This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019D0869
Council Decision (EU) 2019/869 of 14 May 2019 on the position to be taken on behalf of the European Union in the General Fisheries Commission for the Mediterranean (GFCM), and repealing the Decision of 19 May 2014 on the position to be adopted, on behalf of the Union, in the GFCM
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/869 tal-14 ta' Mejju 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM), u li tħassar id-Deċiżjoni tad-19 ta' Mejju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fil-GFCM
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/869 tal-14 ta' Mejju 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM), u li tħassar id-Deċiżjoni tad-19 ta' Mejju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fil-GFCM
ST/8338/2019/INIT
ĠU L 140, 28.5.2019, p. 84–89
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 15/01/2024; Imħassar b' 32024D0394
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repealed by | 32024D0394 | 16/01/2024 |
28.5.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 140/84 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/869
tal-14 ta' Mejju 2019
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM), u li tħassar id-Deċiżjoni tad-19 ta' Mejju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fil-GFCM
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/416/KE (1), l-Unjoni kkonkludiet il-Ftehim li jistabbilixxi l-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran (il-“Ftehim tal-GFCM”). Il-Bulgarija, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, Malta, ir-Rumanija u s-Slovenja huma wkoll Partijiet Kontraenti għall-Ftehim tal-GFCM. |
(2) |
Il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM) hija responsabbli mill-adozzjoni ta' miżuri mfassla biex tiġi żgurata l-konservazzjoni fit-tul u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd u l-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM. Dawn il-miżuri jistgħu jsiru vinkolanti fuq l-Unjoni. |
(3) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jipprevedi li l-Unjoni għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u li jkunu ġestiti b'mod li huwa konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjieg, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Dan jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u għandu jkollha l-għan li tiżgura li l-isfruttar ta' riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jirrestawra l-popolazzjoni tal-ispeċijiet mistada u jżommhom 'il fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Dan jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tieħu miżuri ta' ġestjoni u ta' konservazzjoni bbażati fuq l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, tappoġġja l-iżvilupp ta' għarfien u pariri xjentifiċi, gradwalment telimina l-iskartar u tippromwovi metodi tas-sajd li jikkontribwixxu għal sajd aktar selettiv u l-evitar u t-tnaqqis, kemm jista' jkun, ta' qabdiet mhux mixtieqa, għal sajd b'impatt baxx fuq l-ekosistema tal-baħar u r-riżorsi tas-sajd. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 speċifikament jipprevedi li dawk l-objettivi u l-prinċipji għandhom jiġu applikati mill-Unjoni fit-twettiq tar-relazzjonijiet tas-sajd esterni tagħha. |
(4) |
Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea “Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna”, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar dik il-Komunikazzjoni konġunta, il-promozzjoni ta' miżuri li jappoġġjaw u jtejbu l-l-effettività tal-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) u, fejn rilevanti, itejbu tal-governanza tagħhom, hija ċentrali għall-azzjoni tal-Unjoni f'dawn il-fora. |
(5) |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Strateġija Ewropea għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari”, tirreferi għal miżuri speċifiċi biex jitnaqqas il-plastik u t-tniġġis tal-baħar, kif ukoll it-telf jew l-abbandun ta' rkaptu tas-sajd fil-baħar. |
