Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D2072

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2072 tal-25 ta’ Novembru 2021 b’appoġġ għall-bini ta’ reżiljenza fil-bijosikurezza u l-bijosigurtà permezz tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi

    ST/11396/2021/INIT

    ĠU L 421, 26.11.2021, p. 56–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 20/11/2023

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/2072/oj

    26.11.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 421/56


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/2072

    tal-25 ta’ Novembru 2021

    b’appoġġ għall-bini ta’ reżiljenza fil-bijosikurezza u l-bijosigurtà permezz tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-12 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva (l-"Istrateġija tal-UE"), li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta' miżuri għall-ġlieda kontra tali proliferazzjoni.

    (2)

    L-Unjoni qed timplimenta b’mod attiv l-Istrateġija tal-UE u qed tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, b’mod partikolari dawk il-miżuri relatati mat-tisħiħ, l-implimentazzjoni u l-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi (BTWC).

    (3)

    Fl-20 ta’ Marzu 2006, il-Kunsill adotta l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-armi bijoloġiċi u tossiniċi, li jikkomplementa l-Azzjoni Konġunta 2006/184/PESK (1) b’appoġġ għall-BTWC.

    (4)

    Fis-16 ta' Novembru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/2096 (2) dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni fit-Tmien Konferenza ta' Reviżjoni tal-Istati Parti għall-BTWC.

    (5)

    It-Tmien Konferenza ta’ Reviżjoni tal-BTWC iddeċidiet li ġġedded il-mandat tal-Unità ta’ Appoġġ għall-Implimentazzjoni (ISU) stabbilita fi ħdan il-Fergħa ta’ Ġinevra tal-Uffiċċju tan-NU għall-Affarijiet ta’ Diżarm (UNODA) u qablet miegħu fis-Seba’ Konferenza ta’ Reviżjoni tal-BTWC, għall-perijodu mill-2017 sal-2021.

    (6)

    Fil-21 ta’ Jannar 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/97 (3) b’appoġġ għall-BTWC, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE. Din id-Deċiżjoni tikkomplementa d-Deċiżjoni 2019/97 billi ssaħħaħ aktar il-bijosikurezza u l-bijosigurtà fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali fl-isfond tal-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa.

    (7)

    Meta wieħed iqis it-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19, hemm bżonn li jiżdiedu l-isforzi biex jittejbu l-bijosikurezza u l-bijosigurtà fil-livelli internazzjonali, reġjonali u nazzjonali,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Din id-Deċiżjoni hija ggwidata mill-prinċipji li ġejjin:

    (a)

    isir l-aħjar użu mill-esperjenza miksuba permezz ta’ Azzjonijiet Konġunti u Deċiżjonijiet tal-Kunsill preċedenti b’appoġġ għall-BTWC;

    (b)

    b’kont meħud tal-ħtiġijiet speċifiċi espressi mill-Istati Parti kif ukoll minn Stati mhux parti għall-BTWC fir-rigward tat-tisħiħ tal-bijosikurezza u l-bijosigurtà fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali permezz tal-BTWC;

    (c)

    l-inkoraġġiment tas-sjieda lokali u reġjonali tal-proġetti sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tagħhom u biex tinbena sħubija bejn l-Unjoni u partijiet terzi fil-qafas tal-BTWC;

    (d)

    l-iffukar fuq dawk l-attivitajiet li taw riżultati konkreti f’termini tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ assistenza, rispons u tħejjija nazzjonali, reġjonali u internazzjonali;

    (e)

    il-kontribut għall-avvanz tal-objettivi tal-paċi u s-sigurtà u ta' dawk marbuta mas-saħħa permezz tal-implimentazzjoni effettiva tal-BTWC mill-Istati Parti.

    2.   L-Unjoni għandha tappoġġa l-proġetti li ġejjin li jikkorrispondu għal miżuri tal-Istrateġija tal-UE:

    (a)

    it-titjib tal-kapaċitajiet tal-bijosikurezza u tal-bijosigurtà fl-Afrika permezz ta’ aktar koordinazzjoni reġjonali;

    (b)

    it-tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tal-BTWC;

    (c)

    l-iffaċilitar tar-reviżjoni tal-iżviluppi fix-xjenza u t-teknoloġija ta’ rilevanza għall-BTWC billi jiġu involuti wkoll l-akkademja u l-industrija;

    (d)

    it-twessigħ tal-appoġġ għall-eżerċizzji ta’ trasparenza volontarja.

    Deskrizzjoni dettaljata ta’ dawn il-proġetti tinsab fid-Dokument ta' Proġett li jinsab Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    2.   L-implimentazzjoni teknika tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun fdata lill-UNODA. Huwa għandu jwettaq dan il-kompitu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dak il-għan, ir-RGħ għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-UNODA.

    Artikolu 3

    1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta’ EUR 2 147 443,52.

