali, jenħtieġ li l-għadd massimu tal-għasafar domestiċi li jistgħu jiġu akkumpanjati minn sidhom jew minn persuna awtorizzata jkun limitat għal ħames għasafar domestiċi għal kull moviment mhux kummerċjali. Peress li għadd ogħla ta’ għasafar jirrappreżenta riskju ogħla għall-introduzzjoni u l-firxa tal-virus tal-influwenza tat-tjur, jenħtieġ li l-movimenti fl-Unjoni ta’ aktar minn ħames għasafar domestiċi ma jitqisux bħala moviment wieħed mhux kummerċjali tal-għasafar domestiċi, u jenħtieġ li tali movimenti ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli stabbiliti f’dan l-att. Minflok, jenħtieġ li tali movimenti jissoktaw jitwettqu f’konformità mar-rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni ta’ għasafar miżmuma fil-magħluq stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 (6), u jkunu soġġetti wkoll għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(9)

Barra minn hekk, jenħtieġ li dan l-att jistabbilixxi r-regoli li jikkonċernaw il-mezzi biex jiġu identifikati l-għasafar domestiċi li jridu jittieħdu fi Stat Membru minn territorju jew minn pajjiż terz, sabiex tiġi żgurata r-rabta bejn l-għasfur domestiku u d-dokument ta’ identifikazzjoni korrispondenti.

(10)

Fl-opinjoni xjentifika tagħha dwar l-influwenza tat-tjur, li ġiet ippubblikata għall-ewwel darba fis-16 ta’ Ottubru 2017 (8), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) qieset li r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali stabbiliti fid-Deċiżjoni 2007/25/KE huma effettivi biex itaffu r-riskji tal-introduzzjoni fl-Unjoni tal-virus tal-influwenza tat-tjur minn movimenti mhux kummerċjali tal-għasafar domestiċi fi Stat Membru minn territorji jew minn pajjiżi terzi. Għaldaqstant, jenħtieġ li ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali stabbiliti f’dik id-Deċiżjoni jintużaw bħala s-sisien għar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(11)

Jenħtieġ li l-miżuri sanitarji preventivi għall-movimenti mhux kummerċjali tal-għasafar domestiċi fl-Unjoni jipprevedu bosta għażliet ta’ rekwiżiti għad-dħul tagħhom, inkluż l-iżolament, qabel ma jsiru tali movimenti mhux kummerċjali jew fil-post ta’ destinazzjoni, u l-ittestjar qabel il-moviment għas-subtipi H5 u H7 tal-virus tal-HPAI u t-tilqim kontra s-subtipi H5 u H7 tal-virus tal-HPAI.

(12)

Madankollu, jenħtieġ li l-għażla tal-iżolament qabel il-moviment mhux kummerċjali fl-Unjoni tkun permessa biss għall-għasafar domestiċi li joriġinaw minn territorji jew minn pajjiżi terzi li ġew ivvalutati għall-influwenza tat-tjur u għall-mard l-ieħor rilevanti għall-ispeċi tat-tjur. Għalhekk, jenħtieġ li din l-għażla tkun limitata għall-pajjiżi terzi jew għat-territorji elenkati fit-tabella stabbilita fil-Parti 1 tal-Anness V, tal-Anness XIV jew tal-Anness XIX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 (9) għad-dħul fl-Unjoni ta’ tjur u ta’ prodotti ġerminali tat-tjur, ta’ laħam frisk tat-tjur jew tal-għasafar tal-kaċċa, jew tal-bajd u tal-prodotti tal-bajd b’mod rispettiv.

(13)

Barra minn hekk, jenħtieġ li l-għażla tal-iżolament tal-għasafar domestiċi fil-post tad-destinazzjoni titwettaq biss fi stabbiliment li jista’ jiggarantixxi l-istatus tas-saħħa tal-annimali. Jenħtieġ għalhekk li jiġi mitlub, fil-qafas ta’ din l-għażla, li l-għasafar domestiċi jitqiegħdu fi stabbiliment ta’ kwarantina approvat f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 (10).

