Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D2073

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2073 tal-25 ta’ Novembru 2021 b’appoġġ għat-tisħiħ tal-effettività operazzjonali tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) permezz tal-immaġni bis-satellita

    ST/12957/2021/INIT

    ĠU L 421, 26.11.2021, p. 65–69 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/2073/oj

    26.11.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 421/65


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/2073

    tal-25 ta’ Novembru 2021

    b’appoġġ għat-tisħiħ tal-effettività operazzjonali tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) permezz tal-immaġni bis-satellita

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-12 ta’ Diċembru 2003 il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (l-“Istrateġija tal-UE”), li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta’ miżuri għall-ġlieda kontra tali proliferazzjoni.

    (2)

    L-Istrateġija tal-UE tissottolinja r-rwol kruċjali tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta’ Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom (CWC) u tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fil-ħolqien ta’ dinja ħielsa minn armi kimiċi. L-objettivi tal-Istrateġija tal-UE huma komplementari għal dawk segwiti mill-OPCW fil-kuntest tar-responsabbiltà tagħha għall-implimentazzjoni tas-CWC.

    (3)

    Fit-22 ta’ Novembru 2004 il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2004/797/PESK (1) dwar appoġġ għal attivitajiet tal-OPCW. Dik l-Azzjoni Konġunta ġiet segwita mal-iskadenza tagħha mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/913/PESK (2), li sussegwentement kienet segwita mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/185/PESK (3). L-Azzjoni Konġunta 2007/185/PESK kienet segwita mid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/569/PESK (4), 2012/166/PESK (5), 2013/726/PESK (6), (PESK) 2015/259 (7), (PESK) 2017/2302 (8), (PESK) 2017/2303 (9), (PESK) 2019/538 (10) u (PESK) 2021/1026 (11).

    (4)

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2017/2303 ipprevediet, fost l-oħrajn, appoġġ għall-OPCW biex taċċessa l-immaġni bis-satellita u l-analiżi tal-immaġni pprovduti miċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SatCen).

    (5)

    Fl-10 ta’ Diċembru 2018 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/1943 (12) li pprevediet estensjoni mingħajr spejjeż ta’ tnax-il xahar tal-perijodu ta’ implimentazzjoni tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2303.

    (6)

    Fid-9 ta’ Diċembru 2019 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/2112 (13) li pprevediet estensjoni ulterjuri mingħajr spejjeż ta’ tnax-il xahar tal-perijodu ta’ implimentazzjoni tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2303.

    (7)

    Permezz tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2303, l-OPCW iserraħ fuq l-informazzjoni unika pprovduta mill-analiżi tal-immaġni tas-SatCen kemm għall-ippjanar tal-missjonijiet kif ukoll għall-analiżi tal-informazzjoni.

    (8)

    Hemm ħtieġa li tissaħħaħ l-effettività operazzjonali tal-OPCW permezz tal-forniment kontinwu tal-immaġni bis-satellita u l-analiżi tal-immaġni tas-SatCen b’appoġġ għall-attivitajiet b’mandat tal-OPCW u l-missjonijiet tal-OPCW wara t-tmiem tal-perijodu ta’ implimentazzjoni tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2303,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Għall-fini li tingħata applikazzjoni immedjata u prattika lil ċerti elementi tal-Istrateġija tal-UE, l-Unjoni għandha tappoġġa l-proġett tal-OPCW biex tissaħħaħ l-effettività operazzjonali tagħha permezz tal-immaġni bis-satellita u l-analiżi ta’ immaġni pprovduti mis-SatCen bl-objettivi li ġejjin:

    l-espansjoni tal-kapaċità tal-OPCW li tappoġġa l-attivitajiet b’mandat tal-OPCW (it-Tim ta' Valutazzjoni tad-Dikjarazzjonijiet (DAT), il-Missjoni ta' Tiftix tal-Fatti (FFM), it-Tim tal-Investigazzjoni u l-Identifikazzjoni (IIT), eċċ.) permezz ta’ analiżi tal-immaġni bħala sors ta’ prova jew ta’ korroborazzjoni tas-sejbiet; u

    l-użu ta’ analiżi tal-immaġni mmirati għal żoni ta’ interess (siti, rotot, eċċ.) fl-ippjanar għal missjonijiet b’mandat tal-OPCW (inċidenti ta’ użu allegat (IAUs), spezzjonijiet ta’ sfida (CIs), żjarat ta’ assistenza teknika (TAVs), eċċ.) sabiex tiżdied is-sigurtà u l-fiduċja fil-preċiżjoni tal-verifika.

