Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1223

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1223/2014 tal- 14 ta' Novembru 2014 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2454/93 rigward l-iskarikar simplifikat tal-proċedura ta' proċessar attiv Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 330, 15.11.2014, p. 37–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/04/2016; Impliċitament imħassar minn 32016R0481

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/1223/oj

15.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 330/37


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1223/2014

tal-14 ta' Novembru 2014

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2454/93 rigward l-iskarikar simplifikat tal-proċedura ta' proċessar attiv

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 247 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 544 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (2) jipprevedi simplifikazzjoni fl-iskarikar tal-proċedura ta' proċessar attiv. Skont din is-simplifikazzjoni, ċerta merkanzija importata titqies li kienet riesportata jew esportata, għalkemm fil-verità tkun tqiegħdet fis-suq tal-Unjoni mingħajr dikjarazzjoni doganali sussegwenti u mingħajr ħlas ta' dazji ta' importazzjoni.

(2)

L-Artikolu 544(c) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 jkopri t-twassil ta' ajruplani ċivili. Is-simplifikazzjoni fl-iskarikar tal-proċedura ta' proċessar attiv fir-rigward tal-ajruplani ċivili żżid il-kompetittività tal-industrija tal-avjazzjoni fil-livell internazzjonali u tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' valur miżjud fl-Unjoni.

(3)

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 544(c) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 għandu jiġi estiż għall-ajruplani militari sabiex dawn l-ajruplani jibbenefikaw ukoll mill-iskarikar simplifikat tal-proċedura ta' proċessar attiv bħall-ajruplani ċivili.

(4)

Għalhekk, ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 għandu jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 544 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93, il-punt (c) jinbidel b'dan li ġej:

“(c)

it-twassil ta' ajruplani; iżda, l-uffiċċju ta' sorveljanza għandu jippermetti li l-arranġamenti jiġu skarikati malli l-oġġetti ta' importazzjoni jkunu ntużaw għall-ewwel darba għall-manifattura, tiswija, modifikazzjoni jew konverżjoni ta' ajruplani jew partijiet tagħhom, bil-kundizzjoni li r-rekords tad-detentur huma tali li jagħmluha possibbli biex jiġi verifikat li l-arranġamenti huma applikati u operati b'mod korrett;”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Novembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).


Top