Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016L2370

    Direttiva (UE) 2016/2370 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 li temenda d-Direttiva 2012/34/UE fir-rigward tal-ftuħ tas-suq tas-servizzi tat-trasport domestiku tal-passiġġieri bil-ferrovija u l-governanza tal-infrastruttura ferrovjarja (Test b'rilevanza għaż-ŻEE )

    ĠU L 352, 23.12.2016, p. 1–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/2370/oj

    23.12.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 352/1


    DIRETTIVA (UE) 2016/2370 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-14 ta' Diċembru 2016

    li temenda d-Direttiva 2012/34/UE fir-rigward tal-ftuħ tas-suq tas-servizzi tat-trasport domestiku tal-passiġġieri bil-ferrovija u l-governanza tal-infrastruttura ferrovjarja

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea b'regoli komuni dwar il-governanza ta' impriżi ferrovjarji u maniġers tal-infrastruttura, dwar il-finanzjament tal-infrastruttura u t-tariffi, dwar kundizzjonijiet ta' aċċess għall-infrastruttura u s-servizzi ferrovjarji, u dwar is-sorveljanza regolatorja tas-suq ferrovjarju. Jenħtieġ li t-tlestija taż-żona ferrovjarja unika Ewropea tinkiseb billi jiġi estiż il-prinċipju ta' aċċess miftuħ għas-swieq ferrovjarji domestiċi u billi tiġi riformata l-governanza ta' maniġers tal-infrastruttura bil-għan li jiġi żgurat aċċess ugwali għall-infrastruttura.

    (2)

    Iż-żieda fit-traffiku tal-passiġġieri bil-ferrovija ma laħħqitx mal-evoluzzjoni ta' modi oħra ta' trasport. Jenħtieġ li t-tlestija taż-żona ferrovjarja unika Ewropea tikkontribwixxi għall-iżvilupp ulterjuri tat-trasport ferrovjarju bħala alternattiva kredibbli għal modi oħra ta' trasport. F'dan il-kuntest, huwa essenzjali li l-leġislazzjoni li tistabbilixxi ż-żona ferrovjarja unika Ewropea tiġi applikata b'mod effettiv fil-limiti ta' żmien preskritti.

    (3)

    Is-swieq tal-Unjoni tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija u s-servizzi tat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri nfetħu għall-kompetizzjoni mill-2007 u l-2010 rispettivament, f'konformità mad-Direttiva 2004/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u mad-Direttiva 2007/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Barra minn hekk, xi Stati Membri fetħu wkoll is-servizzi domestiċi tal-passiġġieri tagħhom għall-kompetizzjoni, billi introduċew drittijiet ta' aċċess miftuħ, permezz ta' sejħiet għal offerti kompetittivi għal kuntratti pubbliċi għal servizzi, jew it-tnejn f'daqqa. Jenħtieġ li ftuħ bħal dan tas-suq ikollu impatt pożittiv fuq il-funzjonament taż-żona ferrovjarja unika Ewropea, li jwassal għal servizzi aħjar għall-utenti.

    (4)

    Jenħtieġ li l-eżenzjonijiet speċifiċi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2012/34/UE jippermettu lill-Istati Membri jqisu l-karatteristiċi speċifiċi tal-istruttura u l-organizzazzjoni tas-sistemi ferrovjarji fit-territorju tagħhom, filwaqt li jiżguraw l-integrità taż-żona ferrovjarja unika Ewropea.

    (5)

    L-operat ta' infrastruttura ferrovjarja fuq netwerk jinkludi l-kontroll tal-kmand u s-sinjalazzjoni. Sakemm il-linja tkun għadha qed taħdem, jenħtieġ li l-maniġer tal-infrastruttura jiżgura b'mod partikolari li l-infrastruttura tkun adegwata għall-użu intenzjonat tagħha.

    (6)

    Sabiex jiġi stabbilit jekk jenħtieġx li impriża titqies integrata vertikalment, jenħtieġ li jiġi applikat il-kunċett ta' kontroll skont it-tifsira tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (7). Fejn maniġer tal-infrastruttura u impriża ferrovjarja jkunu kompletament indipendenti minn xulxin, iżda t-tnejn ikunu ikkontrollati direttament mill-Istat mingħajr entità intermedjarja, jenħtieġ li dawn jitqiesu separati. Ministeru tal-Gvern li jeżerċita kontroll fuq impriża ferrovjarja kif ukoll maniġer tal-infrastruttura ma għandux jitqies bħala entità intermedjarja.

    (7)

    Din id-Direttiva tintroduċi aktar rekwiżiti biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-maniġer tal-infrastruttura. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi li jagħżlu bejn il-mudelli ta' organizzazzjoni differenti, li jvarjaw minn separazzjoni strutturali sħiħa għal integrazzjoni vertikali, soġġetti għal salvagwardji adegwati biex tiġi żgurata l-imparzjalità tal-maniġer tal-infrastruttura fir-rigward tal-funzjonijiet essenzjali, il-ġestjoni tat-traffiku u l-ippjanar tal-manutenzjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri, skont il-limiti tal-oqfsa stabbiliti tal-imposti u l-allokazzjoni, jiżguraw li l-maniġer tal-infrastruttura jkollu indipendenza organizzattiva u fit-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-funzjonijiet essenzjali.

    (8)

    Jenħtieġ li s-salvagwardji japplikaw f'impriżi vertikalment integrati biex jiġi żgurat li entitajiet legali oħra f'dawk l-impriżi ma jkollhomx influwenza deċiżiva fuq il-ħatriet u t-tkeċċijiet ta' persuni inkarigati milli jieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-funzjonijiet essenzjali. F'dan il-kuntest, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li jeżistu proċeduri ta' lment.

    (9)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu qafas nazzjonali għall-valutazzjoni tal-kunflitt ta' interessi. Fi ħdan dan il-qafas, jenħtieġ li l-korp regolatorju jqis kwalunkwe interessi personali finanzjarju, ekonomiku jew professjonali li jista' jinfluwenza b'mod mhux xieraq l-imparzjalità tal-maniġer tal-infrastruttura. Meta maniġer tal-infrastruttura u impriża ferrovjarja jkunu indipendenti minn xulxin il-fatt li huma kkontrollati direttament mill-istess awtorità ta' Stat Membru mhux mistenni li jitqies li jagħti lok għal konflitt ta' interess fi ħdan it-tifsira ta' din id-Direttiva.

    (10)

    It-teħid tad-deċiżjonijiet mill-maniġers tal-infrastruttura fir-rigward tal-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija u t-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-imposti tal-infrastruttura huma funzjonijiet essenzjali li huma vitali biex jiġi żgurat aċċess ekwu u nondiskriminatorju għall-infrastruttura ferrovjarja. Jenħtieġ li jkun hemm salvagwardji stretti biex tiġi evitata kull influwenza bla bżonn fuq id-deċiżjonijiet li jieħu l-maniġer tal-infrastruttura relatati ma' funzjonijiet bħal dawn. Jenħtieġ li dawk is-salvagwardji jkunu adattati biex jieħdu kont tal-istrutturi ta' governanza differenti tal-entitajiet ferrovjarji.

    (11)

    Jenħtieġ li jittieħdu wkoll miżuri adatti biex jiġi żgurat li l-funzjonijiet tal-ġestjoni tat-traffiku u l-ippjanar tal-manutenzjoni jiġu eżerċitati b'mod imparzjali biex tiġi evitata kull distorsjoni tal-kompetizzjoni. F'dan il-qafas, jenħtieġ li l-maniġers tal-infrastruttura jiżguraw li l-impriżi ferrovjarji jkollhom aċċess għall-informazzjoni rilevanti. F'dan il-kuntest, meta l-impriżi ferrovjarji jkunu ngħataw aċċess ulterjuri għall-proċess tal-ġestjoni tat-traffiku mill-maniġers tal-infrastruttura, jenħtieġ li aċċess bħal dan jingħata b'termini ugwali lill-impriżi ferrovjarji kkonċernati kollha.

    (12)

    Meta l-funzjonijiet essenzjali jitwettqu minn korp indipendenti li jimponi tariffi u/jew korp indipendenti tal-allokazzjoni, jenħtieġ li tiġi żgurata l-imparzjalità tal-maniġer tal-infrastruttura fir-rigward tal-funzjonijiet tal-ġestjoni tat-traffiku u l-manutenzjoni, mingħajr il-ħtieġa li dawn il-funzjonijiet jiġu ttrasferiti lil entità indipendenti.

    (13)

    Jenħtieġ li l-korpi regolatorji jkollhom is-setgħa li jissorveljaw il-ġestjoni tat-traffiku, l-ippjanar tat-tiġdid, kif ukoll xogħlijiet ta' manutenzjoni skedati u mhux skedati, sabiex jiżguraw li ma jwasslux għal diskriminazzjoni.

    (14)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri, bħala regola ġenerali, jiżguraw li l-maniġer tal-infrastruttura jkun responsabbli għall-operazzjoni, il-manutenzjoni u t-tiġdid ta' netwerk u li jiġi inkarigat bl-iżvilupp tal-infrastruttura ferrovjarja ta' dak in-netwerk. Meta dawk il-funzjonijiet ikunu esternalizzati għand entitajiet differenti, il-maniġer tal-infrastruttura jenħtieġ li, madankollu, iżomm is-setgħa superviżorja u jkollu r-responsabbiltà aħħarija għall-eżerċizzju tagħhom.

    (15)

    Il-maniġers tal-infrastruttura li huma parti minn impriża integrata vertikalment jistgħu jesternalizzaw f'dik l-impriża l-funzjonijiet li mhumiex funzjonijiet essenzjali soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva, dment li dan ma jirriżultax f'kunflitt ta' interess u li tkun garantita l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Jenħtieġ li l-funzjonijiet essenzjali ma jiġux esternalizzati lil ebda entità oħra tal-impriża integrata vertikalment, ħlief jekk entità bħal din twettaq esklużivament funzjonijiet essenzjali.

