EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0534

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/534 tal-24 ta’ Marzu 2021 li tiddetermina, skont l-Artikolu 39(1) tad-Direttiva 2014/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jekk miżura meħuda mill-Ġermanja biex jiġi pprojbit it-tqegħid fis-suq ta’ mudell ta’ lift immanifatturat minn Orona hijiex ġustifikata jew le (notifikata bid-dokument C(2021) 1863) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/1863

ĠU L 106, 26.3.2021, p. 60–70 (BG, ES, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 106, 26.3.2021, p. 62–72 (CS)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/534/oj

26.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 106/60


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/534

tal-24 ta’ Marzu 2021

li tiddetermina, skont l-Artikolu 39(1) tad-Direttiva 2014/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jekk miżura meħuda mill-Ġermanja biex jiġi pprojbit it-tqegħid fis-suq ta’ mudell ta’ lift immanifatturat minn Orona hijiex ġustifikata jew le

(notifikata bid-dokument C(2021) 1863)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mal-liftijiet u l-komponenti ta’ sikurezza tal-liftijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 39(1) tagħha,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fl-10 ta’ Marzu 2016, il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar miżura li kienet ħadet fis-26 ta’ Novembru 2015 skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/16/KE (2) (“il-miżura nazzjonali”). Dik il-miżura pprojbiet it-tqegħid fis-suq tal-mudell tal-lift M33v3 prodott minn Orona Sociedad Cooperativa, Hernani, Spanja (“il-lift M33v3”) u introduċiet kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq tat-tagħmir.

(2)

Il-ġustifikazzjoni tal-Ġermanja għall-adozzjoni tal-miżura nazzjonali kienet ibbażata fuq attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq preċedenti mwettqa mill-Awtorità Ċentrali tal-Länder għat-Teknoloġija tas-Sikurezza (“l-awtorità Ġermaniża”). L-awtorità Ġermaniża sabet li l-lift M33v3 kiser ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza stabbiliti fit-taqsima 2.2 tal-Anness I tad-Direttiva 95/16/KE (“ir-rekwiżiti essenzjali”).

(3)

Orona Sociedad Cooperativa (“Orona”) kienet diġà ressqet l-oġġezzjonijiet tagħha kontra l-miżura nazzjonali lill-Kummissjoni fil-11 ta’ Diċembru 2015, fejn argumentat li l-lift M33v3 innovattiv tagħha jippreżenta sistemi ta’ sikurezza alternattivi li jikkostitwixxu tal-inqas livell ekwivalenti ta’ sikurezza meta mqabbel ma’ kwalunkwe lift iddisinjat skont l-istandards armonizzati rilevanti u b’hekk jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali u jinvoka l-ħtieġa li l-awtorità Ġermaniża tinnotifika l-miżura nazzjonali lill-Kummissjoni.

(4)

F’April 2016, il-Kummissjoni bdiet konsultazzjoni mal-Istati Membri u ma’ Orona biex tevalwa l-miżura nazzjonali.

(5)

Id-Direttiva 95/16/KE sussegwentement ġiet imfassla mill-ġdid u tħassret bid-Direttiva 2014/33/UE b’effett mill-20 ta’ April 2016.

(6)

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ April 2016, il-Kummissjoni stiednet lil Orona tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-miżura nazzjonali, li Orona għamlet permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Mejju 2016, li kienet tinkludi osservazzjonijiet estensivi u dokumenti ta’ sostenn. Fid-9 ta’ Ġunju 2016 saret laqgħa ta’ segwitu bejn il-Kummissjoni u Orona.

(7)

Permezz ta’ ittra separata tal-20 ta’ April 2016, il-Kummissjoni stiednet ukoll lil Liftinstituut, il-korp notifikat magħżul minn Orona, li fl-2012 kien iċċertifika l-konformità tal-lift M33v3 mad-Direttiva 95/16/KE, jissottometti l-kummenti tiegħu. Madankollu, peress li Liftinstituut kien diġà bagħat lill-Kummissjoni osservazzjonijiet estensivi u dokumenti ta’ sostenn f’ittra tal-20 ta’ Jannar 2016 b’konformità mal-osservazzjonijiet ta’ Orona, huwa ma pprovda l-ebda kumment sostanzjali ieħor.

(8)

F’laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma għall-Kooperazzjoni Amministrattiva fis-Settur tal-Liftijiet fis-16 ta’ Ġunju 2016, li kienet ippreseduta mill-Istati Membri, l-awtorità Ġermaniża ppreżentat il-miżura nazzjonali lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni attendiet il-laqgħa bħala membru ta’ dak il-grupp ta’ ħidma.

(9)

Il-Kummissjoni wettqet ukoll studju espert indipendenti (l-“istudju indipendenti”). L-istudju indipendenti ġie inizjalment kuntrattat fid-29 ta’ Novembru 2016, u fid-9 ta’ Frar 2017 l-awtorità Ġermaniża, Orona, l-espert indipendenti u l-Kummissjoni attendew spezzjoni fuq il-post tal-lift M33v3. Madankollu, il-kuntratt ġie sussegwentement mitmum u ġie mqabbad espert ieħor. Dak l-espert wettaq l-istudju indipendenti u fl-10 ta’ Diċembru 2018 ħareġ rapport finali (3). F’dak ir-rapport finali, ġie konkluż li l-lift “jissodisfa b’mod konklużiv ir-Rekwiżit Essenzjali 2.2 billi jikseb tal-inqas il-livell ekwivalenti ta’ sikurezza, fiż-żmien tal-installazzjoni, tal-istandard armonizzat li ta l-preżunzjoni ta’ konformità mal-EHSR 2.2 tal-Anness I tad-Direttiva 95/16/KE”. Fis-17 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni stiednet lill-awtorità Ġermaniża, lil Orona u lil Liftinstituut iressqu l-osservazzjonijiet dwar l-istudju indipendenti. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand Liftinstituut fl-14 ta’ Jannar 2019, mingħand Orona fil-15 ta’ Jannar 2019 u mingħand l-awtorità Ġermaniża fit-28 ta’ Frar 2019.

(10)

Fis-16 ta’ Mejju 2019, saret laqgħa mal-Kummissjoni, mal-awtorità Ġermaniża, ma’ Orona u ma’ Liftinstituut biex jiġu ċċarati l-osservazzjonijiet irċevuti dwar l-istudju indipendenti. Fuq talba tal-Kummissjoni, l-awtorità Ġermaniża bagħtet il-kjarifiki dwar l-osservazzjonijiet li saru dwar l-istudju indipendenti permezz ta’ email tat-28 ta’ Mejju 2019. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti dwar dawn il-kjarifiki minn Orona fit-12 ta’ Lulju 2019 u minn Liftinstituut fid-19 ta’ Lulju 2019.

(11)

Fl-14 ta’ April 2020, il-Kummissjoni stiednet lil Orona u lill-awtorità Ġermaniża jikkummentaw dwar sommarju tal-pożizzjonijiet tal-partijiet u l-valutazzjoni proviżorja tal-Kummissjoni. Il-kummenti kollha waslu sad-29 ta’ Mejju 2020.

2.   IL-POŻIZZJONIJIET U L-ARGUMENTI TAL-PARTIJIET

2.1.   Il-pożizzjoni u l-argumenti tal-awtorità Ġermaniża

(12)

L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq lokali Ġermaniżi bdew l-investigazzjonijiet tal-lift M33v3 f’Ottubru 2014. Sussegwentement, l-awtorità Ġermaniża ħadet f’idejha l-investigazzjoni.

(13)

Kif iddikjarat fin-notifika lill-Kummissjoni dwar il-miżura nazzjonali, wara verifika tad-dokumentazzjoni f’Jannar u fi Frar 2015 u test ta’ installazzjoni tal-lift fi Munich fit-23 ta’ Marzu 2015, l-awtorità Ġermaniża kkonkludiet li r-rekwiżiti tal-istandards armonizzati EN 81-1:1998+A3:2009 (4) (“EN 81-1”) u EN 81-21:2009 (5) (“EN 81-21”) (“l-istandards armonizzati”) mhumiex issodisfati mil-lift. Ir-raġuni għal dan hija li l-head room ippjanat fil-lift M33v3 ta’ 0,5 m mhux biżżejjed, minħabba li EN 81-1 jitlob distanza ta’ metru. L-awtorità Ġermaniża ma sabitx il-miżuri alternattivi ta’ sikurezza meħuda fid-disinn u l-kostruzzjoni tal-lift M33v3 ekwivalenti għall-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku rappreżentat mill-istandards armonizzati, u għalhekk huwa fi ksur tar-rekwiżiti essenzjali.

