Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1930

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1930 tat-18 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/570 fir-rigward tal-kapaċitajiet tar-rescEU (notifikata bid-dokument C(2019) 8130) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 299, 20.11.2019, p. 55–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/1930/oj

    20.11.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 299/55


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1930

    tat-18 ta’ Novembru 2019

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/570 fir-rigward tal-kapaċitajiet tar-rescEU

    (notifikata bid-dokument C(2019) 8130)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (1), u b’mod partikolari l-punt (g) tal-Artikolu 32(1) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni 1313/2013/UE jistabbilixxi l-qafas legali tar-rescEU. rescEU hija riżerva ta’ kapaċitajiet fil-livell tal-Unjoni li għandha l-għan li tipprovdi assistenza f’sitwazzjonijiet predominanti fejn il-kapaċitajiet eżistenti fil-livell nazzjonali u dawk impenjati mill-Istati Membri għar-Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili ma jkunux jistgħu jiżguraw rispons effettiv għal diżastri naturali u dawk maħluqa mill-bniedem.

    (2)

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/570 (2) tistabbilixxi l-kompożizzjoni inizjali ta’ rescEU f’termini ta’ kapaċitajiet u r-rekwiżiti ta’ kwalità tagħha. Il-kapaċitajiet inizjali tar-rescEU ikkonsistew minn kapaċitajiet ta’ tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru bl-użu ta’ ajruplani u ħelikopters.

    (3)

    F’konformità mal-Artikolu 12(2) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE, rescEU għandu jiġi ddefinit billi jitqiesu r-riskji identifikati u dawk emerġenti, il-kapaċitajiet ġenerali u l-lakuni fil-livell tal-Unjoni. Wieħed mill-oqsma fejn rescEU jenħtieġ li jiffoka b’mod partikolari huwa l-qasam tar-rispons mediku ta’ emerġenza.

    (4)

    Fil-qasam tar-rispons mediku ta’ emerġenza, huma meħtieġa analiżi tar-riskji identifikati u emerġenti kif ukoll tal-kapaċitajiet u l-lakuni fil-livell tal-Unjoni li tiżvela li huma meħtieġa l-kapaċitajiet tar-rescEU għall-evakwazzjoni medika mill-ajru ta’ vittmi ta’ diżastru (“Medevac”) u ta’ tim mediku ta’ emerġenza tat-tip 3 (“EMT tat-tip 3”).

    (5)

    Sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ trażmissjoni minn pazjenti b’mard li jittieħed ħafna, jenħtieġ li jkun hemm żewġ tipi differenti ta’ kapaċitajiet ta’ Medevac, l-evakwazzjoni ta’ vittmi ta’ diżastri b’mard li jittieħed ħafna u vittmi oħra ta’ diżastri b’mard li ma jitteħidx.

    (6)

    Tim mediku ta’ emerġenza (“EMT”) huwa tim utilizzabbli ta’ persunal mediku u persunal ewlieni mħarreġ u mgħammar biex jikkura pazjenti affettwati minn diżastru. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tikklassifika t-timijiet mediċi ta’ emerġenza taħt tliet tipi differenti skont il-livell tal-kura li joffru. Minħabba li bħalissa l-ebda Stat Membru ma għandu kapaċità tat-tip 3 tal-EMT li tista’ tirrispondi għal talba mill-gvern għal dan il-livell ta’ kura klinika, din hija lakuna fil-kapaċità ta’ reazzjoni fil-livell tal-Unjoni.

    (7)

    Il-kapaċitajiet ta’ Medevac u EMT tat-tip 3 huma kapaċitajiet li jistgħu jirrispondu għal diżastri ta’ probabbiltà baxxa b’impatt għoli u, fejn xieraq u jekk definiti bħala kapaċitajiet stabbiliti biex iwieġbu għal riskji ta’ probabbiltà baxxa b’impatt għoli permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni kif previst fl-Artikolu 32(1)(ha) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE, tkun ipprovduta assistenza finanzjarja sħiħa tal-Unjoni biex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-iskjerament għal tali kapaċitajiet.

    (8)

    Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE, il-kapaċitajiet ta’ Medevac u EMT tat-tip 3 jenħtieġ li jiġu inkorporati fil-kompożizzjoni ta’ rescEU.

    (9)

    Skont l-Artikolu 12(4) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE, ir-rekwiżiti ta’ kwalità għal kapaċitajiet ta’ reazzjoni li jiffurmaw parti minn rescEU għandhom jiġu stabbiliti wara konsultazzjoni mal-Istati Membri u abbażi ta’ standards internazzjonali stabbiliti, fejn tali standards diġà jeżistu.

