Valige katsefunktsioonid, mida soovite proovida

See dokument on väljavõte EUR-Lexi veebisaidilt.

Dokument 32021R1176

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/1176 tas-16 ta’ Lulju 2021 li jemenda l-Annessi III, V, VII u IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ġenotipar tal-każijiet pożittivi ta’ TSE fil-mogħoż, tad-determinazzjoni tal-età fl-annimali ovini u kaprini, tal-miżuri applikabbli f’merħla jew f’qatgħa bi scrapie atipika u tal-kundizzjonijiet għall-importazzjonijiet ta’ prodotti ta’ oriġini bovina, ovina u kaprina (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/5187

    ĠU L 256, 19.7.2021, lk 56—59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dokumendi õiguslik staatus Kehtivad

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1176/oj

    19.7.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 256/56


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1176

    tas-16 ta’ Lulju 2021

    li jemenda l-Annessi III, V, VII u IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ġenotipar tal-każijiet pożittivi ta’ TSE fil-mogħoż, tad-determinazzjoni tal-età fl-annimali ovini u kaprini, tal-miżuri applikabbli f’merħla jew f’qatgħa bi scrapie atipika u tal-kundizzjonijiet għall-importazzjonijiet ta’ prodotti ta’ oriġini bovina, ovina u kaprina

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi (1) li tinxtered, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 u l-frażi introduttorja u l-punt (m) tal-Artikolu 23a tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (transmissible spongiform encephalopathies, TSEs) fl-annimali. Dan jikkategorizza l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi jew ir-reġjuni tagħhom, skont ir-riskju ta’ enċefalopatija sponġiformi tal-ifrat (bovine spongiform encephalopathy, BSE) tagħhom, f’kategoriji b’riskju tal-BSE negliġibbli, b’riskju tal-BSE kkontrollat jew b’riskju tal-BSE indeterminat.

    (2)

    L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi regoli dwar is-sistema ta’ monitoraġġ għall-prevenzjoni tat-TSEs, inkluż il-monitoraġġ tal-annimali ovini u kaprini. Il-punt 8 tal-Parti II tal-Kapitolu A tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprevedi l-ġenotipar obbligatorju ta’ każijiet pożittivi ta’ TSE fin-nagħaġ, u l-obbligu li kwalunkwe każ ta’ TSE li jinstab f’nagħġa tal-ġenotip ARR/ARR jiġi rrappurtat minnufih lill-Kummissjoni. In-nagħaġ tal-ġenotip ARR/ARR huma kkunsidrati bħala reżistenti għall-iscrapie klassika, u għalhekk kwalunkwe każ ta’ din il-marda f’nagħaġ bħal dawn huwa sejba mhux mistennija li tirrikjedi l-attenzjoni. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li dan jiġi nnotifikat minnufih sabiex ikun jista’ jiġi soġġett għal investigazzjoni ulterjuri.

    (3)

    Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 kien emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/772 (2), f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjoni Xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-ikel (EFSA) tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar ir-reżistenza Ġenetika għall-enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu (TSE) fil-mogħoż (3), sabiex jiġi rikonoxxut li l-mogħoż jistgħu jkunu wkoll reżistenti ġenetikament għar-razez tal-iscrapie klassika, magħrufa li jseħħu b’mod naturali fil-popolazzjoni tal-mogħoż tal-Unjoni, meta jkollhom wieħed mill-alleli K222, D146 jew S146. Ir-Regolament (UE) 2020/772 emenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 billi introduċa regoli li jillimitaw il-qtil u l-qerda ta’ annimali kaprini, f’merħla fejn ġie kkonfermat każ ta’ scrapie klassika, għal dawk biss li jkunu suxxettibbli għal din il-marda. Madankollu, l-emendi li saru fl-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 bir-Regolament (UE) 2020/772 ma koprewx il-ġenotipar ta’ każijiet pożittivi ta’ TSE fil-mogħoż. Għalhekk jenħtieġ li l-punt 8 tal-Parti II tal-Kapitolu A tal-Anness III u l-punt 8 tal-Parti I.A tal-Kapitolu B tal-Anness III jiġu emendati biex jipprevedu għall-monitoraġġ u għar-rapportar xieraq tal-ġenotip ta’ każijiet pożittivi fil-mogħoż.