(14)

Sabiex jittaffa’ aktar ir-riskju tal-firxa tal-virus tal-influwenza tat-tjur fl-Unjoni, minn movimenti mhux kummerċjali tal-għasafar domestiċi minn territorji jew minn pajjiżi terzi, dawk l-għasafar domestiċi m’għandhomx jitħallew jiddaħħlu f’wirjiet, f’fieri, f’esibizzjonijiet jew f’ġemgħat oħra ta’ għasafar għal perjodu ta’ żmien xieraq wara d-dħul tagħhom fl-Unjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li tul dak il-perjodu ta’ żmien, l-għasafar domestiċi jiġu iżolati taħt kontroll uffiċjali, f’konformità mal-kontroll uffiċjali previst fl-Artikolu 35(1), il-punt (b) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013.

(15)

Jenħtieġ li l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament tiġi ċċertifikata minn veterinarju uffiċjali tat-territorju jew tal-pajjiż terz tat-tluq jew inkella minn veterinarju awtorizzat u wara dan approvata mill-awtorità kompetenti tat-territorju jew tal-pajjiż terz tat-tluq, f’konformità maċ-ċertifikat veterinarju stabbilit fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1938 (11), li għandu jiġi applikat flimkien mar-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(16)

Sabiex tiġi evitata lakuna legali fir-regoli għall-movimenti mhux kummerċjali tal-għasafar domestiċi fi Stat Membru minn territorji jew minn pajjiżi terzi, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Jannar 2022, peress li r-regoli stabbiliti hawnhekk jissostitwixxu għadd ta’ regoli attwalment stabbiliti fid-Deċiżjoni 2007/25/KE, li tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2021,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi tal-ispeċijiet avjarji, kif imsemmi fil-Parti B tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 576/2013, fi Stat Membru minn territorju jew minn pajjiż terz (għasafar domestiċi).

2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika:

(a)

meta l-għadd totali tal-għasafar domestiċi tul moviment wieħed jaqbeż il-ħames għasafar;

(b)

għall-movimenti tal-għasafar domestiċi li ġejjin minn Andorra, mill-Gżejjer Faeroe, mill-Ġibiltà, minn Greenland, mill-Iżlanda, minn Liechtenstein, minn Monaco, min-Norveġja, minn San Marino, mill-Iżvizzera u mill-Istat tal-Belt tal-Vatikan.

Artikolu 2

Għadd massimu tal-għasafar domestiċi f’kull moviment mhux kummerċjali

Ma jistax ikun hemm iktar minn ħames għasafar domestiċi li jistgħu jiġu akkumpanjati minn sidhom jew minn persuna awtorizzata, tul moviment wieħed mhux kummerċjali fi Stat Membru minn territorju jew minn pajjiż terz.

Artikolu 3

Immarkar tal-għasafar domestiċi

1.   L-għasafar domestiċi għandhom biss jitħallew jidħlu fi Stat Membru minn territorju jew minn pajjiż terz jekk ikunu ġew immarkati fit-territorju jew fil-pajjiż terz tat-tluq b’marka individwali permanenti, li tistax titneħħa, li tista’ tinqara u li turi l-kodiċi alfanumeriku.

2.   Meta l-għasafar domestiċi jiġu mċaqalqa f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1), il-punt (b) (i), (ii) jew (iii), l-immarkar ipprovdut fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jrid ikun ġie applikat lill-għasafar domestiċi qabel l-iżolament, l-ittestjar jew it-tilqim tagħhom kontra l-influwenza tat-tjur tas-subtipi H5 u H7.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1, deskrizzjoni tal-għasafar domestiċi għandha tkun biżżejjed, dment li l-għasafar domestiċi jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

li jiġu mċaqalqa skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6;

(b)

li jitqiegħdu f’kontejner issiġillat mill-awtorità kompetenti tat-territorju jew tal-pajjiż terz tat-tluq qabel it-tluq tagħhom lejn l-Unjoni u li jibqgħu fil-kontejner issiġillat waqt il-kwarantina msemmija fl-Artikolu 6(1), il-punt (a).