    (10)

    Minħabba n-nuqqas ta’ standards internazzjonali stabbiliti għall-kapaċità ta’ evakwazzjoni medika mill-ajru, ir-rekwiżiti ta’ kwalità għall-kapaċitajiet ta’ evakwazzjoni medika mill-ajru jenħtieġ li jkunu bbażati fuq ir-rekwiżiti ġenerali eżistenti għall-moduli skont ir-Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili u l-aħjar prattiki fi ħdan il-Mekkaniżmu tal-Unjoni. Ir-rekwiżiti ta’ kwalità għal EMT tat-tip 3 jenħtieġ li jkunu bbażati fuq standards minimi pprovduti mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

    (11)

    Sabiex tingħata għajnuna finanzjarja mill-Unjoni għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet bħal dawn skont l-Artikolu 21(3) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE, jenħtieġ li jiġu definiti il-kostijiet totali stmati tagħhom. Jenħtieġ li l-kostijiet totali stmati jiġu kkalkulati billi jitqiesu l-kategoriji tal-kostijiet eliġibbli stabbiliti fl-Anness IA ta’ dik id-Deċiżjoni.

    (12)

    Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/570 tiġi emendata.

    (13)

    Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat li jissemma fl-Artikolu 33(1) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/570 hija emendata kif ġej:

    1.

    L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt (b) jinbidel b’dan li ġej:

    “(b)

    il-finanzjament tal-kapaċitajiet matul il-perjodu tranżitorju msemmi fl-Artikolu 35 tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE;”;

    (b)

    jiżdiedu l-punti (c) u (d) li ġejjin:

    “(c)

    l-ispejjeż totali stmati tal-kapaċitajiet ta’ evakwazzjoni medika mill-ajru rescEU;

    (d)

    l-ispejjeż totali stmati tal-kapaċitajiet tat-tim mediku ta’ emerġenza tat-tip 3 tar-rescEU.”;

    2.

    għandu jiddaħħal l-Artikolu 1a li ġej:

    “Artikolu 1a

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “kapaċità ta’ evakwazzjoni medika mill-ajru (‘Medevac’)” tfisser kapaċità ta’ reazzjoni li tista’ tintuża għall-evakwazzjoni mill-ajru ta’ pazjenti b’mard li jittieħed ħafna kif ukoll mard li ma jitteħidx, bħal pazjenti li jeħtieġu kura intensiva, pazjenti li jeħtieġu li jiġu immobilizzati matul it-trasport fuq streċers u pazjenti li huma mweġgħin ħafifa;

    (2)

    “EMT tat-tip 3” tfisser tim ta’ emerġenza skjerabbli ta’ persunal mediku u persunal ewlieni ieħor imħarreġ u mgħammar biex jikkura pazjenti affettwati minn diżastru u li jipprovdi konsultazzjoni ta’ pazjenti inpatient għal kura kirurġika kumplessa, inklużi kapaċità ta’ kura intensiva.”;

    3.

    fl-Artikolu 2, il-paragrafi 1 u 2 huma ssostitwiti b’dan li ġej:

    “1.

    rescEU għandu jikkonsisti minn dawn il-kapaċitajiet:

    kapaċitajiet tat-tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru;

    kapaċitajiet ta’ evakwazzjoni medika mill-ajru;

    kapaċitajiet ta’ tim mediku ta’ emerġenza.

    2.

    Il-kapaċitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu:

    (a)

    kapaċitajiet tat-tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru bl-użu tal-ajruplani;

    (b)

    kapaċitajiet tat-tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru bl-użu ta’ ħelikopters;

    (c)

    kapaċitajiet ta’ evakwazzjoni medika mill-ajru ta’ pazjenti b’mard li jittieħed ħafna;

    (d)

    kapaċitajiet ta’ evakwazzjoni medika mill-ajru għall-vittmi ta’ diżastri;

    (e)

    kapaċitajiet ta’ tim mediku ta’ emerġenza tat-tip 3: Kura Inpatient b’Riferiment.”;

    4.

    Jiddaħħlu l-Artikoli 3 a u 3b li ġejjin:

    “Artikolu 3 a

    Kostijiet totali stmati tal-kapaċitajiet ta’ evakwazzjoni medika ta’ rescEU

    1.   Il-kategoriji tal-kostijiet kollha msemmija fl-Anness IA tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE għandhom jitqiesu fil-kalkolu tal-kost totali stmat tal-kapaċitajiet ta’ evakwazzjoni medika mill-ajru tar-rescEU.

