Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0909

2014/909/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat- 12 ta' Diċembru 2014 dwar ċerti miżuri protettivi fir-rigward tal-okkorrenzi konfermati tal-koleotteru tal-ġabsala fl-Italja (notifikata bid-dokument C(2014) 9415) Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 359, 16.12.2014, pp. 161–163 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 21/04/2021: This act has been changed. Current consolidated version: 12/09/2019

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/909/oj

16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 359/161


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta' Diċembru 2014

dwar ċerti miżuri protettivi fir-rigward tal-okkorrenzi konfermati tal-koleotteru tal-ġabsala fl-Italja

(notifikata bid-dokument C(2014) 9415)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/909/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u partikolarment l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

Il-koleotteru tal-ġabsala (Aethina tumida) huwa parassit tan-naħal. Huwa endemiku fl-Afrika sub-Saħarjana u kapaċi jimmultiplika malajr fil-preżenza tad-duqqajs tan-naħal u l-għasel tax-xehda. L-ispeċi adulti jistgħu jtiru sa diversi kilometri biex jinvadu postijiet oħra bħal dawn. Il-koleotteru tal-ġabsala huwa marda notifikabbli fl-Unjoni skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (3).

(2)

Fil-11 ta' Settembru 2014, l-Italja għarrfet lill-Kummissjoni bl-okkorrenza tal-koleotteru tal-ġabsala f'kolonja ta' nukleu, maħluqa mid-dipartiment tal-Università li tinsab fir-reġjun tal-Kalabrija.

(3)

Minnufih, l-Italja daħħlet fis-seħħ miżuri biex teqred u tippreveni l-firxa tal-koleotteru tal-ġabsala, kif ukoll biex tistħarreġ kemm hi kbira l-okkorrenza ta' dak il-parassit fiż-żoni madwar it-tifqigħa fil-Kalabrija. B'mod partikolari, ġew stabbiliti żona ta' protezzjoni b'raġġ ta' 20 km u żona ta' sorveljanza b'raġġ ta' 100 km mis-sit tat-tifqigħa. Iż-żoni ta' raġġ ta' 100 km jikkonċernaw ukoll il-provinċji ta' Messina u Katanja fi Sqallija.

(4)

Wara li skopriet l-okkorrenza tal-koleotteru tal-ġabsala fi mġiebaħ tan-naħal oħrajn, qrib is-sit tal-ewwel okkorrenza, l-Italja estendiet il-miżuri, inkluż it-twaqqif ta' żona ta' sorveljanza u projbizzjoni fuq il-moviment tan-naħal tal-għasel u n-naħal bagħli (Bombus spp.) sabiex jiġi kopert ir-reġjun kollu tal-Kalabrija.

(5)

Mid-data tal-ewwel okkorrenza tal-koleotteru tal-ġabsala fil-Kalabrija, ġew ikkonfermati 35 okkorrenza oħra fi mġiebaħ tan-naħal li jinsabu qrib ħafna taż-żona ta' protezzjoni b'raġġ ta' 20 km. Kontrolli li twettqu f'partijiet oħra tal-Kalabrija s'issa taw riżultati negattivi għall-preżenza tal-parassit.

(6)

Fis-7 ta' Novembru 2014, l-Italja infurmat dwar okkorrenza ġdida tal-koleotteru tal-ġabsala fi Sqallija, fil-provinċja ta' Siracusa li tinsab barra ż-żoni li qabel kienu taħt restrizzjoni. L-okkorrenza nkixfet f'miġbaħ tan-naħal li ġie trasferit miż-żona ta' protezzjoni fil-Kalabrija fl-aħħar ta' Awwissu 2014, qabel l-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi.

(7)

Fil-każijiet pożittivi kollha, l-imġiebaħ tan-naħal affettwati nqerdu; Madankollu, il-firxa tal-koleotteru tal-ġabsala miż-żona affettwata fl-Italja tista' tkun ta' periklu serju għan-naħal tal-għasel u n-naħal bagħli fl-Unjoni.

