Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1352

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1352 tat-18 ta' April 2017 li jemenda r-Regolament ta' Delega (UE) 2015/98 dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, taħt il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku u tal-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fil-Majjistral tal-Atlantiku

C/2017/2358

ĠU L 190, 21.7.2017, pp. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/1352/oj

21.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 190/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1352

tat-18 ta' April 2017

li jemenda r-Regolament ta' Delega (UE) 2015/98 dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, taħt il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku u tal-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fil-Majjistral tal-Atlantiku

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi l-obbligu tal-ħatt l-art tal-qabdiet kollha tal-ispeċijiet li huma suġġetti għal-limiti ta' qbid u, fil-Mediterran, anki l-ħatt l-art ta' qabdiet ta' ċerti speċijiet li huma suġġetti għad-daqsijiet minimi (“l-obbligu tal-ħatt l-art”). L-Artikolu 15(1) ta' dak ir-Regolament ikopri l-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni jew minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni barra l-ilmijiet tal-Unjoni f'ilmijiet li mhumiex taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' ebda pajjiż terz.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1386/2007 (2) jistabbilixxi l-miżuri ta' konservazzjoni u ta' infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO) (3), li l-Unjoni ssieħbet magħha fl-1978. Ċerti Miżuri ta' Konservazzjoni u ta' Infurzar tan-NAFO jistabbilixxu obbligu tal-iskartar għall-qabdiet u għall-qabdiet aċċessorji ta' ċerti speċijiet li għalihom għandu japplika l-obbligu tal-ħatt l-art.

(3)

L-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati għall-fini tal-implimentazzjoni ta' obbligi internazzjonali fid-dritt tal-Unjoni, inkluż, b'mod partikolari, derogi mill-obbligu tal-ħatt l-art.

(4)

Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/98 (4) jipprevedi d-derogi mill-obbligu tal-ħatt l-art li japplikaw mill-1 ta' Jannar 2015 rigward qabdiet u qabdiet aċċessorji tal-kapelin, li skont il-Miżuri ta' Konservazzjoni u ta' Infurzar tan-NAFO jridu jiġu skartati.

(5)

L-obbligu tal-ħatt l-art se jibda japplika mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2017 għal speċijiet oħrajn li jiddefinixxu s-sajd, inklużi l-ispeċijiet li jinqabdu fiż-Żona Regolatorja tan-NAFO.

(6)

Skont l-Artikolu 5 tal-Miżuri ta' Konservazzjoni u ta' Infurzar tan-NAFO, xi stokkijiet li jinqabdu fiż-Żona Regolatorja tan-NAFO huma suġġetti għal-limiti tal-qbid, minbarra l-istokk tal-gamblu tat-Tramuntana fit-Taqsima 3M tan-NAFO, fejn il-ġestjoni ssir permezz tal-allokazzjoni tal-isforz.

(7)

L-Artikolu 6 tal-Miżuri ta' Konservazzjoni u ta' Infurzar tan-NAFO jistabbilixxi l-limiti għaż-żamma abbord ta' qabdiet aċċessorji tal-istokkijiet li huma suġġetti għal-limiti tal-qbid jew tal-isforz meta dawn l-istokkijiet jinqabdu bħala qabda aċċessorja ma' sajd ieħor. L-Artikolu 6(3)(d) tal-Miżuri ta' Konservazzjoni u ta' Infurzar tan-NAFO, implimentat bl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1386/2007, jgħid li fejn tapplika projbizzjoni fuq is-sajd iż-żamma abbord ta' speċijiet li huma kklassifikati bħala qabdiet aċċessorji għandha tkun limitata għall-massimu ta' 1 250 kg jew 5 %, skont liema wieħed minn dawn ikun l-ikbar.

(8)

Barra minn hekk, l-Artikolu 14 tal-Miżuri ta' Konservazzjoni u ta' Infurzar tan-NAFO, implimentat bl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1386/2007, jistipula li ebda bastiment ma għandu jżomm abbord ebda ħut li jkun iżgħar mid-daqs minimu applikabbli, u li l-ħut li jkun iżgħar minn hekk għandu minnufih jintefa' lura l-baħar.