    (16)

    Fejn adegwat, b'mod partikolari għal raġunijiet ta' effiċjenza, inkluż f'każijiet ta' sħubiji pubbliċi-privati, il-funzjonijiet tal-ġestjoni tal-infrastruttura jistgħu jiġu kondiviżi bejn maniġers differenti tal-infrastruttura. Jenħtieġ li l-maniġers tal-infrastruttura kollha jkollhom ir-responsabbiltà sħiħa għall-funzjonijiet li huma jeżerċitaw.

    (17)

    Jenħtieġ li jiġu evitati t-trasferimenti finanzjarji bejn il-maniġer tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji, u f'impriżi integrati vertikalment bejn il-maniġer tal-infrastruttura u kull entità legali oħra tal-impriża integrata, fejn dawn jistgħu jwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq, b'mod partikolari bħala riżultat ta' sussidjar reċiproku.

    (18)

    Il-maniġers tal-infrastruttura jistgħu jużaw introjtu minn attivitajiet tal-ġestjoni tan-netwerk tal-infrastruttura li jinvolvu l-użu ta' fondi pubbliċi, biex jiffinanzjaw in-negozju tagħhom stess jew biex iħallsu dividendi lill-investituri tagħhom, bħala redditu fuq l-investimenti tagħhom fl-infrastruttura ferrovjarja. Investituri bħal dawn jistgħu jinkludu lill-Istat u kwalunkwe azzjonist privat, iżda ma jistgħux jinkludu impriżi li huma parti minn impriża integrata vertikalment u li jeżerċitaw kontroll fuq kemm impriża ferrovjarja kif ukoll fuq dak il-maniġer tal-infrastruttura. Dividendi ġġenerati minn attivitajiet li ma jinvolvux l-użu ta' fondi pubbliċi jew dħul minn tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja jistgħu jintużaw ukoll minn impriżi li huma parti minn impriża integrata vertikalment u li jeżerċitaw kontroll kemm fuq impriża ferrovjarja kif ukoll fuq dak il-maniġer tal-infrastruttura.

    (19)

    Il-prinċipji tal-imposti ma għandhomx jipprekludu l-possibbiltà li d-dħul mill-imposti tal-infrastruttura jgħaddi għal kontijiet tal-Istat.

    (20)

    Fejn f'impriża integrata vertikalment il-maniġer tal-infrastruttura ma jkollux personalità ġuridika distinta u l-funzjonijiet essenzjali jkunu esternalizzati billi jiġu assenjati lil korp indipendenti li jimponi tariffi u/jew korp indipendenti tal-allokazzjoni, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet rilevanti rigward it-trasparenza finanzjarja u l-indipendenza tal-maniġer tal-infrastruttura japplikaw mutatis mutandis fil-livell ta' ċerti diviżjonijiet fi ħdan l-impriża.

    (21)

    Sabiex jinkisbu ġestjoni effiċjenti tan-netwerk u użu effiċjenti tal-infrastruttura, jenħtieġ li tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar bejn il-maniġers tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji permezz tal-użu ta' mekkaniżmi adatti ta' koordinazzjoni.

    (22)

    Bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat l-forniment effiċjenti u effettiv ta' servizzi ferrovjarji fl-Unjoni, jenħtieġ li jiġi stabbilit Netwerk Ewropew ta' Maniġers tal-Infrastruttura, li jibbaża fuq pjattaformi eżistenti. Bil-għan li jipparteċipaw f'dan in-netwerk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi li jiddeterminaw liema korp jew korpi għandhom jiġu kkunsidrati bħala l-maniġers tal-infrastruttura ewlenin tagħhom.

    (23)

    Minħabba l-eteroġeneità tan-netwerks f'termini tad-daqs u d-densità tagħhom u l-varjetà tal-istrutturi organizzattivi tal-awtoritajiet nazzjonali, lokali u reġjonali u l-esperjenzi rispettivi tagħhom tal-proċess tal-ftuħ tas-suq, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom biżżejjed flessibbiltà sabiex jorganizzaw in-netwerk ferrovjarja tagħhom b'tali mod li jkunu jistgħu jingħataw servizzi ta' aċċess miftuħ u servizzi fil-qafas ta' kuntratti pubbliċi għal servizzi, sabiex tiġi żgurata kwalità għolja ta' servizzi disponibbli faċilment għall-passiġġieri kollha.

    (24)

    L-għoti tad-dritt ta' aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja fl-Istati Membri kollha lill-impriżi ferrovjarji tal-Unjoni sabiex joperaw servizzi domestiċi għall-passiġġieri jista' jkollu implikazzjonijiet għall-organizzazzjoni u l-finanzjament ta' servizzi ferrovjarji għall-passiġġieri pprovduti fil-qafas ta' kuntratt pubbliku għal servizzi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-għażla li jillimitaw dritt ta' aċċess bħal dan f'każ li jikkomprometti l-ekwilibriju ekonomiku ta' dawk il-kuntratti pubbliċi għal servizzi abbażi ta' deċiżjoni mill-korp regolatorju rilevanti.

    (25)

    Id-dritt li impriżi ferrovjarji jingħataw aċċess għall-infrastruttura ma jaffettwax il-possibbiltà li awtorità kompetenti tagħti drittijiet esklużivi f'konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jew li tagħti kuntratt pubbliku għal servizzi direttament bil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament. Jenħtieġ li l-eżistenza ta' tali kuntratt pubbliku għal servizzi ma tagħtix id-dritt lil Stat Membru li jillimita d-dritt ta' aċċess ta' impriżi ferrovjarji oħra għall-infrastruttura ferrovjarja kkonċernata għall-forniment ta' servizzi ferrovjarji għall-passiġġieri, sakemm tali servizzi ma jikkompromettix l-ekwilibriju ekonomiku tal-kuntratt pubbliku għal servizzi.

    (26)

    Jenħtieġ li l-korpi regolatorji jivvalutaw, abbażi ta' analiżi ekonomika oġġettiva, jekk l-ekwilibriju ekonomiku tal-kuntratti pubbliċi għal servizzi eżistenti jitpoġġewx f'perikolu, wara talba li ssir mill-partijiet interessati.

    (27)

    Jenħtieġ li l-proċess tal-valutazzjoni jqis il-ħtieġa li l-atturi kollha fis-suq jingħataw biżżejjed ċertezza legali sabiex jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom. Jenħtieġ li l-proċedura tkun sempliċi, effiċjenti u trasparenti kemm jista' jkun, kif ukoll koerenti mal-proċess għall-allokazzjoni ta' kapaċità tal-infrastruttura.

    (28)

    Dment li jiġi żgurat aċċess nondiskriminatorju, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu kundizzjonijiet speċifiċi għad-dritt ta' aċċess għall-infrastruttura sabiex jippermettu l-implimentazzjoni ta' skema ta' skeda taż-żmien integrata għal servizzi ferrovjarji domestiċi tal-passiġġieri.

    (29)

    L-iżvilupp tal-infrastruttura ferrovjarja u t-titjib fil-kwalità tas-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri huma prijoritajiet ewlenin fil-promozzjoni ta' sistema sostenibbli tat-trasport u mobbiltà fl-Ewropa. B'mod partikolari, l-iżvilupp ta' netwerk ferrovjarju b'veloċità għolja għandu l-potenzjal li joħloq konnessjonijiet aħjar u aktar rapidi bejn iċ-ċentri ekonomiċi u kulturali tal-Ewropa. Is-servizzi ferrovjarji b'veloċità għolja jgħaqqdu lin-nies u s-swieq b'mod rapidu, affidabbli, li jirrispetta l-ambjent u kosteffettiv u jinkoraġġixxu lill-passiġġieri biex jibdew jużaw il-ferrovija. Huwa għalhekk ta' importanza partikolari li jiġu inkoraġġuti kemm investimenti pubbliċi kif ukoll privati fl-infrastruttura ferrovjarja b'veloċità għolja, biex jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għal redditu pożittiv fuq l-investiment, u li jiġu massimizzati l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali minn dawn l-investimenti. Jenħtieġ li jibqa' possibbli li l-Istati Membri jagħżlu modi differenti ta' promozzjoni għall-investimenti f'infrastruttura ferrovjarja b'veloċità għolja u l-użu ta' linji b'veloċità għolja.

    (30)

    Bil-ħsieb li jiġi żviluppat is-suq tas-servizzi tat-trasport għall-passiġġieri b'veloċità għolja, li ssir promozzjoni tal-aħjar użu tal-infrastruttura disponibbli, u sabiex titħeġġeġ il-kompetittività tas-servizzi tat-trasport għall-passiġġieri b'veloċità għolja li jirriżulta f'effetti ta' benefiċċju għall-passiġġieri, jenħtieġ li l-aċċess miftuħ għal servizzi tat-trasport għall-passiġġieri b'veloċità għolja jkun limitat biss f'ċirkostanzi speċifiċi u wara analiżi ekonomika oġġettiva mill-korp regolatorju.

    (31)

    Sabiex il-passiġġieri jkollhom aċċess għad-data meħtieġa biex jippjanaw il-vjaġġi tagħhom u jirriżervaw il-biljetti fl-Unjoni, jenħtieġ li jiġu promossi sistemi komuni ta' informazzjoni u ta' bejgħ tal-biljetti globali li ġew żviluppati mis-suq. Minħabba l-importanza li jiġu promossi sistemi tat-trasport pubbliku bla xkiel, jenħtieġ li l-impriżi ferrovjarji jkunu mħeġġa jaħdmu fuq l-iżvilupp ta' sistemi bħal dawn, li jippermettu li jiġu inklużi għażliet ta' mobbiltà multimodali, transkonfinali u minn bieb għal bieb.