(14)

B’mod partikolari, skont l-awtorità Ġermaniża, filwaqt li l-miżuri alternattivi meħuda mill-manifattur inaqqsu l-probabbiltà ta’ inċident (jiġifieri l-moviment mhux intenzjonat tal-kabina tal-lift għall-pożizzjoni estrema ta’ fuq), id-distanza vertikali minima meħtieġa mill-istandards armonizzati mis-saqaf tal-kabina sas-saqaf tal-bokka titnaqqas bin-nofs, u dan iżid b’mod konsiderevoli l-grad ta’ severità ta’ korrimenti possibbli. Minkejja dan, fil-każ ta’ emerġenza, persuna fuq is-saqaf tal-kabina tista’ tiżgura s-sikurezza tagħha billi timtedd fiż-żona ta’ protezzjoni li jifdal, għalkemm biex wieħed joqgħod f’din il-pożizzjoni jieħu ħafna aktar ħin fil-lift M33v3 milli f’lift ieħor li jissodisfa r-rekwiżiti tal-istandards armonizzati. Dak l-aspett tal-ħin la tqies mill-manifattur, u lanqas minn Liftinstituut fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-konformità għall-eżami tal-UE tat-tip. F’lift iddisinjat wara l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-istandards armonizzati, b’riżultat taż-żona ogħla ta’ protezzjoni, ikun hemm biżżejjed spazju vojt jew ta’ rifuġju biex persuna li tuża l-lift titbaxxa fuq irkopptejha u tiġi żgurata s-sikurezza tagħha.

(15)

Matul il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, l-awtorità Ġermaniża ċċarat l-argumenti pprovduti fin-notifika lill-Kummissjoni tal-miżura nazzjonali u fil-miżura nazzjonali nnifisha.

(16)

Fir-rigward tal-ispazju vojt jew ta’ rifuġju msemmi fir-rekwiżiti essenzjali, l-awtorità Ġermaniża kkonkludiet li l-protezzjoni kontra t-tgħaffiġ fil-lift M33v3 tinkiseb esklussivament permezz tar-rifuġju protett mekkanikament, li għandu d-dimensjonijiet 0,5 m × 0,7 m × 1 m (għoli × wisa’ × tul). L-awtorità Ġermaniża tinnota wkoll li Orona tqis din is-soluzzjoni bħala ekwivalenti għas-soluzzjoni stipulata fl-istandard armonizzat, minħabba li t-tnaqqis tad-distanza vertikali b’0,5 m huwa kkumpensat b’żieda fil-wisa’ u t-tul tal-ispazju protettiv b’0,1 m u 0,2 m rispettivament. Madankollu, l-awtorità Ġermaniża tqis li n-nuqqas tal-lift M33v3 mhuwiex l-ispazju vojt imnaqqas fih innifsu iżda l-ħin li tieħu persuna biex tiżgura s-sikurezza tagħha (jiġifieri li toqgħod f’pożizzjoni mimduda) minħabba dak l-ispazju iżgħar, li jista’ jirriżulta f’korrimenti serji. Skont l-awtorità Ġermaniża, Orona ma pprovdietx evidenza, qabel l-adozzjoni tal-miżura nazzjonali, li l-aspett tal-ħin ma kellux rwol fis-sikurezza tal-lift M33v3 jew li kien hemm biżżejjed ħin biex wieħed jieħu pożizzjoni sikura.

(17)

Fl-osservazzjonijiet tagħha mibgħuta permezz ta’ email tat-28 ta’ Mejju 2019, l-awtorità Ġermaniża speċifikat li d-distanza vertikali bejn is-saqaf tal-kabina u s-saqaf tal-bokka tonqos biss għal 0,5 m f’każ li l-brejk tal-lift jiżviluppa ħsara. Inkella, meta xi ħadd ikun qed jidħol fil-bokka, il-lift ikun diġà mblukkat jew imwaqqaf fid-distanza vertikali bejn is-saqaf tal-kabina u s-saqaf tal-bokka ta’ 1,8 m jew, jekk iż-żewġ swiċċijiet tal-limitu tas-salvagwardja fis-sistema elettrika jfallu, ta’ metru. Madankollu, l-awtorità Ġermaniża sussegwentement indikat, f’osservazzjonijiet addizzjonali tad-29 ta’ Mejju 2020, li l-osservazzjonijiet tat-28 ta’ Mejju 2019 dwar id-distanzi vertikali mhumiex korretti. Minflok, l-awtorità Ġermaniża tirreferi għall-valutazzjoni tar-riskju ta’ Orona, fejn kienu previsti diversi ipoteżijiet ibbażati fuq diversi avvenimenti (jiġifieri ħsara fil-brejk, ħsara fil-kontroll, ħsara fl-iswiċċ tas-sikurezza) u li skonthom huma dawk l-avvenimenti kollha meħuda flimkien, u mhux biss ix-xenarju ta’ ħsara fil-brejk, li jista’ jwassal biex id-distanza vertikali titnaqqas għal 0,5 m. Barra minn hekk, l-awtorità Ġermaniża tirreferi għall-osservazzjonijiet tagħha dwar l-istudju indipendenti tat-28 ta’ Frar 2019, fejn iddikjarat li hemm mill-inqas tliet kawżi potenzjali ta’ inċident minħabba l-ħsara fis-sistema elettronika ta’ waqfien: (i) żball uman (pereżempju, il-persunal tal-ispezzjoni jonqos milli jattiva jew jiddiżattiva l-modalità ta’ spezzjoni anki jekk ikun għad hemm persuna fuq is-saqaf tal-kabina tal-lift), (ii) ħsara fl-iswiċċ limitattiv u (iii) ħsara fil-brejk. Madankollu, fir-rigward tal-iżball uman, l-awtorità Ġermaniża tikkonferma l-konklużjoni fl-istudju indipendenti li żball bħal dan ma jwassalx għat-tqassir tad-distanza vertikali għal 0,5 m.

(18)

Fir-rigward tal-ħsara fl-iswiċċ limitattiv, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-istudju indipendenti tat-28 ta’ Frar 2019, l-awtorità Ġermaniża tiddikjara li xenarju bħal dan mhuwiex probabbli iżda ma jistax jiġi eskluż kompletament. Fir-rigward tal-kawża tal-ħsara fil-brejk, l-awtorità Ġermaniża tirrikonoxxi li nuqqas bħal dan fil-lift ikun estremament rari, peress li Orona ddisinjat il-brejk bħala komponent tas-sikurezza (brejk żejjed, jiġifieri, brejk li huwa apparat ta’ protezzjoni kemm kontra l-moviment mhux intenzjonat tal-kabina kif ukoll kontra li l-kabina titla’ ’l fuq b’veloċità eċċessiva), filwaqt li jitqies li l-komponenti tas-sikurezza jridu jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali u jgħaddu mill-valutazzjoni tal-konformità u l-markatura CE b’mod indipendenti mil-lift. Barra minn hekk, l-awtorità Ġermaniża ddikjarat li l-brejk fil-lift M33v3 huwa aktar sikur minn dak fil-liftijiet li japplikaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti f’EN 81-1, minħabba li dak l-istandard armonizzat jirrikjedi li l-brejkijiet jiġu ċċertifikati bħala komponenti ta’ sikurezza għal-liftijiet f’każijiet partikolari biss.

(19)

Meta vvalutat il-lift M33v3, l-awtorità Ġermaniża assumiet, favur Orona, li l-brejk tal-lift falla inqas ta’ spiss minn brejk mhux żejjed f’lift konformi ma’ EN 81-1. Madankollu, l-awtorità Ġermaniża tqis li minkejja l-probabbiltà baxxa ta’ ħsara fil-brejk, il-lift M33v3 mhuwiex konformi mar-rekwiżiti essenzjali, minħabba li ma jissodisfax il-prinċipji tal-integrazzjoni tas-sikurezza msemmija fl-Anness I, taqsima 1.1, l-aħħar sentenza, tad-Direttiva 95/16/KE. Skont dawk il-prinċipji, l-eliminazzjoni tar-riskji permezz ta’ miżuri kostruttivi tieħu preċedenza ċara fuq is-sempliċi minimizzazzjoni.

