Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0958

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/958 tad-9 ta' Marzu 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards tekniċi regolatorji għall-arranġamenti tekniċi għal preżentazzjoni oġġettiva ta' rakkomandazzjonijiet ta' investiment jew informazzjoni oħra li tirrakkomanda jew tissuġġerixxi strateġija ta' investiment, kif ukoll għad-divulgazzjoni ta' interessi partikulari jew indikazzjonijiet ta' kunflitti ta' interess (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/1403

ĠU L 160, 17.6.2016, p. 15–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 17/06/2016

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/958/oj

17.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 160/15


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/958

tad-9 ta' Marzu 2016

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards tekniċi regolatorji għall-arranġamenti tekniċi għal preżentazzjoni oġġettiva ta' rakkomandazzjonijiet ta' investiment jew informazzjoni oħra li tirrakkomanda jew tissuġġerixxi strateġija ta' investiment, kif ukoll għad-divulgazzjoni ta' interessi partikulari jew indikazzjonijiet ta' kunflitti ta' interess

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 20(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-istandards armonizzati dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-investiment jew informazzjoni oħra li tirrakkomanda jew tissuġġerixxi strateġija ta' investiment (minn issa “rakkomandazzjonijiet”) huma neċessarji għal preżentazzjoni oġġettiva, ċara u preċiża ta' tali informazzjoni u għad-divulgazzjoni ta' interessi u kunflitti ta' interess. Huma għandhom ikunu kkumpilati minn persuni li jipproduċu jew jiddisseminaw ir-rakkomandazzjonijiet. B'mod partikolari, sabiex jiġi żgurat li jinżammu standards għolja ta' ġustizzja, probità u trasparenza fis-suq, ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati b'mod oġġettiv u b'mod li ma jqarraqx lill-parteċipanti fis-suq jew lill-pubbliku.

(2)

Il-persuni kollha li jipproduċu jew jiddisseminaw ir-rakkomandazzjonijiet għandhom ikollhom arranġamenti li jiżguraw li l-informazzjoni tkun ippreżentata b'mod oġġettiv u li l-interessi jew il-kunflitti ta' interess ikunu divulgati b'mod effettiv. Barra minn dan, għandhom isiru arranġamenti addizzjonali għal dawk il-kategoriji ta' persuni li, bis-saħħa tan-natura u tal-attivitajiet tagħhom, ġeneralment huma ta' riskju akbar għall-integrità tas-suq u tal-protezzjoni tal-investituri. Dak il-grupp ikun jinkludi analisti indipendenti, ditti tal-investiment, istituzzjonijiet ta' kreditu, kull persuna li n-negozju tagħha jkun li tipproduċi jew tiddissemina rakkomandazzjonijiet, u l-persuni fiżiċi li jaħdmu għalihom b'kuntratt ta' impjieg jew mod ieħor, kif ukoll persuni oħra li jipproponu deċiżjonijiet ta' investiment fir-rispett ta' strumenti finanzjarji li jippreżentaw ruħhom bħala li għandhom esperjenza jew kompetenza finanzjarja, jew li jkun hemm perċezzjoni tagħhom bħala tali mill-parteċipanti fis-suq (minn issa “esperti”). Indikaturi mhux eżawrjenti li għandhom jiġu kkunsidrati f'relazzjoni mal-identifikazzjoni ta' tali esperti jinkludu l-frekwenza li biha huma jipproduċu r-rakkomandazzjonijiet; l-għadd ta' dawk li jsegwuhom meta huma jipproponu rakkomandazzjonijiet; il-ġrajja personali tal-ħidma tagħhom, inkluż jekk kinux qegħdin jipproduċu rakkomandazzjonijiet fil-passat; u jekk ir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tagħhom humiex jew kinux imxerrda minn partijiet terzi, bħal ma huma l-medja.

(3)

L-identità tal-persuni li jipproduċu rakkomandazzjonijiet, l-awtorità kompetenti tagħhom, jekk ikun hemm, u d-dati u l-ħinijiet meta jkunu tlestew ir-rakkomandazzjonijiet u mbagħad disseminati għandhom jiġu divulgati, peress li din tista' tkun informazzjoni siewja għall-investituri f'relazzjoni mad-deċiżjonijiet ta' investiment tagħhom.