    2.   Fil-kuntest tal-paragrafu 1, l-attivitajiet appoġġati mill-Unjoni tal-proġett tal-OPCW, li jikkonformaw mal-miżuri stabbiliti fil-Kapitolu III tal-Istrateġija tal-UE, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

    l-abilitazzjoni tal-OPCW, permezz tal-kapaċità tal-immaġni, biex twettaq sorveljanza xierqa b’mod effettiv u li tipprovdi r-rappurtar meħtieġ lill-organi li jfasslu l-politika tal-OPCW (il-Kunsill Eżekuttiv u l-Konferenza tal-Istati Parti); u;

    l-abilitazzjoni tal-OPCW, permezz tal-kapaċità tal-immaġni, biex twettaq attivitajiet ta’ verifika b’mod preċiż, effettiv u sikur u tipprovdi l-assistenza mitluba lill-Istati Parti.

    3.   Il-proġett imsemmi fil-paragrafu 1 jikkonċerna l-forniment ta’, inter alia, prodotti għall-għarfien tas-sitwazzjoni b’rabta mas-sigurtà tal-FFM, inkluż l-istat tan-network tat-toroq, permezz tal-forniment lill-OPCW ta’ prodotti ta’ immaġini tas-SatCen.

    4.   Deskrizzjoni dettaljata tal-attivitajiet appoġġati mill-Unjoni imsemmija fil-paragrafu 2 tinsab fid-dokument ta’ proġett fl-Anness.

    Artikolu 2

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-"RGħ") għandu jkun responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandha ssir mis-Segretarjat Tekniku tal-OPCW (is-“Segretarjat Tekniku”). Huwa għandu jwettaq dak il-kompitu taħt ir-responsabbiltà u l-kontroll tar-RGħ. Għal dak il-fini, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mas-Segretarjat Tekniku.

    Artikolu 3

    1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun ta’ EUR 1 593 353,22.

    2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun amministrat skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 2. Għal dak il-fini, hija għandha tikkonkludi l-ftehim neċessarju mas-Segretarjat Tekniku. Dak il-ftehim għandu jistipula li s-Segretarjat Tekniku għandu jiżgura l-viżibilità tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, skont id-daqs tagħha, u għandu jispeċifika miżuri biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ sinerġiji u biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-attivitajiet.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

    Artikolu 4

    Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari mħejjija mis-Segretarjat Tekniku. Ir-rapporti tar-RGħ għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1.

    Artikolu 5

    1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 48 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, hija għandha tiskadi sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tagħha jekk dak il-ftehim ma jkunx ġie konkluż sa dak iż-żmien.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    Z. POČIVALŠEK


    (1)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/797/PESK tat-22 ta’ Novembru 2004 dwar appoġġ għal attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda tal-Massa (ĠU L 349, 25.11.2004, p. 63).

    (2)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/913/PESK tat-12 ta’ Diċembru 2005 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda tal-Massa (ĠU L 331, 17.12.2005, p. 34).

    (3)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/185/PESK tad-19 ta’ Marzu 2007 dwar appoġġ għal attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Distruzzjoni Massiva (ĠU L 85, 27.3.2007, p. 10).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/569/PESK tas-27 ta’ Lulju 2009 dwar appoġġ għal attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 197, 29.7.2009, p. 96).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/166/PESK tat-23 ta’ Marzu 2012 b’appoġġ għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 87, 24.3.2012, p. 49).

    (6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/726/PESK tad-9 ta’ Diċembru 2013 b’appoġġ għall-UNSCR 2118 (2013) u l-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW EC-M-33/Dec 1, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 329, 10.12.2013, p. 41).

    (7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/259 tas-17 ta’ Frar 2015 b’appoġġ għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 43, 18.2.2015, p. 14).

    (8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2302 tat-12 ta’ Diċembru 2017 li tappoġġa l-attivitajiet tal-OPCW għal assistenza fl-operazzjonijiet ta’ tindif ta’ dak li kien is-sit ta’ ħażna tal-armi kimiċi fil-Libja fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 329, 13.12.2017, p. 49).

    (9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2303 tat-12 ta’ Diċembru 2017 li tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2118 (2013) u d-deċiżjoni tal-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW EC-M-33/DEC.1 dwar il-qerda tal-armi kimiċi Sirjani, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva (ĠU L 329, 13.12.2017, p. 55).

    (10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/538 tal-1 ta’ April 2019 b’appoġġ għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 93, 2.4.2019, p. 3).

    (11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1026 tal-21 ta’ Ġunju 2021 b’appoġġ għall-Programm dwar iċ-Ċibersigurtà u r-Reżiljenza Ċibernetika u l-Assigurazzjoni tal-Informazzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 224, 24.6.2021, p. 24).