(20)

Fl-aħħar nett, fil-kjarifiki addizzjonali mibgħuta lill-Kummissjoni bl-email tat-28 ta’ Mejju 2019, l-awtorità Ġermaniża ddikjarat li meta l-brejk ma jaħdimx, la l-lift M33v3 u lanqas lift konformi ma’ EN 81-1 ma jistgħu jitwaqqfu u l-possibbiltà ta’ ħsara fl-ilqugħ hija daqstant probabbli għaż-żewġ liftijiet.

2.2.   Pożizzjoni u argumenti ta’ Orona

(21)

Matul il-konsultazzjonijiet, Orona ddikjarat li, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 95/16/KE, hija vvalutat il-konformità tal-lift mar-rekwiżiti essenzjali permezz tal-korp notifikat Liftinstituut. Skont l-Anness V ta’ dik id-Direttiva, Liftinstituut wettaq l-eżami tal-UE tat-tip biex jivvaluta s-sikurezza tal-lift. L-eżami tal-UE tat-tip hija l-proċedura li biha korp notifikat jaċċerta u jiċċertifika li lift mudell, jew lift li għalih ma hemm l-ebda dispożizzjoni għal estensjoni jew varjant, jissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 95/16/KE. Liftinstituut ħareġ iċ-ċertifikat ta’ eżami tal-UE tat-tip fis-17 ta’ Lulju 2012, u rrevedieh fil-15 ta’ Marzu 2013.

(22)

Skont l-Artikolu 8(2) (ii) tad-Direttiva 95/16/KE u t-taqsima 4 tal-Anness VI ta’ dik id-Direttiva, korp notifikat magħżul mill-installatur tal-lift għandu jwettaq jew ikun wettaq l-ispezzjoni finali tal-lift qabel ma dan jitqiegħed fis-suq. It-testijiet u l-kontrolli xierqa stabbiliti fl-istandards imsemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 95/16/KE, jew testijiet ekwivalenti, għandhom jitwettqu minn dak il-korp notifikat sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-lift mar-rekwiżiti essenzjali. Orona għażlet lill-korp notifikat TÜV SÜD biex iwettaq l-ispezzjoni finali tal-lift M33v3, TÜV SÜD ikkonfermat il-konformità tal-lift M33v3 u ħarġet iċ-ċertifikat ta’ spezzjoni finali fis-7 ta’ Awwissu 2014.

(23)

Orona talbet lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fin-Netherlands iwettqu spezzjoni ta’ lift M33v3 fil-belt ta’ ’s-Hertogenbosch fl-20 ta’ Awwissu 2015 u huma kkonkludew li l-miżuri tekniċi speċifiċi meħuda minn Orona ssodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali.

(24)

Orona targumenta li l-awtorità Ġermaniża naqset milli tinnotifika lill-Kummissjoni immedjatament dwar il-miżura nazzjonali, kuntrarju għar-rekwiżit li tagħmel dan skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 95/16/KE. Filwaqt li l-miżura nazzjonali ġiet adottata fis-26 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni saret taf biha biss permezz ta’ lment minn Orona fil-11 ta’ Diċembru 2015. L-awtorità Ġermaniża ma nnotifikatx lill-Kummissjoni bil-miżura sal-10 ta’ Marzu 2016. Fl-opinjoni ta’ Orona dan id-dewmien affettwa b’mod negattiv id-drittijiet ta’ difiża u reputazzjoni ta’ Orona.

(25)

Fir-rigward tas-suġġett tal-miżura nazzjonali, Orona fakkret li l-awtorità Ġermaniża kienet spjegat lil Orona li “ma kellhiex dubju dwar l-eżami tal-UE tat-tip b’mod ġenerali, iżda biss il-verżjoni bl-iżgħar spazju ’l fuq flimkien mal-iżgħar lift”. L-awtorità Ġermaniża sostniet dik il-pożizzjoni sal-adozzjoni tal-miżura nazzjonali bosta xhur wara, li kienet tikkonsisti minn projbizzjoni ta’ kwalunkwe mudell ta’ lift M33v3 bi spazju ’l fuq imnaqqas, irrispettivament mid-daqs tal-kabina tal-lift. Għalhekk, Orona tqis li l-miżura nazzjonali, mhux biss ma kinitx ġustifikata, iżda wkoll bi ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

(26)

Fl-osservazzjonijiet tagħha tat-18 ta’ Mejju 2016, Orona fakkret li minflok ma ffukat biss fuq kif il-mudell M33v3 jitqabbel mal-istandards armonizzati dwar l-ispazju ’l fuq vertikali, li huwa biss fattur wieħed fl-evalwazzjoni tas-sikurezza tal-lift, hija meħtieġa valutazzjoni ġenerali tas-sikurezza. F’dan ir-rigward, Orona rreferiet għad-dokument ta’ pożizzjoni ta’ NB-L, il-grupp ta’ koordinazzjoni tal-korpi notifikati għad-Direttiva 95/16/KE tat-3 ta’ Novembru 2009, bit-titolu “Periklu ta’ tgħaffiġ, spazju vojt, kriterji”, li jistabbilixxi kriterji għal spazju vojt aċċettabbli ekwivalenti għall-kriterji stabbiliti fil-klawżola 5.7 ta’ EN 81-1. Il-kriterji stabbiliti f’dak id-dokument ta’ pożizzjoni huma bbażati fuq kombinazzjoni tal-ispazju vojt vertikali, volum ta’ spazju vojt (kubu) u l-integrazzjoni ta’ dawk l-ispazji fiż-żona spazjali. L-istess dokument ta’ pożizzjoni fih lista mhux eżawrjenti ta’ kriterji addizzjonali li jridu jitqiesu waqt valutazzjoni tar-riskju. Dawk il-kriterji addizzjonali jinkludu twissijiet, prinċipji ergonomiċi, il-frekwenza tal-manutenzjoni u ċirkostanzi mhux mistennija.

(27)

Fir-rigward tal-ispazju vertikali vojt bejn is-saqaf tal-kabina u s-saqaf tal-bokka, Liftinstituut iddikjara, f’ittra lil Orona tal-10 ta’ Lulju 2015, li ssostni l-kunsiderazzjonijiet ta’ Orona, li “spazju vojt minimu garantit ta’ 0,5 m huwa ġeneralment aċċettat bħala suffiċjenti biex jiġi evitat il-periklu li jitgħaffeġ il-ġisem tal-bniedem […]. Li dan huwa aċċettabbli wkoll għall-applikazzjoni fil-liftijiet huwa rifless f’EN 81-1:1998+A3:2009, klawżola 5.7.3.3 b)”. Fi kwalunkwe każ, fl-osservazzjonijiet tagħha tat-18 ta’ Mejju 2016, Orona ddikjarat li l-blokka ’l fuq mill-kabina tal-lift M33v3 għandha l-istess spazju vertikali (0,5 m) bħall-ispazju vertikali meħtieġ skont EN 81-1 għall-ispazju għas-salvataġġ taħt il-kabina (fil-bokka). Fir-rigward tal-volum tal-ispazju vojt (kubu), kif deskritt fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-lift M33v3, il-blokka ’l fuq mill-kabina tal-lift għandha volum akbar (0,5 m × 0,7 m × 1,0 m) mill-volum minimu meħtieġ skont EN 81-1 kemm għall-ispazju għas-salvataġġ ’il fuq mill-kabina (0,5 m × 0,6 m × 0,8 m) kif ukoll għall-ispazju għas-salvataġġ taħt il-kabina (0,5 m × 0,6 m × 1,0 m). Studju mitlub minn Orona u mibgħut lill-Kummissjoni fil-15 ta’ Marzu 2016, imwettaq minn ċentru teknoloġiku speċjalizzat fl-innovazzjoni tal-prodotti, tal-proċessi u tas-servizzi bl-isem IK4-Ikerlan (“l-istudju IK4-Ikerlan”), juri li l-persunal tal-manutenzjoni kollu ttestjat (rappreżentattiv tal-varjetà tas-soltu tal-persunal tal-manutenzjoni, li għandu bejn it-18 u l-65 sena, u rġiel) joqgħod fil-kubu ta’ fuq il-kabina tal-lift, filwaqt li dan ma kienx il-każ fil-kubu b’dimensjonijiet skont EN 81-1.