(4)

Id-divulgazzjoni tal-valutazzjonijiet u l-metodoloġiji hija informazzjoni utli sabiex jiġu miftiehma r-rakkomandazzjonijiet, kif ukoll sabiex jitkejjel sa fejn il-persuni li jipproduċuhom ikunu konsistenti fil-valutazzjonijiet u l-metodoloġiji li jadottaw. Rakkomandazzjonijiet prodotti mill-istess persuna u marbuta ma' kumpaniji li jappartjenu lill-istess industrija jew lill-istess pajjiż għandu jkollhom l-għan li b'mod konsistenti jesebixxu xi fatturi komuni konsistenti. Għal dawn ir-raġunijiet, analisti indipendenti, ditti tal-investiment, istituzzjonijiet ta' kreditu, persuni li n-negozju ewlieni tagħhom huwa dak li jipproduċu rakkomandazzjonijiet, u l-persuni fiżiċi li jaħdmu għalihom b'kuntratt ta' impjieg jew mod ieħor, kif ukoll l-esperti, għandhom jispjegaw fir-rakkomandazzjonijiet kull tibdil fil-valutazzjonijiet u l-metodoloġiji li jużaw.

(5)

L-interessi ta' persuni li jipproduċu r-rakkomandazzjonijiet, u l-kunflitti li dawk l-interessi jistgħu jfissru, jistgħu jinfluwenzaw l-opinjoni li dawk il-persuni jkunu esprimew fir-rakkomandazzjonijiet tagħhom. Sabiex jiġi żgurat li l-oġġettività u l-affidabilità tal-informazzjoni tkun tista' tiġi evalwata, ikun xieraq li tiġi divulgata kull relazzjoni u ċirkostanza li tista' b'mod raġjonevoli tkun mistennija li timmina l-oġġettività tal-informazzjoni, inklużi interessi jew kunflitti ta' interess tal-persuna li tipproduċi r-rakkomandazzjoni, jew ta' persuna li tkun tappartjeni lill-istess grupp, rigward l-istrument finanzjarju jew l-emittent li miegħu tkun tirrelata r-rakkomandazzjoni, kemm jekk direttament kif ukoll jekk indirettament.

(6)

Id-divulgazzjonijiet ta' interessi jew kunflitti ta' interess għandhom ikunu biżżejjed speċifiċi li jippermettu lir-reċipjent tar-rakkomandazzjoni li jkollu opinjoni infurmata tal-grad u n-natura tal-interess jew tal-kunflitt ta' interess. L-analisti indipendenti, id-ditti tal-investiment, l-istituzzjonijiet ta' kreditu, il-persuni li n-negozju ewlieni tagħhom huwa dak li jipproduċu rakkomandazzjonijiet, u l-persuni fiżiċi li jaħdmu għalihom b'kuntratt ta' impjieg jew mod ieħor, kif ukoll l-esperti, għandhom ukoll jiddivulgaw jekk huma jkollhomx pożizzjoni netta twila jew bin-nieqes 'l fuq minn livell premeditat fil-kapital azzjonarju maħruġ tal-emittent li miegħu tirrelata r-rakkomandazzjoni. F'dak il-kuntest, huma għandhom jikkalkulaw il-pożizzjoni netta twila jew bin-nieqes skont il-metodoloġija għall-kalkolu tal-pożizzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(7)

Fl-interess tal-proporzjonalità, persuni li jipproduċu r-rakkomandazzjonijiet għandhom jitħallew jadattaw l-arranġamenti tagħhom għal preżentazzjoni oġġettiva u għad-divulgazzjoni ta' interessi jew kunflitti ta' interess fi ħdan il-limiti mfissra f'dan ir-Regolament, inluż meta jipproduċu rakkomandazzjonijiet mhux bil-miktub li jsiru bl-użu ta' modalitajiet bħal ma huma laqgħat, road shows, jew konferenżi bl-awdjo jew bil-vidjo kif ukoll f'intervisti fuq ir-radju, it-TV jew f'siti web.