    2.   Il-kategorija msemmija fil-punt 1 tal-Anness IA tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-kost totali stmat tal-kapaċitajiet ta’ evakwazzjoni medika tal-ajru għal pazjenti b’mard li jittieħed ħafna u kapaċitajiet ta’ evakwazzjoni medika mill-ajru għal vittmi ta’ diżastri għandha tiġi kkalkulata abbażi tal-prezzijiet tas-suq fiż-żmien meta l-kapaċitajiet jiġu akkwistati jew mikrija f’konformità mal-Artikolu 12(3) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE. Meta l-Istati Membri jiksbu, jikru jew jagħtu b’kirja l-kapaċitajiet tar-rescEU, huma għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni evidenza dokumentata tal-prezzijiet attwali tas-suq jew, fejn ma jkunx hemm prezzijiet tas-suq għal ċerti komponenti ta’ dawk il-kapaċitajiet, evidenza ekwivalenti.

    3.   Il-kategoriji msemmija fil-punti 2 sa 8 tal-Anness IA tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE tal-kost totali stmat għal kapaċità ta’ evakwazzjoni medika mill-ajru għal pazjenti b’mard li jittieħed ħafna u kapaċitajiet ta’ evakwazzjoni medika mill-ajru għal vittmi ta’ diżastri għandhom jiġu kkalkulati mill-inqas darba matul il-perjodu ta’ kull qafas finanzjarju pluriennali, b’kont meħud tal-informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni, inkluża l-inflazzjoni. Dan il-kost għandu jintuża mill-Kummissjoni biex tipprovdi għajnuna finanzjarja annwali.

    4.   Il-kost totali stmat msemmi fil-paragrafi 2 u 3 għandu jiġi kkalkolat fejn mill-inqas Stat Membru wieħed jesprimi interess biex jakkwista, jagħti k’kirja jew jikri tali kapaċità rescEU.

    Artikolu 3b

    Il-kost totali stmat tal-kapaċitajiet tat-tim mediku ta’ emerġenza tat-tip 3

    1.   Il-kategoriji tal-kostijiet kollha msemmija fl-Anness IA tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE għandhom jitqiesu fil-kalkolu tal-kost totali stmat tat-tim mediku ta’ emerġenza tat-tip 3: Kura Inpatient b’Riferiment.

    2.   Il-kategorija msemmija fil-punt 1 tal-Anness IA tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-kost totali stmat għal tim mediku ta’ emerġenza tat-tip 3: Il-Kura Inpatient b’Riferiment għandha tiġi kkalkulata abbażi tal-prezzijiet tas-suq applikabbli fiż-żmien meta l-kapaċitajiet jinkisbu, jingħataw b’kiri jew jinkrew f’konformità mal-Artikolu 12(3) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE. Meta l-Istati Membri jiksbu, jikru jew jagħtu b’kirja l-kapaċitajiet tar-rescEU, huma għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni evidenza dokumentata tal-prezzijiet attwali tas-suq jew, fejn ma jkunx hemm prezzijiet tas-suq għal ċerti komponenti ta’ dawk il-kapaċitajiet, evidenza ekwivalenti.

    3.   Il-kategoriji msemmija fil-punti 2 sa 8 tal-Anness IA tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-kost totali stmat għal tim mediku ta’ emerġenza tat-tip 3: Il-Kura Inpatient b’Riferiment għandha tiġi kkalkulata darba matul il-perjodu ta’ kull qafas finanzjarju pluriennali, b’kont meħud tal-informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni, inkluża l-inflazzjoni. Dan il-kost għandu jintuża mill-Kummissjoni biex tipprovdi għajnuna finanzjarja annwali.

    4.   Il-kost totali stmat msemmi fil-paragrafi 2 u 3 għandu jiġi kkalkolat fejn mill-inqas Stat Membru wieħed jesprimi interess biex jakkwista, jagħti k’kirja jew jikri tali kapaċità rescEU.”;

    5.

    l-Anness I huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Novembru 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Christos STYLIANIDES

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/570 tat-8 ta’ April 2019 li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kapaċitajiet tar-rescEU u li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/762/UE (ĠU L 99, 10.4.2019, p. 41).


    ANNESS

    Fl-Anness I, għandhom jiżdiedu l-Artikoli 3, 4 u 5 li ġejjin:

    “3.   Kapaċitajiet ta’ evakwazzjoni medika mill-ajru ta’ pazjenti b’mard li jittieħed ħafna;

    Kompiti

    Trasport bl-ajru, inkluż trattament matul it-titjira ta’ pazjenti b’mard li jittieħed ħafna (HID) għal faċilitajiet tas-saħħa speċjalizzati fl-Unjoni.

    Kapaċitajiet

    Inġenji tal-ajru li għandhom il-kapaċità li jittrasportaw pazjent wieħed jew aktar ta’ HID għal kull titjira;

    Kapaċità ta’ titjiriet lejl u nhar.

    Elementi prinċipali

    Sistema għal trattament mediku għal matul it-titjira ta’ pazjenti HID, inkluża kura intensiva  (1):

    Persunal mediku mħarreġ b’mod xieraq biex jipprovdi kura lil pazjent wieħed tal-HID jew aktar;

    Tagħmir tekniku u mediku apposta abbord biex tingħata kura lill-pazjenti HID matul it-titjira;

    Proċeduri xierqa li jiżguraw l-iżolament u t-trattament ta’ pazjenti HID matul it-trasport bl-ajru.

