EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1219(01)

Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Ottubru 2015 li temenda d-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ Marzu 2004 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom

ĠU C 428, 19.12.2015, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/06/2017; Imħassar b' 32017D0629(01)

19.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 428/1


DEĊIŻJONI TAL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW

tas-7 ta’ Ottubru 2015

li temenda d-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ Marzu 2004 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom

(2015/C 428/01)

IL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 224 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 (2) (ir-“Regolament Finanzjarju”) u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 (3) (ir-“Regoli ta’ Applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju”),

Wara li kkunsidra l-Artikolu 25(11) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament,

Billi:

(1)

L-Artikolu 209(1) tar-Regoli ta’ Applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju huwa indirizzat permezz tal-Artikolu II.7 tal-Anness 2 A u l-Artikolu II.7 tal-Anness 2B tad-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ Marzu 2004 (4) (“id-Deċiżjoni”).

(2)

F’dawn l-aħħar snin, il-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 104 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 137 tar-Regoli ta’ Applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju, ħtieġ il-partiti u l-fondazzjonijiet li jiġbru tal-inqas tliet offerti għal kull akkwist li jaqbeż valur tal-kuntratt ta’ EUR 15 000.

(3)

Skont l-Artikolu 209(2) tar-Regoli ta’ Applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju, fejn l-implimentazzjoni tal-azzjoni jew tal-programm ta’ ħidma tkun teħtieġ l-għoti ta’ kuntratt ta’ akkwist pubbliku b’valur ta’ aktar minn EUR 60 000, l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli huwa permess li jeżiġi lill-benefiċjarju li josserva r-regoli speċjali minbarra dawk imsemmijin fl-Artikolu 209(1) tar-Regoli ta’ Applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju. Dawk ir-regoli speċjali għandhom ikunu bbażati fuq ir-regoli li jinsabu fir-Regolament Finanzjarju u għandhom ikunu stabbiliti filwaqt li jitqies kif jistħoqq il-valur tal-kuntratti kkonċernati, id-daqs relattiv tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-ispiża totali tal-azzjoni u r-riskju. Barra minn hekk, dawn ir-regoli speċjali għandhom jiġu inklużi fid-deċiżjoni jew ftehim ta’ għoti.

(4)

Konsegwentement, l-Artikolu 209(2) tar-Regoli ta’ Applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju jikkostitwixxi l-bażi legali rilevanti għall-għoti ta’ kuntratti fil-qafas ta’ finanzjament ta’ għotjiet b’valur ta’ aktar minn EUR 60 000 u huwa għaldaqstant xieraq li jintuża bħala l-bażi legali għal għotjiet inter alia għal partiti politiċi u fondazzjonijiet f’livell Ewropew li jaqbżu dan l-ammont.

(5)

Ir-riżultati tal-verifika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri għas-sena baġitarja 2014 (5) jinkludu kumment dwar nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżit ta’ mill-inqas tliet offerti fuq kuntratt b’valur ta’ iktar minn EUR 15 000. Meta l-partiti u l-fondazzjonijiet ingħataw opportunità biex jikkummentaw dwar dan, huma indikaw li ma kienx ċar jekk dak ir-rekwiżit kienx japplika għal kuntratti ġodda biss u jekk kellux jiġi applikat fil-livell tal-fattura jew fil-livell tal-fornitur. Barra minn hekk, huma qajmu l-punt li s-sejħiet annwali għall-offerti għal ċerti kuntratti ta’ servizz bħal tindif jew il-manutenzjoni jirriżultaw f’piż amministrattiv żejjed.

(6)

Fid-dawl tal-Artikolu 209 tar-Regoli ta’ Applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju, ta’ dawk ir-riżultati tal-verifika u ta’ dawk il-kummenti, ir-regola tal-akkwist ġenerali għandha tiġi ċċarata, b’kont meħud, l-ewwel nett, tal-fatt li l-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet tagħhom huma limitati f’termini ta’ riżorsi umani u tal-kapaċità tagħhom tal-ġestjoni u, it-tieni nett, li dawn għandhom orjentazzjonijiet politiċi u ideoloġiċi speċifiċi li jkollhom impatt fuq l-għażla tagħhom ta’ fornituri. Dan il-karattru speċifiku huwa diġà rikonoxxut fl-Artikolu II.2.1 tal-Anness 2 A tad-Deċiżjoni, li jistipula li “[l]-affinità politika fil-prinċipju ma tikkostitwixxi raġuni għal kunflitt ta’ interessi fil-każ ta’ ftehimiet konklużi bejn il-partit politiku u l-organizzazzjonijiet bl-istess valuri politiċi”.