(28)

Skont l-osservazzjonijiet ta’ Orona tat-18 ta’ Mejju 2016, u kif deskritti fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi mibgħuta lill-awtorità Ġermaniża qabel ma ġiet adottata l-miżura nazzjonali, il-lift M33v3 fih għadd ta’ karatteristiċi ta’ sikurezza addizzjonali u speċifiċi li jeskludu b’mod sostanzjali l-iżball uman. Dawk il-karatteristiċi jinkludu mhux biss il-komponent ta’ sikurezza ċċertifikat tal-UE tat-tip tal-brejk żejjed, iżda wkoll għadd ta’ karatteristiċi ta’ sikurezza oħra li, ilkoll flimkien, jagħmlu l-lift aktar sikur mil-liftijiet iddisinjati skont EN 81-1. F’dak ir-rigward, il-lift fih (i) sinjal ta’ twissija li jiddikjara li persuna waħda biss hija permessa fuq is-saqaf tal-kabina, u li l-pożizzjoni korretta ta’ sikurezza biex jiġi evitat ir-riskju ta’ tgħaffiġ hija li timtedd, (ii) komponent tas-sikurezza biex tintefa l-modalità ta’ tħaddim normali meta jkun hemm aċċess għas-saqaf tal-kabina (swiċċ ta’ detezzjoni) biex jiġi evitat li l-kabina tibda’ titla’ ’l fuq meta persuna tidħol fis-saqaf tal-kabina, (iii) sistema ta’ kontroll li, meta jiġi osservat dħul fil-bokka, iżżomm il-lift inattiv sakemm l-iswiċċ tal-ispezzjoni fuq il-kabina jinxtegħel għall-modalità ta’ spezzjoni, (iv) swiċċ addizzjonali ta’ sikurezza ta’ limitu ta’ spezzjoni li jwaqqaf il-lift meta l-kabina tkun 1,8 m mis-saqaf tal-bokka, (v) swiċċ limitattiv finali addizzjonali li jipprevjeni l-moviment tal-kabina, u (vi) “balustrade” teleskopika, li tipprevjeni t-tħaddim normali jekk il-“balustrade” ma tkunx imreġġgħa lura għalkollox u tipprevjeni l-operazzjoni ta’ spezzjoni jekk il-“balustrade” ma tkunx estiża għalkollox.

(29)

Fl-osservazzjonijiet tagħha tat-18 ta’ Mejju 2016, Orona ddikjarat li fil-miżura nazzjonali, l-awtorità Ġermaniża targumenta li tekniku kien se jieħu “ħafna aktar ħin” fuq is-saqaf tal-kabina biex jasal f’pożizzjoni mimduda, li hija meħtieġa biex tiġi żgurata s-sikurezza fil-lift, b’kuntrast mal-pożizzjoni li jitbaxxa fuq irkopptejh. Orona tiddikjara li din l-affermazzjoni ma kinitx sostanzjata minn xi evidenza mressqa mill-awtorità Ġermaniża u li l-ħtieġa li wieħed jieħu pożizzjoni sikura mhijiex rekwiżit speċifiku skont id-Direttiva 95/16/KE. Barra minn hekk, wara laqgħa bejn l-awtorità Ġermaniża u Orona fil-15 ta’ Diċembru 2015, ġie miftiehem, f’konformità mal-miżura nazzjonali, li Orona twettaq xi provi addizzjonali biex tkompli tappoġġja d-disinn sikur tal-lift M33v3. Saret enfasi speċjali fuq l-influwenza tad-daqs tas-saqaf tal-lift fuq il-ħin tar-reazzjoni. F’dan ir-rigward, l-istudju IK4-Ikerlan sab li l-pożizzjoni tal-persunal tal-manutenzjoni u d-daqs tal-liftijiet M33v3 mhumiex fattur li jinfluwenza l-ħin tar-reazzjoni. Barra minn hekk, qed jintwera li l-età u l-indiċi tal-massa tal-ġisem ma għandhom l-ebda effett fuq il-ħin tar-reazzjoni. Barra minn hekk, l-istudju IK4-Ikerlan ikkonkluda li l-fatt li l-ħin ta’ reazzjoni biex tittieħed il-pożizzjoni li titbaxxa fuq l-irkopptejn fil-liftijiet skont EN 81-20 kien bħala medja 1,26 sekonda biss ma jaffettwax ir-riskju potenzjali speċifiku, billi din id-differenza fil-ħin tikkorrispondi għal sempliċi 0,9 m b’veloċità ta’ spezzjoni ta’ 0,6 m/s. Il-ħinijiet differenti ta’ reazzjoni jistgħu jkunu rilevanti biss fil-każ ta’ ħsara fis-sistema tas-sikurezza, pereżempju s-sistema tal-brejkijiet żejda. Madankollu, f’dak ix-xenarju, id-differenza fl-għoli ma tkunx importanti, peress li inċident ikun fatali kemm fil-lift M33v3 kif ukoll fil-lift li jilħaq l-istandards armonizzati.

(30)

Fir-rigward tal-aspett tal-ħin, Orona ddikjarat li, kif deskritt fil-fajl tekniku, is-saqaf tal-kabina tal-lift M33v3 huwa ċatt u mingħajr ostakli, u li minħabba dan il-fatt il-persunal tal-manutenzjoni jista’ jieħu pożizzjoni sikura aktar malajr billi jimtedd ċatt fuq is-saqaf. Orona indikat b’mod partikolari li fuq saqaf tal-kabina ta’ lift li jikkonforma ma’ EN 81-1, jista’ jkun hemm ħafna komponenti li jinterferixxu fl-ispazju għall-pożizzjoni mimduda, pereżempju ħbula u l-aċċessorji tagħhom, li jistgħu jdewmu l-ħin biex wieħed jasal biex jieħu pożizzjoni mimduda sikura. Barra minn hekk, Orona enfasizzat li EN 81-1 jistipula biss li l-ispazju tas-sikurezza jrid jkun aċċessibbli mill-ispazju tax-xogħol. Madankollu, fil-lift M33v3, l-ispazju tax-xogħol jikkoinċidi mal-ispazju tas-sikurezza, li jfisser li jekk xi ħaġa tmur ħażin u persuna trid tadotta l-pożizzjoni mimduda, il-persuna diġà tinsab fil-post korrett, li jnaqqas il-ħin li wieħed jieħu biex jasal f’pożizzjoni sikura. Id-differenzi fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi (jiġifieri l-ostakli fuq is-saqaf tal-kabina u l-aċċess għall-ispazju tas-sikurezza) bejn il-lift M33v3 u lift konformi ma’ EN 81-1 ġew iċċarati aktar fl-ittra ta’ Orona lill-Kummissjoni tal-20 ta’ Jannar 2016 u fl-email tagħha lill-Kummissjoni tat-12 ta’ Lulju 2019.

(31)

Rigward il-ħsara fil-brejk, Liftinstituut spjega f’ittra mibgħuta lil Orona fil-21 ta’ April 2015 li ħsara fil-brejk, fi kwalunkwe lift, twassal għal moviment ’il fuq mhux ikkontrollat tal-kabina tal-lift vojta, li f’distanza qasira ta’ vvjaġġar, jirriżulta f’veloċità li twassal biex il-kabina tal-lift taqbeż fl-ispazju vojt maħsub biex jevita r-riskju ta’ tgħaffiġ bejn is-saqaf tal-kabina tal-lift u s-saqaf tal-bokka, jiġifieri, il-kabina tal-lift tkompli l-moviment tagħha ’l fuq fil-bokka għalkemm il-kontrapiż jolqot l-ilqugħ. Għal lift b’veloċità nominali ta’ metru f’sekonda, l-ispazju ’l fuq ta’ metru kif meħtieġ f’EN 81-1 jiġi kkunsmat mill-qabża fejn il-kabina tal-lift tkun ivvjaġġat b’mod mhux ikkontrollat fuq distanza ta’ 4 m biss, fi kliem ieħor, hija meħtieġa biss distanza qasira ta’ vjaġġar. Ma jkun baqa’ l-ebda spazju vojt li jimplika tgħaffiġ fatali ta’ persuna fuq is-saqaf tal-kabina. Il-fatt li hija meħtieġa biss distanza qasira tal-ivvjaġġar biex il-lift jaċċellera għal veloċità li taqbeż il-115 % tal-veloċità nominali tal-lift jimplika li l-ilqugħ x’aktarx jikkollassa, minħabba li l-integrità tiegħu mhijiex garantita f’veloċitajiet li jaqbżu l-115 % tal-veloċità nominali (EN 81-1 jirrikjedi li l-ilqugħ jiflaħ impatt minħabba l-veloċità ta’ mhux aktar minn 115 % tal-veloċità nominali).