(8)

Ir-rakkomandazzjonijet jistgħu jiġu disseminati f'għamla mhux alterata, alterata jew miġbura fil-qosor minn persuna li ma tkunx il-persuna li pproduċiethom. Il-mod li bih persuni li jiddisseminaw ir-rakomandazzjonijiet jittrattaw dawk ir-rakkomandazzjonijiet jista' jkollu impatt importanti fuq l-evalwazzjoni ta' dawk mill-investituri. B'mod partikolari, l-għarfien tal-identità tal-persuni li jiddisseminaw ir-rakkomandazzjoni, u l-livell tal-alterazzjoni tar-rakkomandazzjoni-sors tista' tkun biċċa informazzjoni siewja għall-investituri meta jitqiesu d-deċiżjonijiet tagħhom ta' investiment.

(9)

Meta l-persuni li jiddisseminaw ir-rakkomandazzjonijiet jestrapolaw biss xi elementi minn rakkomandazzjoni-sors, dan jista' jkun li jammonta għal alterazzjoni sostanzjali tal-kontenut tar-rakkomandazzjoni-sors. Bidla fid-direzzjoni tar-rakkomandazzjoni-sors (eż. billi rakkomandazzjoni ta' xiri tinbidel għal rakkomandazzjoni għal żamma, jew għal bejgħ, jew bil-kontra, jew bil-bidla tal-mira tal-prezz) għanda dejjem titqies bħala alterazzjoni sostanzjali.

(10)

L-ipproċessar ta' dejta personali fil-kuntest ta' dan ir-Regolament għandu jsir f'konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(11)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni.

(12)

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(13)

Sabiex ikun garantit il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, huwa neċessarju li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b'urġenza u li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament japplikaw mill-istess data bħal dawk stabbiliti fir- Regolament (UE) Nru 596/2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“espert” tfisser persuna li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 3(1)(34)(ii) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 li b'mod ripetut tipproponi deċiżjonijiet ta' investiment fir-rispett ta' strumenti finanzjarji u li:

(i)

tippreżenta lilha nfisha bħala li jkollha għarfien esperti jew esperjenza fil-finanzi; jew

(ii)

tippreżenta r-rakkomandazzjoni tagħha b'tali mod li persuni oħra jemmnu b'mod raġjonevoli li għandha għarfien espert jew esperjenza fil-finanzi;

(b)

“grupp” ifisser grupp kif definit fl-Artikolu 2(11) tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5);

KAPITOLU II

PRODUZZJONI TA' RAKKOMANDAZZJONIJIET

Artikolu 2

Identità tal-produtturi tar-rakkomandazzjonijiet

1.   Persuni li jipproduċu rakkomandazzjonijiet ta' investiment jew informazzjoni oħra li tirrakkomanda jew tissuġġerixxi strateġija ta' investiment (“rakkomandazzjonijiet”) għandhom jiddivulgaw b'mod ċar u prominenti f'kull rakkomandazjoni li jipproduċu l-identità tagħhom u l-informazzjoni li ġejja dwar l-identità ta' kull persuna/i responsabbli mill-produzzjoni tar-rakkomandazzjoni:

(a)

l-isem u t-titolu tal-impjieg tal-persuni fiżiċi kollha involuti fil-produzzjoni tar-rakkomandazzjoni;

(b)

meta persuna fiżika jew persuna legali involuta fil-produzzjoni tar-rakkomandazzjoni tkun qed taġixxi b'kuntratt, inkluż kuntratt ta' impjieg, jew mod ieħor, għall-persuna ġuridika, isem it-tali persuna ġuridika.

2.   Meta l-persuna li tipproduċi r-rakkomandazzjonijiet tkun ditta tal-investiment, istituzzjoni ta' kreditu, jew persuna fiżika li tkun taħdem għal ditta tal-investiment jew istituzzjoni ta' kreditu b'kuntratt ta' impjieg jew mod ieħor, dik il-persuna għandha, b'żieda mal-informazzjoni stipulata fil-paragrafu 1, tiddikjara l-identità tal-awtorità kompetenti relevanti fir-rakkomandazzjoni.

3.   Meta l-persuna li tipproduċi r-rakkomandazzjonijiet ma tkunx persuna li ssir referenza għaliha fil-paragrafu 2, iżda tkun suġġetta għal standards ta' awtoregolazzjoni jew kodiċi ta' kondotta għall-produzzjoni ta' rakkomandazjonijiet, dik il-persuna għandha, b'żieda mal-informazzjoni stipulata fil-paragrafu 1 tiddikjara referenza għal dawk l-istandards jew kodiċi fir-rakkomandazzjoni.