    (12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1943 tal-10 ta' Diċembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2303 li tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2118 (2013) u d-deċiżjoni tal-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW EC-M-33/DEC.1 dwar il-qerda tal-armi kimiċi Sirjani, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva (ĠU L 314, 11.12.2018, p. 58).

    (13)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/2112 tad-9 ta’ Diċembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2303 li tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2118 (2013) u d-deċiżjoni tal-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW EC-M-33/DEC.1 dwar il-qerda tal-armi kimiċi Sirjani, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva (ĠU L 318, 10.12.2019, p. 159).


    ANNESS

    DOKUMENT TA’ PROĠETT

    Appoġġ tal-Unjoni għat-Tisħiħ tal-Effettività Operazzjonali tal-OPCW permezz tal-Immaġni bis-Satellita

    1.   Kuntest

    Il-proċessi analitiċi tal-OPCW jeħtieġu korroborazzjoni u verifika tal-informazzjoni evidenzjarja pprovduta bl-aktar modi robusti disponibbli. L-immaġni bis-satellita, filwaqt li mhumiex l-uniku sors ta’ informazzjoni evidenzjarja, jistgħu jipprovdu indikaturi u korroborazzjoni li mhux disponibbli minn sorsi oħra u b’hekk jipprovdu għarfien analitiku siewi li jista’ jintuża biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (CWC). Ċentrali għal dan hija kapaċità suffiċjenti istituzzjonalment, li minnha l-immaġni u l-analiżi tal-immaġni jistgħu jiffaċilitaw ippjanar aktar dettaljat u robust tal-missjoni, mitigazzjoni tar-riskji għas-sigurtà għat-timijiet skjerati, kif ukoll informazzjoni evidenzjarja u analiżi għal verifika aktar kosteffettiva.

    Permezz tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill PESK/2017/2303, l-OPCW iserraħ fuq l-informazzjoni unika li l-analiżi tal-immaġnijiet tas-SATCEN tipprovdi kemm għall-ippjanar tal-missjoni kif ukoll għall-analiżi tal-informazzjoni. L-isforzi tal-OPCW biex jitwettqu intervisti aktar bir-reqqa tax-xhieda, biex jikkorroboraw id-dikjarazzjonijiet tax-xhieda u biex jidentifikaw b’mod aktar preċiż il-postijiet ta’ interess issaħħew permezz ta’ immaġni bis-satellita. Mill-2014, l-immaġni bis-satellita tar-Repubblika Għarbija Sirjana (SAR) saħħew l-għarfien tas-sitwazzjoni u s-sigurtà u naqqsu r-riskju għall-missjonijiet fuq il-post tal-OPCW fir-rigward tal-postijiet fejn għandhom isiru żjarat u spezzjonijiet. L-integrazzjoni tal-analiżi tal-immaġni fl-ippjanar operazzjonali ppermettiet lit-timijiet tal-OPCW jirfinaw l-azzjonijiet tagħhom fuq il-post billi jipprovdu lill-membri tat-tim b’immaġnijiet kważi f’ħin reali taż-żona li fiha jkunu ser jiskjeraw. L-analiżi tal-immaġni uriet li hija u ser tkompli tkun faċilitatur strateġiku tal-isforzi analitiċi tal-OPCW.

    Barra minn hekk, għadd ta’ investigazzjonijiet ta’ allegazzjonijiet ta’ użu għadhom pendenti kif ukoll Deċiżjonijiet tal-Kunsill Eżekuttiv (KE) li jagħtu mandat għal żjarat addizzjonali fuq il-post, missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni u investigazzjonijiet li għadhom jeħtieġu appoġġ permezz ta’ immaġni bis-satellita. Il-kapaċitajiet analitiċi uniċi pprovduti mis-SATCEN ippermettew lit-timijiet awtorizzati tal-OPCW biex jikkorroboraw informazzjoni minn sorsi oħra u biex janalizzaw aktar bir-reqqa l-inċidenti ta’ użu allegat fis-SAR. L-analiżi tal-immaġni bis-satellita wriet li hija indispensabbli għat-timijiet tal-OPCW involuti fis-SAR. Lil hinn mill-attivitajiet b’mandat tagħha relatati mas-SAR, l-OPCW tipprevedi rwol dejjem akbar għall-analiżi tal-immaġni bis-satellita f’każijiet ta’ allegazzjonijiet ta’ użu ta’ armi kimiċi barra mis-SAR biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-attivitajiet relatati mal-Artikolu IX tas-CWC (konsultazzjonijiet, kooperazzjoni u ġbir ta’ informazzjoni), kif ukoll fil-każ ta’ adeżjoni futura possibbli mas-CWC għall-istati pussessuri.