(32)

Barra minn hekk, Orona ddikjarat li, fi kwalunkwe każ, l-ispazju vojt ipprovdut (distanza vertikali ta’ 0,5 m) u l-aspett tal-ħin mhumiex rilevanti għat-tqabbil tal-livell tas-sikurezza bejn il-lift M33v3 u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti f’EN 81-1. Kif spjegat fl-email ta’ Orona lill-awtorità Ġermaniża tat-22 ta’ April 2015, li kienet tinkludi l-pożizzjoni espressa minn Liftinstituut fl-ittra tiegħu tal-21 ta’ April 2015, ir-riskju ta’ tgħaffiġ iseħħ biss meta l-brejk ma jaħdimx. Orona kkonkludiet li jekk jiġri dan, ir-riskju ta’ tgħaffiġ ma jkun evitat la bid-disinn tal-lift M33v3, u lanqas bid-disinn ta’ lift konformi ma’ EN 81-1.

(33)

Fl-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni tat-12 ta’ Lulju 2019, Orona ddikjarat li s-sistema tal-brejkijiet żejda tal-lift M33v3 hija fi kwalunkwe każ ferm aktar sikura mis-sistema tal-brejkijiet ta’ lift konformi ma’ EN 81-1, fatt rikonoxxut mill-awtorità Ġermaniża fl-osservazzjonijiet tagħha tat-28 ta’ Mejju 2019. Il-probabbiltà ta’ ħsara fil-brejk tal-lift M33v3 hija, b’differenza minn lift konformi ma’ EN 81-1, avveniment estremament improbabbli minħabba li l-brejk huwa komponent tas-sikurezza ċċertifikat tal-UE tat-tip għall-protezzjoni tal-moviment mhux intenzjonat tal-kabina u għall-protezzjoni tal-moviment tal-kabina li titla’ ’l fuq. Għalhekk, huwa ferm aktar improbabbli li l-ħsara fil-brejk tal-lift M33v3 tirriżulta f’sitwazzjoni fejn persuna tista’ tiġi kkonfrontata bl-ispazju ta’ rifuġju sikur fuq is-saqaf tal-kabina f’daqqa u mhux intenzjonalment.

(34)

Orona ddikjarat ukoll li t-tħassib tal-awtorità Ġermaniża fl-2015 kien jiffoka fuq il-kwistjoni tar-riskju. Orona pprovdiet lill-awtorità Ġermaniża b’valutazzjoni tar-riskju, imwettqa minn Orona skont l-istandard ISO/DIS 14798 (6) (“il-valutazzjoni tar-riskju”), fis-16 ta’ Frar 2015, disa’ xhur qabel l-adozzjoni tal-miżura nazzjonali. Fil-valutazzjoni tar-riskju ġie konkluż li, wara li ġew ikkunsidrati l-miżuri protettivi stabbiliti minn Orona, il-lift M33v3 kien sikur u ma kienx hemm bżonn ta’ aktar azzjoni biex jitnaqqsu r-riskji billi, abbażi kemm tal-probabbiltà tal-ħsara (ikklassifikat A sa F, il-grad F huwa l-inqas probabbli) u l-grad ta’ gravità tal-korriment (ikklassifikat bejn 1 u 4, 4 bħala l-aktar ħsara minuri), inkiseb ir-riżultat “2F”.

(35)

B’mod partikolari, fil-valutazzjoni tar-riskju huwa konkluż li l-probabbiltà ta’ ħsara tal-brejk (bħala komponent ta’ sikurezza ċċertifikat tal-UE tat-tip) kienet tant remota li l-livell ta’ riskju kien aċċettabbli. Orona ddikjarat li f’analiżi tar-riskju mhuwiex komuni li wieħed jikkunsidra l-ħsara fil-komponenti tas-sikurezza ċċertifikati tal-UE tat-tip minħabba l-livell għoli intrinsiku ta’ sikurezza tagħhom.

(36)

Kif ġie konkluż fil-valutazzjoni tar-riskju, ma hemm l-ebda differenza bejn il-lift M33v3 u l-liftijiet konformi mal-istandards armonizzati. Ix-xenarju teoretiku ta’ ħsara fil-brejk jintemm invarjabbilment b’mod fatali għat-tekniku affettwat minħabba tgħaffiġ mhux ristrett u jkun irrilevanti jekk l-ispazju għas-salvataġġ fuq il-kabina huwiex ta’ 0,5 m jew ta’ metru.

(37)

Fl-aħħar nett, fl-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni tat-18 ta’ Mejju 2016, Orona tenfasizza li d-Direttiva 95/16/KE ma tirrikjedix l-eliminazzjoni sħiħa ta’ kwalunkwe riskju possibbli — li huwa sempliċement impossibbli — iżda biss il-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f’dik id-Direttiva, li huma garantiti permezz ta’ standards armonizzati jew miżuri ekwivalenti ta’ sikurezza. Barra minn hekk, Orona ddikjarat li l-miżuri ekwivalenti ta’ sikurezza jridu jiġu ppruvati li huma daqstant sikuri għal dawk riflessi fl-istandards armonizzati, li ma jinvolvux l-istess standard ta’ prova bħat-turija ta’ nuqqas totali ta’ riskju.

3.   VALUTAZZJONI

(38)

Abbażi tal-konsultazzjoni estensiva mal-partijiet kollha kkonċernati, il-Kummissjoni evalwat il-miżura nazzjonali.

(39)

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 95/16/KE, kif fis-seħħ meta ttieħdet il-miżura nazzjonali, kien jirrikjedi lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jiżguraw li l-liftijiet koperti minn dik id-Direttiva jistgħu jitqiegħdu fis-suq u jitħaddmu biss jekk ma jkunux suxxettibbli li jipperikolaw is-saħħa jew is-sikurezza tal-persuni jew, fejn xieraq, is-sikurezza tal-proprjetà, meta installati u miżmuma kif suppost u użati għall-iskop maħsub tagħhom.

(40)

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/16/KE pprovda li l-liftijiet koperti minn dik id-Direttiva għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali.

(41)

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 95/16/KE kien jirrikjedi li Stat Membru li jaċċerta li lift jista’ jipperikola s-sikurezza tal-persuni u, fejn applikabbli, tal-proprjetà, li jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jirtirah mis-suq, li jipprojbixxih milli jitqiegħed fis-suq jew li jitħaddem jew li jirrestrinġi l-moviment liberu tiegħu. Mit-tieni subparagrafu ta’ dak l-Artikolu jsegwi li l-Istat Membru kellu jinforma immedjatament lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe miżura bħal din, filwaqt li jindika r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu u b’mod partikolari jekk in-nuqqas ta’ konformità kienx dovut għan-nuqqas ta’ ssodisfar tar-rekwiżiti essenzjali, l-applikazzjoni mhux korretta tal-istandards jew nuqqasijiet fl-istandards infushom.

(42)

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 95/16/KE kien jirrikjedi li lift, qabel ma jitqiegħed fis-suq, ikun ġie soġġett għal valutazzjoni tal-konformità minn korp notifikat.

(43)

Ir-rekwiżiti essenzjali ġew stabbiliti fit-taqsima 2.2 tal-Anness I tad-Direttiva 95/16/KE, li speċifikaw li l-lift kellu jkun iddisinjat u mibni biex jipprevjeni r-riskju ta’ tgħaffiġ meta l-kabina tkun f’waħda mill-pożizzjonijiet estremi tagħha u li dak l-objettiv kellu jintlaħaq permezz ta’ spazju vojt jew ta’ rifuġju lil hinn mill-pożizzjonijiet estremi.