(7)

B’mod partikolari, għal kwalunkwe kuntratt ta’ implimentazzjoni b’valur ta’ iktar minn EUR 60 000 għal kull fornitur, għal kull sena, għal kull servizz jew prodott partikolari, għandu jkun hemm mill-inqas tliet offerti. Il-kuntratti għandhom ikunu għal perijodu ta’ mhux aktar minn ħames snin. L-evalwazzjoni tal-offerti għandha tkun iddokumentata u l-għażla tal-fornitur finali għandha tkun immotivata b’mod suffiċjenti. F’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi tas-suq, f’każijiet debitament ġustifikati, għandu jkun possibbli li kuntratt jingħata fuq bażi ta’ offerta waħda. F’dan il-każ l-oneru tal-prova għandu jkun f’idejn il-partit jew il-fondazzjoni li jkunu l-benefiċjarji tal-għotja,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Anness 2 A, l-Artikolu II.7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu II.7 – GĦOTI TA’ KUNTRATTI

Jekk il-Benefiċjarju jikkonkludi kuntratti biex jimplimenta l-programm ta’ ħidma u l-beni jew servizzi miksuba jikkostitwixxu nfiq eliġibbli fil-baġit tal-operat, il-Benefiċjarju għandu jkun meħtieġ li jfittex offerti kompetittivi u li jagħti l-kuntratt lill-offerent li jagħmel l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża, li għandha tkun meqjusa li hija l-offerta li toffri l-aħjar valur għall-flus minfuqa. Il-Benefiċjarju għandu josserva l-prinċipji tat-trasparenza u tat-trattament indaqs ta’ offerenti u għandu jevita kwalunkwe konflitt ta’ interess. Għal kuntratti b’valur ta’ aktar minn EUR 60 000 għal kull fornitur, għal kull sena u għal kull beni jew servizz, il-Benefiċjarju għandu jiġbor mill-inqas tliet offerti bi tweġiba għal stedina bil-miktub għal offerta li tagħti dettalji dwar ir-rekwiżiti għall-akkwist. Il-Benefiċjarju għandu jżomm rekord tal-evalwazzjoni tal-offerti u għandu jiġġustifika bil-miktub l-għażla tiegħu tal-fornitur finali. Jekk ikun hemm inqas minn tliet offerti bi tweġiba għal istedina bil-miktub għal offerta, il-Benefiċjarju għandu jkun meħtieġ li juri li kien impossibbli li jinkisbu aktar offerti għall-akkwist inkwistjoni.

It-tul ta’ żmien tal-kuntratti kkonċernati ma għandux jaqbeż il-ħames snin.

Il-Benefiċjarju għandu jibqa’ l-uniku wieħed responsabbli f’dak li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma u l-osservazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni. Il-Benefiċjarju jrid jintrabat li jagħmel l-arranġamenti kollha meħtieġa biex jiżgura li l-kuntrattur jaċċetta li jirrinunzja għad-drittijiet kollha favur il-Parlament Ewropew skont id-Deċiżjoni.”;

(2)

fl-Anness 2B, l-Artikolu II.7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu II.7 – GĦOTI TA’ KUNTRATTI

Jekk il-Benefiċjarju jikkonkludi kuntratti biex jimplimenta l-programm ta’ ħidma u l-beni jew servizzi miksuba jikkostitwixxu nfiq eliġibbli fil-baġit tal-operat, il-Benefiċjarju għandu jkun meħtieġ li jfittex offerti kompetittivi u li jagħti l-kuntratt lill-offerent li jagħmel l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża, li tkun meqjusa li hija l-offerta li toffri l-aħjar valur għall-flus minfuqa. Il-Benefiċjarju għandu josserva l-prinċipji tat-trasparenza u tat-trattament indaqs ta’ offerenti u għandu jevita kwalunkwe konflitt ta’ interess. Għal kuntratti b’valur ta’ aktar minn EUR 60 000 għal kull fornitur, għal kull sena u għal kull beni jew servizz, il-Benefiċjarju għandu jiġbor mill-inqas tliet offerti bi tweġiba għal stedina bil-miktub biex jintefgħu l-offerti li tagħti dettalji dwar ir-rekwiżiti għall-akkwist. Il-Benefiċjarju għandu jżomm rekord tal-evalwazzjoni tal-offerti u għandu jiġġustifika bil-miktub l-għażla tiegħu tal-fornitur finali. Jekk ikun hemm inqas minn tliet offerti bi tweġiba għal istedina bil-miktub għal offerta, il-Benefiċjarju għandu jkun meħtieġ li juri li kien impossibbli li jinkisbu aktar offerti għall-akkwist inkwistjoni.

It-tul ta’ żmien tal-kuntratti kkonċernati ma għandux jaqbeż il-ħames snin.

Il-Benefiċjarju għandu jibqa’ l-uniku wieħed responsabbli f’dak li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma u l-osservazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni. Il-Benefiċjarju jrid jintrabat li jagħmel l-arranġamenti kollha meħtieġa biex jiżgura li l-kuntrattur jaċċetta li jirrinunzja għad-drittijiet kollha favur il-Parlament Ewropew skont id-Deċiżjoni.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2016.


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom (ĠU L 297, 15.11.2003, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ Marzu 2004 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom, kif emendat mid-Deċiżjonijiet tal-Bureau tal-1 ta’ Frar 2006, tat-18 ta’ Frar 2008, tat-2 ta’ Frar 2011 u tat-13 ta’ Jannar 2014 (ĠU C 63, 4.3.2014, p. 1).

(5)  Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit fir-rigward tas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet (ĠU C 373, 10.11.2015, p. 1).


Top