    (4)

    Barra minn hekk, ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi regoli dwar materjal speċifikat riskjuż, u jipprevedi, fost l-oħrajn, li materjal speċifikat riskjuż irid jitneħħa u jintrema f’konformità mal-Anness V tiegħu u mar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). B’mod aktar partikolari, il-punt 1(b) tal-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jiddefinixxi materjal speċifikat riskjuż, fl-annimali ovini u kaprini tal-età ta’ ’l fuq minn 12-il xahar, li jrid jitneħħa u jintrema f’konformità mal-Anness V tiegħu u mar-Regolament (KE) Nru 1069/2009.

    (5)

    Minħabba n-natura speċifika tat-trobbija tal-annimali ovini u kaprini, rari jkun possibbli li d-data tat-twelid eżatta ta’ dawn l-annimali ovini u kaprini tiġi ddeterminata u għalhekk din id-data mhix inkluża fir-reġistru tal-istabbiliment meħtieġ f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 (5). Għalhekk, qabel l-emenda tal-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/969 (6), kien hemm il-ħtieġa għat-tneħħija tal-materjal speċifikat riskjuż f’annimali ovini u kaprini li għandhom aktar minn 12-il xahar jew f’annimali ovini u kaprini b’sinna inċiżiva permanenti li spuntat fil-ħanek.

    (6)

    Ir-Regolament (UE) 2018/969 emenda l-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 billi żied il-possibbiltà li jintuża metodu approvat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jwettaq it-tbiċċir biex jiġu identifikati l-annimali ovini u kaprini li għandhom aktar minn 12-il xahar. Din il-possibilità ġiet miżjuda fl-2018 iżda minn meta saret din l-emenda, l-ebda Stat Membru ma għamel użu minnha. Barra minn hekk, din il-possibbiltà kienet maħsuba biex tiġi applikata biss fl-Istati Membri u mhux biex tiġi estiża għall-pajjiżi terzi. Għaldaqstant, fl-interess taċ-ċarezza u ċ-ċertezza tad-dritt, issa huwa xieraq li titħassar. Għalhekk jenħtieġ li l-possibbiltà li jintuża metodu approvat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jwettaq it-tbiċċir biex jiġu identifikati l-annimali ovini u kaprini li għandhom aktar minn 12-il xahar, titħassar mill-punt 1(b) tal-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 999/2001.

    (7)

    L-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi l-miżuri għall-kontroll u għall-eradikazzjoni tat-TSEs, inkluż l-iscrapie atipika. B’mod partikolari, il-Kapitolu B ta’ dak l-Anness jistabbilixxi l-miżuri li jridu japplikaw wara li tiġi kkonfermata l-preżenza ta’ TSE f’annimali bovini, ovini u kaprini. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 630/2013 (7) emenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 sabiex jitneħħew il-miżuri kollha ta’ restrizzjoni fuq il-moviment ta’ annimali ovini u kaprini fejn ikun ġie kkonfermat każ ta’ scrapie atipika, iżda żamm sorveljanza ikbar għal sentejn f’dawk il-qatgħat jew merħliet sabiex tinġabar aktar data xjentifika dwar l-iscrapie atipika. Mid-data tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 630/2013 inġabar ammont sinifikanti ta’ data. Għalhekk jenħtieġ li l-miżura stabbilita fil-punt 2.2.3 tal-Kapitolu B tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, li mhijiex relatata mat-tħassib dwar is-saħħa pubblika, issa titħassar.

    (8)

    Il-Kapitolu C tal-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-importazzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti bovini, ovini u kaprini. Dawn ir-rekwiżiti jvarjaw skont l-istatus tal-BSE tal-pajjiż jew tar-reġjun ta’ oriġini tal-prodotti, kif ukoll skont l-istatus tal-BSE tal-pajjiż jew tar-reġjun tal-oriġini tal-annimali li minnhom ġew il-prodotti. L-istatus tal-BSE ta’ pajjiżi jew ta’ reġjuni skont ir-riskju tal-BSE tagħhom huwa stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE (8), li telenka l-pajjiżi jew ir-reġjuni b’riskju tal-BSE negliġibbli u b’riskju tal-BSE kkontrollat u tipprevedi li l-pajjiżi jew ir-reġjuni l-oħra kollha jridu jitqiesu li għandhom riskju tal-BSE indeterminat.