(44)

Skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva, EN 81-1 ta preżunzjoni ta’ konformità mat-taqsima 2.2 tal-Anness I tad-Direttiva 95/16/KE fiż-żmien li l-lift M33v3 tqiegħed fis-suq.

(45)

Orona ma bbażatx fuq standards armonizzati biex tikseb konformità mar-rekwiżiti essenzjali. Minflok, Orona ppreżentat lill-awtorità Ġermaniża soluzzjoni teknika alternattiva, iċċertifikata minn Liftinstituut fil-proċedura ta’ eżami tal-UE tat-tip, u ċċarata aktar minn Liftinstituut f’ittra lill-awtorità Ġermaniża tat-12 ta’ Novembru 2014. Għalkemm, l-ispazju vojt minimu fl-ispazju ’l fuq jiddevja mir-rekwiżiti stabbiliti fil-klawżola 5.7.1.1 a) ta’ EN 81-1, skont iċ-ċertifikat tal-eżami tal-UE tat-tip NL12-400-1002-035-30 rev.2, maħruġ minn Liftinstituut, l-ispazju vojt fuq is-saqaf tal-kabina huwa spazju vojt minimu akbar (volum rettangolari) minn dak li huwa meħtieġ bħala spazju vojt minimu fil-fossa skont EN 81-1, biex jiġi evitat riskju ta’ tgħaffiġ fil-pożizzjonijiet estremi tal-kabina. Fl-ittra tiegħu tat-12 ta’ Novembru 2014, Liftinstituut iddikjara li f’każ li l-ħbula jiżolqu meta d-dawwara tal-ħabel ikomplu jduru ’l fuq, dak l-ispazju vojt se jkun iggarantit mill-ilqugħ tal-kontrapiż fiss b’mod permanenti. Barra minn hekk, dak il-korp notifikat iddikjara li d-dimensjonijiet tal-ispazju vojt ta’ Orona li huma alternattivi għad-dimensjonijiet stabbiliti f’EN 81-1 huma wkoll kompatibbli mar-rekwiżiti essenzjali meta mezzi addizzjonali affidabbli jipprovdu spazju temporanju akbar b’dimensjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ EN 81-1 u ta’ EN 81-21, sakemm ir-riskju tat-tgħaffiġ ikun dejjem kopert mill-ispazju vojt li jkun disponibbli b’mod permanenti. Dawk il-mezzi addizzjonali, li jiżguraw spazju temporanju akbar, jinkludu tliet elementi ewlenin. L-ewwel nett, l-applikazzjoni ta’ żewġ kuntatti addizzjonali tas-sikurezza li jaġixxu direttament fiċ-ċirkwit tas-sikurezza tal-lift u li huma, għal affidabbiltà addizzjonali, iċċekkjati mis-sistema ta’ kejl tal-pożizzjonament tal-lift. It-tieni, brejk affidabbli u żejjed, b’ċertifikat tal-UE tat-tip bħala komponent ta’ sikurezza għall-protezzjoni, kemm kontra l-moviment mhux intenzjonat tal-kabina kif ukoll li l-kabina titla’ ’l fuq b’veloċità eċċessiva, li jikseb il-waqfien proprju tal-lift. It-tielet, monitoraġġ tal-aċċess għas-saqaf tal-kabina, li jaqta’ direttament it-tħaddim normali tal-lift meta persuna tkun qed taċċessa s-saqaf tal-kabina minn kwalunkwe bieba tal-indana.

(46)

Skont l-Artikolu 8(2)(ii) tad-Direttiva 95/16/KE u l-Anness V ta’ dik id-Direttiva, Liftinstituut aċċerta u ċċertifika (7) li l-affidabbiltà tas-sistema ta’ protezzjoni fir-rigward tar-riskju ta’ tgħaffiġ fuq il-kabina hija ppruvata permezz tal-eżami tal-UE tat-tip għal-lift M33v3 li jkun tal-inqas ugwali meta mqabbel ma’ lift li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ EN 81-1. Il-lift M33v3 jiddevja biss mid-dimensjonijiet tal-ispazju vojt vertikali stabbiliti fil-klawżola 5.7.1.1 a) ta’ EN 81-1. Orona segwiet il-proċedura tal-eżami tal-UE tat-tip stabbilita fil-parti B tal-Anness V tad-Direttiva 95/16/KE. F’dik il-proċedura, Orona spjegat kif is-soluzzjonijiet tekniċi alternattivi kienu ekwivalenti għar-rekwiżiti ta’ EN 81-1 fir-rigward tas-sikurezza. Iċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-KE maħruġ minn Liftinstituut isegwi l-karta ta’ pożizzjoni ta’ NB-L li tistabbilixxi kriterji tekniċi ġenerali dwar kif liftijiet b’dimensjonijiet ta’ spazju vojt li jiddevjaw mill-klawżola 5.7 ta’ EN 81-1 jistgħu xorta waħda jkunu f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fid-Direttiva 95/16/KE.

(47)

Skont l-Artikolu 8(2)(ii) tad-Direttiva 95/16/KE u t-taqsima 4 tal-Anness VI ta’ dik id-Direttiva, TÜV SÜD ħarġet ċertifikat ta’ spezzjoni finali li jiddikjara li l-lift issodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 95/16/KE, wara li wettqet it-testijiet u l-kontrolli xierqa tal-lift qabel ma kellu jitqiegħed fis-suq.

(48)

Skont l-awtorità Ġermaniża, is-soluzzjoni teknika pprovduta minn Orona ma tissodisfax ir-rekwiżiti essenzjali l-aktar minħabba li l-lift jiddevja minn EN 81-1 billi jipprovdi biss għal distanza vertikali ta’ 0,5 m minflok metru mis-saqaf tal-kabina sas-saqaf tal-bokka. L-awtorità Ġermaniża tqis li dan ma jippermettix biżżejjed ħin biex persuna tieħu pożizzjoni sikura f’każ li miżuri oħra ta’ prekawzjoni ma jirnexxilhom iwaqqfu l-lift f’distanza akbar. Madankollu, fil-miżura nazzjonali l-awtorità Ġermaniża ma speċifikatx f’liema każijiet id-distanza vertikali fil-lift M33v3 tkun ta’ 0,5 m u konsegwentement, f’liema każijiet jista’ jkun hemm ir-riskju ta’ tgħaffiġ.

(49)

Skont l-awtorità Ġermaniża, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi alternattivi applikati minn Orona ma jipprovdux livell ekwivalenti ta’ sikurezza minħabba li anki jekk inaqqsu l-probabbiltà ta’ inċident (il-kabina tal-lift tivvjaġġa b’mod mhux intenzjonat lejn l-ogħla pożizzjoni estrema), il-grad ta’ severità tal-korrimenti possibbli jiżdied b’mod ċar billi l-ispazju vertikali minimu jitnaqqas bin-nofs. Persuna fuq is-saqaf tal-kabina tal-lift tista’ tiżgura s-sikurezza tagħha jekk ikun hemm bżonn billi timtedd fl-ispazju ta’ rifuġju li jifdal, iżda tirrikjedi aktar ħin milli fil-każ ta’ lift li jikkorrispondi mal-istandards armonizzati.

(50)

Fir-rigward tal-ispazju vojt jew ta’ rifuġju, l-awtorità Ġermaniża tqis li EN 81-1 jirrikjedi distanza vertikali ta’ metru fl-ispazju vojt kollu jew fil-kenn mis-saqaf tal-kabina sas-saqaf tal-bokka. Dan il-fatt huwa kkontestat minn Orona, minn Liftinstituut u mill-Kummissjoni, li jsegwi l-konklużjonijiet tal-istudju indipendenti f’dan ir-rigward. Madankollu, peress li l-awtorità Ġermaniża ma tikkunsidrax id-distanza vertikali ta’ 0,5 m fiha nnifisha bħala inkompatibbli mar-rekwiżiti essenzjali iżda minflok il-ħin li wieħed jieħu biex jasal f’pożizzjoni sikura, l-element tad-distanza vertikali fih innifsu ma jridx jiġi elaborat aktar fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-rekwiżiti ta’ EN 81-1.

