Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0721

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 721/2014 tas- 16 ta' Ġunju 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 219/2007 dwar l-istabbiliment ta' Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta' ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR) fir-rigward tal-estensjoni tal-Impriża Konġunta sal-2024 Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 192, 1.7.2014, pp. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/11/2021; Impliċitament imħassar minn 32021R2085

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/721/oj

1.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 192/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 721/2014

tas-16 ta' Ġunju 2014

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 219/2007 dwar l-istabbiliment ta' Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta' ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR) fir-rigward tal-estensjoni tal-Impriża Konġunta sal-2024

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 187 u 188 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Billi:

(1)

Il-proġett għar-Riċerka u l-Iżvilupp dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (il-“proġett SESAR”) għandu l-għan li jimmodernizza l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (“ATM”) fl-Ewropa u jirrappreżenta l-pilastru teknoloġiku tal-Ajru Uniku Ewropew (“SES”). Il-proġett għandu l-għan li jipprovdi lill-Unjoni b'infrastruttura għall-kontroll tat-traffiku tal-ajru ta' prestazzjoni għolja sal-2030 li ser tippermetti l-iżvilupp sigur u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent tat-trasport bl-ajru.

(2)

Il-proġett SESAR fih tliet proċessi kollaborattivi interrelatati, kontinwi u li qegħdin jevolvu: id-definizzjoni tal-kontenut u l-prijoritajiet, l-iżvilupp ta' sistemi teknoloġiċi ġodda, il-komponenti u l-proċeduri operattivi tal-kunċett SESAR, u l-pjanijiet ta' użu tal-ġenerazzjoni li jmiss tas-sistemi tal-ATM jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-miri tal-prestazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew.

(3)

L-ewwel fażi tal-proċess ta' definizzjoni kienet operattiva mill-2004 sal-2008 u pproduċiet il-Pjan Regolatorju tal-ATM tas-SESAR (D5) li kien il-bażi għall-ewwel edizzjoni tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (il-“Pjan Regolatorju tal-ATM”) approvat mill-Kunsill fit-30 ta' Marzu 2009. Il-Pjan Regolatorju tal-ATM jidentifika tliet stadji fil-proċess tal-iżvilupp tas-SESAR: Operazzjonijiet Ibbażati fuq iż-Żmien (Stadju 1), Operazzjonijiet Ibbażati fuq il-Perkors (Stadju 2) u Operazzjonijiet Ibbażati fuq il-Prestazzjoni (Stadju 3). Il-Pjan Regolatorju tal-ATM huwa l-pjan direzzjonali miftiehem biex ir-riċerka u l-iżvilupp tal-ATM jitwasslu għall-fażi ta' skjerament.

(4)

L-Impriża Konġunta SESAR (l-“Impriża Konġunta”) ġiet imwaqqfa permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 (3), bil-għan li jiġu ġestiti l-attivitajiet mill-proċess ta' żvilupp tal-proġett SESAR skont il-qafas finanzjarju tal-Unjoni għall-2007–13. Il-kompitu prinċipali tal-Impriża Konġunta hija l-eżekuzzjoni tal-Pjan Regolatorju tal-ATM.

(5)

Il-programm ta' ħidma tal-Impriża Konġunta, kopert mill-qafas finanzjarju tal-Unjoni għall-2007-2013, jindirizza l-elementi kollha tal-Istadju 1 u madwar 80 % tal-Istadju 2 tal-Pjan Regolatorju tal-ATM. L-attivitajiet relatati għandhom jitlestew sal-2016. L-attivitajiet li għad baqa' tal-Istadju 2 u dawk relatati mal-Istadju 3 għandhom jibdew fl-2014 taħt il-qafas finanzjarju tal-Unjoni għall-2014–20. L-ispiża ta' dawn l-attivitajiet ġiet stmata li hija ta' EUR 1,585 biljun, inkluż EUR 85 miljun għar-riċerka esploratorja, EUR 1,2 biljun għar-riċerka applikata u l-iżvilupp preindustrijali, u EUR 300 miljun għad-dimostrazzjonijiet fuq skala kbira. Attivitajiet ta' riċerka esploratorja għandhom jitħallsu kompletament mill-baġit tal-Unjoni. Fid-dawl ta' dan, il-baġit tal-Unjoni għall-eżekuzzjoni tal-attivitajiet rimanenti għandu jkun issupplimentat minn kontribuzzjonijiet tal-industrija u tal-EUROCONTROL, abbażi tal-istess approċċ meħud fil-qafas finanzjarju tal-Unjoni għall-2007-2013.