    2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim meħtieġ mal-UNODA. Il-ftehim għandu jistipula li l-UNODA għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni adatta għad-daqs tagħha.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 mill-aktar fis possibbli wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

    Artikolu 4

    Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari mħejjija mill-UNODA. Dawk ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2).

    Artikolu 5

    1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 24 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3) jew sitt xhur wara d-data tal-adozzjoni tagħha jekk dak il-ftehim ma jkunx ġie konkluż sa dak iż-żmien.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    Z. POČIVALŠEK


    (1)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/184/PESK tas-27 ta' Frar 2006 b'appoġġ għall-Konvenzjoni tal-Armi Bioloġiċi u Tossiċi, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda tal-Massa (ĠU L 65, 7.3.2006, p. 51).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2096 tas-16 ta' Novembru 2015 dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tat-Tmien Konferenza ta' Reviżjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni u l-Ħażna ta' Armi Batterjoloġiċi (Bijoloġiċi) u ta' Tossina u dwar il-Qerda Tagħhom (BTWC) (ĠU L 303, 20.11.2015, p. 13).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/97 tal-21 ta' Jannar 2019 b'appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva (ĠU L 19, 22.1.2019, p. 11).


    ANNESS

    Proġett b'appoġġ għar-Reżiljenza fil-Bijosikurezza u l-Bijosigurtà permezz tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi (BTWC)

    1.   SFOND

    Il-pandemija tal-COVID-19 uriet it-tfixkil globali li jista' jiġi kkawżat minn mard infettiv u enfasizzat in-nuqqas ta' tħejjija fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali biex jingħata rispons għal avvenimenti bijoloġiċi. Jekk marda bħal din kienet immanipulata deliberatament biex tkun aktar virulenti, jew kienet rilaxxata intenzjonalment f'diversi postijiet f'daqqa, din setgħet twassal għal kriżi globali saħansitra akbar. Fl-istess ħin, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll l-avvanzi fil-bijoteknoloġija billi dawn jistgħu jwasslu għal benefiċċji multipli b'impatt pożittiv fuq l-iżvilupp sostenibbli iżda jistgħu jġorru riskji multipli b'konsegwenzi potenzjalment katastrofiċi. F'dawn iċ-ċirkostanzi, jenħtieġ li jiżdiedu l-isforzi biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' bijosikurezza u bijosigurtà fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi.

    2.   OBJETTIVI

    Din id-Deċiżjoni tal-Kunsill hija mfassla biex speċifikament issaħħaħ il-bijosikurezza u l-bijosigurtà fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali fl-isfond tal-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa. Din id-Deċiżjoni ser tikkomplementa d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/97 tal-21 ta' Jannar 2019 (1) b'appoġġ għall-BTWC. Id-Deċiżjoni 2019/97 qed tiġi implimentata mill-Fergħa ta' Ġinevra tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta' Diżarm (UNODA), f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Unità ta' Appoġġ għall-Implimentazzjoni (ISU) tal-BTWC. Kif applikabbli, din id-Deċiżjoni ser tibni fuq il-kisbiet tad-Deċiżjoni 2019/97 u l-Azzjonijiet Konġunti u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill preċedenti b'appoġġ għall-BTWC, mingħajr ma tidduplika kwalunkwe attività li għaddejja bħalissa (2). Matul il-fażi ta' implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, ser isir l-aħjar użu mis-sinerġiji possibbli mad-Deċiżjoni 2019/97.

    Din id-Deċiżjoni tal-Kunsill ser tkun iggwidata mill-prinċipji li ġejjin:

    (a)

    li jsir l-aħjar użu mill-esperjenza miksuba permezz tal-Azzjonijiet Konġunti u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill preċedenti b'appoġġ għall-BTWC;

    (b)

    li jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet speċifiċi espressi mill-Istati Parti kif ukoll minn Stati li mhumiex parti għall-BTWC fir-rigward tat-tisħiħ tal-bijosikurezza u l-bijosigurtà fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali permezz tal-BTWC;

    (c)

    li tiġi inkoraġġuta s-sjieda lokali u reġjonali tal-proġetti sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tagħhom u biex tinbena sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u partijiet terzi fil-qafas tal-BTWC;

    (d)

    li tingħata attenzjoni partikolari lil dawk l-attivitajiet li wrew li jġibu riżultati konkreti f'termini tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' assistenza, ta' rispons u ta' tħejjija nazzjonali, reġjonali u internazzjonali;

    (e)

    li jingħata kontribut biex jiġu avvanzati l-objettivi tal-paċi u dawk relatati mas-sigurtà u s-saħħa permezz tal-implimentazzjoni effettiva tal-BTWC mill-Istati Parti.