Artikolu 3

Obbligi ġenerali f'relazzjoni mal-preżentazzjoni oġġettiva tar-rakkomandazzjonijiet

1.   Persuni li jipproduċu rakkomandazzjonijiet għandhom jaraw li r-rakkomandazzjonijiet tagħhom ikunu konformi mar-rekwiżiti li ġejjin

(a)

il-fatti jkunu distinti b'mod ċar mill-interpretazzjonijiet, l-istimi, l-opinjonijiet u tipi oħra ta' tagħrif mhux fattwali;

(b)

kull sors sostanzjalment materjali ta' informazzjoni jkun indikat b'mod ċar u prominenti;

(c)

is-sorsi kollha ta' informazzjoni jkunu ta' min joqgħod fuqhom jew, meta jkun hemm dubju dwar jekk sors ikunx affidabbli, dan jiġi indikat b'mod ċar;

(d)

il-proġettazzjonijiet, il-previżjonijiet u l-miri tal-prezzijiet kollha jkunu ttikkettjati b'mod ċar u prominenti bħala tali, u l-preżuppożizzjonijiet materjali li jkunu saru matul il-produzzjoni tagħhom ikunu indikati;

(e)

id-data u l-ħin meta kienet tlestiet ir-rakkomandazzjoni ikunu indikati b'mod ċar u prominenti.

2.   Meta d-divulgazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa fil-punti (b) jew (e) tal-paragrafu 1 tkun sproporzjonata f'relazzjoni mat-tul jew il-forma tar-rakkomandazzjoni, inkluż fil-każ ta' rakkomandazzjoni mhux bil-miktub li ssir bl-użu ta' modalitajiet bħal ma huma laqgħat, road shows, konferenzi bl-awdjo jew bil-vidjo, kif ukoll f'intervisti fuq ir-radju, it-TV u f'siti web, il-persuna li tipproduċi r-rakkomandazzjonijiet għandha tiddikjara fir-rakkomandazzjoni fejn il-persuni li jirċievu r-rakkomandazzjoni jkun jista' jkollhom aċċess bla ħlas għall-informazzjoni meħtieġa.

3.   Il-persuni li jipproduċu r-rakkomandazzjonijiet għandhom jissostanzjaw kull rakkomandazzjoni li jkunu pproduċew lill-awtorità kompetenti fuq talba tagħha.

Artikolu 4

Obbligi addizzjonali f'relazzjoni mal-preżentazzjoni oġġettiva tar-rakkomandazzjonijiet applikabbli lill-persuni li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 3(1)(34)(i) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 u mal-esperti

1.   B'żieda mal-informazzjoni stipulata fl-Artikolu 3, il-persuni li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 3(1)(34)(i) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 u l-esperti għandhom jinkludu fir-rakkomandazzjoni l-informazzjoni li ġejja b'mod ċar u prominenti:

(a)

jekk ir-rakkomandazzjoni tkun divulgata lill-emittent li miegħu tirrelata, direttament jew indirettament, u jekk tkun sussegwentement emendata, dikjarazzjoni b'dak l-effett;

(b)

ġabra fil-qosor ta' kull bażi tal-valutazzjoni jew il-metodoloġija u l-preżuppozizzjonijiet sottostanti użati biex jew jiġi evalwat l-istrument finanzjarju jew l-emittent, jew biex tiġi ffissata mira ta' prezz għal strument finanzjarju, kif ukoll indikazzjoni u ġabra fil-qosor ta' kull tibdil fil-valutazzjoni, il-metodoloġija jew il-preżuppożizzjonijiet sottostanti;

(c)

indikazzjoni tal-post fejn l-informazzjoni dettaljata dwar il-valutazzjoni jew il-metodoloġija u l-preżuppożizzjonijiet sottostanti tkun aċċessibbli direttament u faċilment, fil-każ li l-persuna li tipproduċi r-rakkomandazzjonjiet ma tkunx użat mudelli bbażati fuq drittijiet ta' proprjetà.