    2.   Fini tal-Proġett

    2.1.   Objettivi Ġenerali tal-Proġett

    L-objettiv ġenerali tal-Proġett huwa li jiżgura l-kapaċità tas-Segretarjat li jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Artikolu IX tas-CWC (konsultazzjonijiet, kooperazzjoni u ġbir ta’ informazzjoni) u Deċiżjonijiet relatati tal-KE tal-OPCW, permezz tal-forniment ta’ servizzi ta’ immaġni li jindirizzaw lakuni fl-għarfien tas-sitwazzjoni għall-missjonijiet, b’tali mod li jikkontribwixxi għat-tnaqqis fil-vulnerabbiltà tal-iskjerament tal-OPCW u jimmassimizza l-effiċjenza analitika tal-OPCW.

    2.2.   Objettivi Speċifiċi

    L-espansjoni tal-kapaċità tal-OPCW sabiex tappoġġa l-attivitajiet obbligatorji tal-OPCW (DAT, FFM, IIT, eċċ.) permezz ta’ analiżi tal-immaġni bħala sors ta’ prova jew ta’ korroborazzjoni tas-sejbiet;

    L-użu ta’ analiżi tal-immaġni mmirati għal żoni ta’ interess (siti, rotot, eċċ.) fl-ippjanar għal Missjonijiet awtorizzati mill-OPCW (inċidenti ta’ użu allegat (IAU), spezzjonijiet ta’ sfida (CI), żjara ta’ assistenza teknika (TAV), eċċ.) biex tiżdied is-sigurtà u l-fiduċja fil-preċiżjoni tal-verifika.

    2.3.   Riżultati

    Ir-riżultati mistennija li l-Proġett ser jikkontribwixxi għalihom huma kif ġej:

    L-użu ta’ immaġni u analiżi, fir-rigward tal-evidenza mmirata, biex jinfurmaw u jikkorroboraw is-sejbiet tat-timijiet u l-proċessi ta’ verifika;

    Il-minimizzazzjoni tar-riskji għas-sigurtà u żieda fl-għarfien tas-sitwazzjoni biex jiġi ffaċilitat l-ippjanar l-aktar effiċjenti possibbli tal-Missjoni tal-OPCW.

    3.   Deskrizzjoni tal-Attivitajiet

    Attività 1 — L-abilitazzjoni tal-OPCW biex twettaq b’mod effettiv, permezz tal-kapaċità ta' immaġni, sorveljanza xierqa u li tipprovdi rappurtar meħtieġ lill-organi li jfasslu l-politika tal-OPCW (KE u CSP)

    Din l-attività tfittex li tipprovdi, permezz tal-immaġni u l-analiżi tal-immaġni, lill-OPCW bil-kapaċità li tinforma lill-impriżi evidenzjarji analitiċi mmirati, filwaqt li tottimizza l-ippjanar (allokazzjoni u sforzi) tal-OPCW għal żieda fl-effiċjenza tal-missjonijiet u tnaqqis fil-vulnerabbiltà.

    Attività 2 — L-abilitazzjoni tal-OPCW permezz tal-kapaċità tal-immaġni biex twettaq attivitajiet ta’ verifika b’mod preċiż, effettiv u sikur u tipprovdi assistenza mitluba lill-Istati Partijiet

    Din l-attività tiffoka fuq il-forniment ta’ servizzi ta’ immaġini, skont il-bżonn, għal talbiet varji għal ġbir ta’ informazzjoni tas-CWC ippreżentati mill-Istati Partijiet (IAU, CI, TAV, eċċ.), kif ukoll l-ottimizzazzjoni tal-ippjanar tal-OPCW (allokazzjoni u sforzi) għal żieda fl-effiċjenza tal-missjonijiet u tnaqqis fil-vulnerabbiltà.

    4.   Tul ta' żmien

    It-tul ta’ żmien totali stmat tal-implimentazzjoni ffinanzjata permezz ta’ dan il-proġett huwa mistenni li jseħħ u jintemm fuq perijodu ta’ 48 xahar.

    5.   Benefiċjarji

    Il-benefiċjarji mill-proġett ser ikunu persunal u timijiet tas-Segretarjat Tekniku tal-OPCW; u l-partijiet ikkonċernati tas-CWC inkluż l-Istati Partijiet.

    6.   Viżibbiltà tal-UE

    L-OPCW għandha tieħu l-miżuri xierqa kollha, b’kunsiderazzjonijiet raġonevoli ta’ sigurtà u miżuri ta' viżibbiltà/komunikazzjoni disponibbli għall-proġett, biex tippubbliċizza l-fatt li dan il-proġett ġie ffinanzjat mill-Unjoni.


    Top