    3.   PROĠETTI

    3.1.   Proġett 1 – Tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-qasam tal-bijosikurezza u l-bijosigurtà fl-Afrika permezz ta' aktar koordinazzjoni reġjonali

    3.1.1.   Fini tal-Proġett

    Dan il-proġett jiffoka fuq it-tisħiħ tal-implimentazzjoni tal-BTWC u l-avvanz tal-universalizzazzjoni tagħha fil-kontinent Afrikan, billi jżid il-kapaċitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali u l-entitajiet u l-organizzazzjonijiet reġjonali li jittrattaw kwistjonijiet ta' bijosikurezza u bijosigurtà fl-Afrika. Il-proġett għandu wkoll l-għan li jżid il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost dawn l-atturi.

    Attwalment, 14-il Stat – erba' Stati firmatarji u għaxar Stati mhux firmatarji – għadhom ma rratifikawx jew ma aderixxewx għall-BTWC. Tmienja minn dawn l-Istati jinsabu fl-Afrika: iċ-Chad, Comoros, il-Djibouti, l-Eġittu, l-Eritrea, in-Namibja, is-Somalja u s-Sudan t'Isfel. Tnejn minn dawn l-Istati, l-Eġittu u s-Somalja, huma firmatarji tal-BTWC, filwaqt li s-sitt Stati l-oħra ma ffirmawx il-Konvenzjoni. Il-kontinent Afrikan huwa għalhekk reġjun ta' prijorità f'termini tal-universalizzazzjoni tal-BTWC. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tista' tissaħħaħ b'mod konsiderevoli billi jiżdiedu l-kapaċitajiet fil-qasam tal-bijosikurezza u l-bijosigurtà tal-Istati Parti Afrikani tagħha.

    3.1.2.   Deskrizzjoni tal-Proġett

    Dan il-proġett ser jinkludi l-ħolqien ta' pożizzjoni ta' Uffiċjal għall-Affarijiet Politiċi (P3) ibbażat f'Addis Ababa biex jaħdem speċifikament fuq l-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni msaħħa tal-Konvenzjoni fil-kontinent Afrikan u jesplora opportunitajiet għal sinerġiji ma' oqfsa reġjonali dwar il-paċi u s-sigurtà, is-sigurtà tas-saħħa u l-iżvilupp. Konkretament, l-Uffiċjal għall-Affarijiet Politiċi jkun responsabbli għall-kompiti li ġejjin:

    (a)

    jipprovdi assistenza leġiżlattiva lill-Istati Parti li jixtiequ jtejbu l-leġiżlazzjoni tagħhom relatata mal-BTWC kif ukoll lill-Istati interessati li jingħaqdu mal-Konvenzjoni u li għandhom il-ħsieb li jirrieżaminaw u jaġġustaw il-leġiżlazzjoni eżistenti tagħhom;

    (b)

    jipprovdi taħriġ speċifiku lill-Istati Parti dwar l-elaborazzjoni u l-preżentazzjoni tar-rapporti dwar Miżuri għat-Tisħiħ tal-Fiduċja (CBM) tal-BTWC;

    (c)

    jassisti lill-Istati Parti għall-BTWC Afrikani rigward kwistjonijiet relatati mas-CBMs. Din l-assistenza addizzjonali, li għandha ssaħħaħ l-appoġġ diġà pprovdut mill-ISU tal-BTWC, għandha l-għan li tikkontribwixxi biex jinkiseb għadd ikbar u kwalità aħjar tar-rapporti dwar is-CBM li jiġu ppreżentati mill-Istati Parti Afrikani;

    (d)

    jikkollabora mill-qrib mal-Istati Afrikani li mhumiex parti għall-BTWC, inkluż permezz tal-Missjonijiet Permanenti tagħhom għall-Unjoni Afrikana f'Addis Ababa, biex jiġu identifikati sfidi nazzjonali speċifiċi għall-adeżjoni għall-Konvenzjoni jew għar-ratifika tagħha u jiġu ffaċilitati l-proċessi rispettivi tal-adeżjoni/ratifika billi tingħata assistenza teknika u leġiżlattiva relatata kif ikun meħtieġ;

    (e)

    jikkollabora mill-qrib u jikkoordina l-attivitajiet mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, ir-raggruppamenti sottoreġjonali u l-organizzazzjonijiet sħab ibbażati fl-Afrika; (3) u

    (f)

    jappoġġa l-implimentazzjoni tal-attivitajiet l-oħra kollha taħt din id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE fl-Afrika.

    L-Uffiċjal għall-Affarijiet Politiċi ser ikun appoġġat minn konsulenti esterni għal inkarigi sostantivi speċifiċi (eż. l-għoti ta' appoġġ leġiżlattiv u assistenza teknika), kif meħtieġ. Il-preżenza tal-UNODA fl-Afrika permezz taċ-Ċentru Reġjonali tiegħu għall-Paċi u d-Diżarm fl-Afrika (UNREC) ser tintuża biex tiffaċilita u tappoġġa aspetti tal-attivitajiet kif adatt.