    (32)

    Jenħtieġ li s-sistemi tal-biljetti globali jkunu interoperabbli u nondiskriminatorji. Jenħtieġ li l-impriżi ferrovjarji jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' tali sistemi billi jagħmlu disponibbli b'mod nondiskriminatorju u f'format interoperabbli d-data rilevanti kollha meħtieġa biex jippjanaw il-vjaġġi u jirriżervaw il-biljetti. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li sistemi bħal dawn ma jiddiskriminawx bejn l-impriżi ferrovjarji u li jirrispettaw il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali, il-protezzjoni tad-data personali u l-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tissorvelja u tirrapporta dwar l-iżvilupp ta' sistemi bħal dawn u, fejn xieraq, tippreżenta proposti leġiżlattivi.

    (33)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-forniment ta' servizzi ferrovjarji jirrifletti l-ħtiġijiet marbuta mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali adegwata, waqt li jiżguraw progress tajjeb lejn it-tlestija taż-żona ferrovjarja unika Ewropea. F'dan il-kuntest, jenħtieġ li jiġu rrispettati l-obbligi li jirriżultaw skont il-liġi nazzjonali minn ftehimiet kollettivi vinkolanti jew ftehimiet konklużi bejn is-sħab soċjali u l-istandards soċjali rilevanti. Jenħtieġ li dawk l-obbligi jkunu mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-liġi soċjali u tax-xogħol. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tappoġġa b'mod attiv l-ħidma mwettqa mid-djalogu soċjali settorjali dwar il-ferroviji.

    (34)

    Fil-qafas tar-rieżami li għaddej tad-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk humiex meħtieġa atti leġiżlattivi ġodda dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-persunal abbord il-ferroviji.

    (35)

    L-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jiddeċiedu dwar l-istrateġiji ta' finanzjament adatti biex jaċċelleraw it-tnedija tas-Sistema Ewropea ta' Kontroll tal-Ferroviji (ETCS), u b'mod partikolari jekk japplikawx differenzjazzjoni għall-imposti għall-aċċess tal-binarji.

    (36)

    Jenħtieġ li l-maniġers tal-infrastruttura jikkooperaw fir-rigward ta' inċidenti jew aċċidenti b'impatt fuq it-traffiku transkonfinali bil-għan li jiskambjaw kwalunkwe informazzjoni rilevanti li tippermetti li jerġa' jkun hemm traffiku normali bla xkiel.

    (37)

    Bil-għan li jinkisbu l-objettivi taż-żona ferrovjarja unika Ewropea, jenħtieġ li l-korpi regolatorji jikkooperaw biex jiżguraw aċċess nondiskriminatorju għall-infrastruttura ferrovjarja.

    (38)

    B'mod partikolari, huwa essenzjali li l-korpi regolatorji jikkooperaw meta kwistjonijiet dwar is-servizzi ferrovjarji internazzjonali jew l-infrastruttura ferrovjarja binazzjonali jeħtieġu deċiżjonijiet minn żewġ korpi regolatorji jew aktar, għall-fini tal-koordinazzjoni tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom, bil-għan li tiġi evitata l-inċertezza legali u tiġi żgurata l-effiċjenza tas-servizzi ferrovjarji internazzjonali.

    (39)

    Fil-proċess tal-ftuħ tas-swieq ferrovjarji nazzjonali għall-kompetizzjoni bl-għoti tal-aċċess għan-netwerks lil kull impriża ferrovjarja, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom perijodu ta' tranżizzjoni twil biżżejjed biex jadattaw il-liġijiet nazzjonali u l-istrutturi organizzattivi tagħhom. Bħala konsegwenza, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu r-regoli nazzjonali eżistenti tagħhom dwar l-aċċess għas-suq sa tmiem il-perijodu tranżitorju.

    (40)

    Skont id-Dikjarazzjoni tal-Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar dokumenti ta' spjegazzjoni (10), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jakkumpanjaw, f'każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri tat-traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti tat-traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trasmissjoni ta' dokumenti bħal dawn hija ġġustifikata,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 2012/34/UE hija emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 3, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “3.   L-Istati Membri jistgħu jeskludu dawn li ġejjin mill-applikazzjoni tal-Artikoli 7, 7a, 7b, 7c, 7d, 8 u 13 u l-Kapitolu IV:”;

    (b)

    jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

    “3a.   L-Istati Membri jistgħu jeskludu dawn li ġejjin mill-applikazzjoni tal-Artikoli 7, 7a, 7b, 7c, 7d u 8:

    Linji lokali b'livell baxx ta' traffiku ta' tul ta' mhux aktar minn 100 km li jintużaw għat-traffiku tal-merkanzija bejn linja prinċipali u l-punti tat-tluq u d-destinazzjoni ta' kunsinni tul dawk il-linji, sakemm dawk il-linji jkunu ġestiti minn entitajiet għajr il-maniġer tal-infrastruttura prinċipali u li jew (a) dawk il-linji jintużaw minn operatur ta' merkanzija wieħed jew (b) il-funzjonijiet essenzjali rigward dawk il-linji jitwettqu minn korp li mhuwiex ikkontrollat minn kwalunkwe impriża ferrovjarja. Fejn ikun hemm operatur tal-merkanzija wieħed biss, l-Istati Membri jistgħu wkoll jeżentaw il-linja mill-applikazzjoni tal-Kapitolu IV sa dak iż-żmien li tintalab il-kapaċità minn applikant ieħor. Dan il-paragrafu jista' ugwalment jiġi applikat fejn il-linja tintuża wkoll, b'mod limitat, għal servizzi tal-passiġġieri. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jeskludu tali linji mill-applikazzjoni tal-Artikoli 7, 7a, 7b, 7c, 7d u 8.

    3b.   L-Istati Membri jistgħu jeskludu dawn li ġejjin mill-applikazzjoni tal-Artikoli 7, 7a, 7b, 7c u 7d:

    Netwerks reġjonali b'livell baxx ta' traffiku ġestiti minn entità oħra għajr il-maniġer tal-infrastruttura prinċipali u li jintużaw għall-operazzjoni ta' servizzi reġjonali tal-passiġġieri, ipprovduti minn impriża ferrovjarja waħda għajr l-impriża ferrovjarja stabbilita tal-Istat Membru, sa dak iż-żmien li tintalab il-kapaċità għal servizzi tal-passiġġieri fuq dak in-netwerk, u sakemm l-impriża tkun indipendenti minn kwalunkwe impriża ferrovjarja li topera servizzi tal-merkanzija. Dan il-paragrafu jista' ugwalment jiġi applikat fejn il-linja tintuża wkoll, b'mod limitat, għal servizzi tal-merkanzija. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jeskludu tali linji mill-applikazzjoni tal-Artikoli 7, 7a, 7b, 7c u 7d.”;

    (c)

    il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-Istati Membri jistgħu jeskludu l-infrastrutturi ferrovjarji lokali u reġjonali li ma għandhomx importanza strateġika għall-funzjonament tas-suq ferrovjarju mill-applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) u l-infrastrutturi ferrovjarji lokali li ma għandhomx importanza strateġika għall-funzjonament tas-suq ferrovjarju mill-applikazzjoni tal-Artikoli 7, 7a, 7c u l-Kapitolu IV. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jeskludu infrastrutturi ferrovjarji bħal dawn. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu d-deċiżjoni tagħha jekk tali infrastruttura ferrovjarja tistax titqies li tkun mingħajr importanza strateġika. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra t-tul tal-linji ferrovjarji kkonċernati, il-livell tal-użu tagħhom u l-impatt potenzjali fuq il-volum tat-traffiku. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 62(2).”;

    (d)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “8a.   Għal perijodu ta' 10 snin wara l-24 ta' Diċembru 2016, l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-applikazzjoni tal-Kapitoli II u IV ta' din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 10, 13 u 56, linji ferrovjarji iżolati ta' anqas minn 500 km, b'wisa' bejn il-linji differenti minn dak tan-netwerk domestiku ewlieni, li jagħmlu konnessjoni ma' pajjiż terz li fih il-leġiżlazzjoni ferrovjarja tal-Unjoni ma tapplikax u li huma ġestiti minn maniġer tal-infrastruttura differenti minn dak tan-netwerk domestiku ewlieni. Impriżi ferrovjarji li joperaw esklużivament fuq dawn il-linji jistgħu jiġu eżentati mill-applikazzjoni tal-Kapitolu II.

    Tali eżenzjonijiet jistgħu jiġġeddu għal perijodi ta' mhux aktar minn 5 snin. Mhux aktar tard minn 12-il xahar qabel id-data tal-iskadenza tal-eżenzjoni, Stat Membru li bi ħsiebu jġedded l-eżenzjoni għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jagħmel hekk. Il-Kummissjoni għandha teżamina jekk il-kundizzjonijiet għal eżenzjoni stipulata fl-ewwel subparagrafu jibqgħux issodisfati. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw id-deċiżjoni tagħha dwar it-terminazzjoni tal-eżenzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 62(2).”;

    (e)

    jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

    “12.   Meta jkun hemm sħubija pubblika-privata eżistenti konkluża qabel is-16 ta' Ġunju 2015 u l-parti privata għal dik is-sħubija hija wkoll impriża ferrovjarja responsabbli għall-forniment ta' servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri fuq l-infrastruttura, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jeżentaw lil tali parti privata mill-applikazzjoni tal-Artikoli 7, 7a u 7d u jillimitaw id-dritt li jittellgħu u jitniżżlu passiġġieri għal servizzi operati minn impriżi ferrovjarji fuq l-istess infrastruttura bħas-servizzi tal-passiġġieri provduti mill-parti privata taħt is-sħubija pubblika-privata.