(51)

Fir-rigward tal-ispazju vojt jew ta’ rifuġju fil-lift M33v3, ladarba jkun fil-modalità ta’ spezzjoni, it-tekniku għandu spazju minimu tax-xogħol ta’ 1,8 m (l-ispazju ta’ fuq għas-salvataġġ). Madankollu, matul il-fażi ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni, l-awtorità Ġermaniża indikat it-tliet kawżi potenzjali ta’ inċident fil-lift li jistgħu jwasslu biex id-distanza vertikali tonqos għal 0,5 m minflok 1,8 m meta l-lift jaħdem kif suppost. Fost dawn it-tliet kawżi, Orona tagħraf biss il-kawża ta’ ħsara fil-brejk. Anki f’dan il-każ, Orona tikkunsidra li ħsara fil-brejk hija improbabbli ħafna. Fir-rigward tal-kawża ta’ żball uman, l-awtorità Ġermaniża ma qisitx din il-kawża meta adottat il-miżura nazzjonali. F’dan ir-rigward, fl-osservazzjonijiet tagħha tal-15 ta’ Jannar 2019, Orona spjegat li m’hemm l-ebda inċentiv għal inġinier tas-servizz kwalifikat biex juża l-lift b’veloċità ta’ tħaddim normali minflok b’modalità ta’ veloċità ta’ manutenzjoni. Sabiex l-inġinier tas-servizz iwettaq xogħlu huwa ta’ importanza kbira li jkollu kontroll sħiħ fuq il-moviment tal-kabina. Jekk il-lift ikun fil-modalità ta’ tħaddim normali, ma jkunx possibbli li l-lift jitwaqqaf fi kwalunkwe post mixtieq għajr fil-bieba tal-indana biex jitwettqu l-operazzjonijiet ta’ manutenzjoni. Fi kwalunkwe każ, fil-klawżola 0.3.8 ta’ EN 81-1, huwa ddikjarat li l-persunal tal-manutenzjoni huwa preżunt li jingħata struzzjonijiet u jaħdem skont dawn, li jfisser li l-użu tal-lift f’veloċità ta’ tħaddim normali mhuwiex ġenwinament prevedibbli. Barra minn hekk, l-istudju indipendenti jqis li huwa improbabbli ħafna li l-persunal tal-manutenzjoni deliberatament jevita l-karatteristiċi ta’ sikurezza deskritti fl-istruzzjonijiet operattivi.

(52)

Fir-rigward tat-tielet kawża potenzjali indikata mill-awtorità Ġermaniża li tista’ twassal biex id-distanza vertikali tonqos għal 0,5 m, minħabba l-ħsara potenzjali fis-swiċċ limitattiv, fl-osservazzjonijiet tagħha tat-18 ta’ Mejju 2016, Orona spjegat li t-tekniku li jkun bilwieqfa fuq is-saqaf tal-kabina, jixgħel kif xieraq il-modalità ta’ spezzjoni mill-kontrollur u b’hekk jieħu l-kontroll waħdieni tal-lift. It-tekniku mbagħad iċaqlaq il-kabina fid-direzzjoni tan-naħa ta’ fuq tal-bokka. Is-sistema ta’ kontroll jista’ jkollha l-ħsara. Minħabba din il-ħsara, il-lift ikompli jiċċaqlaq iżda xorta waħda b’0,6 m/s biss (veloċità tal-ispezzjoni). Anki fil-każ ta’ moviment mhux ikkontrollat ’il fuq (“UCMP”), il-veloċità ta’ metru kull sekonda (veloċità b’modalità normali) ma tinqabiżx. Il-possibbiltà li t-tekniku jwaqqaf il-lift immedjatament f’każ ta’ periklu permezz taż-żewġ limiti ta’ emerġenza mill-kontrollur tibqa’ l-istess. Anki jekk it-tekniku ma jużax l-interruttur ta’ emerġenza għal raġunijiet li ma jistgħux jiġu aċċertati, l-aħħar swiċċ limitattiv se jiżgura li l-lift jieqaf bi spazju vojt minimu ta’ metru, mingħajr ebda riskju ta’ tgħaffiġ. Għalhekk, anki f’dan il-każ, il-probabbiltà ġenerali ta’ korriment serju fil-lift M33v3 hija qrib iż-żero u r-riskju huwa l-istess bħal fil-lift konformi ma’ EN 81-1. Għal dawk ir-raġunijiet, l-iżball uman u l-ħsara fl-iswiċċ limitattiv ma jistgħux jitqiesu bħala kawżi li jwasslu biex id-distanza vertikali tonqos għal 0,5 m minflok 1,8 m meta l-lift M33v3 jaħdem kif suppost.

(53)

Fir-rigward tal-ħsara totali tas-sistema tal-ibbrejkjar, il-brejk huwa apparat mekkaniku tas-sikurezza b’ċertifikat tal-UE tat-tip bħala komponent tas-sikurezza UCMP. Il-brejk huwa brejk ta’ sikurezza mmonitorjat żejjed u kull brejk għandu biżżejjed forza biex iwaqqaf il-lift waħdu. Iż-żewġ ċirkwiti tal-brejk jibbrejkjaw meta jiġu applikati l-molol, jiġifieri, f’kundizzjoni ta’ tħaddim enerġizzat, il-brejk elettromanjetiku huwa miftuħ. Fil-każ ta’ ħsarat mhux prevedibbli fil-kurrent, iż-żewġ ċirkwiti tal-brejk jagħlqu awtomatikament, attwati permezz tal-forza tal-molla, u b’hekk tiġi żgurata b’mod affidabbli ż-żamma statika jew id-deċellerazzjoni dinamika tal-kabina tal-elevatur li tkun qed tiċċaqlaq fi kwalunkwe sitwazzjoni tat-tħaddim. Għalhekk, il-ħsara totali fis-sistema tal-ibbrejkjar fil-lift M33v3 hija kważi impossibbli.

(54)

Barra minn hekk, NB-L iddikjarat li l-kriterji għal spazju vojt aċċettabbli ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-klawżola 5.7 ta’ EN 81-1 huma bbażati fuq kombinazzjoni ta’ spazju vojt vertikali, volum ta’ spazju vojt (kubu) u l-integrazzjoni ta’ dawk l-ispazji fiż-żona spazjali.

(55)

Fir-rigward tal-ħin meħtieġ biex persuna tieħu pożizzjoni sikura, skont il-miżura nazzjonali, ir-riskju ta’ tgħaffiġ ikkawżat minn ħin insuffiċjenti biex tiġi adottata pożizzjoni sikura jirriżulta meta d-distanza vertikali tkun 0,5 m. Madankollu, kif spjegat fil-premessa 32, l-ispazju vojt jew ta’ rifuġju fil-lift M33v3 għandu jkollu distanza vertikali ta’ 0,5 m biss fil-każ li l-brejk jiżviluppa ħsara. Peress li Orona pprovdiet lill-awtorità Ġermaniża dik l-ispjegazzjoni teknika qabel l-adozzjoni tal-miżura nazzjonali, speċifikament fl-email tagħha tat-22 ta’ April 2015, ix-xenarju ta’ ħsara fil-brejk huwa l-uniku wieħed, li se jiġi kkunsidrat aktar.

(56)

Il-livell ta’ sikurezza pprovdut mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi f’EN 81-1 u mil-lift M33v3 jista’ jitqabbel biss billi jiġi vvalutat l-istess xenarju f’lift konformi ma’ EN 81-1 u fil-lift M33v3. Dan ifisser li, kif spjegat hawn fuq, l-uniku xenarju li għandu jiġi kkunsidrat meta jiġi vvalutat ir-riskju ta’ tgħaffiġ huwa l-każ li fih il-brejk jiżviluppa ħsara fiż-żewġ liftijiet. Abbażi tal-evidenza pprovduta minn Orona lill-awtorità Ġermaniża qabel l-adozzjoni tal-miżura, u b’mod partikolari l-ittra mingħand Liftinstituut lil Orona tal-21 ta’ April 2015, jekk il-brejk jiżviluppa ħsara, il-veloċità tal-aċċellerazzjoni ħielsa ta’ ftit metri biss diġà timplika li l-veloċità tal-ivvjaġġar tal-lift, għaż-żewġ liftijiet, tagħmilha impossibbli għall-ilqugħ biex iwaqqaf il-kabina tal-lift u x’aktarx tikkawża l-kollass tal-ilqugħ. F’dak il-każ, il-kabina tolqot is-saqaf tal-bokka u tgħaffeġ lil kwalunkwe persuna fuq is-saqaf tal-kabina indipendentement mid-distanza vertikali disponibbli. Kif spjegat minn Liftinstituut fl-ittra tagħha, jekk il-brejk jiżviluppa ħsara, hemm riskju ta’ tgħaffiġ fiż-żewġ liftijiet, peress li l-probabbiltà li l-ispazju ta’ rifuġju jista’ jevita inċident hija żgħira ħafna irrispettivament mill-ħin li wieħed jieħu biex jasal f’ċerta pożizzjoni fuq is-saqaf tal-kabina. F’dan ir-rigward, fl-email tagħha lill-Kummissjoni tat-28 ta’ Mejju 2019, l-awtorità Ġermaniża ddikjarat li meta l-brejk jiżviluppa ħsara, la l-lift M33v3 u lanqas lift konformi ma’ EN 81-1 ma jista’ jitwaqqaf u l-possibbiltà ta’ ħsara fl-ilqugħ hija daqstant probabbli għaż-żewġ liftijiet.