    L-attivitajiet kollha tal-Uffiċjal għall-Affarijiet Politiċi ser jiġu kkoordinati mill-qrib mal-ISU tal-BTWC u mal-persunal tal-proġett tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE bbażat f'Ġinevra. L-Uffiċjal għall-Affarijiet Politiċi ser jaħdem mill-qrib mal-Koordinatur Reġjonali għall-Afrika tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1540 (2004) (4) tal-UNODA u ser ikun ibbażat fil-bini tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Afrika tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECA) f'Addis Ababa.

    3.1.3.   Riżultati Mistennija tal-Proġett

    Dan il-Proġett huwa mistenni li javvanza l-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni u jtejjeb l-implimentazzjoni nazzjonali tagħha fil-kontinent Afrikan. Għandu wkoll l-għan li jżid il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali u l-entitajiet u l-organizzazzjonijiet reġjonali li jittrattaw kwistjonijiet ta' bijosikurezza u bijosigurtà fl-Afrika.

    Bl-ankrar tal-pożizzjoni tal-Uffiċjal għall-Affarijiet Politiċi f'Addis Ababa huwa mistenni li l-prossimità akbar mal-awtoritajiet nazzjonali fl-Afrika, mal-ambaxxati rilevanti f'Addis Ababa u mal-pjattaformi reġjonali tat-tfassil ta' politika ser tikkontribwixxi b'mod deċiżiv għall-avvanz tal-implimentazzjoni tal-BTWC u l-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni fl-Afrika kif deskritt hawn fuq.

    3.2.   Proġett 2 – Tisħiħ tal-Kapaċitajiet fil-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali tal-BTWC

    3.2.1.   Fini tal-Proġett

    Dan il-proġett għandu l-għan li joħloq materjali ta' taħriġ u jipprovdi taħriġ dedikat lill-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali (NCPs) tal-BTWC dwar l-implimentazzjoni nazzjonali tal-BTWC. Għandu wkoll l-għan li joħloq mezzi u opportunitajiet għal djalogu u skambju ta' informazzjoni dwar l-implimentazzjoni nazzjonali tal-BTWC fost l-NCPs, inkluż il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki. L-objettiv ta' dan il-proġett huwa li jsaħħaħ l-implimentazzjoni tal-BTWC billi jipprovdi tisħiħ tal-kapaċitajiet dedikat lill-NCPs u jrawwem aktar skambju u kooperazzjoni bejniethom fil-livelli reġjonali u internazzjonali.

    Is-Sitt Konferenza ta' Reviżjoni fl-2006 ddeċidiet li kull Stat Parti għandu jaħtar punt ta' kuntatt nazzjonali għal:

    Il-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni nazzjonali u l-komunikazzjoni ma' Stati Parti oħra u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti;

    It-tħejjija u l-preżentazzjoni tar-rapporti annwali dwar il-Miżuri għat-Tisħiħ tal-Fiduċja (CBM);

    L-iskambju ta' informazzjoni dwar l-isforzi tal-universalizzazzjoni.

    Mill-183 Stat Parti attwali, s'issa 134 Stat biss innominaw NCPs. L-NCPs huma inkorporati f'entitajiet differenti fil-livell domestiku, ġejjin minn ambjenti differenti u għandhom livelli differenti ta' għarfien preliminari dwar il-BTWC. S'issa, it-taħriġ għall-NCPs tal-BTWC huwa disponibbli biss fuq bażi ad hoc u huwa prekondizzjonat mill-għoti ta' finanzjament mid-donaturi.

    3.2.2.   Deskrizzjoni tal-Proġett

    Dan il-proġett jinkludi l-elaborazzjoni ta' kors ta' taħriġ standardizzat, li jkun disponibbli għall-NCPs kollha. Il-kors ta' taħriġ ser jiġi pprovdut online jew fiżikament fir-reġjuni differenti (skont l-evoluzzjoni tal-pandemija tal-COVID-19) għar-rappreżentanti nazzjonali li jservu bħala NCPs tal-BTWC. Il-kors ta' taħriġ ser jinvolvi informazzjoni dwar l-aspetti kollha tal-implimentazzjoni nazzjonali tal-BTWC, inkluż l-elaborazzjoni tar-rapporti dwar Miżuri għat-Tisħiħ tal-Fiduċja tal-BTWC u l-indirizzar ta' kwistjonijiet leġiżlattivi. It-taħriġ ser jibni fuq il-Gwida dwar l-Implimentazzjoni tal-BTWC, li qed tiġi żviluppata taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE 2019/97.