Artikolu 4

Miżuri sanitarji preventivi għall-movimenti mhux kummerċjali tal-għasafar domestiċi fi Stat Membru minn territorju jew minn pajjiż terz

1.   L-għasafar domestiċi għandhom biss jiġu mċaqalqa fi Stat Membru minn territorju jew minn pajjiż terz jekk jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

it-territorju jew il-pajjiż terz tat-tluq huwa membru tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE);

(b)

l-għasafar domestiċi jissodisfaw waħda mis-settijiet ta’ kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

joriġinaw minn pajjiż terz jew minn territorju elenkat fl-ewwel kolonna tat-tabella stabbilita fil-Parti 1 tal-Anness V, tal-Anness XIV jew tal-Anness XIX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404, fejn iridu jkunu għaddew minn iżolament taħt superviżjoni uffiċjali għal perjodu ta’ mill-inqas 30 jum qabel id-data tat-tluq mit-territorju jew mill-pajjiż terz; jew

(ii)

fi ħdan il-perjodu ta’ sitt xhur qabel id-data tat-tluq lejn l-Unjoni u mhux aktar tard minn 60 jum qabel id-data tat-tluq lejn l-Unjoni, ikunu rċevew kors primarju sħiħ ta’ tilqim, u fejn applikabbli tlaqqmu mill-ġdid, f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-manifatturi b’vaċċin liċenzjat kontra l-influwenza tat-tjur tas-subtipi H5 u H7, li ma kellhiex tkun vaċċin ħaj attenwat, u li kellha tingħata minn veterinarju awtorizzat jew minn veterinarju uffiċjali tat-territorju jew tal-pajjiż terz tat-tluq; jew

(iii)

fit-territorju jew fil-pajjiż terz tat-tluq huma:

inżammu f’iżolament taħt is-superviżjoni ta’ veterinarju awtorizzat jew ta’ veterinarju uffiċjali għal perjodu ta’ mill-inqas 14-il ġurnata qabel id-data tat-tluq lejn l-Unjoni;

u

kienu soġġetti għal test ta’ identifikazzjoni tal-antiġene jew tal-ġenoma H5 u H7 tal-influwenza tat-tjur li rriżulta negattiv fuq kampjun meħud minn veterinarju awtorizzat jew minn veterinarju uffiċjali mhux qabel is-seba’ jum tal-iżolament;

(c)

l-għasafar domestiċi ġew soġġetti, fi ħdan perjodu ta’ 48 siegħa jew fl-aħħar jum tax-xogħol qabel id-data tat-tluq mit-territorju jew mill-pajjiż terz, għal spezzjoni klinika minn veterinarju awtorizzat jew minn veterinarju uffiċjali tat-territorju jew tal-pajjiż terz tat-tluq u nstabu ħielsa minn kwalunkwe sinjal ovvju ta’ mard;

(d)

tul il-perjodu bejn l-ispezzjoni klinika msemmija fil-punt (c) u t-tluq mit-territorju jew mill-pajjiż terz tat-tluq, l-għasafar domestiċi ma ġew f’kuntatt ma’ ebda għasfur ieħor.

2.   It-testijiet meħtieġa li jitwettqu u t-tilqimiet meħtieġa li jingħataw f’konformità mal-paragrafu 1(b)(ii) u (iii) ta’ dan l-Artikolu għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Kapitolu 3.3.4. fil-Manual of Diagnostic Tests and Vaccines for Terrestrial Animals, 8th Edition, 2018 tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE).

Artikolu 5

Movimenti tal-għasafar domestiċi wara l-wasla tagħhom fl-Unjoni

Is-sidien jew il-persuni awtorizzati għandhom biss iċaqalqu l-għasafar domestiċi li jkunu daħlu fl-Unjoni minn territorju jew minn pajjiż terz direttament mill-punt tad-dħul tal-vjaġġaturi lejn unità domestika jew lejn residenza oħra fi ħdan l-Unjoni, fejn l-għasafar domestiċi għandhom jinżammu taħt kontroll uffiċjali għal perjodu ta’ 30 jum wara d-data tad-dħul tagħhom fl-Unjoni, u tul dan il-perjodu dawn l-għasafar domestiċi ma għandhomx jiddaħħlu f’wirjiet, f’fieri, f’esibizzjonijiet jew f’ġemgħat oħra ta’ għasafar.

