Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D1940

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1940 tad-9 ta’ Novembru 2021 dwar is-sospensjoni parzjali tal-applikazzjoni tal-Ftehimbejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussjadwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi

    ST/12825/2021/INIT

    ĠU L 396, 10.11.2021, p. 58–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/1940/oj

    10.11.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 396/58


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1940

    tad-9 ta’ Novembru 2021

    dwar is-sospensjoni parzjali tal-applikazzjoni tal-Ftehimbejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussjadwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2), il-punt (a), u l-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi (“il-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2020, b’mod parallel mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussja dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni (2) (“il-Ftehim ta’ Riammissjoni”).

    (2)

    L-iskop tal-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni hu li jiffaċilita, fuq il-bażi ta’ reċiproċità, il-ħruġ ta’ viżi għal soġġorn intenzjonat ta’ mhux aktar minn 90 jum f’kull perijodu ta’ 180 jum għaċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-Belarussja. Il-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kuntatti bejn il-persuni u l-kondiviżjoni tal-valuri, inklużi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi.

    (3)

    Skont l-Artikolu 14(5) tal-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni, kull Parti tista’ tissospendi l-Ftehim kollu jew parti mill-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni tiġi notifikata lill-Parti l-oħra mhux aktar tard minn 48 siegħa qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu. Il-Parti li tkun issospendiet l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tgħarraf lill-Parti l-oħra immedjatament ladarba r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jkunux japplikaw aktar.

    (4)

    B’reazzjoni għar-repressjoni brutali kontinwa kontra s-segmenti kollha tas-soċjetà fil-Belarussja, u b’mod partikolari l-ħtif ta’ titjira tal-passiġġieri fit-23 ta’ Mejju 2021, l-Unjoni pprojbixxiet lit-trasportaturi Belarussi milli jtiru fuq it-territorju tal-Unjoni u milli jaċċessaw l-ajruporti tal-Unjoni, u introduċiet ir-raba’ pakkett ta’ sanzjonijiet li jelenka persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi kif ukoll sanzjonijiet ekonomiċi mmirati permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 (3) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK (4).

    (5)

    Bi tweġiba għal tali miżuri restrittivi, fit-28 ta’ Ġunju 2021 il-Belarussja rritaljat billi ħabbret is-sospensjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fis-Sħubija tal-Lvant u s-sospensjoni tal-Ftehim ta’ Riammissjoni. Fit-8 ta’ Settembru 2021 ġiet ippreżentata lill-Parlament Belarussu abbozz ta’ liġi dwar is-sospensjoni tal-Ftehim ta’ Riammissjoni.

    (6)

    Fl-istess ħin, il-Litwanja u, aktar reċentement, il-Polonja u l-Latvja kienu qed jesperjenzaw żieda bla preċedent fil-flussi migratorji irregolari mill-Belarussja. Dik iż-żieda f’daqqa tissuġġerixxi li r-reġim Belarussu qed jinkoraġġixxi l-migrazzjoni irregolari għal finijiet politiċi, u b’mod partikolari r-ritaljazzjoni kontra l-Litwanja, il-Polonja u l-Latvja għall-pożizzjoni tagħhom dwar il-Belarussja.

    (7)

    L-azzjonijiet meħuda mill-Belarussja jiksru l-prinċipji fundamentali li fuqhom ġie konkluż il-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni u jmorru kontra l-interessi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. B’mod partikolari, dawk l-azzjonijiet ma jurux rispett għad-drittijiet tal-bniedem jew għall-prinċipji demokratiċi, u jipprovokaw migrazzjoni irregolari mit-territorju tal-Belarussja lejn it-territorju tal-Unjoni.

    (8)

    Għalhekk, jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni li jikkonċernaw il-ħruġ ta’ viżi għal soġġorn qasir għal ċerti kategoriji ta’ applikanti, jiġifieri membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali tal-Belarussja, membri ta’ Gvernijiet u Parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-Belarussja, u membri tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Belarussja u tal-Qorti Suprema tal-Belarussja, fl-eżerċizzju ta’ dmirijiethom tiġi sospiża.

    (9)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (5);

    (10)

    F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi (“Il-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni”) hija sospiża:

    (a)

    L-Artikolu 4(1), punt (a), fir-rigward ta’ kwalunkwe applikant tal-viża li huwa membru ta’ delegazzjoni uffiċjali Belarussa, inkluż membri permanenti ta’ tali delegazzjoni li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Belarussja, għandu jipparteċipa f’laqgħat uffiċjali, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi;

    (b)

    L-Artikolu 5(1), il-punti (a) u (b), fir-rigward ta’ kwalunkwe applikant tal-viża li, fil-qadi ta’ dmirijietu, huwa membru ta’ Gvern jew Parlament nazzjonali jew reġjonali tal-Belarussja, tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Belarussja jew tal-Qorti Suprema tal-Belarussja, kif ukoll kwalunkwe applikant tal-viża li huwa membru permanenti ta’ delegazzjoni uffiċjali Belarussa, li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Belarussja, għandu jipparteċipa b’mod regolari f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti organizzati fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi;

    (c)

    L-Artikolu 5(2), punt (a), fir-rigward ta’ kwalunkwe applikant tal-viża li huwa membru ta’ delegazzjoni uffiċjali tal-Belarussa li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Belarussja, għandu jipparteċipa regolarment f’laqgħat uffiċjali, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru fit-territorju tal-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi;

    (d)

    L-Artikolu 6(3), il-punti (a) u (b), fir-rigward ta’ kwalunkwe applikant tal-viża li huwa membru ta’ Gvern jew Parlament nazzjonali jew reġjonali tal-Belarussja, tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Belarussja jew tal-Qorti Suprema tal-Belarussja, kif ukoll kwalunkwe applikant tal-viża li huwa membru ta’ delegazzjoni uffiċjali Belarussa, inkluż membri permanenti ta’ tali delegazzjoni, li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Belarussja, għandu jipparteċipa f’laqgħat uffiċjali, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti organizzati fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill, f’isem l-Unjoni, għandu jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 14(5) tal-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni mhux aktar tard minn 48 siegħa qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tieni jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Novembru 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. ŠIRCELJ


    (1)  ĠU L 180, 9.6.2020, p. 3.

    (2)  (ĠU L 181, 9.6.2020, p. 3).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 tat-18 ta’ Mejju 2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Belarussja (ĠU L 134, 20.5.2006, p. 1).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU L 285, 17.10.2012, p. 1).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tiehu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).


    Top