Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1352

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1352 tas-6 ta’ Mejju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-metodoloġija biex ikun determinat parametru referenzjarju tikkonforma mar-rekwiżiti tal-kwalità (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/3143

    ĠU L 291, 13.8.2021, p. 16–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/1352/oj

    13.8.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 291/16


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1352

    tas-6 ta’ Mejju 2021

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-metodoloġija biex ikun determinat parametru referenzjarju tikkonforma mar-rekwiżiti tal-kwalità

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Biex il-metodoloġija għad-determinazzjoni ta’ parametru referenzjarju tkun robusta u affidabbli jenħtieġ li din il-metodoloġija tispeċifika n-natura tad-data tal-input użata u kwalunkwe kriterju li għandu jkun applikabbli f’ċirkostanzi li fihom il-kwantità jew il-kwalità tad-data tal-input taqa’ taħt l-istandards meħtieġa għall-metodoloġija biex jiġi ddeterminat il-parametru referenzjarju b’mod preċiż u affidabbli, jenħtieġ li tkun soġġetta għal valutazzjoni tar-relazzjoni bejn is-suppożizzjonijiet ewlenin użati u s-sensittività tal-parametru referenzjarju komputat minn din il-metodoloġija, jenħtieġ li tkun kapaċi tirrappreżenta s-suq sottostanti jew ir-realtà ekonomika li qed tkejjel, u jenħtieġ li tinkorpora fatturi, inklużi l-parametri u d-data tal-input, li huma l-aktar relevanti biex jitkejjel is-suq sottostanti.

    (2)

    Parametru referenzjarju jiġi kkalkulat bl-użu ta’ formula jew metodu ieħor ta’ kalkolu bbażat fuq il-valuri sottostanti. L-amministraturi għandhom grad ta’ diskrezzjoni fit-tfassil tal-formula, fit-twettiq tal-kalkolu meħtieġ u fid-determinazzjoni tad-data tal-input. Dan il-grad ta’ diskrezzjoni joħloq riskju ta’ manipulazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-amministraturi jiżguraw li meta tintuża din id-diskrezzjoni, ikun hemm fis-seħħ sistema ta’ kontroll xierqa. Ir-Regolament (UE) 2016/1011 jirrikonoxxi li t-tfassil ta’ metodoloġija tal-parametru referenzjarju jista’ jinkorpora setgħa diskrezzjonali li tkun eżerċitata minn kull amministratur. Huwa importanti li l-metodoloġija tinkludi regoli ċari li jidentifikaw kif u meta din id-diskrezzjoni tkun tista’ tiġi eżerċitata u b’mod partikolari jekk din id-diskrezzjoni hijiex ibbażata fuq algoritmu jew metodoloġija definita minn qabel. Barra minn hekk jenħtieġ li l-metodoloġija tiċċara f’liema ċirkostanzi d-data tat-tranżazzjonijiet fis-suq sottostanti titqies bħala mhux suffiċjenti.

    (3)

    Huwa importanti li amministratur ikun jista’ jibni metodoloġija tal-parametru referenzjarju li tkun reżiljenti għal kundizzjonijiet tas-suq differenti u li tippermetti l-kalkolu tal-parametru referenzjarju fl-aktar ġabra wiesa’ ta’ ċirkostanzi tas-suq possibbli. Il-metodoloġija tal-parametru referenzjarju użata għandha għaldaqstant tiddependi fuq valuri storiċi adegwati u xierqa tal-parametru referenzjarju. Għall-istess raġuni, u b’mod partikolari biex jiġi vvalidat il-kalkolu tal-parametru referenzjarju u biex tiġi evalwata l-prestazzjoni tal-metodoloġija ex post, il-metodoloġija tal-parametru referenzjarju jenħtieġ li tiġi ttestjata retrospettivament mad-data tat-tranżazzjonijiet disponibbli. Tali ttestjar retrospettiv għandu jkun eżerċizzju ex post, li jew juża data disponibbli addizzjonali li ma ntużatx għall-kalkolu tal-parametru referenzjarju jew juża sorsi oħra ta’ data tat-tranżazzjonijiet, jew li jibni mill-ġdid il-valuri storiċi tal-parametru referenzjarju. Sabiex jiġi żgurat li l-metodoloġija tal-parametru referenzjarju tkun kapaċi għall-validazzjoni, huwa importanti li l-ittestjar retrospettiv jitwettaq f’kull rieżami annwali tal-metodoloġija tal-parametru referenzjarju, u skont it-tip ta’ parametru referenzjarju li jkun, jew wara kull bidla materjali ta’ din il-metodoloġija, fuq bażi kontinwa, jew meta jingħata l-ewwel parametru referenzjarju. Is-sejbiet mill-ittestjar retrospettiv għandhom jiġu riflessi fil-metodoloġija.