(6)

Skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 219/2007, l-Impriża Konġunta għandha tintemm fil-31 ta' Diċembru 2016 jew tmien snin wara l-approvazzjoni mill-Kunsill tal- Pjan Regolatorju tal-ATM, liema minnhom tiġi l-ewwel. Il-Kummissjoni kkomunikat il-Pjan Regolatorju tal-ATM lill-Kunsill fl-14 ta' Novembru 2008 (4) u l-Kunsill approvah fit-30 ta' Marzu 2009.

(7)

L-Impriża Konġunta tissodisfa l-kriterji għas-sħubiji pubbliċi-privati stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (il-’Programm Qafas Orizzont 2020’) u implimentat permezz tal-programm speċifiku stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE (6).

(8)

Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 għandu l-għan li jikseb impatt ikbar fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni billi jikkombina l-fondi tal-Programm Qafas Orizzont 2020 ma' dawk tas-settur privat fi sħubijiet pubbliċi-privati f'oqsma ewlenin fejn ir-riċerka u l-innovazzjoni jistgħu jikkontribwixxu għall-għanijiet usa' tal-Unjoni dwar il-kompetittività, kif ukoll jippromovu l-investiment privat, u jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà. Dawk is-sħubiji għandhom ikunu bbażati fuq impenn fit-tul, inkluż kontribut bilanċjat mill-imsieħba kollha, ir-responsabbiltà għall-kisba tal-objettivi tagħhom u l-allinjament mal-għanijiet strateġiċi tal-Unjoni dwar ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Il-governanza u l-funzjonament ta' dawk is-sħubijiet għandhom ikunu miftuħa, trasparenti, effettivi u effiċjenti u jagħtu l-opportunità li tipparteċipa firxa wiesgħa ta' partijiet interessati attivi fl-oqsma speċifiċi tagħhom. L-involviment tal-Unjoni f'dawn is-sħubiji jista' jieħu l-forma ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji għal impriżi konġunti stabbiliti abbażi tal-Artikolu 187 tat-TFUE skont id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(9)

Biex jibqa' għaddej l-iżvilupp tal-attivitajiet definiti mill-Pjan Regolatorju tal-ATM, huwa meħtieġ li t-tul taż-żmien tal-Impriża Konġunta jiġi estiż sal-2024, li jirrifletti t-tul ta' żmien tal-qafas finanzjarju tal-Unjoni għall-2014–20 u jippermetti erba' snin addizzjonali għat-tlestija tal-Programm ta' Ħidma tal-Impriża Konġunta u l-konklużjoni ta' proġetti li jkunu nbdew sal-aħħar ta' dak il-qafas finanzjarju. Tali estensjoni għandha għalhekk tippermetti l-eżekuzzjoni tal-Pjan Regolatorju tal-ATM kollu (stadju 2 u stadju 3) kif tinsab illum. Bil-ħsieb tal-għan ġenerali tal-Programm Qafas Orizzont 2020 li jinkisbu aktar simplifikazzjoni u koerenza, is-sejħiet kollha għal proposti taħt l-Impriża Konġunta għandhom iqisu t-tul ta' żmien tal-Programm Qafas Orizzont 2020.

(10)

Sejħa miftuħa għal membri ġodda għandha tiġi organizzata għall-attivitajiet li għandhom jitwettqu taħt il-qafas finanzjarju tal-2014–20 tal-Unjoni. Is-sħubija tal-membri tal-Impriża Konġunta li ma jikkontribwixxux għall-attivitajiet iffinanzjati taħt il-qafas finanzjarju tal-Unjoni għall-2014–20 għandha tintemm mill-31 ta' Diċembru 2016.

(11)

L-Impriża Konġunta għandha tkompli tkun miftuħa għal u tinkoraġġixxi l-iktar parteċipazzjoni wiesgħa possibbli u r-rappreżentanza tal-partijiet interessati mill-Istati Membri kollha, inklużi intrapriżi żgħar u medji, permezz tal-adeżjoni ta' membri ġodda jew forom oħra ta' parteċipazzjoni. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni għandha tiżgura bilanċ xieraq bejn utenti tal-ispazju tal-ajru, il-fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni tal-ajru, l-ajruporti, il-militar, il-persunal professjonali u l-manifatturi, u toffri opportunitajiet lill-SMEs, l-akkademja u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka.