    Għalkemm l-ISU tal-BTWC tagħmel id-dettalji ta' kuntatt tal-NCPs maħtura kollha disponibbli għall-Istati Parti kollha fuq paġna separata ta' aċċess ristrett, ma jeżistux modi formalizzati biex l-NCPs jinteraġixxu ma' xulxin. Għalhekk, il-proġett preżenti jipprevedi li jkun hemm sensiela ta' fora ta' djalogi reġjonali informali - virtwali jew fiżiċi - għall-NCPs tal-BTWC sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki.

    Barra minn hekk, ser isir avveniment f'Ġinevra li jlaqqa' flimkien l-NCPs kollha tal-BTWC, pereżempju qabel il-Laqgħa tal-Istati Parti għall-BTWC, biex jippermetti l-iskambju ta' informazzjoni u networking fost l-NCPs tar-reġjuni kollha, simili għal-Laqgħa Annwali tal-Awtoritajiet Nazzjonali tal-OPCW taħt il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi. Il-paġna ta' aċċess ristrett ser tiġi estiża wkoll biex isservi bħala repożitorju ta' informazzjoni rilevanti għall-NCPs, inkluż il-materjali ta' taħriġ rilevanti kollha, u bħala pjattaforma interattiva li tippermetti lill-NCPs jinteraġixxu ma' xulxin u mal-ISU tal-BTWC. Il-paġna ta' aċċess ristrett ser tinżamm u tiġi amministrata mill-ISU tal-BTWC biex jiġi żgurat skambju ffaċilitat kontinwu fost l-NCPs lil hinn mill-konklużjoni ta' din id-Deċiżjoni tal-Kunsill.

    Kemm il-kors ta' taħriġ kif ukoll il-fora ta' djalogu għandhom komponent qawwi ta' networking, peress li l-NCPs ikollhom l-opportunità li jsiru jafu u jikkollaboraw ma' xulxin.

    3.2.3.   Riżultati Mistennija tal-Proġett

    Bħala konsegwenza pożittiva ta' dan il-kors ta' taħriġ, huwa mistenni li bil-forniment tal-programm ta' taħriġ aktar Stati Parti ser jinnominaw NCPs. Huwa mistenni wkoll li t-taħriġ ipprovdut ser jirriżulta f'għadd ikbar u kwalità aħjar tar-rapporti dwar Miżuri għat-Tisħiħ tal-Fiduċja ppreżentati kull sena, li ser jipprovdu informazzjoni addizzjonali dwar l-istatus tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni globalment. Sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà, il-materjali tat-taħriġ ser jiġu konċettwalizzati b'tali mod li jkunu jistgħu jintużaw u jkunu aċċessibbli għall-NCPs għal taħriġ futur wara l-konklużjoni ta' din id-Deċiżjoni tal-Kunsill. Barra minn hekk, dan il-Proġett huwa mistenni li jiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn l-NCPs.

    3.3.   Proġett 3 – Iffaċilitar tar-rieżami tal-iżviluppi fix-Xjenza u t-Teknoloġija ta' rilevanza għall-BTWC billi jiġu involuti wkoll l-akkademja u l-industrija

    3.3.1.   Fini tal-Proġett

    Dan il-proġett għandu l-għan li jiffaċilita r-rieżami tax-xjenza u t-teknoloġija (S&T) ta' rilevanza għall-Konvenzjoni. L-Istati Parti għall-BTWC rrikonoxxew ripetutament l-importanza li jibqgħu infurmati dwar l-avvanzi rilevanti fix-xjenza u t-teknoloġija. Tali avvanzi jistgħu fuq naħa waħda joħolqu riskji li jistgħu jwasslu għal ksur potenzjali tal-Konvenzjoni u min-naħa l-oħra jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-Konvenzjoni billi, pereżempju, itejbu l-vaċċini u d-dijanjożi tal-mard. Billi t-teknoloġija relatata mal-BTWC għandha intrinsikament użu doppju, l-involviment kostanti tal-akkademja u l-industrija u l-iskambju magħhom huma ferm importanti.