    13.   Il-maniġers tal-infrastruttura privata li huma parti għal sħubija pubblika-privata konkluża qabel l-24 ta' Diċembru 2016 u li ma jirċevux fondi pubbliċi għandhom jiġu esklużi mill-applikazzjoni tal-Artikolu 7d ladarba s-self u l-garanziji finanzjarji mħaddma mill-maniġer tal-infrastruttura ma jibbenefikawx direttament jew indirettament lil impriżi ferrovjarji speċifiċi.”.

    (2)

    L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(2)

    ‘maniġer tal-infrastruttura’ tfisser kwalunkwe korp jew ditta responsabbli għall-operazzjoni, il-manutenzjoni u t-tiġdid ta' infrastruttura ferrovjarja fuq netwerk, kif ukoll responsabbli għall-parteċipazzjoni fl-iżvilupp tagħha kif determinat mill-Istat Membru fil-qafas tal-politika ġenerali tiegħu dwar l-iżvilupp u l-finanzjament tal-infrastruttura;”;

    (b)

    jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

    “(2a)

    ‘żvilupp tal-infrastruttura ferrovjarja’ tfisser ippjanar tan-netwerk, ippjanar finanzjarju u ppjanar fl-investiment, kif ukoll il-bini u l-immodernizzar tal-infrastruttura;

    (2b)

    ‘operazzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja’ tfisser l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija, l-immaniġġjar tat-traffiku u t-tariffi għall-użu tal-infrastruttura;

    (2c)

    ‘manutenzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja’ tfisser xogħlijiet intiżi sabiex tinżamm il-kundizzjoni u l-kapaċità tal-infrastruttura eżistenti;

    (2d)

    ‘tiġdid tal-infrastruttura ferrovjarja’ tfisser xogħlijiet kbar ta' sostituzzjoni fuq l-infrastruttura eżistenti li ma jibdlux il-prestazzjoni ġenerali tagħha;

    (2e)

    ‘immodernizzar tal-infrastruttura ferrovjarja’ tfisser xogħlijiet kbar ta' modifikazzjoni fuq l-infrastruttura eżistenti li jtejbu l-prestazzjoni ġenerali tagħha;

    (2f)

    ‘funzjonijiet essenzjali’ tal-immaniġġjar tal-infrastruttura tfisser it-teħid ta' deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija, inkluż kemm id-definizzjoni kif ukoll il-valutazzjoni tad-disponibbiltà u l-allokazzjoni ta' mogħdijiet tal-ferrovija individwali, u t-teħid ta' deċiżjonijiet rigward it-tariffi għall-użu tal-infrastruttura, inkluż id-determinazzjoni u l-ġbir tat-tariffi, f'konformità mal-qafas tat-tariffi u l-qafas tal-allokazzjoni tal-kapaċità stabbiliti mill-Istati Membri skont l-Artikoli 29 u 39;”;

    (c)

    jiżdiedu l-punti li ġejjin:

    “(31)

    ‘impriża integrata vertikalment’ tfisser impriża fejn, skont it-tifsira tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (*1):

    (a)

    maniġer tal-infrastruttura huwa kkontrollat minn impriża li fl-istess ħin tikkontrolla impriża ferrovjarja waħda jew aktar li topera servizzi ferrovjarji fuq in-netwerk tal-maniġer tal-infrastruttura;

    (b)

    maniġer tal-infrastruttura huwa kkontrollat minn impriża ferrovjarja waħda jew aktar li topera servizzi ferrovjarji fuq in-netwerk tal-maniġer tal-infrastruttura; jew

    (c)

    impriża ferrovjarja waħda jew aktar li topera servizzi ferrovjarji fuq in-netwerk tal-maniġer tal-infrastruttura huma kkontrollati minn maniġer tal-infrastruttura.

    Din tfisser ukoll impriża li tikkonsisti minn diviżjonijiet distinti, inkluż maniġer tal-infrastruttura u diviżjoni waħda jew aktar li tipprovdi servizzi tat-trasport li ma għandhomx personalità ġuridika distinta.

    Fejn maniġer tal-infrastruttura u impriża ferrovjarja jkunu kompletament indipendenti minn xulxin, iżda li t-tnejn ikunu ikkontrollati direttament minn Stat Membru mingħajr entità intermedjarja, dawn mhumiex meqjusa li jikkostitwixxu impriża integrata vertikalment għall-finijiet ta' din id-Direttiva;

    (32)

    ‘sħubija pubblika-privata’ tfisser arranġament vinkolanti bejn korpi pubbliċi u impriża waħda jew aktar għajr il-maniġer prinċipali tal-infrastruttura ta' Stat Membru, li taħtu l-impriżi parzjalment jew totalment jibnu u/jew jiffinanzjaw infrastruttura ferrovjarja u/jew jiksbu d-dritt li jeżerċitaw kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet elenkati fil-punt (2) għal perijodu ta' żmien predefinit. L-arranġament jista' jieħu kwalunkwe forma legalment vinkolanti xierqa prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

    (33)

    ‘bord ta' ġestjoni’ tfisser il-korp għoli ta' impriża li jwettaq funzjonijiet eżekuttivi u amministrattivi, li huwa responsabbli għall-ġestjoni ta' kuljum tal-impriża;

    (34)

    ‘bord superviżorju’ tfisser l-ogħla korp ta' impriża li jwettaq kompiti ta' superviżjoni, inkluż l-eżerċizzju ta' kontroll fuq il-bord ta' ġestjoni u deċiżjonijiet strateġiċi ġenerali fir-rigward tal-impriża;

    (35)

    ‘biljett globali’ tfisser biljett jew biljetti li jirrappreżentaw kuntratt ta' trasport għal servizzi ferrovjarji suċċessivi mħaddma minn impriża ferrovjarja waħda jew aktar;

    (36)

    ‘servizzi għall-passiġġieri b'veloċità għolja’ tfisser servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri mħaddma mingħajr waqfiet intermedji bejn żewġ postijiet mifrudin tal-inqas b'distanza ta' aktar minn 200 km fuq linji ta' veloċità għolja mibnija apposta u attrezzati għal veloċitajiet ġeneralment ta' 250 km/h jew aktar u li bħala medja jinstaqu b'dawk il-veloċitajiet.

    (*1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).”;"

    (3)

    fl-Artikolu 6, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “2.   Għall-fini ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri li japplikaw l-Artikolu 7a(3) għandhom jeħtieġu li l-impriża tkun organizzata f'diviżjonijiet distinti li ma għandhomx personalità ġuridika distinta fi ħdan impriża waħda.”;

    (4)

    L-Artikolu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 7

    Indipendenza tal-maniġer tal-infrastruttura

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-maniġer tal-infrastruttura jkun responsabbli għall-operazzjoni, il-manutenzjoni u t-tiġdid ta' netwerk u li jiġi inkarigat bl-iżvilupp tal-infrastruttura ferrovjarja ta' dak in-netwerk f'konformità mal-liġi nazzjonali.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ebda waħda mill-entitajiet legali l-oħra fi ħdan l-impriża integrata vertikalment ma jkollha influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjonijiet meħuda mill-maniġer tal-infrastruttura fir-rigward tal-funzjonijiet essenzjali.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-bord superviżorju u tal-bord ta' ġestjoni tal-maniġer tal-infrastruttura u l-maniġers li jirrapportaw direttament lilhom jaġixxu b'mod nondiskriminatorju u li l-imparzjalità tagħhom ma tkun affettwata minn ebda konflitt ta' interess.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-maniġer tal-infrastruttura jkun organizzat bħala entità li hija ġuridikament distinta minn kwalunkwe impriża ferrovjarja u, f'impriża integrata vertikalment, minn kwalunkwe entità ġuridika oħra fi ħdan l-impriża.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istess individwi ma jistgħux ikunu maħtura jew impjegati fl-istess ħin:

    (a)

    bħala membri tal-bord ta' ġestjoni ta' maniġer tal-infrastruttura u bħala membri tal-bord ta' ġestjoni ta' impriża ferrovjarja;

    (b)

    bħala persuni responsabbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-funzjonijiet essenzjali u bħala membri tal-bord ta' ġestjoni ta' impriża ferrovjarja;

    (c)

    f'każ li jeżisti bord superviżorju, bħala membri tal-bord superviżorju ta' maniġer tal-infrastruttura u bħala membri tal-bord ta' superviżjoni ta' impriża ferrovjarja;

    (d)

    bħala membri tal-bord superviżorju ta' impriża li tkun parti minn impriża integrata vertikalment u li teżerċita kontroll kemm fuq impriża ferrovjarja kif ukoll fuq maniġer tal-infrastruttura u bħala membri tal-bord ta' ġestjoni ta' dak il-maniġer tal-infrastruttura.

    4.   F'impriżi integrati vertikalment, il-membri tal-bord ta' ġestjoni tal-maniġer tal-infrastruttura u l-persuni responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-funzjonijiet essenzjali ma għandhom jirċievu ebda remunerazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni minn kwalunkwe entità legali oħra fl-impriża integrata vertikalment, u lanqas ma għandhom jirċievu bonusijiet marbuta prinċipalment mal-prestazzjoni finanzjarja ta' impriżi ferrovjarji partikolari. Madankollu huma jistgħu jiġu offruti inċentivi marbuta mal-prestazzjoni globali tas-sistema ferrovjarja.

    5.   Fejn is-sistemi ta' informazzjoni jkunu komuni għal entitajiet differenti fi ħdan impriża integrata vertikalment, l-aċċess għal informazzjoni sensittiva dwar il-funzjonijiet essenzjali għandu jiġi ristrett għall-persunal awtorizzat tal-maniġer tal-infrastruttura. Informazzjoni sensittiva ma għandhiex tingħadda lil entitajiet oħra fi ħdan impriża integrata vertikalment.