(d)

indikazzjoni tal-post fejn l-informazzjoni materjali dwar il-mudelli bbażti fuq drittijiet ta' proprjetà użata tkun aċċessibbli direttament u faċilment, fil-każ li l-persuna li tipproduċi r-rakkomandazzjonjiet tkun użat mudelli bbażati fuq drittijiet ta' proprjetà.

(e)

it-tifsira ta' kull rakkomandazzjoni magħmula, bħalma huma rakkomandazzjonijiet ta' “xiri”, “bejgħ” jew “żamma”, u t-tul ta' żmien tal-investiment li għalih tirrelata r-rakkomandazzjoni tkun spjegata b'mod adegwat u tkun indikata kull twissija approprjata tar-riskju, inkluż analiżi tas-sensittività tal-preżunzjonijiet;

(f)

referenza għall-frekwenza ppjanata ta' aġġornamenti għar-rakkomandazzjoni;

(g)

indikazzjoni tad-data u l-ħin relevanti għal kull prezz tal-istrumenti finanzjarji fir-rakkomandazzjoni;

(h)

meta rakkomandazzjoni tkun differenti minn kull rakkomandazzjoni preċedenti tagħhom rigward l-istess strument finanzjarju jew emittent li tkun ġiet disseminata matul il-perjodu preċedenti ta' 12-il xahar, jiġi indikat it-tibdil u d-data ta' dik ir-rakkomandazzjoni preċedenti; kif ukoll

(i)

lista tar-rakkomandazzjonijiet kollha tagħhom dwar kull strument finanzjarju jew emittent li kienu ġew disseminati matul il-perjodu ta' 12-il xahar preċedenti, u għal kull rakkomandazzjoni l-lista jkun fiha: id-data tad-disseminazzjoni, l-identita tal-persuna/i fiżika/ċi li ssir referenza għaliha/hom fl-Artikolu 2(1)(a), il-mira tal-prezz u l-prezz tas-suq relevanti fil-mument tad-disseminazzjoni, id-direzzjoni tar-rakkomandazzjoni u l-validità tal-perjodu ta' żmien tal-mira tal-prezz jew tar-rakkomandazzjoni.

2.   Meta d-divulgazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa fil-punti (b), (e) jew (i) tal-paragrafu 1 tkun sproporzjonata f'relazzjoni mat-tul jew il-forma tar-rakkomandazzjoni, inkluż fil-każ ta' rakkomandazzjoni mhux bil-miktub li ssir bl-użu ta' modalitajiet bħal ma huma laqgħat, road shows, konferenzi bl-awdjo jew bil-vidjo, kif ukoll f'intervisti fuq ir-radju, it-TV u f'siti web, il-persuna li tipproduċi r-rakkomandazzjonijiet għandha tiddikjara fir-rakkomandazzjoni fejn il-persuni li jirċievu r-rakkomandazzjoni jkun jista' jkollhom aċċess bla ħlas għall-informazzjoni meħtieġa.

Artikolu 5

Obbligi ġenerali f'relazzjoni mad-divulgazzjoni ta' interessi jew ta' kunflitti ta' interess

1.   Persuni li jipproduċu rakkomandazzjonijiet għandhom jiddivulgaw fir-rakkomandazzjonijiet tagħhom ir-relazzjonijiet u ċ-ċirkostanzi kollha li b'mod raġjonevoli jkunu mistennija jimminaw l-oġġettività tar-rakkomandazzjoni, inklużi interessi jew kunflitti ta' interess, min-naħa tagħhom jew min-naħa ta' kull persuna fiżika jew ġuridika li taħdem għalihom b'kuntratt, inkluż kuntratt ta' impjieg, jew mod ieħor, li kienet involuta fil-produzzjoni tar-rakkomandazzjoni, rigward kull strument finanzjarju jew emittent li għalih tirrelata r-rakkomandazzjoni, direttament jew indirettament.

