EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R2223

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2223 tal-5 ta' Diċembru 2016 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċertu prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

C/2016/8363

ĠU L 336, 10.12.2016, p. 19–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/2223/oj

10.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 336/19


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2223

tal-5 ta' Diċembru 2016

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċertu prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jenħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata, b'mod parzjali jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid xi sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu klassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu klassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Oġġett (hekk imsejjaħ “mikroskopju diġitali”) ta' forma ċilindrika ta' tul ta' madwar 10 cm u dijametru ta' madwar 3 cm. Il-mikroskopju diġitali huwa mgħammar b'erba' dijodi li jemettu d-dawl, b'sensur b'semikonduttur komplementari metall-ossidu (CMOS) u b'kejbil b'konnettur USB. L-oġġett jaħdem biss flimkien ma' magna awtomatika tal-ipproċessar tad-dejta (ADP) u ma għandux kapaċitajiet ta' reġistrazzjoni inkorporati fih.

Il-mikroskopju diġitali għandu l-kapaċità li jkabbar oġġetti f'firxa ta' bejn 10 — 200 darba permezz ta' lenti ottika, u li jieħu ritratti u filmati vidjo li wara jistgħu jiġu rreġistrati fuq magna għall-ipproċessar awtomatiku tad-dejta (ADP) permezz ta' softwer apposta.

Ara l-istampa (*1).

8525 80 19

Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, min-nota 5(E) tal-Kapitolu 84 u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 8525 , 8525 80 u 8525 80 19 .

Il-prodott għandu l-kapaċità li jiffunzjona bħala unità ta' input għal magna ADP, bħala kamera tat-televiżjoni, u bħala mikroskopju diġitali.

Il-klassifikazzjoni bħala unità ta' input għal magna ADP taħt l-intestatura 8471 hija eskluża minħabba li l-oġġett iwettaq funzjoni speċifika li mhijiex ipproċessar tad-dejta.

Il-klassifikazzjoni bħala mikroskopju ottiku kompost taħt l-intestatura 9011 hija eskluża wkoll, minħabba li dan l-oġġett m'għandux il-karatteristiki ta' oġġett taħt dik l-intestatura (ara wkoll l-ewwel paragrafu u t-tieni paragrafu (I) tan-Noti ta' Spjegazzjoni dwar is-Sistema Armonizzata għall-intestatura 9011 ).

Billi stampa tal-oġġett imkabbar bil-mikroskopju tista' tiġi viżwalizzata u, jekk ikun meħtieġ, tiġi rreġistrata b'magna ADP biss wara li din tittieħed mis-sensur CMOS, l-oġġett għandu x-xejra ta' kamera tat-televiżjoni.

Għaldaqstant, l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 8525 80 19 , bħala kamera tat-televiżjoni.

Image

(*1)  L-istampa qiegħda biss għal raġunijiet ta' informazzjoni.


Top