    6.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri li jirrigwardjaw l-iżvilupp u l-finanzjament tal-infrastruttura ferrovjarja u l-kompetenzi tal-Istati Membri li jirrigwardjaw il-finanzjament tal-infrastruttura u t-tariffi għall-użu tal-infrastruttura, kif ukoll l-allokazzjoni ta' kapaċità, kif definiti fl-Artikolu 4(2), u l-Artikoli 8, 29 u 39.”;

    (5)

    jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

    “Artikolu 7a

    Indipendenza tal-funzjonijiet essenzjali

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-maniġer tal-infrastruttura jkollu indipendenza organizzattiva u deċiżjonali fi ħdan il-limiti stipulati fl-Artikolu 4(2), u l-Artikoli 29 u 39, fir-rigward tal-funzjonijiet essenzjali.

    2.   Għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw b'mod partikolari li:

    (a)

    impriża ferrovjarja jew kwalunkwe entità ġuridika oħra ma teżerċitax influwenza deċiżiva fuq l-maniġer tal-infrastruttura fir-rigward tal-funzjonijiet essenzjali, mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-Istati Membri fir-rigward tad-determinazzjoni tal-qafas tat-tariffi u l-qafas tal-allokazzjoni tal-kapaċità u regoli speċifiċi għat-tariffi f'konformità mal-Artikoli 29 u 39;

    (b)

    impriża ferrovjarja jew kwalunkwe entità ġuridika oħra fl-impriża integrata vertikalment ma għandha ebda influwenza deċiżiva fuq ħatriet u tkeċċijiet ta' persuni responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-funzjonijiet essenzjali;

    (c)

    il-mobilità ta' persuni inkarigati mill-funzjonijiet essenzjali ma toħloqx kunflitti ta' interess.

    3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li t-tariffi għall-użu tal-infrastruttura u l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija għandhom jitwettqu minn korp li jimponi tariffi u/jew korp tal-allokazzjoni li jkunu indipendenti minn kull impriża ferrovjarja fil-forma ġuridika, l-organizzazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom. F'dak il-każ, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(2) u l-punti (c) u (d) tal-Artikolu 7(3).

    Il-punt (a) tal-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 7(4) għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-kapijiet ta' diviżjonijiet responsabbli għall-ġestjoni tal-infrastruttura u l-forniment ta' servizzi ferrovjarji.

    4.   Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva li jirreferu għall-funzjonijiet essenzjali ta' maniġer tal-infrastruttura għandhom japplikaw għall-korp indipendenti li jimponi tariffi u/jew għall-korp indipendenti tal-allokazzjoni.

    Artikolu 7b

    Imparzjalità tal-maniġer tal-infrastruttura fir-rigward tal-immaniġġjar tat-traffiku u l-ippjanar tal-manutenzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-funzjonijiet tal-ġestjoni tat-traffiku u l-ippjanar tal-manutenzjoni jitwettqu b'mod trasparenti u nondiskriminatorju u li l-persuni inkarigati biex jieħdu d-deċiżjonijiet fir-rigward ta' dawk il-funzjonijiet ma jkollhom ebda konflitt ta' interess.

    2.   Fir-rigward tal-immaniġġjar tat-traffiku, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi ferrovjarji, f'każijiet ta' tħarbit li jikkonċernahom, ikollhom aċċess sħiħ u f'waqtu għal informazzjoni rilevanti. Meta l-maniġer tal-infrastruttura jagħti aċċess ulterjuri għall-proċess tal-immaniġġjar tat-traffiku, huwa għandu jagħmel dan għall-impriżi ferrovjarji kkonċernati b'mod trasparenti u nondiskriminatorju.

    3.   Fir-rigward tal-ippjanar fit-tul ta' manutenzjoni maġġuri u/jew it-tiġdid tal-infrastruttura ferrovjarja, l-maniġer tal-infrastruttura għandu jikkonsulta lill-applikanti u, kemm jista' jkun, iqis it-tħassib espress.

    L-iskedar tax-xogħlijiet ta' manutenzjoni għandu jitwettaq mill-maniġer tal-infrastruttura b'mod nondiskriminatorju.

    Artikolu 7c

    Esternalizzazzjoni u kondiviżjoni tal-funzjonijiet tal-maniġer tal-infrastruttura

    1.   Dment li ma jkun hemm ebda kunflitt ta' interess u li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva, il-maniġer tal-infrastruttura jista':

    (a)

    jesternalizza funzjonijiet lil entità differenti, dment li din tal-aħħar ma tkunx impriża ferrovjarja, ma tikkontrollax impriża ferrovjarja, jew ma tkunx ikkontrollata minn impriża ferrovjarja. Fi ħdan impriża integrata vertikalment, il-funzjonijiet essenzjali ma għandhom jiġu esternalizzati lil ebda entità oħra tal-impriża integrata vertikalment, ħlief jekk tali entità twettaq esklużivament funzjonijiet essenzjali;

    (b)

    jesternalizza l-eżekuzzjoni ta' xogħlijiet u kompiti relatati rigward l-iżvilupp, il-manutenzjoni u t-tiġdid tal-infrastruttura ferrovjarja lill-impriżi ferrovjarji jew lil kumpanniji li jikkontrollaw l-impriża ferrovjarja, jew huma kkontrollati mill-impriża ferrovjarja.

    Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jżomm is-setgħa ta' superviżjoni fuq il-funzjonijiet deskritti fl-Artikolu 3(2) u jkollu r-responsabbiltà aħħarija għall-eżerċizzju tal-imsemmija funzjonijiet. Kwalunkwe entità li tkun qed twettaq funzjonijiet essenzjali għandha tikkonforma mal-Artikoli 7, 7a, 7b u 7d.

    2.   B'deroga mill-Artikolu 7(1), il-funzjonijiet ta' immaniġġjar tal-infrastruttura jistgħu jitwettqu minn maniġers tal-infrastruttura differenti, inklużi partijiet għal arranġamenti ta' sħubija pubblika-privata bil-kundizzjoni li dawn kollha jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7(2) sa (6) u l-Artikoli 7a, 7b u 7d u jassumu r-responsabbiltà sħiħa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet kkonċernati.

    3.   Fejn l-funzjonijiet essenzjali mhumiex assenjati lil operatur tal-provvista tal-enerġija, dan għandu jkun eżentat mir-regoli applikabbli għal maniġers tal-infrastruttura, dment li l-konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti rigward l-iżvilupp tan-netwerk, b'mod partikolari l-Artikolu 8, tkun żgurata.

    4.   Soġġett għal superviżjoni mill-korp regolatorju jew kwalunkwe korp kompetenti indipendenti ieħor maħtur mill-Istati Membri, maniġer tal-infrastruttura jista' jikkonkludi ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' impriża ferrovjarja waħda jew aktar b'mod nondiskriminatorju u bl-għan li jitwasslu l-benefiċċji lill-klijenti bħal inqas spejjeż jew prestazzjoni mtejba min-naħa tan-netwerk kopert mill-ftehim.

    Dak il-korp għandu jissorvelja l-eżekuzzjoni ta' dawn il-ftehimiet u jista', fejn ġustifikat, jagħti parir li għandhom jintemmu.

    Artikolu 7d

    Trasparenza finanzjarja

    1.   Filwaqt li jiġu rispettati l-proċeduri nazzjonali applikabbli f'kull Stat Membru, id-dħul minn attivitajiet ta' ġestjoni tan-netwerk tal-infrastruttura, inkluż il-fondi pubbliċi, jista' jintuża mill-maniġer tal-infrastruttura biss biex jiffinanzja n-negozju tiegħu, inkluż l-immaniġġjar tas-self tiegħu. Il-maniġer tal-infrastruttura jista' wkoll juża tali introjtu biex jitħallsu dividendi lis-sidien tal-kumpanija, li jistgħu jinkludu kwalunkwe azzjonist privat, iżda mhux impriżi li huma parti minn impriża integrata vertikalment u li jeżerċitaw kontroll kemm fuq impriża ferrovjarja kif ukoll fuq dak il-maniġer tal-infrastruttura.

    2.   Il-maniġers tal-infrastruttura m'għandhomx jagħtu self lil impriżi ferrovjarji, la direttament u lanqas indirettament.

    3.   L-impriżi ferrovjarji m'għandhomx jagħtu self lil maniġers tal-infrastruttura, la direttament u lanqas indirettament.

    4.   Is-self bejn entitajiet legali ta' impriżi integrati vertikalment, għandu jingħata, jitħallas u jiġi ġestit biss bir-rati tas-suq u l-kundizzjonijiet li jirriflettu l-profil individwali ta' riskju tal-entità kkonċernata.

    5.   Is-self bejn entitajiet ġuridiċi ta' impriża integrata vertikalment mogħti qabel l-24 ta' Diċembru 2016 għandu jkompli sal-maturità tiegħu, dment li jkunu ngħata b'kuntratt bir-rati tas-suq u li effettivament jitħallas u jiġi ġestit.

    6.   Kwalunkwe servizz offrut minn entitajiet legali oħra ta' impriża integrata vertikalment lill-maniġer tal-infrastruttura għandu jingħata abbażi ta' kuntratti u għandu jitħallas jew bil-prezzijiet tas-suq inkella bi prezzijiet li jirriflettu l-ispiża għall-produzzjoni, flimkien ma' marġni raġonevoli ta' profitt.

    7.   Id-dejn attribwit lill-maniġer tal-infrastruttura għandu jkun separat b'mod ċar mid-dejn attribwit lill-entitajiet legali oħrajn fi ħdan impriża integrata vertikalment. Tali dejn għandu jiġu ġestit separatament. Dan ma jipprevjenix li l-ħlas finali tad-dejn isir permezz ta' impriża li tkun parti minn impriża integrata vertikalment u li teżerċita kontroll kemm fuq impriża ferrovjarja kif ukoll fuq maniġer tal-infrastruttura, jew permezz ta' entità oħra fi ħdan l-impriża.