2.   Meta persuna li tipproduċi rakkomandazzjoni li ssir referenza għaliha fil-paragrafu 1 tkun persuna ġuridika, l-informazzjoni li għandha tiġi divulgata skont il-paragrafu 1 tkun tinkludi wkoll kull interess jew kunflitt ta' interess ta' kull persuna li tappartjeni lill-istess grupp li tkun:

(a)

magħrufa, jew b'mod raġjonevali mistennija li tkun magħrufa, lill-persuni involuti fil-produzzjoni tar-rakkomandazzjoni; jew

(b)

magħrufa lil persuni li, għalkemm ma jkunux involuti fil-produzzjoni tar-rakkomandazzjoni, ikollhom jew jistgħu b'mod raġjonevoli jkun mistenni li jkollhom, aċċess għar-rakkomandazzjoni qabel ma titlesta.

3.   Meta persuna li tipproduċi rakkomandazzjoni li ssir referenza għaliha fil-paragrafu 1 tkun persuna fiżika, l-informazzjoni li għandha tiġi divulgata skont il-paragrafu 1 tkun tinkludi wkoll kull interess jew kunflitt ta' interess ta' kull persuna assoċjata mill-qrib magħha.

Artikolu 6

Obbligi addizzjonali f'relazzjoni mad-divulgazzjoni ta' interessi jew ta' kunflitti ta' interess minn persuni li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 3(1)(34)(i) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 u mal-esperti

1.   B'żieda mal-informazzjoni meħtieġa fl-Artikolu 5, persuna li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 3(1)(34)(i) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 u espert għandhom jinkludu fir-rakkomandazzjoni l-informazzjoni li ġejja dwar l-interessi u l-kunflitti ta' interess tagħhom rigward l-emittent li għalih tirrelata r-rakkomandazzjoni, direttament jew indirettament:

(a)

jekk ikollha pożizjoni netta twila jew bin-nieqes li teċċedi l-livell ta' 0,5 % tal-kapital azzjonarju maħruġ totali tal-emittent, ikkalkulat skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 236/2012 u mal-Kapitolu III u IV tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 918/2012 (6), dikjarazzjoni f'dak is-sens li tispeċifika jekk il-pożizzjoni netta tkunx twila jew bin-nieqes;

(b)

jekk l-emittent ikollu parteċipazzjoni li taqbeż 5 % tal-kapital azzjonarju maħruġ totali tagħha, dikjarazzjoni f'dak is-sens;

(c)

jekk il-persuna li tipproduċi r-rakkomandazzjoni jew kull persuna oħra li tappartjeni għall-istess grupp ma' dik il-persuna:

(i)

tkun ġeneratur tas-suq jew fornitur ta' likwidità fl-istrumenti finanzjarji tal-emittent, dikjarazzjoni f'dan is-sens;

(ii)

kienet maniġer ewlieni jew deputat maniġer ewlieni matul it-12-il xahar preċedenti ta' kull offerta divulgata pubblikament ta' strumenti finanzjarji tal-emittent, dikjarazzjoni f'dan is-sens;

(iii)

tkun parti fi ftehim mal-emittent li jkun jirrigwardja l-għoti ta' servizzi ta' ditti tal-investiment imsemmija fit-Taqsima A u B tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), dikjarazjoni f'dan is-sens, sakemm dan ma jkunx ifisser id-divulgazzjoni ta' xi informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali u li l-ftehim ikun ilu fis-seħħ għat-12-il xahar ta' qabel jew ikun ikkawża, matul l-istess perjodu, xi obbligi ta' ħlas jew teħid ta' kumpens;

(iv)

tkun parti għal ftehim mal-emittent li jirrigwardja l-produzzjoni tar-rakkomandazzjoni, dikjarazzjoni f'dan is-sens.

2.   Meta l-persuna li ssir referenza għaliha fil-paragrafu 1 tkun ditta tal-investiment, istituzzjoni ta' kreditu, jew persuna fiżika jew ġuridika li taħdem għal xi ditta tal-investiment jew istituzzjoni ta' kreditu b'kuntratt, inkluż kuntratt ta' impjieg, jew mod ieħor, dik il-persuna għandha, b'żieda mal-informazzjoni stipulata fil-paragrafu 1, tinkludi l-informazzjoni li ġejja fir-rakkomandazzjoni.