    3.3.2.   Deskrizzjoni tal-Proġett

    Dan il-proġett jikkonsisti mill-organizzazzjoni ta' konferenza internazzjonali dwar ix-xjenza u t-teknoloġija bi tħejjija għad-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni, li tiffoka prinċipalment fuq esperti mill-akkademja, il-gvernijiet u l-industrija biex jinkorporaw il-fehmiet tagħhom fid-diskussjonijiet li ser jikkontribwixxu għall-programm tad-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni. Il-konferenza ser tqis u tibni, kif ikun applikabbli, fuq l-eżiti tal-ħames sessjonijiet ta' ħidma reġjonali dwar ix-xjenza u t-teknoloġija li saru fil-qafas tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE (PESK) 2016/51 b'appoġġ għall-BTWC. Il-konferenza ser tindirizza wkoll proposti relatati max-xjenza u t-teknoloġija tal-Istati Parti għall-BTWC, bħall-introduzzjoni ta' kodiċi ta' kondotta għall-bijoxjenzjati u l-isforzi biex jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' rieżami fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija, li ser ikunu soġġetti għal diskussjonijiet imġedda matul id-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni. Il-konferenza ser issir f'pajjiż tan-Nofsinhar Globali, pereżempju f'wieħed mill-isponsors (5) tar-riżoluzzjoni tal-AĠNU dwar "Ir-rwol tax-xjenza u t-teknoloġija fil-kuntest tas-sigurtà internazzjonali u d-diżarm". F'każ li l-konferenza ma tkunx tista' ssir fiżikament minħabba l-pandemija tal-COVID-19, ser tiġi organizzata f'format virtwali. Għall-organizzazzjoni u t-twettiq tal-konferenza, ser ikun involut konsulent estern b'esperjenza rilevanti u rabtiet mill-qrib mal-akkademja u/jew l-industrija. Il-konsulent estern ser jingħata l-kompitu wkoll li jaħdem fuq l-iżvilupp ta' strateġija aktar fit-tul għal involviment akbar minn diversi partijiet ikkonċernati taħt il-BTWC.

    Il-konferenza dwar ix-xjenza u t-teknoloġija ser tkun ikkomplementata bil-ħolqien ta' inizjattiva "Xjenza għad-Diplomatiċi" li għandha l-għan li tiżgura li dawk li jfasslu l-politika jkunu konxji minn kif l-avvanzi teknoloġiċi u xjentifiċi jistgħu jkunu kemm ta' benefiċċju kif ukoll ta' sfida għall-Konvenzjoni. L-inizjattiva "Xjenza għad-Diplomatiċi" ser tikkonsisti mill-organizzazzjoni ta' serje ta' avvenimenti li jiffokaw fuq żviluppi teknoloġiċi ta' importanza partikolari għall-Konvenzjoni. Il-konsulent estern ser ikun responsabbli wkoll għall-organizzazzjoni tal-avvenimenti tal-inizjattiva "Xjenza għad-Diplomatiċi".

    3.3.3.   Riżultati Mistennija tal-Proġett

    Il-konferenza dwar ix-xjenza u t-teknoloġija hija mistennija li tinforma u tikkontribwixxi għad-diskussjonijiet sostantivi li ser isiru matul id-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni. Id-diskussjoni tal-proposti rilevanti relatati max-xjenza u t-teknoloġija tal-Istati Parti għall-BTWC, bħall-introduzzjoni ta' kodiċi ta' kondotta għall-bijoxjenzati u l-isforzi biex jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' rieżami fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija, għandha l-għan li tiffaċilita l-formulazzjoni ta' pożizzjonijiet nazzjonali u/jew reġjonali kif ukoll id-diskussjoni u n-negozjar ta' dawn il-proposti fid-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni.

    L-inizjattiva "Xjenza għad-Diplomatiċi" għandha l-għan li tiffamiljarizza lil dawk li jfasslu l-politika mal-avvanzi teknoloġiċi u xjentifiċi ewlenin ta' rilevanza għall-Konvenzjoni.

    3.4.   Proġett 4 – Twessigħ tal-appoġġ għal eżerċizzji volontarji ta' trasparenza

    3.4.1.   Fini tal-Proġett

    Il-proġett għandu l-objettiv li jippromwovi t-trasparenza u jsaħħaħ il-fiduċja taħt il-Konvenzjoni. Huwa jibni fuq eżerċizzji volontarji ta' trasparenza tal-passat imwettqa mill-Istati Parti sa mill-2011 u għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ l-appoġġ għal tali inizjattivi permezz tal-istabbiliment ta' pjattaforma ta' skambju għal eżerċizzji volontarji ta' trasparenza. Jinkludi wkoll, fost l-oħrajn, it-twettiq ta' analiżi komprensiva biex jiġu identifikati lezzjonijiet minn dawk l-attivitajiet kif ukoll sett ta' attivitajiet prattiċi b'appoġġ għall-kunċett.

    3.4.2.   Deskrizzjoni tal-Proġett

    Mill-2011, 15-il Stat Parti ħadu inizjattivi volontarji biex jospitaw tipi differenti ta' eżerċizzji ta' trasparenza taħt il-Konvenzjoni. Dawn l-eżerċizzji laqqgħu flimkien 35 pajjiż mill-gruppi reġjonali kollha. Filwaqt li l-attivitajiet preċedenti varjaw fl-għanijiet u l-objettivi speċifiċi tagħhom, fil-format, fil-livell ta' parteċipazzjoni u fit-tul ta' żmien tagħhom, huma jibnu fuq fehim komuni wieħed: kollha huma maqbula volontarjament jew bilateralment, multilateralment jew permezz ta' proċess miftuħ għall-Istati Parti kollha li huma interessati li jagħmlu użu mill-opportunitajiet ta' rieżami bejn il-pari. Dan l-approċċ jippermetti t-tfassil ta' diversi parametri ewlenin skont il-preferenzi tal-Istati Parti organizzaturi/parteċipanti. L-eżerċizzji volontarji ta' trasparenza jistgħu jindirizzaw diversi aspetti bħall-implimentazzjoni nazzjonali, l-assistenza u l-kooperazzjoni internazzjonali, it-tħejjija u r-rispons, il-kontroll tal-esportazzjoni, il-leġiżlazzjoni dwar il-bijosikurezza u l-bijosigurtà, jew it-tħejjija tar-rapporti dwar Miżuri għat-Tisħiħ tal-Fiduċja.