(12)

Orizzont 2020 għandu jikkontribwixxi għall-għeluq tad-distakk fir-riċerka u l-innovazzjoni fl-Unjoni permezz tal-promozzjoni tas-sinerġiji mal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (ESIF). Għalhekk l-Impriża Konġunta għandha tipprova tiżviluppa interazzjonijiet mill-qrib mal-ESIF, li jistgħu speċifikament jgħinu biex jissaħħu l-kapaċitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni lokali, reġjonali u nazzjonali fil-qasam tal-Impriża Konġunta u jintrifdu l-isforzi fl-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti.

(13)

L-Impriża Konġunta għandha topera b'mod miftuħ u trasparenti filwaqt li tipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha fi żmien adegwat lill-korpi adatti tagħha, filwaqt li tindirizza b'mod dovut kwistjonijiet sensittivi bħad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (IPR), kif ukoll tippromwovi l-attivitajiet tagħha, inkluż attivitajiet ta' informazzjoni u disseminazzjoni lill-pubbliku ġenerali. Ir-regoli ta' proċedura tal-korpi tal-Impriża Konġunta għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

(14)

L-Impriża Konġunta għandha tuża wkoll mezzi elettroniċi ġestiti mill-Kummissjoni sabiex jiġu żgurati l-ftuħ, it-trasparenza u tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni. Għalhekk, is-sejħiet għal proposti li tnedew mill-Impriża Konġunta għandhom jiġu ppubblikati wkoll fuq il-portal waħdieni għall-parteċipanti kif ukoll permezz ta' mezzi elettroniċi oħra ta' disseminazzjoni tal-Programm QafasOrizzont 2020 ġestiti mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, data rilevanti dwar, fost l-oħrajn, proposti, applikanti, għotjiet u parteċipanti għandha tkun disponibbli mill-Impriża Konġunta għall-inklużjoni fis-sistemi elettroniċi tar-rappurtar u d-disseminazzjoni tal-Programm Qafas Orizzont 2020 ġestiti mill-Kummissjoni, f'format adatt u bil-perjodiċità li tikkorrispondi għall-obbligi tar-rappurtar tal-Kummissjoni.

(15)

L-esperjenza miksuba mill-operazzjoni tal-Impriża Konġunta bħala korp tal-Unjoni skont l-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (8) turi li l-qafas attwali ta' operazzjoni huwa flessibbli biżżejjed u adattat għall-ħtiġijiet tal-Impriża Konġunta. L-Impriża Konġunta għandha topera skont l-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). L-Impriża Konġunta għandha wkoll tadotta regoli finanzjarji li ma jonqsux milli jsegwu r-Regolament Finanzjarju qafas għajr għal fejn il-ħtiġijiet speċifiċi tagħha jirrikjedu dan u bil-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni.

(16)

Il-parteċipazzjoni f'azzjonijiet indiretti ffinanzjati mill-Impriża Konġunta għandhom jikkonformaw mar-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Mhuwiex previst li ser ikun hemm bżonn ta' deroga skont l-Artikolu 1(3) ta' dak ir-Regolament. Barra minn hekk, l-Impriża Konġunta għandha tiżgura l-applikazzjoni konsistenti ta' dawn ir-regoli abbażi ta' miżuri rilevanti adottati mill-Kummissjoni.

(17)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni setgħat ta' implimentazzjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(18)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 219/2007 għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 219/2007

Ir-Regolament (KE) Nru 219/2007 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   L-Impriża Konġunta għandha tintemm fil-31 ta' Diċembru 2024. Sabiex jittieħed kont tat-tul ta' żmien ta' Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014–20) stabbilit taħt ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) (‘il-Programm Qafas Orizzont 2020’) is-sejħiet għal proposti taħt l-Impriża Konġunta għandhom jitnedew mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2020. F'każijiet debitament iġġustifikati s-sejħiet għal proposti jistgħu jitnedew sal-31 ta' Diċembru 2021.;

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014–20) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).” "

(b)

il-paragrafu 3 huwa mħassar;