(a)

deskrizzjoni tal-arranġamenti interni organizzattivi u amministraattivi effettivi u ta' kull xkiel għall-informazzjoni li tkun stabbiliet għall-prevenzjoni u l-iskartar ta' kunflitti ta' interess bir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet;

(b)

jekk ir-rimunerazzjoni ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jaħdmu għaliha b'kuntratt ta' impjieg jew mod ieħor, u li kienu involuti fil-produzzjoni tar-rakkomandazjoni, tkun direttament marbuta ma' tranżazzjonijiet f'servizzi ta' ditti tal-investiment li jissemmew fit-Taqsimiet A u B tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE jew kull tip ieħor ta' tranżazzjoni li twettaq hija, jew kull persuna ġuridika li tkun parti mill-istess grupp, jew ma' xi tariffi kummerċjali li tirċievi hi jew kull persuna ġuridika li tkun parti mill-istess grupp, dikjarazzjoni f'dan is-sens;

(c)

informazzjoni dwar il-prezz u d-data tal-akkwist tal-ishma meta persuni fiżiċi li jaħdmu għall-persuna li ssir referenza għaliha fl-ewwel subparagrafu b'kuntratt ta' impjieg jew mod ieħor, u li kienu involuti fil-produzzjoni tar-rakkomandazzjoni, jirċievu jew jixtru l-ishma tal-emittent li għalihom tirrelata r-rakkomandazzjoni, direttament jew indirettament, qabel offerta pubblika ta' tali ishma.

3.   Meta l-persuna li ssir referenza għaliha fil-paragrafu 1 tkun ditta tal-investiment, istituzzjoni ta' kreditu, jew persuna fiżika jew ġuridika li taħdem għal xi ditta tal-investiment jew istituzzjoni ta' kreditu b'kuntratt, inkluż kuntratt ta' impjieg, jew mod ieħor, dik il-persuna għandha tippubblika, kull kwart, il-proporzjoni tar-rakkomandazzjonijiet kollha li jkunu ta' “xiri”, “żamma”, “bejgħ” jew termini ekwivalenti matul it-12-il xahar ta' qabel, u l-proporzjon ta' emittenti li jikkorrispondi ma' kull waħda minn dawn il-kategoriji li għalihom it-tali persuna tkun issupplixxiet servizzi materjali ta' ditti tal-investiment elenkati fit-Taqsima A u B tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE matul it-12-il xahar preċedenti.

4.   Meta d-divulgazzjoni tal-informazzjoni li ssir referenza għaliha fil-paragrafi 1 u 2 tkun sproporzjonata f'relazzjoni mat-tul jew il-forma tar-rakkomandazzjoni, inkluż fil-każ ta' rakkomandazzjoni mhux bil-miktub li ssir bl-użu ta' modalitajiet bħal ma huma laqgħat, road shows, konferenzi bl-awdjo jew bil-vidjo, kif ukoll f'intervisti fuq ir-radju, it-TV u f'siti web, il-persuna li tipproduċi r-rakkomandazzjonijiet għandha tiddikjara fir-rakkomandazzjoni fejn il-persuni li jirċievu r-rakkomandazzjoni jkun jista' jkollhom aċċess bla ħlas għall-informazzjoni meħtieġa.

Artikolu 7

Disseminazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet mill-produttur

Meta persuna li tipproduċi r-rakkomandazzjonijiet tiddissemina rakkomandazzjoni li tkun ipproduċiet, dik il-persuna għandha tinkludi fir-rakkomandazjoni d-data u l-ħin ta' meta tkun iddisseminata r-rakkomandazzjoni l-ewwel darba.

KAPITOLU III

ID-DISSEMINAZZJONI TAR-RAKKOMANDAZZJONIJET PRODOTTI MINN PARTIJIET TERZI

Artikolu 8

Arranġamenti għad-disseminazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet

1.   Persuni li jiddesseminaw rakkomandazzjonijiet prodotti minn parti terza għandhom jikkomunikaw lill-persuni li jirċievu r-rakkomandazzjonijiet l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identità tagħhom b'mod ċar u prominenti;

(b)

kull relazzjoni u ċirkostanza li tista' b'mod raġjonevoli tkun mistennija li timmina l-preżentazzjoni oġġettiva tar-rakkomandazzjoni, inkluż interessi jew kunflitti ta' interess li jirrigwardja kull strument finanzjarju jew l-emittent li għalih tirrelata r-rakkomandazzjoni, direttament jew indirettament;

(c)

id-data u l-ħin meta tkun ġiet iddisseminata r-rakkomandazzjoni għall-ewwel darba.