    (9)

    Rekwiżiti speċifiċi huma stabbiliti fil-punti (g) u (h) tat-Taqsima B tal-Kapitolu C tal-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, biex jiġi indirizzat il-każ tal-importazzjoni tal-prodotti minn pajjiż jew reġjun b’riskju negliġibbli tal-BSE li ġej minn annimali li joriġinaw minn pajjiż jew reġjun b’riskju tal-BSE indeterminat: il-punt (g) jistabbilixxi li l-annimali ma jridux ikunu rċevew alimentazzjoni bid-dqiq mil-laħam u l-għadam mitħun u bil-qrieqeċ derivati mir-ruminanti; u l-punt (h) jistabbilixxi li l-prodotti jridu jkunu ġew prodotti u ġestiti f’manjiera li tiżgura li ma kienx fihom u ma kinux kontaminati b’tessut nervuż u limfatiku espost matul il-proċess ta’ dissussar.

    (10)

    Ir-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fil-punti (g) u (h) tat-Taqsima B tal-Kapitolu C tal-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma konsistenti mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 1(a) u 1(c)(ii) tat-Taqsima D ta’ dak il-Kapitolu, għall-importazzjoni diretta fl-Unjoni minn pajjiż jew reġjun b’riskju tal-BSE indeterminat. Madankollu, dawn ir-rekwiżiti speċifiċi mhumiex stabbiliti fit-Taqsima C tal-Kapitolu C tal-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, li tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-importazzjonijiet minn pajjiż jew reġjun b’riskju tal-BSE kkontrollat. Għaldaqstant, bħalissa huwa permess, minħabba dik l-omissjoni mhux intenzjonata, li jiġu importati fl-Unjoni u minn pajjiż jew reġjun b’riskju tal-BSE kkontrollat, prodotti li ġejjin minn annimali li joriġinaw minn pajjiż jew reġjun b’riskju tal-BSE indeterminat li ma jikkonformawx ma’ dawk ir-rekwiżiti speċifiċi. Għalhekk jenħtieġ li r-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fil-punti (g) u (h) tat-Taqsima B tal-Kapitolu C tal-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jiddaħħlu fit-Taqsima C tal-Kapitolu C ta’ dan l-Anness.

    (11)

    Għalhekk jenħtieġ li l-Annessi III, V, VII u IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jiġu emendati skont dan.

    (12)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Annessi III, V, VII u IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Lulju 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/772 tal-11 ta’ Ġunju 2020 li jemenda l-Annessi I, VII u VIII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-miżuri ta’ eradikazzjoni għal enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu fil-mogħoż u fir-razez fil-periklu li jintilfu (ĠU L 184, 12.6.2020, p. 43)

    (3)  EFSA Journal 2017; 15(8):4962.

    (4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 tas-17 ta’ Diċembru 2003 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttiva 92/102/KEE u 64/432/KEE (ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8).

    (6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/969 tad-9 ta’ Lulju 2018 li jemenda l-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti għat-tneħħija ta’ materjali speċifiċi ta’ riskju mir-ruminanti żgħar (ĠU L 174, 10.7.2018, p. 12).

    (7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 630/2013 tat-28 ta’ Ġunju 2013 li jemenda l-Annessi għar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU L 179, 29.6.2013, p. 60).

    (8)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE tad-29 ta’ Ġunju 2007 li tistabbilixxi l-istatus tal-BSE ta’ Stati Membri jew pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom skont ir-riskju tal-BSE (ĠU L 172, 30.6.2007, p. 84).


    ANNESS

    L-Annessi III, V, VII u IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma emendati kif ġej:

    (1)

    L-Anness III huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-Kapitolu A, fil-Parti II, il-punt 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “8.

    Ġenotipar

    8.1.