(6) |
Kif iddikjarat fil-konklużjonijiet tal-Konferenza Ministerjali dwar is-Sostenibbiltà tas-Sajd fil-Mediterran, li fit-30 ta' Marzu 2017 adottat id-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Malta MedFish4Ever u tal-Konferenza ta' Livell Għoli dwar is-Sajd u l-Akkwakultura fil-Baħar l-Iswed, li fis-7 ta' Ġunju 2018 adottat id-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Sofija, il-promozzjoni ta' miżuri li jappoġġaw u jtejbu l-ġbir tad-data u l-evalwazzjoni xjentifika, il-ġestjoni tas-sajd ibbażat fuq l-ekosistema, il-kultura ta' konformità biex jiġi eliminat is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, is-sajd u l-akkwakultura fuq skala żgħira sostenibbli u aktar solidarjetà u koordinazzjoni, huma ċentrali għall-azzjoni tal-Unjoni fil-GFCM. |
(7) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-GFCM għall-perijodu 2019-2023, peress li l-miżuri ta' konservazzjoni u ta' infurzar tal-GFCM ser ikunu vinkolanti fuq l-Unjoni u jistgħu jinfluwenzaw b'mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (3) u (KE) Nru 1224/2009 (4), u r-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). |
(8) |
Attwalment, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-GFCM hija stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fil-GFCM. Jixraq li dik id-Deċiżjoni titħassar u li tiġi sostitwita b'Deċiżjoni ġdida li tkun tkopri l-perijodu 2019-2023. |
(9) |
Fid-dawl tan-natura li qed tevolvi tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM u l-ħtieġa konsegwenti li l-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-iżviluppi l-ġodda, inkluż informazzjoni xjentifika ġdida u informazzjoni rilevanti oħra ppreżentata qabel jew matul il-laqgħat tal-GFCM, jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri, f'konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għall-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni għall-perijodu 2019-2023, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM) hija stabbilita fl-Anness I.
Artikolu 2
L-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tal-GFCM għandha titwettaq f'konformità mal-Anness II.
Artikolu 3
Il-pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita fl-Anness I għandha tiġi vvalutata u, fejn xieraq, riveduta mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, l-aktar tard, għal-laqgħa annwali tal-GFCM fl-2024.
Artikolu 4
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM) hija b'dan imħassra.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Mejju 2019.
Għall-Kunsill
Il-President
P. DAEA
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 98/416/KE tas-16 ta' Ġunju 1998 dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran (ĠU L 190, 4.7.1998, p. 34).
(2) Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(3) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).
(4) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).
(5) Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).
ANNESS I
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM)
1. PRINĊIPJI
Fil-qafas tal-GFCM, l-Unjoni għandha:
(a) |
taġixxi f'konformità mal-objettivi u l-prinċipji tal-Unjoni fi ħdan il-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), b'mod partikolari permezz tal-approċċ prekawzjonarju u l-miri relatati mar-rendiment massimu sostenibbli kif stipulat fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, biex tkun promossa l-implimentazzjoni ta' approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd, biex jiġu evitati jew jitnaqqsu kemm jista' jkun qabdiet mhux mixtieqa, u jiġi eliminat gradwalment il-qbid skartat, u biex jiġi minimizzat l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar u l-ħabitats tagħhom, kif ukoll, permezz tal-promozzjoni ta' sajd ekonomikament vijabbli u kompetittiv tal-Unjoni, biex ikun provdut livell tal-għajxien ġust għal dawk li jiddependu minn attivitajiet relatati mas-sajd u jitqiesu l-interessi tal-konsumaturi; |