(c)

fil-paragrafu 5, il-ħames inċiż huwa sostitwit b'dan li ġej:

“—

tiżgura s-superviżjoni ta' attivitajiet relatati mal-iżvilupp ta' prodotti komuni debitament identifikati fil-Pjan Regolatorju tal-ATM, permezz ta' għotjiet lill-Membri u permezz tal-aktar miżuri xierqa, bħalma huma l-akkwist jew l-għoti ta' għotjiet wara sejħiet għal proposti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-programm, skont ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013”;

(2)

fl-Artikolu 2a, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Il-persunal tal-Impriża Konġunta għandu jkun magħmul minn aġenti temporanji u aġenti kuntrattwali. Il-perijodu totali tal-ingaġġ ma għandux, fl-ebda każ, ikun itwal mit-tul ta' żmien tal-Impriża Konġunta.”;

(3)

l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-paragrafu 2 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“2.   Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2014–20, inklużi l-kontribuzzjonijiet tal-EFTA, imħallsa mill-approprjazzjonijiet baġitarji allokati għall-Programm Qafas Orizzont 2020 għandha tkun ta' EUR 585 000 000 miljun.

L-arranġamenti għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni għandhom jiġu stabbiliti permezz ta' ftehim ġenerali u ftehimiet annwali ta' implimentazzjoni finanzjarja, li għandhom jiġu konklużi bejn il-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni, u l-Impriża Konġunta. L-arranġamenti għandhom jinkludu l-forniment tad-data meħtieġa biex tiġi żgurata li l-Kummissjoni tkun tista' twettaq l-obbligi tagħha ta' disseminazzjoni u rappurtar; inkluż fuq il-portal waħdieni għall-parteċipanti kif ukoll permezz ta' mezzi elettroniċi ta' disseminazzjoni oħrajn tal-Programm Qafas Orizzont 2020 ġestiti mill-Kummissjoni u dispożizzjonijiet għall-pubblikazzjoni ta' sejħiet għal proposti tal-Impriża Konġunta ukoll fuq il-portal waħdieni għall-parteċipanti kif ukoll permezz ta' mezzi elettroniċi ta' disseminazzjoni oħrajn tal-Programm Qafas Orizzont 2020 ġestiti mill-Kummissjoni.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji kollha tal-Unjoni lill-Impriża Konġunta għandhom jintemmu mal-iskadenza tal-qafas finanzjarju 2014–20 sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Kunsill abbażi ta' proposta tal-Kummissjoni.”;

(4)

l-Artikolu 4a huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Impriża Konġunta għandhom jiġu addottati mill-Bord Amministrattiv wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Huma ma għandhomx jonqsu milli jsegwu r-Regolament Finanzjarju qafas sakemm dan ma jkunx meħtieġ speċifikament għall-operat tal-Impriża Konġunta u l-Kummissjoni ma tkunx tat il-kunsens tagħha minn qabel.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa mħassar;

(5)

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Bord Amministrattiv.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa mħassar;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Bord Amministrattiv fir-rigward ta' deċiżjonijiet li jikkonċernaw modifiki sinifikanti tal-Pjan Regolatorju tal-ATM għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni permezz ta' atti ta' implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 6(2).”;

(6)

l-Artikolu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 6

Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat dwar Ajru Uniku stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 549/2004. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Fejn il-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet paragrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.”;

(7)

l-Artikolu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 7

Evalwazzjoni interim u rapport

Sat-30 ta' Ġunju 2017, il-Kummissjoni għandha twettaq, bl-assistenza ta' esperti indipendenti, evalwazzjoni interim dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u tar-riżultati miksuba mill-Impriża Konġunta, b'enfasi partikolari fuq l-impatt u l-effettività ta' dawn ir-riżultati konkreti miksuba f'dak il-perijodu partikolari, f'konformità mal-Pjan Regolatorju tal-ATM. L-evalwazzjoni għandha tkopri wkoll il-metodi operattivi, kif ukoll is-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali tal-Impriża Konġunta. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar dik l-evalwazzjoni li jinkludi l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni u l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta' Diċembru 2017. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni interim tal-Impriża Konġunta għandhom jitqiesu fil-valutazzjoni dettaljata u fl-evalwazzjoni interim imsemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013.”;

(8)

L-Anness huwa emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet transitorji dwar is-sħubija fl-Impriża Konġunta

Is-sħubija fl-Impriża Konġunta għandha tintemm sal-31 ta' Diċembru 2016 fir-rigward tal-membri tal-Impriża Konġunta li, mill-1 ta' Jannar 2014, ma jikkontribwixxux f'ħidma jew fi flus għall-ispejjeż tal-programm ta' ħidma tal-Impriża Konġunta relatati mal-qafas finanzjarju tal-Unjoni għall-2014–20.