2.   Meta persuna li ssir referenza għaliha fil-paragrafu 1 tkun ditta tal-investiment, istituzzjoni ta' kreditu, jew persuna fiżika jew ġuridika li taħdem għal xi ditta tal-investiment jew istituzzjoni ta' kreditu b'kuntratt, inkluż kuntratt ta' impjieg, jew mod ieħor, dik il-persuna għandha, b'żieda mal-informazzjoni stipulata fil-paragrafu 1, tikkomunika lill-persuni li jirċievu r-rakkomandazzjonijiet l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identità tal-awtorità kompetenti relevanti;

(b)

l-interessi tagħha stess jew indikazzjoni ta' kunflitti ta' interess kif stipulat fl-Artikoli 5 u 6(1) u (2), sakemm dik il-persuna tkun qed taġixxi bħala l-kanal ta' disseminazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet prodotti fi ħdan l-istess grupp mingħajr l-eżerċizzju ta' xi diskrezzjoni dwar is-selezzjoni tar-rakkomandazzjoni li għandha tiġi disseminata.

Artikolu 9

Arranġamenti addizzjonali għad-disseminazzjoni ta' ġabra fil-qosor jew estratt tar-rakkomandazzjonijiet

1.   B'żieda mal-informazzjoni stipulata fl-Artikolu 8, persuni li jiddisseminaw ġabra fil-qosor jew estratt ta' rakkomandazzjoni prodotta minn parti terza għandha tara li kull ġabra fil-qosor jew estratt:

(a)

ikun ċar u ma jiżgwidax;

(b)

ikun identifikat bħala ġabra fil-qosor jew estratt;

(c)

ikun jinkludi identifikazzjoni ċara tar-rakkomandazzjoni oriġinali.

2.   Il-persuni li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 għandhom ukoll jiżguraw li l-informazzjoni li tirrigwardja l-produttur tar-rakkomandazzjoni stipulata fl-Artikoli 2 sa 6 ssir disponibbli jew direttament, fil-ġabra fil-qosor jew fl-estratt innifsu, jew permezz ta' referenza għall-post fejn tkun tista' tiġi aċċessata bla ħlas dik l-informazzjoni mill-persuni li jirċievu l-ġabra fil-qosor jew l-estratt tar-rakkomandazzjoni.

Artikolu 10

Arranġamenti addizzjonali għad-disseminazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet alterati b'mod sostanzjali

1.   B'żieda mal-informazzjoni stipulata fl-Artikolu 8, persuni li jiddisseminaw rakkomandazzjoni prodotta minn parti terza li tkun ġiet alterata b'mod sostanzjali, għandhom jaraw li r-rakkomandazzjoni tkun turi b'mod ċar l-alterazzjoni sostanzjali fid-dettall.

2.   Il-persuni li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 5 sa fejn dawn jolqtu l-alterazzjoni sostanzjali u jinkludu fir-rakkomandazzjoni sostanzjalment alterata referenza għall-post fejn l-informazzjoni rigward il-produttur tar-rakkomandazzjoni oriġinali stipulata fl-Artikoli 2 sa 6 tkun tista' tiġi aċċessata bla ħlas mill-persuni li jkunu qed jirċievu r-rakkomandazzjoni sostanzjalment alterata.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 11

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum li jsegwi dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mit-3 ta' Lulju 2016.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Marzu 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta' inadempjenza tal-kreditu (ĠU L 86, 24.3.2012, p. 1).

(3)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(5)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 918/2012 tal-5 ta' Lulju 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti ta' swaps ta' inadempjenza tal-kreditu fir-rigward tad-definizzjonijiet, il-kalkolu ta' pożizzjonijiet bin-nieqes netti, swaps ta' inadempjenza tal-kreditu sovrani koperti, livelli limitu ta' notifika, livelli limitu ta' likwidità għas-sospensjoni tar-restrizzjonijiet, waqgħat sinifikanti fil-valur tal-istrumenti finanzjarji u avvenimenti avversi (ĠU L 274, 9.10.2012, p. 1).

(7)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).


Top