    Sostenn:

    Ekwipaġġ tal-ajru adattat għall-għadd ta’ pazjenti HID u l-perjodu ta’ żmien tat-titjira;

    Proċeduri xierqa li jiżguraw it-trattament ta’ tagħmir u skart kif ukoll dekontaminazzjoni skont standards internazzjonali stabbiliti, inkluża, fejn applikabbli, leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti.

    Awtosuffiċjenza

    Ħażna u manutenzjoni tat-tagħmir tal-modulu;

    Tagħmir għal komunikazzjoni mas-sieħba rilevanti, notevolment dawk responsabbli mill-koordinazzjoni fuq il-post.

    Skjerament

    Disponibbiltà għat-tluq sa mhux aktar minn 24-il siegħa wara l-aċċettazzjoni tal-offerta.

    Għal evakwazzjonijiet interkontinentali, l-abbiltà li titwettaq titjira ta’ 12-il siegħa mingħajr riforniment ta’ fjuwil.

    4.   Kapaċitajiet ta’ evakwazzjoni medika mill-ajru għall-vittmi ta’ diżastri;

    Kompiti

    Trasport bl-ajru ta’ vittmi ta’ diżastri għal faċilitajiet tas-saħħa fl-Unjoni.

    Kapaċitajiet

    Inġenji tal-ajru b’kapaċità ġenerali li jittrasportaw mill-inqas sitt pazjenti fil-bżonn ta’ kura intensiva u b’kapaċità għat-trasport ta’ pazjenti fuq streċers jew pazjenti bilqiegħda, jew it-tnejn li huma;

    Kapaċità ta’ titjiriet lejl u nhar.

    Elementi prinċipali

    Kura medika matul it-titjira, inkluża kura intensiva:

    Persunal mediku mħarreġ kif xieraq li kapaċi jipprovdi trattament mediku abbord għat-tipi differenti ta’ pazjenti;

    Tagħmir tekniku u mediku apposta abbord biex tingħata kura xierqa kontinwa lid-diversi tipi ta’ pazjenti matul it-titjira;

    Proċeduri xierqa li jiżguraw it-trasport u t-trattament matul it-titjira tal-pazjenti.

    Sostenn:

    Ekwipaġġ tal-ajru u persunal mediku adattat għall-għadd u għat-tipi ta’ pazjenti u l-perjodu ta’ żmien tat-titjira.

    Awtosuffiċjenza

    Ħażna u manutenzjoni tat-tagħmir tal-modulu;

    Tagħmir għal komunikazzjoni ma’ sieħba rilevanti, notevolment dawk responsabbli mill-koordinazzjoni fuq il-post.

    Skjerament

    Disponibbiltà għat-tluq sa mhux aktar minn 24-il siegħa wara l-aċċettazzjoni tal-offerta.

    Għall-ajruplani, l-abbiltà li titwettaq titjira ta’ sitt sigħat mingħajr riforniment ta’ fjuwil.

    5.   Kapaċitajiet ta’ tim mediku ta’ emerġenza tat-tip 3: Kura Inpatient b’Riferiment

    Kompiti

    Il-provvista ta’ kura inpatient b’referiment u kirurġija kumplessa kif deskritta mill-inizjattiva globali tal-EMT taħt l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (id-WHO).

    Kapaċitajiet

    Kapaċità ta’ trattament minimu skont l-istandards tal-inizjattiva globali tal-EMT taħt id-WHO;

    Servizzi ta’ bi nhar u ta’ billejl (li jkopru 24/7 jekk ikun meħtieġ).

    Elementi prinċipali

    F’konformità mal-istandards tal-inizjattiva globali tal-EMT taħt id-WHO.

    Awtosuffiċjenza

    Jenħtieġ li t-tim jiżgura li jibqa’ awtosuffiċjenti matul iż-żmien kollu tal-iskjerament. L-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/762/UE japplika u, barra minn hekk, japplikaw l-istandards tal-inizjattiva globali tal-EMT taħt id-WHO.

    Skjerament

    Disponibbiltà għat-tluq f’ħin massimu ta’ 48-72 sigħat wara l-aċċettazzjoni tal-offerta, u kapaċità li jkun operattiv fuq il-post fi żmien ħames - sebat (5-7) ijiem.

    Kapaċità li jibqa’ operattiv għal mill-anqas tmien (8) ġimgħat barra mill-Unjoni u għallinqas 14-il jum fi ħdan l-Unjoni.”.


    (1)  (1)Sistema bħal din tista’ tinkludi l-approċċ ristrett.


    Top