Artikolu 6

Deroga mir-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1), il-punt (b) u tal-Artikolu 5

1.   B’deroga mir-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1), il-punt (b) u tal-Artikolu 5, l-għasafar domestiċi li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1), il-punt (b) għandhom biss jiġu mċaqalqa fi Stat Membru minn territorju jew minn pajjiż terz dment li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

huma destinati għal stabbiliment ta’ kwarantina approvat f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, fejn għandhom jinżammu kwarantina għal perjodu ta’ mill-inqas 30 jum wara li jaslu fl-Unjoni;

(b)

is-sid jew il-persuna awtorizzata għandha ċċaqlaq l-għasafar domestiċi direttament mill-punt ta’ dħul tal-vjaġġaturi fl-Unjoni lejn l-istabbiliment tal-kwarantina approvat imsemmi fil-punt (a);

(c)

l-għasafar huma rilaxxati mill-kwarantina biss fuq awtorizzazzjoni bil-miktub minn veterinarju uffiċjali.

2.   L-awtorità kompetenti għandha:

(a)

timmonitorja l-wasla tal-għasafar domestiċi fl-istabbiliment tal-kwarantina approvat imsemmi fil-paragrafu (1), il-punt (a);

(b)

tispezzjona l-kundizzjonijiet ta’ kwarantina, inkluż eżaminazzjoni tar-rekords ta’ mortalità u spezzjoni klinika tal-għasafar, mill-inqas fil-bidu u fi tmien il-perjodu ta’ kwarantina.

Artikolu 7

Ċertifikazzjoni tas-Saħħa

1.   L-għasafar domestiċi għandhom biss jiġu mċaqalqa fl-Unjoni jekk jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

veterinarju uffiċjali tat-territorju jew tal-pajjiż terz tat-tluq ikun iċċertifika li l-għasafar domestiċi jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, f’konformità maċ-ċertifikat veterinarju stabbilit fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1938; jew

(b)

veterinarju awtorizzat tat-territorju jew ta’ pajjiż terz iċċertifika li l-għasafar domestiċi jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, f’konformità maċ-ċertifikat veterinarju stabbilit fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1938 u tali ċertifikazzjoni ġiet approvata wara dan minn awtorità kompetenti tat-territorju jew tal-pajjiż terz.

2.   L-għasafar domestiċi għandhom biss jiġu mċaqalqa fl-Unjoni jekk iċ-ċertifikat veterinarju msemmi fil-paragrafu 1 ikun imtela minn veterinarju uffiċjali jew minn veterinarju awtorizzat fit-territorju jew fil-pajjiż terz tat-tluq imsejjes fuq dikjarazzjoni bil-miktub mis-sid jew mill-persuna awtorizzata li tagħmel parti minn dak iċ-ċertifikat veterinarju, u msejjes fuq:

(a)

evidenza pprovduta mis-sid jew mill-persuna awtorizzata, li ttieħdu arranġamenti għall-kwarantina tal-għasafar domestiċi fi stabbiliment tal-kwarantina approvat f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035, fil-każ tal-għasafar domestiċi li jridu jinżammu kwarantina f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ dak ir-Regolament; jew

(b)

il-permess mogħti mill-Istat Membru tad-destinazzjoni, f’każ tal-għasafar domestiċi li ngħataw deroga f’konformità mal-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikabbiltà

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 178, 28.6.2013, p. 1.

(2)  Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill | tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/759/KE tas-27 ta’ Ottubru 2005 dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja f’ċerti pajjiżi terzi u l-moviment minn pajjiżi terzi ta’ għasafar akkumpanjati minn sidhom (ĠU L 285, 28.10.2005, p. 52).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/25/KE tat-22 ta’ Diċembru 2006 fir-rigward ta’ ċerti miżuri ta’ ħarsien relatati mal-influwenza tat-tjur li għandha patoġeniċità għolja u l-movimenti ta’ għasafar domestiċi li huma akkumpanjati mis-sid tagħhom fil-Komunità (ĠU L 8, 13.1.2007, p. 29).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2107 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2007/25/KE fir-rigward tal-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha (ĠU L 425, 16.12.2020, p. 103).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).

(8)  EFSA Journal 2017;15(10):4991.

(9)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali skont ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 114, 31.3.2021, p. 1).

(10)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 tat-28 ta’ Ġunju 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-istabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri u l-imfaqas, u t-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 115).

(11)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1938 tal-10 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi l-mudell tad-dokument ta’ identifikazzjoni għall-movimenti mhux kummerċjali tal-għasafar domestiċi fi Stat Membru minn territorju jew minn pajjiż terz u li jħassar id-Deċiżjoni 2007/25/KE (ĠU L 396, 10.11.2021, p. 47).


Top