    8.   Il-kontijiet tal-maniġer tal-infrastruttura u tal-entitajiet legali l-oħrajn fi ħdan impriża integrata vertikalment għandhom jinżammu b'tali mod li jkun żgurat li jiġi ssodisfat dan l-Artikolu u li jippermetti li jkun hemm kontabbiltà separata u ċirkwiti finanzjarji trasparenti fi ħdan l-impriża.

    9.   Fi ħdan impriżi integrati vertikalment, l-maniġer tal-infrastruttura għandu jżomm rekords dettaljati ta' kwalunkwe relazzjoni kummerċjali u finanzjarja mal-entitajiet legali l-oħrajn fi ħdan din l-impriża.

    10.   Fejn il-funzjonijiet essenzjali jitwettqu minn korp indipendenti li jimponi tariffi u/jew korp indipendenti tal-allokazzjoni f'konformità mal-Artikolu 7a(3) u l-Istati Membri ma jkunux qed japplikaw l-Artikolu 7(2), id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw mutatis mutandis. Referenzi għall-maniġer tal-infrastruttura, l-impriża ferrovjarja u entitajiet legali oħra ta' impriża integrata vertikalment f'dan l-Artikolu għandhom jinftiehmu bħala dawk li jirreferu għad-diviżjonijiet rispettivi tal-impriża. Il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan l-Artikolu għandha tintwera fil-kontijiet separati tad-diviżjonijiet rispettivi tal-impriża.

    Artikolu 7e

    Mekkaniżmi ta' koordinazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jieħdu ħsieb li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' koordinazzjoni adatti biex jiżguraw koordinazzjoni bejn il-maniġers prinċipali tal-infrastruttura tagħhom u l-impriżi ferrovjarji interessati kollha kif ukoll l-applikanti msemmija fl-Artikolu 8(3). Fejn ikun rilevanti, rappreżentanti tal-utenti tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija u tal-passiġġieri, u l-awtoritajiet nazzjonali, lokali jew reġjonali, għandhom ikunu mistiedna jipparteċipaw. Il-korp regolatorju kkonċernat jista' jipparteċipa bħala osservatur. Il-koordinazzjoni għandha tikkonċerna fost oħrajn:

    (a)

    il-ħtiġijiet tal-applikanti marbutin mal-manutenzjoni u l-iżvilupp tal-kapaċità tal-infrastruttura;

    (b)

    il-kontenut tal-miri ta' prestazzjoni orjentati lejn l-utenti li jinsabu fil-ftehimiet kuntrattwali msemmija fl-Artikolu 30 u tal-inċentivi msemmija fl-Artikolu 30(1) u l-implimentazzjoni tagħhom;

    (c)

    il-kontenut u l-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni tan-netwerk imsemmija fl-Artikolu 27;

    (d)

    kwistjonijiet ta' intermodalità u interoperabbiltà;

    (e)

    kwalunkwe kwistjoni oħra marbuta mal-kundizzjonijiet għall-aċċess, l-użu tal-infrastruttura u l-kwalità tas-servizzi tal-maniġer tal-infrastruttura.

    Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jfassal u jippubblika linji gwida għall-koordinazzjoni, b'konsultazzjoni mal-partijiet interessati. Il-koordinazzjoni għandha sseħħ tal-anqas darba fis-sena u l-maniġer tal-infrastruttura għandu jippubblika fis-sit tal-Internet tiegħu ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet imwettqa skont dan l-artikolu.

    Il-koordinazzjoni skont dan l-Artikolu għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-applikanti li jappellaw lill-korp regolatorju u s-setgħat tal-korp regolatorju kif mogħtija fl-Artikolu 56.

    Artikolu 7f

    Netwerk Ewropew ta' Maniġers tal-Infrastruttura

    1.   Bil-għan li jiġi ffaċilitat il-forniment ta' servizzi ferrovjarji effiċjenti u effikaċi fi ħdan l-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-maniġers prinċipali tal-infrastruttura tagħhom jieħdu sehem u jikkooperaw f'netwerk li jiltaqa' f'intervalli regolari biex:

    (a)

    jiżviluppaw l-infrastruttura ferrovjarja tal-Unjoni;

    (b)

    jappoġġaw l-implimentazzjoni f'waqtha u effiċjenti taż-żona ferrovjarja unika Ewropea;

    (c)

    jiskambjaw l-aħjar prattiki;

    (d)

    jissorveljaw il-prestazzjoni u jivvalutawha b'mod komparattiv;

    (e)

    jikkontribwixxu għall-attivitajiet ta' sorveljanza tas-suq imsemmija fl-Artikolu 15;

    (f)

    jindirizzaw ostakoli transfruntiera; u

    (g)

    Jiddiskutu l-applikazzjoni tal-Artikoli 37 u 40.

    Għall-finijiet tal-punt (d), in-netwerk għandu jidentifika prinċipji u prattiki komuni ta' monitoraġġ u ta' valutazzjoni komparattiva tal-prestazzjoni b'mod konsistenti.

    Il-koordinazzjoni taħt dan il-paragrafu għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-applikant li jappella lill-korp regolatorju u s-setgħat tal-korp regolatorju kif jinsab fl-Artikolu 56.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tkun membru tan-netwerk. Hija għandha tappoġġa l-ħidma tan-netwerk u tiffaċilita l-koordinazzjoni.”;

    (6)

    L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “1a.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u l-Istati Membri, l-Istati Membri li għandhom fruntiera ma' pajjiż terz jistgħu jillimitaw id-dritt ta' aċċess previst f'dan l-Artikolu għal servizzi mħaddma minn u lejn dak il-pajjiż terz li jaħdmu fuq netwerk li l-wisa' bejn il-linji tiegħu hija differenti minn tan-netwerk ferrovjarju prinċipali fi ħdan l-Unjoni jekk jirriżultaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fit-trasport ferrovjarju transfruntier bejn l-Istati Membri u dak il-pajjiż terz. Tali distorsjonijiet jistgħu jirriżultaw, fost affarijiet oħra, minn nuqqas ta' aċċess nondiskriminatorju għall-infrastruttura ferrovjarja u servizzi relatati fil-pajjiż terz ikkonċernat.

    Jekk Stat Membru, f'konformità ma' dan il-paragrafu, biħsiebu jadotta deċiżjoni li tillimita d-dritt ta' aċċess, huwa għandu jippreżenta l-abbozz ta' deċiżjoni lill-Kummissjoni u jikkonsulta mal-Istati Membri l-oħra.

    Jekk, fi żmien perijodu ta' 3 xhur wara l-preżentazzjoni tal-abbozz ta' deċiżjoni, la l-Kummissjoni u lanqas Stat Membru ieħor ma joġġezzjonaw għaliha, l-Istat Membru jista' jadotta d-deċiżjoni.

    Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu d-dettalji tal-proċedura li għandhom jiġu segwiti għall-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' analiżi msemmija fl-Artikolu 62(3).”;

    (b)

    il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “2.   Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, l-impriżi ferrovjarji għandhom jingħataw, b'kundizzjonijiet ekwitabbli, nondiskriminatorji u trasparenti, id-dritt ta' aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja fl-Istati Membri kollha sabiex iħaddmu servizzi ferrovjarji għall-passiġġieri. L-impriżi ferrovjarji għandu jkollhom id-dritt li jtellgħu passiġġieri minn kwalunkwe stazzjon u jniżżluhom f'ieħor. Dak id-dritt għandu jinkludi l-aċċess għall-infrastruttura li tgħaqqad il-faċilitajiet ta' servizz imsemmija fil-punt 2 tal-Anness II għal din id-Direttiva.”;

    (c)

    jitħassru l-paragrafi 3 u 4.

    (7)

    L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri jistgħu jillimitaw id-dritt ta' aċċess previst fl-Artikolu 10(2) għal servizzi għall-passiġġieri bejn post ta' tluq partikolari u destinazzjoni partikolari fejn kuntratt pubbliku għal servizzi wieħed jew iktar ikopri l-istess rotta jew rotta alternattiva jekk l-eżerċizzju ta' dan id-dritt jikkomprometti l-ekwilibriju ekonomiku tal-kuntratt pubbliku għal servizzi inkwistjoni.”;

    (b)

    fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “2.   Sabiex jistabbilixxi jekk l-ekwilibriju ekonomiku ta' kuntratt pubbliku għal servizzi huwiex ser ikun kompromess, il-korp jew korpi regolatorji rilevanti msemmija fl-Artikolu 55 għandhom jagħmlu analiżi ekonomika oġġettiva u għandhom jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq kriterji deċiżi minn qabel. Huma għandhom jistabbilixxu dan wara talba mingħand kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin, ippreżentata fi żmien xahar mill-wasla tal-informazzjoni dwar is-servizz għall-passiġġieri ippjanat imsemmi fl-Artikolu 38(4):

    (a)

    l-awtorità kompetenti jew l-awtoritajiet kompetenti li taw il-kuntratt pubbliku għal servizzi;

    (b)

    kwalunkwe awtorità kompetenti interessata oħra bid-dritt li tillimita l-aċċess skont dan l-Artikolu;

    (c)

    il-maniġer tal-infrastruttura;

    (d)

    l-impriża ferrovjarja li twettaq l-kuntratt pubbliku għal servizzi.”;

    (c)

    il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “3.   Il-korp regolatorju għandu jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu u l-kundizzjonijiet li bihom tista' tintalab li d-deċiżjoni terġa' tiġi kkunsidrata fi żmien xahar min-notifika tagħha, minn waħda minn dawn li ġejjin:

    (a)

    l-awtorità kompetenti jew l-awtoritajiet kompetenti rilevanti;

    (b)

    il-maniġer tal-infrastruttura;

    (c)

    l-impriża ferrovjarja li twettaq l-kuntratt pubbliku għal servizzi;

    (d)

    l-impriża ferrovjarja li qed tfittex li tikseb aċċess.