    (4)

    Metodoloġija tal-parametru referenzjarju li hija reżiljenti jenħtieġ li tkun tista’ tintuża għall-kalkolu tal-parametru referenzjarju fl-aktar ġabra wiesa’ ta’ ċirkostanzi possibbli, inkluż f’kundizzjonijiet tas-suq taħt stress. Għalhekk huwa importanti li l-amministraturi jivvalutaw l-impatt ta’ diversi kundizzjonijiet tas-suq fuq il-metodoloġija bl-użu ta’ data storika minn kundizzjonijiet tas-suq taħt stress reali, u li għall-parametri referenzjarji kritiċi tintuża data ipotetika għal kundizzjonijiet tas-suq taħt stress mhux reali.

    (5)

    Metodoloġija tal-parametru referenzjarju li hija traċċabbli u verifikabbli jenħtieġ li tippermetti kontroll kontinwu u kontroll ta’ kull kalkolu tal-parametru referenzjarju. It-traċċabbiltà jenħtieġ li tinkludi d-dokumentazzjoni tal-passi differenti tal-metodoloġija u jenħtieġ li tkun il-bażi għall-verifikazzjoni, jiġifieri l-kapaċità li jiġu mibnija mill-ġdid il-valuri storiċi tal-parametru referenzjarju.

    (6)

    Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, jenħtieġ li l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji mhux sinifikanti u ta’ parametri referenzjarji tad-data regolata ma jkunux soġġetti għal piż amministrattiv eċċessiv. Għalhekk huwa xieraq li tali amministraturi jkunu jistgħu jagħżlu li ma jipparteċipawx f’ċerti rekwiżiti ta’ kwalità għal dawn il-parametri referenzjarji. Barra minn hekk, meta jkun iġġustifikat fid-dawl tan-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom, il-probabbiltà ta’ kunflitt ta’ interess li jirriżulta bejn l-għoti ta’ parametru referenzjarju u kwalunkwe attività oħra tal-amministratur, u l-livell ta’ diskrezzjoni involut fil-proċess tal-għoti tal-parametru referenzjarju, jenħtieġ li ċerti amministraturi tal-parametri referenzjarji jkunu jistgħu jagħżlu li ma jipparteċipawx f’ċerti rekwiżiti fir-rigward tar-reżiljenza tal-metodoloġija tal-parametru referenzjarju.

    (7)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA, European Securities and Markets Authority).

    (8)

    L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

    (9)

    Sabiex tiġi żgurata konformità mad-data tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/2175 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li daħħal fir-Regolament (UE) 2016/1011 l-Artikolu 12(4) ta’ dak ir-Regolament, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-kundizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-metodoloġija tkun b’saħħitha u affidabbli.

    1.   Il-metodoloġija tal-parametru referenzjarju kif imsemmi fl-Artikolu 12(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/1011, għandha:

    (a)

    tkun kapaċi tirrappreżenta s-suq sottostanti jew ir-realtà ekonomika li jkollha l-għan li tkejjel u għandha tinkorpora fatturi, inklużi l-parametri u d-data tal-input, li huma l-aktar rilevanti biex jitkejjel is-suq sottostanti;

    (b)

    tkun soġġetta għal valutazzjoni tar-relazzjoni bejn is-suppożizzjonijiet ewlenin użati u s-sensittività tal-parametru referenzjarju kkalkulat permezz ta’ din il-metodoloġija;

    (c)

    tispeċifika n-natura tad-data tal-input użata fil-metodoloġija;

    (d)

    tispeċifika kwalunkwe kriterju li għandu jkun applikabbli f’ċirkostanzi li fihom il-kwantità jew il-kwalità tad-data tal-input taqa’ taħt l-istandards meħtieġa għall-metodoloġija biex il-parametru referenzjarju jiġi ddeterminat b’mod preċiż u affidabbli.

    2.   L-amministraturi ta’ parametri referenzjarji mhux sinifikanti jistgħu jagħżlu li ma japplikawx il-paragrafu 1, il-punt (b), għal dawn il-parametri referenzjarji.

    3.   L-amministraturi ta’ parametri referenzjarji tad-data regolata jistgħu jagħżlu li ma japplikawx il-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1 għal dawn il-parametri referenzjarji.

    Artikolu 2

    Il-kundizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-metodoloġija tal-parametri referenzjarji jkollha regoli ċari li jidentifikaw kif u meta tista’ tiġi eżerċitata d-diskrezzjoni biex jiġi ddeterminat il-parametru referenzjarju.

    Il-metodoloġija tal-parametru referenzjarju kif imsemmi fl-Artikolu 12(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2016/1011, għandha tispeċifika dan kollu li ġej:

    (a)

    l-istadju tal-kalkolu tal-parametru referenzjarju li fih titwettaq id-diskrezzjoni;

    (b)

    il-kriterji li għandhom jintużaw meta tiġi eżerċitata d-diskrezzjoni;

    (c)

    id-data tal-input li għandha tiġi kkunsidrata;

    (d)

    fejn applikabbli, lista mhux eżawrjenti tal-kundizzjonijiet li taħthom:

    (i)

    id-data tat-tranżazzjonijiet fis-suq sottostanti għandha titqies bħala mhux suffiċjenti u l-użu tad-data tat-tranżazzjonijiet fi swieq relatati bħala meħtieġ;

    (ii)

    l-applikazzjoni tal-metodoloġija ma tagħtix riżultat u għandha tiġi eżerċitata d-diskrezzjoni biex jiġi ddeterminat il-parametru referenzjarju.