(57)

Għalhekk, jista’ jiġi konkluż li l-aspett tal-ħin, jiġifieri l-ħin meħtieġ biex tiġi adottata pożizzjoni ta’ sikurezza relatata mad-distanza vertikali fis-saqaf tal-kabina, ma għandux rwol f’termini tal-prevenzjoni tar-riskju ta’ tgħaffiġ.

(58)

Barra minn hekk, kif spjegat minn Orona u kif mistqarr mill-awtorità Ġermaniża, il-brejk żejjed użat minn Orona fil-lift M33v3, li huwa dejjem komponent ta’ sikurezza b’ċertifikat tat-tip tal-KE, huwa aktar sikur mill-brejk użat fil-liftijiet konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti f’EN 81-1, li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ma jirrikjedux li l-brejk ikun komponent ta’ sikurezza b’ċertifikat tat-tip tal-KE.

(59)

Fil-fatt, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/16/KE, komponent ta’ sikurezza għandu jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali jew jippermetti lil-liftijiet li huwa installat fihom jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali. Dan ifisser li s-sistema tal-brejkijiet tkun għaddiet minn proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità bir-reqqa indipendenti kif imsemmi fl-Artikolu 8.1(ii) tad-Direttiva 95/16/KE u li b’hekk tkun ingħatat markatura CE, minbarra l-valutazzjoni tal-konformità tal-lift kollu. Ħsara f’komponent tas-sikurezza hija fil-fatt sitwazzjoni li ma toħloq l-ebda riskju, peress li hija ferm improbabbli kif iddikjarat mill-istandard ISO 14798, imsemmi fil-premessa 33. Billi l-ħsara fil-brejk huwa hija l-uniku xenarju li fih l-ispazju sikur bejn is-saqaf tal-kabina u l-bokka jitnaqqas għal inqas minn dak meħtieġ minn EN 81-1 bħala distanza vertikali, u l-ħsara fis-sistema tal-brejkijiet hija kważi impossibbli, il-lift huwa aktar sikur minn lift konformi ma’ EN 81-1, peress li lift bħal dan ma jeħtieġx li jkun mgħammar bi brejk żejjed, li huwa komponent tas-sikurezza.

(60)

Fir-rigward tal-prinċipji tal-integrazzjoni tas-sikurezza, l-ewwel nett, l-awtorità Ġermaniża ma rreferietx għal dawk il-prinċipji fil-miżura nazzjonali. It-tieni, il-prinċipji tal-integrazzjoni tas-sikurezza mhumiex kunċett astratt iżda huma marbuta mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza u l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku fiż-żmien meta l-lift tqiegħed fis-suq. Dan ifisser li r-riskji ppreżentati mil-lift iridu jiġu indirizzati mill-manifattur filwaqt li jqis dawk l-elementi. It-tielet, il-prinċipji tal-integrazzjoni tas-sikurezza jridu jitqiesu bħala applikabbli bl-istess mod għal kwalunkwe lift. F’dan il-każ, l-uniku xenarju li għandu jiġi kkunsidrat biex jitqabbel il-livell ta’ sikurezza huwa l-ħsara fil-brejk u r-riskju ta’ ħsara bħal din fil-lift M33v3 huwa estremament improbabbli, għall-kuntrarju tal-każ ta’ lift konformi ma’ EN 81-1.

(61)

Fir-rigward tar-riskji mhux relatati mas-sistema tal-brejkijiet, minbarra l-valutazzjoni tar-riskju mwettqa minn Orona u l-konklużjonijiet tagħha, l-istudju indipendenti fih valutazzjoni tar-riskju bbażata fuq EN 81-1 u fuq is-soluzzjoni teknika użata fil-lift M33v3 sabiex jitqabbel il-livell ta’ sikurezza miksub mil-lift M33v3 u lift konformi ma’ EN 81-1 fir-rigward tar-riskju ta’ tgħaffiġ. Paragun mal-livell ta’ riskju ta’ tgħaffiġ meta jiġu applikati l-miżuri stabbiliti f’EN 81-1 u meta jiġu applikati l-miżuri alternattivi pprovduti minn Orona fil-lift M33v3 wassal għall-konklużjoni fl-istudju indipendenti li, meta l-lift jinżamm kif inhu maħsub, “il-miżuri alternattivi pprovduti minn Orona jilħqu livell ta’ sikurezza li huwa superjuri b’mod sinifikanti għal dak ipprovdut bl-applikazzjoni ta’ EN 81-1” (8). Barra minn hekk, l-istudju indipendenti kkonkluda li anki fil-każ ferm improbabbli ta’ użu ħażin tal-lift (minħabba devjazzjoni intenzjonata mill-istruzzjonijiet ta’ manutenzjoni mill-persunal tal-manutenzjoni), il-lift “b’mod konklużiv jikseb tal-inqas l-istess livell ta’ sikurezza bħall-istandard” (9).

4.   KONKLUŻJONI

(62)

Abbażi tal-analiżi fil-premessi minn 38 sa 60, u filwaqt li jitqiesu r-riżultati tal-istudju indipendenti li jikkonferma dik l-analiżi, jista’ jiġi konkluż li l-lift M33v3 kien konformi mar-rekwiżiti essenzjali. Il-livell ta’ sikurezza miksub mil-lift M33v3 huwa tal-inqas ekwivalenti għal-livell ta’ sikurezza ta’ lift konformi ma’ EN 81-1, li pprovda preżunzjoni ta’ konformità fiż-żmien li l-lift M33v3 tqiegħed fis-suq. Għalhekk, il-miżura nazzjonali jenħtieġ li ma titqiesx ġustifikata.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżura meħuda mill-Ġermanja, li ġiet adottata mill-Awtorità Ċentrali tal-Länder għat-Teknoloġija tas-Sikurezza fis-26 ta’ Novembru 2015 u nnotifikata lill-Kummissjoni fl-10 ta’ Marzu 2016, li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-mudell tal-lift M33v3 immanifatturat minn Orona, Sociedad Cooperativa, Hernani, Spanja, mhijiex ġustifikata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

Thierry BRETON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 96, 29.3.2014, p. 251.

(2)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/16/KE tad-29 ta’ Ġunju 1995 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-lifts (ĠU L 213, 7.9.1995, p. 1).

(3)  Ir-rapport finali tal-10 ta’ Diċembru 2018, Konformità, “Appoġġ tekniku relatat mad-Direttiva dwar il-Liftijiet 95/16/KE u l-konformità tal-lift Orona M33v3, li jiffoka fuq ir-rekwiżit essenzjali tiegħu ta’ saħħa u sikurezza 2.2 tal-Anness I.”

(4)  ĠU C 52, 2.3.2010, p. 5.

(5)  ĠU C 263, 5.11.2009, p. 3.

(6)  ISO 14798, liftijiet (elevaturi), skali mobbli u passaġġi jimxu – metodoloġija tal-valutazzjoni u tat-tnaqqis tar-riskju, standard internazzjonali, l-ewwel edizzjoni 01-03-2009.

(7)  Iċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-KE NL12-400-1002-035-30 rev.2

(8)  Kompitu 3 – “Analiżi komparattiva tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-istandards armonizzati rilevanti”, it-taqsima 7.1.1

(9)  Kompitu 3 – “Analiżi komparattiva tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-istandards armonizzati rilevanti”, it-taqsima 7.1.2.


Top