    Fejn il-korp regolatorju jiddeċiedi li l-ekwilibriju ekonomiku ta' kuntratt pubbliku jiġi kompromess mis-servizz għall-passiġġieri ppjanat imsemmi fl-Artikolu 38(4), huwa għandu jindika t-tibdil possibbli għal dak is-servizz li jiżgura li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet biex jingħata d-dritt ta' aċċess previst fl-Artikolu 10(2).”;

    (d)

    fil-paragrafu 4, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “Abbażi tal-esperjenza tal-korpi regolatorji, l-awtoritajiet kompetenti u l-impriżi ferrovjarji u abbażi tal-attivitajiet tan-netwerk kif imsemmi fl-Artikolu 57(1), il-Kummissjoni għandha sas-16 ta' Diċembru 2018 tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu d-dettalji tal-proċedura u l-kriterji li għandhom jiġu segwiti biex jiġu applikati l-paragrafi 1, 2 u 3 ta' dan l-Artikolu fir-rigward ta' servizzi domestiċi għall-passiġġieri. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' analiżi msemmija fl-Artikolu 62(3).”;

    (e)

    il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “5.   L-Istati Membri jistgħu wkoll jillimitaw id-dritt ta' aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja biex jitħaddmu servizzi domestiċi għall-passiġġieri bejn post ta' tluq partikolari u destinazzjoni partikolari fl-istess Stat Membru meta:

    (a)

    drittijiet esklużivi li jitwasslu passiġġieri bejn dawk l-istazzjonijiet ġew mogħtija taħt kuntratt pubbliku għal servizzi mogħti qabel is-16 ta' Ġunju 2015; jew

    (b)

    dritt/awtorizzazzjoni addizzjonali għat-tħaddim ta' servizzi tal-passiġġieri kummerċjali f'kompetizzjoni ma' operatur ieħor bejn dawk l-istazzjonijiet ikun ingħata sal-25 ta' Diċembru 2018 abbażi ta' proċedura ta' sejħa għall-offerti ġusta u kompetittiva;

    u fejn dawn l-operaturi ma jirċievu ebda kumpens biex joperaw dawn is-servizzi.

    Tali limitazzjoni tista' tkompli tul iż-żmien oriġinali tal-kuntratt jew awtorizzazzjoni, jew sal-25 ta' Diċembru 2026, skont liema jkun l-iqsar.”;

    (8)

    jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

    “Artikolu 11a

    Servizzi għall-passiġġieri b'veloċità għolja

    1.   Bil-ħsieb li jiġi żviluppat is-suq tas-servizzi għall-passiġġieri b'veloċità għolja, jippromwovu l-aħjar użu tal-infrastruttura disponibbli, u sabiex titħeġġeġ il-kompetittività tas-servizzi għall-passiġġieri b'veloċità għolja li jirriżulta f'effetti ta' benefiċċju għall-passiġġieri, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(5), l-eżerċizzju tad-dritt ta' aċċess previst fl-Artikolu 10 fir-rigward ta' servizzi għall-passiġġieri b'veloċità għolja jista' jkun biss soġġett għar-rekwiżiti stabbiliti mill-korp regolatorju skont dan l-Artikolu.

    2.   Fejn il-korp regolatorju, wara l-analiżi prevista fl-Artikolu 11(2), (3) u (4), jiddetermina li s-servizz ta' trasport għall-passiġġieri b'veloċità għolja maħsub bejn post ta' tluq partikolari u destinazzjoni partikolari jikkomprometti l-ekwilibriju ekonomiku ta' kuntratt pubbliku għal servizzi li jkopri l-istess rotta jew rotta alternattiva, il-korp regolatorju għandu jindika bidliet possibbli għas-servizz li jiżguraw li l-kundizzjonijiet għall-għoti tad-dritt tal-aċċess previsti fl-Artikolu 10(2) huma ssodisfati. Tali bidliet jistgħu jinkludu modifika tas-servizz maħsub.”;

    “Artikolu 13a

    Skemi komuni ta' informazzjoni u bejgħ ta' biljetti globali

    1.   Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) u għad-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3), l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-impriżi ferrovjarji li jħaddmu servizzi domestiċi għall-passiġġieri sabiex jieħdu sehem fi skema komuni ta' informazzjoni u skema integrata ta' bejgħ ta' biljetti biex jiġu pprovduti l-biljetti, biljetti kumulattivi u prenotazzjonijiet, jew jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti biex jistabbilixxu tali skema. Jekk tiġi stabbilita tali skema, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li din ma toħloqx distorsjoni fis-suq jew ma tiddiskriminax bejn impriżi ferrovjarji, u li tiġi amministrata minn entità legali pubblika jew privata jew assoċjazzjoni tal-impriżi ferrovjarji kollha li jħaddmu servizzi għall-passiġġieri.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-iżviluppi tas-suq ferrovjarju li jikkonċernaw l-introduzzjoni u l-użu ta' sistemi komuni ta' informazzjoni u bejgħ ta' biljetti globali u għandha tivvaluta l-ħtieġa għal azzjoni fil-livell tal-Unjoni, b'kont meħud ta' inizjattivi tas-suq. Hija għandha tikkunsidra b'mod partikolari aċċess nondiskriminatorju għall-passiġġieri ferrovjarji għad-data meħtieġa biex jippjanaw il-vjaġġi u jirriżervaw il-biljetti. Sal-31 ta' Diċembru 2022, hija għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-disponibbiltà ta' dawn is-sistemi ta' informazzjoni komuni u bejgħ ta' biljetti globali, li għandu jiġi akkumpanjat, jekk ikun xieraq, minn proposti leġiżlattivi.

    3.   L-Istati Membri għandhom jesiġu li impriżi ferrovjarji li joperaw servizzi għall-passiġġieri jkollhom pjanijiet ta' kontinġenza u għandhom jiżguraw li dawn il-pjanijiet ta' kontinġenza jiġu kkoordinati kif suppost biex jipprovdu assistenza lill-passiġġieri, skont it-tifsira tal-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007, fil-każ ta' interruzzjoni maġġuri fis-servizzi.

    (*2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 14)."

    (*3)  Id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta' Sistemi ta' Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma' modi oħrajn ta' trasport (ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1).”."

    (9)

    fl-Artikolu 19, jiżdied il-punt li ġej:

    “(e)

    ma jkunux instabu ħatja ta' reati serji li irriżultaw minn obbligi skont il-liġi nazzjonali minn ftehimiet kollettivi vinkolanti, fejn applikabbli.”.

    (10)

    fl-Artikolu 32, il-paragrafu 4 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “4.   L-imposti tal-infrastruttura għall-użu tal-kurituri ferrovjarji li huma speċifikati fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 (*4) għandhom ikunu differenzjati biex jingħataw inċentivi għat-tagħmir ta' ferroviji bl-ETCS li huwa konformi mal-verżjoni adottata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/386/KE (*5) u mal-verżjonijiet suċċessivi. Dan id-differenzar m'għandux iwassal għal tibdil ġenerali fid-dħul tal-maniġer tal-infrastruttura.

    L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li dan id-differenzjar tal-imposti ta' infrastruttura ma jkunx japplika għal-linji ferrovjarji speċifikati fir-Regolament (UE) 2016/919 li fuqhom jistgħu jivvjaġġaw biss ferroviji mgħammra b'ETCS.

    L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jestendu dan id-differenzjar għal linji ferrovjarji li mhumiex speċifikati fir-Regolament (UE) 2016/919.

    (*4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 tas-27 ta' Mejju 2016 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema tal-‘kontroll-kmand u sinjalazzjoni’ tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni (ĠU L 158, 15.6.2016, p. 1)."

    (*5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/386/KE tat-23 ta' April 2008 li timmodifika l-Anness A għad-Deċiżjoni 2006/679/KE dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabilità fir-rigward tas-subsistema ta' kontroll u ta' sinjalar tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea u l-Anness A għad-Deċiżjoni 2006/860/KE dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabilità fir-rigward tas-subsistema ta' kontroll u ta' sinjalar tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta' veloċità għolja (ĠU L 136, 24.5.2008, p. 11).”."

    (11)

    fl-Artikolu 38, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “4.   Fejn applikant biħsiebu jitlob kapaċità tal-infrastruttura bil-ħsieb li jopera servizz għall-passiġġieri, fi Stat Membru fejn id-dritt ta' aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja huwa limitat f'konformità mal-Artikolu 11, huwa għandu jinforma lill-maniġers tal-infrastruttura u l-korpi regolatorji kkonċernati mhux inqas minn 18-il xahar qabel id-dħul fis-seħħ tal-iskeda ta' żmien operattiva li magħha tkun marbuta t-talba għall-kapaċità. Sabiex il-korpi regolatorji kkonċernati jkunu jistgħu jivvalutaw l-impatt ekonomiku potenzjali fuq il-kuntratti pubbliċi għal servizzi eżistenti, il-korpi regolatorji għandhom jiżguraw li kwalunkwe awtorità kompetenti li tat servizz ferrovjarju għall-passiġġieri fuq dik ir-rotta ddefinita f'kuntratt pubbliku għal servizz, kwalunkwe awtorità kompetenti oħra interessata bid-dritt li tillimita l-aċċess skont l-Artikolu 11 u kwalunkwe impriża ferrovjarja li twettaq il-kuntratt pubbliku għal servizz fuq ir-rotta ta' dak is-servizz għall-passiġġieri tiġi mgħarrfa mingħajr dewmien żejjed u mhux iktar tard minn 10 ijiem wara.”;

    (12)

    fl-Artikolu 53, fil-paragrafu 3, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “Il-korp regolatorju jista' jitlob lill-maniġer tal-infrastruttura biex jagħmel din l-informazzjoni disponibbli għalih, jekk iqis li dan huwa neċessarju.”.