    Il-ġenotip tal-proteina prijonika għall-kodoni 136, 154 u 171 għandu jiġi ddeterminat għal kull każ pożittiv tat-TSE fin-nagħaġ. Il-każijiet kollha tat-TSE misjuba f’nagħaġ ta’ ġenotipi li jikkodifikaw l-alanina (A) fiż-żewġ alleli tal-kodon 136, l-arġinina (R) fiż-żewġ alleli tal-kodon 154 u l-arġinina (R) fiż-żewġ alleli tal-kodon 171, għandhom jiġu rrappurtati minnufih lill-Kummissjoni. Meta l-każ pożittiv tat-TSE ikun każ ta’ scarpie atipiku għandu jiġi ddeterminat il-ġenotip tal-proteina prijonika għall-kodon 141.

    8.2.

    Il-ġenotip tal-proteina prijonika għall-kodoni 146 u 222 għandu jiġi ddeterminat għal kull każ pożittiv tat-TSE fil-mogħoż. Il-każijiet tat-TSE misjuba fil-mogħoż ta’ ġenotipi li jikkodifikaw is-serina (S) jew l-aċidu aspartiku (D) fuq mill-inqas allel wieħed fil-kodon 146 u/jew fil-liżina (K) fuq mill-inqas allel wieħed fil-kodon 222, għandhom jiġu rrappurtati minnufih lill-Kummissjoni”

    (b)

    fil-Kapitolu B, fil-Parti I.A., il-punt 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “8.

    Il-ġenotip, u, meta possibbli, ir-razza, ta’ kull annimal ovin u kaprin li jkun instab pożittiv għat-TSE jew li jkun ittieħed kampjun minnu f’konformità mal-Kapitolu A, il-Parti II, il-punt 8.”

    (2)

    Fl-Anness V, il-punt 1(b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(b)

    fir-rigward tal-annimali ovini u kaprini: il-kranju, inkluż il-moħħ u l-għajnejn, u l-korda tan-nervituri ta’ annimali li għandhom iktar minn 12-il xahar jew li għandhom sinna inċiżiva permanenti li spuntat fil-ħanek.”

    (3)

    Fl-Anness VII, il-Kapitolu B huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt 2.2.3 jitħassar.

    (b)

    fil-punt 3.5, is-subpunt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(d)

    għal perjodu ta’ sentejn mid-data meta l-miżuri kollha msemmija fil-punt 2.2.1., fil-punt 2.2.2(b) jew il-punt 2.2.2(c) ikunu twettqu, sakemm ma jiġi skopert ebda każ tat-TSE ħlief l-iscrapie atipika matul dan il-perjodu ta’ sentejn.”

    (c)

    il-punt 4.6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.6.

    Ir-restrizzjonijiet stabbiliti fil-punti 4.1 sa 4.5 għandhom japplikaw għal perjodu ta’ sentejn wara l-identifikazzjoni tal-aktar każ riċenti tat-TSE, ħlief tal-iscrapie atipika, fl-azjendi fejn l-għażla 3 stipulata fil-punt 2.2.2(d) tkun ġiet implimentata.”

    (4)

    Fl-Anness IX, il-Kapitolu C, it-taqsima C, il-punt 1, jiżdiedu s-subpunti li ġejjin:

    “(e)

    jekk l-annimali, li minnhom ġew derivati l-prodotti ta’ oriġini tal-annimali bovini, ovini u kaprini, joriġinaw f’pajjiż jew f’reġjun ikklassifikat f’konformità mad-Deċiżjoni 2007/453/KE bħala pajjiż jew reġjun li għandu riskju mhux determinat ta’ BSE, l-annimali ma ngħatawx jieklu taħlita ta’ laħam u għadam mitħun jew qrieqeċ derivati mir-ruminanti, kif iddefinit fil-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-OIE;

    (f)

    jekk l-annimali, li minnhom ġew derivati l-prodotti ta’ oriġini tal-annimali bovini, ovini u kaprini joriġinaw f’pajjiż jew f’reġjun ikklassifikat f’konformità mad-Deċiżjoni 2007/453/KE bħala pajjiż jew reġjun li għandu riskju mhux determinat ta’ BSE, il-prodotti ġew magħmula u ġestiti b’mod li jiżgura li ma kienx fihom u ma kinux ikkontaminati b’tessut nervuż u limfatiku espost matul il-proċess ta’ dissussar.”


    Üles