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet transitorji dwar l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta tal-Unjoni ffinanzjati taħt il-qafas finanzjarju tal-Unjoni għall-2007–13

L-attivitajiet tal-Impriża Konġunta ffinanzjati taħt is-seba' Programm Qafas għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u l-Programm Qafas dwar in-netwerks Trans-Ewropej mibdija sal-31 ta' Diċembru 2013 għandhom jintemmu sal-31 ta' Diċembru 2016, bl-esklużjoni ta' attivitajiet marbuta ma' proġetti ta' ġestjoni relatati mal-għeluq tagħhom.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-16 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

G. KARASMANIS


(1)  L-Opinjoni tal-15 ta' April 2014 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  L-Opinjoni tal-10 ta' Diċembru 2013 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 tas-27 ta' Frar 2007 dwar l-istabbiliment ta' Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta' ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR) (ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1).

(4)   ĠU C 76, 25.3.2010, p. 28.

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2013/743/UE tat-3 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 (2014–20) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965).

(7)  Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Gunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, 19.6.2002, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1). B'mod partikolari, l-Artikolu 208 tar-Regolament Nru 966/2012 issostitwixxa l-Artikolu 185 tar-Regolament Nru 1605/2002.

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni f'“Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)” u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 81).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


ANNESS

L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 219/2007 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punti (m) u (n) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“(m)

jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri għall-għoti tal-kuntratti jew l-għotjiet u kwalunkwe ftehim ieħor meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju tal-ATM, inklużi l-proċeduri speċifiċi biex jiġu evitati konflitti ta' interess;

(n)

jiddeċiedi dwar proposti lill-Kummissjoni biex temenda l-istatuti;”;

(b)

fil-paragrafu 2, il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

il-Bord Amministrattiv għandu jiltaqa' mill-inqas tliet darbiet fis-sena. Għandhom jissejħu laqgħat straordinarji jew fuq it-talba ta' terz tal-membri tal-Bord Amministrattiv li jirrappreżentaw mill-anqas 30 % tad-drittijiet tal-vot, jew fuq talba tal-Kummissjoni jew tad-Direttur Eżekuttiv;”;

(2)

fl-Artikolu 6, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-membri tal-Impriża Konġunta jew tal-Bord Amministrattiv u l-Impriża Konġunta mhumiex permessi jipparteċipaw fit-tħejjija, l-evalwazzjoni jew il-proċedura tal-għoti tal-appoġġ finanzjarju mill-Impriża Konġunta, b'mod partikolari wara sejħiet għal offerti jew sejħiet għal proposti jekk jippossjedu, jirrappreżentaw jew ikollhom ftehimiet ma' korpi li huma kandidati potenzjali jew applikanti;”;

(3)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiġi ingaġġat bħala aġent temporanju tal-Impriża Konġunta skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar mill-Bord Amministrattiv minn lista ta' kandidati proposti mill-Kummissjoni, wara proċedura tal-għażla miftuħa u trasparenti.

Għall-iskop li jiġi konkluż il-kuntratt tad-Direttur Eżekuttiv, l-Impriża Konġunta għandha tkun rappreżentata mill-President tal-Bord Amministrattiv.

Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ta' ħames snin. Sal-aħħar ta' dak il-perijodu, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni li tikkunsidra l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv u l-kompiti u l-isfidi futuri tal-Impriża Konġunta.

Il-Bord Amministrattiv, filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, li tikkunsidra l-valutazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu, jista' jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv darba waħda għal mhux aktar minn ħames snin.

Direttur Eżekuttiv li l-mandat tiegħu jkun ġie estiż ma jistax jipparteċipa fi proċedura oħra tal-għażla għall-istess kariga fi tmiem il-perijodu globali.