(9)

L-Anness I.A tal-Miżuri ta' Konservazzjoni u ta' Infurzar tan-NAFO jistabbilixxa tabella tal-kwoti annwali għall-istokkijiet kollha tan-NAFO li huma suġġetti għal-limiti tal-qbid.

(10)

Flimkien, l-Artikoli 5, 6, u 14 tal-Miżuri ta' Konservazzjoni u ta' Infurzar tan-NAFO joħolqu l-obbligu li l-qabdiet li jkunu iżjed mil-limiti stabbiliti tal-qbid jew tal-qbid aċċessorju jiġu skartati. Rigward il-bastimenti tal-Unjoni li jistadu fiż-Żona Regolatorja tan-NAFO, huwa kkonċernat is-sajd skont in-NAFO li ġej: il-bakkaljaw (fit-Taqsimiet 2J3KL, 3M, 3NO), il-barbun ilsien il-kelb (fit-Taqsimiet 3L u 3NO), il-barbun tat-tbajja' Amerikan (fit-Taqsimiet, 3M u 3LNO) il-klamar tal-pinen qosra (fis-Sottożoni 3 u 4), il-barbun denbu isfar (fit-Taqsimiet 3LNO), il-ħalibatt tal-Groenlandja (fit-Taqsimiet 3LMNO), ir-rebekkini u r-raj (fit-Taqsimiet 3LMNO), ir-redfish (fit-Taqsimiet 3LN, 3M, 3O u fis-Sottożona 2, u fit-Taqsimiet 1F u 3K), il-merluzz abjad (fit-Taqsimiet 3NO), u l-gamblu tat-Tramuntana (fit-Taqsimiet 3LNO). Għalhekk jeħtieġ li jiġu ċċarati s-sitwazzjonijiet li fihom l-obbligu tal-ħatt l-art ma japplikax, biex tiġi żgurata l-konformità tal-Unjoni mal-obbligi internazzjonali tagħha u tinħoloq ċertezza legali għas-sajjieda.

(11)

Jixraq li jiġi kkoreġut l-isem taż-Żona tan-NAFO li għaliha huma maħsubin biex japplikaw il-miżuri stipulati fir-Regolament ta' Delega (UE) 2015/98, billi t-terminu “Iż-Żona tal-Konvenzjoni tan-NAFO” jiġi ssostitwit bit-terminu “Iż-Żona Regolatorja tan-NAFO” f'dak ir-Regolament.

(12)

Għalhekk, ir-Regolament ta' Delega (UE) 2015/98 għandu jiġi emendat skont dan.

(13)

Fid-dawl tal-iskadenzi li ġew stabbiliti fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Delega (UE) 2015/98 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-punt 1 jinbidel b'dan li ġej:

“(1)

‘Iż-Żona Regolatorja tan-NAFO’ tfisser iż-Żona ddefinita fl-Artikolu I(2) tal-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fil-Majjistral tal-Atlantiku (il-Konvenzjoni tan-NAFO).”

(b)

Il-punt 2 jitħassar.

(2)

Il-Kapitolu III tar-Regolament ta' Delega (UE) 2015/98 huwa mibdul b'dan li ġej:

“KAPITOLU III

IŻ-ŻONA REGOLATORJA TAN-NAFO

Artikolu 6

Il-kalkolu tal-limiti tal-qabdiet aċċessorji

1.   Il-limiti tal-qabdiet aċċessorji msemmijin f'dan ir-Regolament japplikaw għall-istokkijiet (l-ispeċijiet u t-taqsimiet ikkumbinati flimkien) elenkati fl-Anness I.A tal-Miżuri ta' Konservazzjoni u ta' Infurzar tan-NAFO.

2.   Għal kull stokk, il-kalkolu tal-perċentwal tal-qabda aċċessjorja msemmi f'dan ir-Regolament huwa bbażat fuq il-proporzjon bejn il-qabda ta' dak l-istokk li jinżamm abbord u l-qabda totali tal-istokkijiet kollha li jinżammu abbord.