(b) |
taħdem lejn involviment xieraq tal-partijiet ikkonċernati fil-fażi ta' preparazzjoni għall-miżuri tal-GFCM u tiżgura li l-miżuri adottati fi ħdan l-GFCM jikkonformaw mal-Ftehim tal-GFCM; |
(c) |
tiżgura li l-miżuri adottati fi ħdan il-GFCM huma konsistenti mad-dritt internazzjonali, u partikolarment mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar tal-1982, mal-Ftehim tan-NU relatat mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta' Stokkijiet ta' Ħut Transżonali u Stokkijiet ta' Ħut li Jpassi Ħafna tal-1995 u mal-Ftehim li jippromwovi l-konformità mal-miżuri internazzjonali ta' konservazzjoni u ġestjoni mill-bastimenti tas-sajd fl-ibħra miftuħa tal-1993 u l-Ftehim dwar il-Miżuri tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u tal-Agrikoltura tal-Istat tal-Port tal-2009; |
(d) |
timmira l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet u tal-impenji stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Ministerjali MedFish4Ever iffirmata f'Malta fit-30 ta' Marzu 2017 u fid-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Sofija ffirmata fis-7 ta' Ġunju 2018, li huma maħsuba b'mod partikolari biex itejbu l-ġbir tad-data u l-evalwazzjoni xjentifika, li jistabbilixxu qafas ta' ġestjoni tas-sajd ibbażat fuq l-ekosistema, jiżviluppaw kultura ta' konformità u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, jappoġġaw is-sajd u l-akkwakultura fuq skala żgħira u sostenibbli u jiżguraw aktar solidarjetà u koordinazzjoni fil-Mediterran; |
(e) |
tippromwovi pożizzjonijiet konsistenti mal-aħjar prattiki tal-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) fl-istess żona; |
(f) |
tfittex il-konsistenza u s-sinerġija mal-politika li l-Unjoni qed issegwi bħala parti mir-relazzjonijiet bilaterali tas-sajd tagħha ma' pajjiżi terzi, u tiżgura l-koerenza mal-politiki l-oħrajn tagħha, b'mod partikolari fl-oqsma tar-relazzjonijiet esterni, l-impjiegi, l-ambjent, il-kummerċ, l-iżvilupp, ir-riċerka u l-innovazzjoni; |
(g) |
tiżgura li l-impenji internazzjonali tal-Unjoni jiġu rispettati; |
(h) |
tikkonforma mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2012 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd (1); |
(i) |
timmira li toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-flotta tal-Unjoni fi ħdan il-Ftehim tal-GFCM abbażi tal-istess prinċipji u standards bħal dawk applikabbli skont id-dritt tal-Unjoni, u li tippromwovi l-implimentazzjoni uniformi ta' dawk il-prinċipji u l-istandards; |
(j) |
tkun konformi mal-konklużjonijiet tal-Kunsill (2) dwar il-Komunikazzjoni konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea dwar Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna (3) u tippromwovi miżuri biex jappoġġaw u jtejbu l-effettività tal-GFCM u, fejn rilevanti, itejbu l-governanza u l-prestazzjoni tagħha (b'mod partikolari fir-rigward tax-xjenza, il-konformità, it-trasparenza u t-teħid ta' deċiżjonijiet) bħala kontribut għall-ġestjoni sostenibbli tal-oċeani fid-dimensjonijiet kollha tagħha; |
(k) |
tippromwovi, fejn xieraq, il-koordinazzjoni bejn l-RFMOs u l-konvenzjonijiet reġjonali tal-baħar (RSCs) u l-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet globali, kif applikabbli skont il-mandati tagħhom; |
(l) |
tippromwovi l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni fost l-RFMOs mhux tat-tonn simili għall-hekk imsejjaħ proċess Kobe għall-RFMOs tat-tonn. |
2. ORJENTAZZJONIJIET
L-Unjoni għandha, fejn xieraq, tagħmel ħilitha sabiex tappoġġa l-adozzjoni mill-GFCM tal-azzjonijiet li ġejjin:
(a) |
miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni għar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli, inkluż l-għeluq spazjotemporali, il-miżuri ta' selettività jew l-opportunitajiet tas-sajd għar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar regolati mill-GFCM, li jwasslu biex, sa mhux aktar tard mill-2020, tintlaħaq jew tinżamm ir-rata tal-isfruttament għar-rendiment massimu sostenibbli. Fejn meħtieġ, dawk il-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni għandhom jinkludu miżuri speċifiċi għall-istokkijiet li huma soġġetti għal sajd żejjed biex l-isforz tas-sajd jinżamm konformi mal-opportunitajiet ta' sajd disponibbli; fid-dawl tal-Artikolu 29 tal-PKS, fil-każ li pjanijiet pluriennali għal xi stokk jew grupp ta' stokkijiet fil-Mediterran ikunu ġew adottati fil-livell tal-UE, jeħtieġ li dawn jitqiesu meta jkunu relatati mal-implimentazzjoni tal-objettiv li jintlaħaq rendiment massimu sostenibbli kif stabbilit fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013; |
(b) |
miżuri biex jipprevjenu, jiskoraġġixxu u jeliminaw attivitajiet tas-sajd illegali, mhux irrappurtati u mhux irregolati (IUU) fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM, inkuż l-elenkar tal-bastimenti IUU; |
(c) |
miżuri li jsaħħu l-ġbir ta' data xjentifika dwar is-sajd u li jippromwovu kooperazzjoni aħjar bejn l-industrija u x-xjentisti; |
(d) |
miżuri ta' monitoraġġ, kontroll u sorveljanza fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM sabiex jiġu żgurati l-effiċjenza tal-kontroll u l-konformità mal-miżuri adottati fi ħdan il-GFCM; |
(e) |
miżuri biex jimminimizzaw l-impatt negattiv tal-attivitajiet tas-sajd u l-akkwakultura fuq il-bijodiversità tal-baħar u l-ekosistemi tal-baħar u l-ħabitats tagħhom, inkluż miżuri biex inaqqsu t-tniġġis tal-baħar u jipprevjenu r-rimi ta' plastik fil-baħar u jnaqqsu l-impatt tal-plastik preżenti fil-baħar fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar, miżuri protettivi għal ekosistemi tal-baħar vulnerabbli fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM f'konformità mal-Linji Gwida Internazzjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fil-Fond fl-Ibħra Internazzjonali tal-FAO, u miżuri biex jiġu evitati u jitnaqqsu kemm jista' jkun il-qabdiet mhux mixtieqa, inkluż b'mod partikolari speċijiet tal-baħar vulnerabbli, u biex jiġi eliminat gradwalment il-qbid skartat; |
(f) |
miżuri biex inaqqsu l-impatt ta' rkaptu tas-sajd abbandunat, mitluf jew inkella skartat (ALDFG) fl-oċean u biex jiffaċilitaw l-identifikazzjoni u l-irkupru ta' tagħmir bħal dan; |
(g) |
azzjonijiet li jippromwovu l-iżvilupp ta' akkwakultura sostenibbli f'konformità mad-dritt tal-Unjoni rilevanti; |
(h) |
approċċi komuni ma' RFMOs oħra, fejn xieraq, b'mod partikolari ma' dawk involuti fil-ġestjoni tas-sajd fl-istess żona; |
(i) |
miżuri tekniċi addizzjonali abbażi tal-parir mill-korpi u mill-gruppi ta' ħidma tal-GFCM; |
(j) |
rakkomandazzjonijiet, fejn xieraq u sal-limitu permess skont id-dokumenti kostitwenti rilevanti, li jħeġġu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO); |
(k) |
miżuri f'konformità mal-impenji tad-Dikjarazzjoni Ministerjali MedFish4Ever u tad-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Sofija. |
(1) 7087/12 REV 1 ADD 1 COR 1.
(2) 7348/1/17 REV 1 of 24.3.2017.
(3) JOIN(2016) 49 final tal-10.11.2016.
ANNESS II
Speċifikazzjoni sena b'sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran
Qabel kull laqgħa tal-GFCM, meta dak il-korp jintalab jadotta deċiżjonijiet li għandhom effetti legali fuq l-Unjoni, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni tqis l-aħħar informazzjoni xjentifika u informazzjoni oħra rilevanti mibgħuta lill-Kummissjoni, f'konformità mal-prinċipji u l-orjentazzjonijiet stabbiliti fl-Anness I.
Għal dan il-għan, u abbażi ta' dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill fi żmien suffiċjenti qabel kull laqgħa tal-GFCM, dokument bil-miktub li jistabbilixxi d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni għad-diskussjoni u l-approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni.
Jekk waqt laqgħa tal-GFCM, inkluż dik fuq il-post, ma jkunx jista' jintlaħaq qbil, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-elementi l-ġodda, il-kwistjoni għandha tkun referuta lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.