Id-Direttur Eżekuttiv jista' jitneħħa mill-kariga biss b'deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni.”;

(4)

fl-Artikolu 9, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Sabiex twettaq il-kompiti definiti fl-Artikolu 1(5) ta' dan ir-Regolament, l-Impriża Konġunta tista' tikkonkludi ftehimiet speċifiċi mal-membri tagħha u tagħtihom għotjiet, f'konformità mar-regolamenti finanzjarji applikabbli.”;

(5)

l-Artikolu 10 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 10

Kuntratti u għotjiet

1.   Minkejja l-Artikolu 9, l-Impriża Konġunta tista' tikkonkludi kuntratti ta' servizz u ta' forniment jew ftehimiet dwar għotjiet ma' impriżi jew ma' konsorzju ta' impriżi, b'mod partikolari sabiex twettaq il-kompiti previsti fl-Artikolu 1(5) ta' dan ir-Regolament.

2.   L-Impriża Konġunta għandha tiżgura li l-kuntratti u l-ftehimiet dwar għotjiet imsemmija fil-paragrafu 1 jipprovdu għad-dritt tal-Kummissjoni li twettaq kontrolli sabiex tiżgura li jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

3.   Il-kuntratti u l-ftehimiet dwar għotjiet msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet xierqa kollha relatati mad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali msemmija fl-Artikolu 18. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe konflitt ta' interessi, il-membri involuti fid-definizzjoni ta' ħidma li tkun soġġetta għal proċedura ta' akkwist jew ta' għotja, inkluż il-persunal tagħhom li jkun sekondat skont l-Artikolu 8, ma jistgħux jieħdu sehem fit-twettiq ta' dik il-ħidma.”;

(6)

fl-Artikolu 12(3), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Il-membri msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 1(2) għandhom jimpenjaw ruħhom li jħallsu kontribuzzjoni inizjali minima ta' EUR 10 miljuni fi żmien perijodu ta' sena waħda minn meta l-adeżjoni tagħhom mal-Impriża Konġunta tiġi aċċettata. Dan l-ammont għandu jitnaqqas għal EUR ħames miljuni għal membri li jingħaqdu mal-Impriża Konġunta fi żmien 24 xahar mill-kostituzzjoni tagħha jew wara sejħa għal sħubija ġdida.”;

(7)

il-paragrafu 2 tal-Artikolu 13 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Kull imgħax mill-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-membri tal-Impriża Konġunta għandu jitqies bħala dħul tal-Impriża Komuni.”;

(8)

fl-Artikolu 16(1), il-parti introduttorja hija sostitwita b'dan li ġej:

“1.   L-Impriża Konġunta għandha tfassal il-programm ta' ħidma tagħha abbażi tal-qafas finanzjarju msemmi fl-Artikolu 4(2) ta' dan ir-Regolament u abbażi ta' prinċipji ta' ġestjoni u kontabbiltà tajbin li jistabbilixxu riżultati tanġibbli u miri ċari. Dan għandu jikkonsisti fi:”;

(9)

L-Artikolu 17 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 17

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   L-Impriża Konġunta għandha tieħu miżuri xierqa li jiżguraw li, meta xi azzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament jiġu implimentati, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jitħarsu permezz tal-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta' verifiki effettivi u, jekk jinstabu xi irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa ħażin u, fejn japplika, permezz ta' sanzjonijiet effettivi, proporzjonali u ta' deterrent.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa tal-awditjar, abbażi ta' dokumenti u benefiċjarji ta' għotjiet ġenerali fuq il-post, kuntratturi u sottokuntratturi li jkunu rċevew il-fondi tal-Unjoni.

3.   L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (‘OLAF’) għandu jkun awtorizzat li jwettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post fuq operaturi ekonomiċi direttament jew indirettament ikkonċernati minn tali finanzjament skont il-proċeduri stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (*1) bil-għan li tistabbilixxi li kien hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' xi ftehim dwar għotjiet jew xi deċiżjoni jew xi kuntratt illi jikkonċerna finanzjament mill-Unjoni.

4.   Mingħajr preġudizzju għas-subparagrafi 1, 2 u 3, ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, ftehimiet għal għotjiet, deċiżjonijiet u kuntratti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jintitolaw espressament lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF sabiex jagħmlu tali awditi, verifiki fuq il-post u spezzjonijiet.

(*1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).”;"

(10)

l-Artikolu 24 huwa mħassar.


(*1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).”;”


Top