    (13)

    fl-Artikolu 54, il-paragrafu 1 huwa mibdul b'li ġej:

    “1.   Fil-każ ta' tfixkil għall-movimenti tal-ferroviji kkawżat minn ħsarat tekniċi jew minn inċidenti, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa biex ireġġa' lura s-sitwazzjoni għan-normal. Għal dak l-iskop, għandu jfassal pjan ta' kontinġenza li jelenka l-korpi varji li għandhom jiġu infurmati fil-każ ta' inċidenti serji jew ta' disturbi serji għall-movimenti tal-ferroviji. F'każ ta' tfixkil li jkollu impatt potenzjali fuq it-traffiku transfruntier, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jikkondividi kwalunkwe informazzjoni rilevanti ma' maniġers oħra tal-infrastruttura li n-netwerk u t-traffiku tagħhom jistgħu jkunu affettwati minn dak it-tfixkil. Il-maniġers tal-infrastruttura kkonċernati għandhom jikkooperaw sabiex ireġġgħu lura t-traffiku transfruntier għan-normal.”.

    (14)

    L-Artikolu 56 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1 jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

    “(h)

    immaniġġjar tat-traffiku;

    (i)

    ippjanar tat-tiġdid u manutenzjoni skedata jew mhux skedata;

    (j)

    konformità mar-rekwiżiti, inklużi dawk dwar konflitti ta' interess, stabbiliti fl-Artikolu 2(13) u l-Artikoli 7, 7a, 7b, 7c, u 7d.”;

    (b)

    il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “2.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jiżguraw il-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji, il-korp regolatorju għandu jkollu s-setgħa li jissorvelja s-sitwazzjoni kompetittiva fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji, inkluż b'mod partikolari s-suq għal servizzi għall-passiġġieri b'veloċità għolja, u l-attivitajiet tal-maniġers tal-infrastruttura fir-rigward tal-punti (a) sa (j) tal-paragrafu 1. B'mod partikolari, il-korp regolatorju għandu jivverifika li hemm konformità mal-punti (a) sa (j) tal-paragrafu 1 fuq l-inizjattiva tiegħu stess u bil-ħsieb li jevita d-diskriminazzjoni kontra l-applikanti. Għandu, b'mod partikolari, jiċċekkja jekk id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk fihiex klawżoli diskriminatorji jew jekk toħloqx setgħat diskrezzjonali għall-maniġer tal-infrastruttura li jistgħu jintużaw biex issir diskriminazzjoni kontra l-applikanti.”;

    (c)

    fil-paragrafu 9, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “9.   Il-korp regolatorju għandu jikkunsidra kull ilment u, kif jixraq, għandu jitlob tagħrif relevanti u jagħti bidu għal konsultazzjonijiet mal-partijiet relevanti kollha, fi żmien xahar minn meta jkun irċieva l-ilment. Huwa għandu jiddeċiedi fuq kull ilment u jieħu azzjoni biex jirrimedja s-sitwazzjoni u jgħarraf lill-partijiet relevanti bid-deċiżjoni motivata tiegħu fi żmien determinat minn qabel, raġonevoli u, fi kwalunkwe każ, fi żmien 6 ġimgħat minn meta jirċievi l-informazzjoni kollha. Mingħajr preġudizzju għall-poteri tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali għall-iżgurar tal-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizz ferrovjarju, il-korp regolatorju għandu, fejn xieraq, jiddeċiedi fuq l-inizjattiva tiegħu stess dwar miżuri xierqa biex jitranġaw il-każijiet ta' diskriminazzjoni kontra l-applikanti, id-distorsjonijiet tas-suq u kwalunkwe żvilupp ieħor mhux mixtieq f'dawn is-swieq, b'mod partikolari b'referenza għall-punti (a) sa (j) tal-paragrafu 1.”;

    (d)

    il-paragrafu 12 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “12.   Sabiex tiġi vverifikata l-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar is-separazzjoni tal-kontijiet stipulati fl-Artikolu 6 u d-dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza finanzjarja stipulati fl-Artikolu 7d, il-korp regolatorju għandu jkollu s-setgħa li jwettaq verifiki jew li jibda verifiki esterni mal-maniġers tal-infrastruttura, l-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizz u, fejn rilevanti, mal-impriżi ferrovjarji. Fil-każ ta' impriżi integrati vertikalment, dawk is-setgħat għandhom ikunu estiżi għall-entitajiet legali kollha. Il-korp regolatorju għandu jkun intitolat jitlob kwalunkwe informazzjoni rilevanti. B'mod partikolari l-korp regolatorju għandu jkollu s-setgħa li jitlob lill-maniġer tal-infrastruttura, lill-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizz u l-impriżi jew entitajiet oħra kollha li jwettqu jew jintegraw tipi differenti ta' trasport ferrovjarju jew immaniġġjar tal-infrastruttura kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) u (2) u l-Artikolu 13 biex jagħtu l-informazzjoni ta' verifika sħiħa jew parti minnha kif elenkat fl-Anness VIII b'livell suffiċjenti ta' dettall kif meqjus meħtieġ u proporzjonat.

    Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għal kwistjonijiet marbuta mal-għajnuna mill-Istat, il-korp regolatorju jista' wkoll joħroġ konklużjonijiet mill-kontijiet rigward kwistjonijiet ta' għajnuna mill-Istat li għandu jirrapporta lil dawk l-awtoritajiet.

    Il-flussi finanzjarji msemmija fl-Artikolu 7d(1), is-self imsemmi fl-Artikolu 7d(4) u (5), u d-dejn imsemmi fl-Artikolu 7d(7) għandhom ikunu soġġetti għall-monitoraġġ mill-korp regolatorju.

    Fejn Stat Membru jkun innomina lill-korp regolatorju bħala l-korp kompetenti indipendenti msemmi fl-Artikolu 7c(4), il-korp regolatorju għandu jevalwa l-ftehimiet ta' kooperazzjoni msemmija f'dak l-Artikolu.”;

    (15)

    L-Artikolu 57 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “3a.   Meta kwistjonijiet li jikkonċernaw servizz internazzjonali jeħtieġu deċiżjonijiet ta' żewġ korpi regolatorji jew aktar, il-korpi regolatorji kkonċernati għandhom jikkooperaw fit-tħejjija tad-deċiżjonijiet rispettivi tagħhom sabiex tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni. Għal dak l-għan, il-korpi regolatorji kkonċernati għandhom iwettqu l-funzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 56.”;

    (b)

    il-paragrafu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “8.   Il-korpi regolatorji għandhom jiżviluppaw prinċipji u prattika komuni għat-teħid tad-deċiżjonijiet li huma għandhom is-setgħa jieħdu skont din id-Direttiva. Prinċipji u prattiki komuni bħal dawn għandhom jinkludu arranġamenti għar-riżoluzzjoni ta' tilwim li jinqala' fl-ambitu tal-paragrafu 3a. Abbażi tal-esperjenza tal-korpi regolatorji u tal-attivitajiet tan-netwerk kif imsemmi fil-paragrafu 1, u, jekk meħtieġ, tiġi żgurata kooperazzjoni effiċjenti tal-korpi regolatorji, il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw prinċipji u prattiki komuni bħal dawn. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 62(3).”;

    (c)

    jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “10.   Għal deċiżjonijiet li jikkonċernaw infrastruttura binazzjonali, iż-żewġ Stati Membri kkonċernati jistgħu fi kwalunkwe mument wara l-24 ta' Diċembru 2016 jaqblu li jesiġu koordinazzjoni bejn il-korpi regolatorji kkonċernati sabiex jallinjaw l-impatt tad-deċiżjonijiet tagħhom.”;

    (16)

    fl-Artikolu 63, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “1.   Sal-31 ta' Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-impatt ta' din id-Direttiva fuq is-settur ferrovjarju, u għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha.

    B'mod partikolari, ir-rapport għandu jevalwa l-iżvilupp tas-servizzi ferrovjarji ta' veloċità għolja u jevalwa l-eżistenza ta' prattiki diskriminatorji fir-rigward tal-aċċess għal linji ta' veloċità għolja. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra jekk huwiex meħtieġ li tippreżenta proposti leġiżlattivi.

    Sal-istess data, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk jippersistux prattiki diskriminatorji jew tipi oħra ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-maniġers tal-infrastruttura li huma parti minn impriża integrata vertikalment. Il-Kummissjoni għandha, jekk adatta, tippreżenta proposti leġiżlattivi.”.

    Artikolu 2

    1.   Minkejja l-Artikolu 3(2), l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-25 ta' Diċembru 2018, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li jirrigwardaw kif għandha ssir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    1.   Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    2.   Il-punti 6 sa 8 u 11 tal-Artikolu 1 għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2019 fil-ħin għall-iskeda operattiva li tibda fl-14 ta' Diċembru 2020.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta' Diċembru 2016.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    I. KORČOK


    (1)  ĠU C 327,12.11.2013, p. 122.

    (2)  ĠU C 356, 5.12.2013, p. 92.

    (3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Frar 2014 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tas-17 ta' Ottubru 2016ĠU C 431, 22.11.2016, p. 1). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2016 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (4)  Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32).

    (5)  Id-Direttiva 2004/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 164).

    (6)  Id-Direttiva 2007/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u d-Direttiva 2001/14/KE dwar l-allokazzjoni ta' kapaċità ta' infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta' piżijiet għall-użu ta' infrastruttura tal-ferroviji (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 44).

    (7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

    (8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1).

    (9)  Id-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja tal-Komunità (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 51).

    (10)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


    Top