3.   Il-limiti u l-perċentwali li jissemmew f'dan ir-Regolament jirreferu għall-piżijiet tal-qabdiet li jkunu miżmuma abbord meta ssir spezzjoni, u jiġu kkalkulati skont it-Taqsima abbażi taċ-ċifri fil-ġurnal ta' abbord dwar is-sajd. Permezz ta' deroga, il-kalkolu tal-livelli tal-qbid aċċessorju ta' ħut tal-qiegħ ma għandux jinkludi l-qabdiet tal-gamblu tat-Tramuntana fil-qabda totali li jkun hemm abbord.

Artikolu 6a

Derogi ġenerali b'rabta maż-Żona Regolatorja tan-NAFO

1.   B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-ħut li jinqabad fiż-Żona Regolatorja tan-NAFO 'il fuq mil-limitu stabbilit allokat minn att vinkolanti tal-Unjoni ma għandux jinżamm abbord.

2.   L-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1386/2007, li jipprojbixxi li jinżamm abbord il-qbid aċċessorju li jkun iktar minn 1 250 kg jew 5 %, skont liema minnhom ikun l-iżjed, ta' speċijiet li l-limitu tal-qbid tagħhom ikun stabbilit għal żero b'att vinkolanti tal-Unjoni, għandu japplika b'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

3.   L-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1386/2007, li jeħtieġ li jintefa' lura l-baħar il-ħut kollu li jkun iżgħar mid-daqsijiet minimi stabbiliti fl-Anness III ta' dak ir-Regolament, għandu japplika b'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Artikolu 6b

Il-bakkaljaw fit-Taqsimiet 3NO tan-NAFO

B'deroga mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1386/2007, sakemm il-limitu tal-qbid ikun stabbilit għal żero minn att vinkolanti tal-Unjoni, il-bakkaljaw li jkun qabda aċċessorja ta' aktar minn 1 000 kg jew 4 %, skont liema jkun l-iżjed, fit-Taqsimiet 3NO tan-NAFO, ma għandux jinżamm abbord.

Artikolu 6c

Il-barbun tat-tbajja' Amerikan fit-Taqsimiet 3LNO tan-NAFO

B'deroga mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1386/2007, sakemm il-limitu tal-qbid ikun stabbilit għal żero minn att vinkolanti tal-Unjoni, il-barbun tat-tbajja' Amerikan li jkun qabda aċċessorja ta' aktar minn 15 % fit-Taqsimiet 3LNO tan-NAFO f'attività tas-sajd mmirata lejn il-barbun denbu isfar, ma għandux jinżamm abbord.

Artikolu 6d

Il-barbun denbu isfar fit-Taqsimiet 3LNO tan-NAFO

1.   B'deroga mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1386/2007, sakemm il-limitu tal-qbid ikun stabbilit għal żero minn att vinkolanti tal-Unjoni, il-barbun denbu isfar li jkun qabda aċċessorja ta' aktar minn 2 500 kg jew 10 %, skont liema jkun l-iżjed, fit-Taqsimiet 3LNO tan-NAFO, ma għandux jinżamm abbord.

2.   Meta jkun eżawrit il-limitu tal-qbid tal-barbun denbu isfar, assenjat min-NAFO lill-Partijiet Kontraenti mingħajr porzjon speċifiku tal-istokk, il-barbun denbu isfar li jkun qbid aċċessorju ta' aktar minn 1 250 kg jew 5 %, skont liema jkun l-iżjed, ma għandux jinżamm abbord.

Artikolu 6e

Ir-redfish fit-Taqsima 3M tan-NAFO

Tul iż-żmien li jkun temporanjament magħluq is-sajd immirat lejn ir-redfish fit-Taqsima 3M tan-NAFO minħabba li jkun intlaħaq livell ta' 50 % tal-limitu tal-qbid annwali, ir-redfish li jkun qbid aċċessorju ta' aktar minn 1 250 kg jew 5 %, skont liema jkun l-iżjed, fit-Taqsima 3M tan-NAFO, ma għandux jinżamm abbord.”

Artikolu 2

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' April 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1386/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi miżuri ta' konservazzjoni u ta' infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja ta' l-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (ĠU L 318, 5.12.2007, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3179/78 tat-28 ta' Diċembru 1978 li jirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ekonomika Ewropea tal-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (ĠU L 378, 30.12.1978, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/98 tat-18 ta' Novembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, taħt il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku u tal-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (ĠU L 16, 23.1.2015, p. 23).


Top