    (e)

    it-tip ta’ swieq relatati li għandhom jitqiesu xierqa għall-finijiet tal-punt (d)(i).

    Artikolu 3

    Il-kundizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-metodoloġija tal-parametru referenzjarju tkun rigoruża, kontinwa u kapaċi għall-validazzjoni, inkluż, fejn xieraq, l-ittestjar retrospettiv skont id- data disponibbli tat-tranżazzjonijiet.

    1.   Il-metodoloġija tal-parametru referenzjarju kif imsemmi fl-Artikolu 12(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2016/1011, għandu jkollha dan kollu li ġej:

    (a)

    valutazzjoni tal-adegwatezza tal-valuri storiċi għall-parametru referenzjarju prodott minn din il-metodoloġija;

    (b)

    data tal-input affidabbli, inkluż id-daqs xieraq tal-kampjuni tad-data, jekk ikun hemm.

    2.   L-amministraturi tal-parametri referenzjarji għandhom jiżguraw li kwalunkwe ttestjar retrospettiv li għalih hija soġġetta l-metodoloġija tal-parametru referenzjarju jsir ex post u jirreferi għall-perjodu ta’ żmien xieraq.

    L-ittestjar retrospettiv għandu jsir mill-inqas f’kull rieżami annwali tal-metodoloġija tal-parametru referenzjarju u wara kwalunkwe bidla materjali ta’ din il-metodoloġija. Għall-parametri referenzjarji tad-data regolata, l-ittestjar retrospettiv għandu jseħħ meta jingħata għall-ewwel darba il-parametru referenzjarju. Għall-parametri referenzjarji ta’ importanza kritika, għandu jitwettaq ittestjar retrospettiv ta’ kull xahar.

    Il-metodoloġija tal-parametru referenzjarju għandha tinkludi valutazzjoni tar-riżultati tal-ittestjar retrospettiv, inklużi l-proċeduri biex jiġi żgurat li anomaliji sistemiċi enfasizzati mill-ittestjar retrospettiv jiġu identifikati u indirizzati kif xieraq.

    Artikolu 4

    Il-kundizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-metodoloġija tal-paramentru referenzjarju hija reżiljenti u biex jiġi żgurat li l-parametru referenzjarju jista’ jiġi kkalkulat fl-aktar ġabra wiesa’ ta’ ċirkostanzi possibbli, mingħajr ma tiġi kompromessa l-integrità tiegħu

    1.   L-amministraturi għandhom jivvalutaw l-impatt ta’ diversi kundizzjonijiet tas-suq fuq il-metodoloġija bl-użu ta’ data storika minn kundizzjonijiet ta’ stress fis-suq. Meta ma tkun disponibbli l-ebda data storika xierqa, l-amministraturi tal-parametri referenzjarji ta’ importanza kritika għandhom jużaw data ipotetika li tirrappreżenta kundizzjonijiet ta’ stress fis-suq.

    2.   L-amministraturi għandhom jużaw parametri u suppożizzjonijiet fil-metodoloġija biex ikopru varjetà ta’ kundizzjonijiet storiċi jew, fil-każ tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji ta’ importanza kritika, kundizzjonijiet ipotetiċi, inklużi l-aktar perjodi volatili esperjenzati mis-swieq u filwaqt li jitqiesu varjetà ta’ ipoteżijiet għall-korrelazzjoni bejn l-assi sottostanti.

    3.   L-amministraturi ta’ parametri referenzjarji mhux sinifikanti u ta’ parametri referenzjarji tad-data regolata jistgħu jagħżlu li ma japplikawx il-paragrafu 2 fir-rigward ta’ dawn il-parametri referenzjarji.

    4.   L-amministraturi jistgħu jagħżlu li ma japplikaw l-ebda rekwiżit stabbilit fil-paragrafi 1 u 2 fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin:

    (a)

    in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-għoti tal-parametri referenzjarji;

    (b)

    il-probabbiltà ta’ kunflitt ta’ interess li jirriżulta fl-għoti tal-parametri referenzjarji;

    (c)

    il-livell ta’ diskrezzjoni involut fil-proċess tal-għoti tal-parametri referenzjarji.

    Artikolu 5

    Il-kundizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-metodoloġija tal-parametru referenzjarju tkun traċċabbli u verifikabbli

    L-amministraturi tal-parametri referenzjarji għandhom iżommu rekord iddokumentat tal-awditjar għall-kalkolu tal-parametru referenzjarju, inkluża kwalunkwe valutazzjoni tar-reżiljenza tal-metodoloġija u tar-riżultati tal-ittestjar retrospettiv.

    Artikolu 6

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2019/2175 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji, ir-Regolament (UE) 2016/1011 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment; u r-Regolament (UE) 2015/847 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi (ĠU L 334, 27.12.2019, p. 1).


    Top