    Il-proġett jipprevedi l-istabbiliment ta' kompendju online tal-eżerċizzji kollha ta' trasparenza fil-forma ta' bażi ta' data fejn jista' jsir tiftix dwar l-attivitajiet kollha mwettqa sa dakinhar u l-kompilazzjoni ta' studju komprensiv dwar l-eżerċizzji ta' trasparenza tal-passat, inkluż lezzjonijiet identifikati mid-diversi attivitajiet. L-istudju ser jitwettaq f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-UNIDIR. Barra minn hekk, l-UNODA ser ifittex li jissieħeb ma' organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali interessati, inkluż iċ-Ċentri ta' Eċċellenza CBRN tal-UE, fl-implimentazzjoni tal-proġett. L-istabbiliment tal-kompendju online u l-elaborazzjoni tal-istudju dwar l-eżerċizzji tal-passat ser jiġu assenjati lil konsulenti esterni.

    3.4.3.   Riżultati Mistennija tal-Proġett

    Il-proġett huwa mistenni li jsaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni permezz tal-kondiviżjoni ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki fost l-Istati Parti dwar eżerċizzji volontarji ta' trasparenza u biex jgħin fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet għal assistenza u kooperazzjoni taħt l-Artikolu X tal-BTWC. Ser jgħin ukoll biex jinħoloq forum ta' djalogu dwar tali inizjattivi fost l-Istati Parti interessati.

    4.   KWISTJONIJIET TA' PERSUNAL

    L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni tal-Kunsill ser teħtieġ preżenza ta' persunal f'Ġinevra biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni koordinata u simplifikata tal-attivitajiet kollha taħt din id-Deċiżjoni tal-Kunsill. Huwa għalhekk meħtieġ li jkun hemm Uffiċjal għall-Affarijiet Politiċi P2 u Assistent Amministrattiv GS4 ibbażati fil-Fergħa ta' Ġinevra tal-UNODA. Kif spjegat hawn fuq, ser ikun hemm Uffiċjal għall-Affarijiet Politiċi P3 ibbażat f'Addis Ababa. L-Uffiċjali għall-Affarijiet Politiċi P2 u P3 u l-Assistent Amministrattiv GS4 ser jirrapportaw lill-Uffiċjal għall-Affarijiet Politiċi P3 li jissorvelja l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2019/97 sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni simplifikata u koordinata taż-żewġ Deċiżjonijiet tal-Kunsill.

    Minħabba l-livell għoli ta' speċjalizzazzjoni meħtieġ għall-għoti ta' assistenza leġiżlattiva u teknika fl-Afrika, il-modernizzazzjoni tas-sit web tal-NCP u l-elaborazzjoni ta' materjali ta' taħriġ għall-NCPs, l-organizzazzjoni tal-Konferenza dwar ix-xjenza u t-teknoloġija u t-twettiq tal-inizjattiva "Xjenza għad-Diplomatiċi", l-istabbiliment tal-kompendju online dwar l-eżerċizzji volontarji ta' trasparenza u l-elaborazzjoni tal-istudju ta' eżerċizzji tal-passat u l-aħjar prattiki, ser ikun meħtieġ li jiġu involuti konsulenti esterni għal dawk il-finijiet.

    5.   RAPPURTAR

    Kull sitt xhur, l-UNODA/BWTC-ISU ser tippreżenta lir-RGħ rapporti ta' progress dwar l-implimentazzjoni tal-proġetti.

    6.   TUL TA' ŻMIEN

    L-implimentazzjoni tal-proġetti hija stmata li ddum 24 xahar b'kollox.

    7.   VIŻIBBILTÀ TAL-UE

    Il-UNODA/BWTC-ISU ser tieħu l-miżuri kollha xierqa biex tirreklama l-fatt li l-attivitajiet imwettqa jkunu ġew iffinanzjati mill-Unjoni. Tali miżuri ser jitwettqu f'konformità mal-Manwal ta' Komunikazzjoni u Viżibbiltà għall-Azzjonijiet Esterni tal-UE tal-Kummissjoni stabbilit u ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea. Għaldaqstant, il-UNODA/BWTC-ISU ser tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni permezz ta' markar u reklamar xierqa, li jenfasizzaw ir-rwol tal-Unjoni, filwaqt li tiġi żgurata t-trasparenza tal-azzjonijiet tagħha, u jiżdied l-għarfien dwar ir-raġunijiet għal din id-Deċiżjoni kif ukoll l-għarfien dwar l-appoġġ tal-Unjoni għal din id-Deċiżjoni u r-riżultati ta' dak l-appoġġ. Il-materjal prodott mill-proġetti ser juri b'mod prominenti l-bandiera tal-Unjoni f'konformità mal-linji gwida tal-Unjoni għall-użu korrett u r-riproduzzjoni tal-bandiera.

    8.   BENEFIĊJARJI

    Il-benefiċjarji tal-Proġett 1 ser ikunu l-Istati Parti għall-BTWC fir-rigward tal-għoti ta' assistenza legali u teknika u Stati mhux Parti (kemm Stati firmatarji kif ukoll Stati mhux firmatarji) għall-BTWC fir-rigward tal-attivitajiet ta' universalizzazzjoni, inkluż partijiet ikkonċernati rilevanti mis-settur privat, l-akkademja u l-NGOs kif ukoll raggruppamenti sottoreġjonali u organizzazzjonijiet sħab ibbażati fl-Afrika (6), fejn adatt.

    Il-benefiċjarji tal-Proġett 2 fir-rigward tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali tal-BTWC huma l-Istati Parti għall-BTWC, b'mod partikolari uffiċjali maħtura bħala punti ta' kuntatt nazzjonali.

    Il-benefiċjarji tal-Proġett 3 dwar l-iffaċilitar tar-rieżami tal-iżviluppi fix-Xjenza u t-Teknoloġija ta' rilevanza għall-Konvenzjoni ser ikunu uffiċjali, xjenzjati, akkademiċi u rappreżentanti tal-industrija mill-Istati Parti għall-BTWC.

    Il-benefiċjarji tal-Proġett 4 rigward it-twessigħ tal-appoġġ għall-eżerċizzji volontarji ta' trasparenza ser ikunu l-Istati Parti għall-BTWC.


    (1)  Il-flussi ta' ħidma ewlenin tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE 2019/97 huma l-universalizzazzjoni, il-programmi ta' assistenza biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-BTWC fil-livelli nazzjonali, il-ħolqien ta' networks dwar il-bijosigurtà fost xjenzjati żgħażagħ min-Nofsinhar Globali, l-appoġġ għall-programm intersessjonali u d-disa' Konferenza ta' Reviżjoni kif ukoll l-iżvilupp ta' materjal ta' sensibilizzazzjoni u materjal edukattiv.

    (2)  Azzjonijiet Konġunti 2006/184/PESK u 2008/858/PESK u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2012/421/PESK u 2016/51/PESK.

    (3)  Bħaċ-Ċentru Afrikan għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard (Africa CDC) fir-rigward tal-Inizjattiva dwar il-Bijosikurezza u l-Bijosigurtà tiegħu, id-Dipartiment tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, l-Aġenzija tal-UA għall-Iżvilupp – Network ta' Esperti tal-UA dwar il-Bijosikurezza (AUDA-NEPAD), il-Komunitajiet Ekonomiċi Reġjonali (RECs) u entitajiet rilevanti oħra tal-UA, kif ukoll l-Inizjattiva Ewlenija tal-Grupp ta' Ħidma dwar is-Sigurtà Bijoloġika tas-Sħubija Globali.

    (4)  Fir-riżoluzzjoni 1540 (2004), il-Kunsill tas-Sigurtà ddeċieda li l-Istati kollha għandhom jibqgħu lura milli jipprovdu kwalunkwe forma ta' appoġġ lil atturi mhux Statali li jippruvaw jiżviluppaw, jakkwistaw, jimmanifatturaw, jippossjedu, jittrasportaw, jittrasferixxu jew jużaw armi nukleari, kimiċi jew bijoloġiċi u l-mezzi ta' kunsinna tagħhom, b'mod partikolari għal finijiet terroristiċi.

    (5)  Ara https://undocs.org/en/A/RES/73/32

    (6)  Bħaċ-Ċentru Afrikan għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard (Africa CDC) fir-rigward tal-Inizjattiva dwar il-Bijosikurezza u l-Bijosigurtà tiegħu, id-Dipartiment tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, l-Aġenzija tal-UA għall-Iżvilupp – Network ta' Esperti tal-UA dwar il-Bijosikurezza (AUDA-NEPAD), il-Komunitajiet Ekonomiċi Reġjonali (RECs) u entitajiet rilevanti oħra tal-UA, kif ukoll l-Inizjattiva Ewlenija tal-Grupp ta' Ħidma dwar is-Sigurtà Bijoloġika tas-Sħubija Globali.


    Top