(8)

Sabiex jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni u biex jiġu evitati ostakoli mhux iġġustifikati għall-kummerċ imposti minn pajjiżi terzi, kif ukoll għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-koleotteru tal-ġabsala lejn partijiet oħra tal-Unjoni, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita, fil-livell tal-Unjoni, lista taż-żoni fl-Italja li għandhom ikunu soġġetti għal ċerti restrizzjonijiet ta' moviment għall-prodotti f'rabta mal-okkorrenza tal-koleotteru tal-ġabsala.

(9)

Barra minn hekk, dawn iż-żoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala referenza wkoll fiċ-ċertifikazzjoni tal-kummerċ intra-UE peress li ċ-ċertifikat tas-saħħa għall-kummerċ tan-naħal u n-naħal bagħli previst fil-Parti 2 tal-Anness E tad-Direttiva 92/65/KEE jgħid li dawn iridu jiġu minn żona ta' raġġ ta' mill-inqas 100 km li mhi soġġetta għall-ebda restrizzjoni marbuta mas-suspett jew mal-okkorrenza kkonfermata tal-koleotteru tal-ġabsala u fejn dawn l-infestazzjonijiet mhumiex preżenti.

(10)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni għandhom jiġu riveduti fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-qagħda epidemjoloġika tal-koleotteru tal-ġabsala fl-Italja f'perjodu ta' tmien xhur mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(11)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-miżuri protettivi li għandhom jittieħdu mill-Italja wara li kkonfermat l-okkorrenzi tal-koleotteru tal-ġabsala (Aethina tumida) fin-naħal tal-għasel (Apis mellifera), fiż-żoni mniżżla fl-Anness.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“doqqajs” tfisser:

(i)

kenn mibni għan-naħal tal-għasel;

(ii)

kontenitur jew kolonja tan-naħal bagħli (Bombus spp.);

(b)

“miġbħa” tfisser grupp ta' doqqajs u l-bini jew il-faċilitajiet f'post ġeografiku, fejn dan il-grupp ta' doqqajs jinżamm jew inżamm;

(c)

“prodotti sekondarji tal-apikultura mhux ipproċessati” tfisser għasel, xama' tan-naħal, ħalib tan-naħal, żaftur jew polline mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem kif definit fil-punt 10 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (4) li ma jkunx għadda minn xi proċedura ta' proċessar kif imsemmi fir-ringiela 10 tal-kolonna 4 tat-Tabella 2 stabbilita fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tal-Anness XIV ta' dak ir-Regolament;

(d)

“tagħmir għat-trobbija tan-naħal” tfisser id-doqqajs użati, partijiet tad-doqqajs u għodod użati fl-attivitajiet tat-trobbija tan-naħal.

Artikolu 3

1.   L-Italja għandha tiżgura li jiġu implimentati l-miżuri protettivi li ġejjin fiż-żoni elenkati fl-Anness:

(a)

projbizzjoni fuq id-dispaċċ ta' kunsinni tal-prodotti li ġejjin miż-żoni elenkati fl-Anness lejn żoni oħra tal-Unjoni:

(i)

naħal tal-għasel;

(ii)

naħal bagħli;

(iii)

prodotti sekondarji tal-apikultura mhux proċessati;

(iv)

tagħmir għat-trobbija tan-naħal;

(v)

għasel tax-xehda maħsub biex jittiekel mill-bniedem.

(b)

twettiq ta' spezzjonijiet immedjati u investigazzjonijiet epidemjoloġiċi, fosthom:

(i)

l-identifikazzjoni u t-traċċar tal-movimenti tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 3(1)(a) lejn u mill-imġiebaħ u l-istabbilimenti tal-estrazzjoni tal-għasel stabbiliti f'żona ta' raġġ ta' 20 km madwar id-doqqajs fejn ġiet konfermata l-okkorrenza tal-koleotteru tal-ġabsala;

(ii)

in-notifika tar-riżultati ta' tali spezzjonijiet immedjati u investigazzjonijiet epidemjoloġiċi lill-Kummissjoni.

2.   L-Italja għandha twettaq aktar spezzjonijiet u investigazzjonijiet epidemjoloġiċi, inkluż it-traċċar ta' movimenti preċedenti tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 3(1)(a) minn u lejn żoni elenkati fl-Anness.

3.   Abbażi tar-riżultati tal-ispezzjonijiet u l-investigazzjonijiet epidemjoloġiċi previsti fil-paragrafu 1(b) u l-paragrafu 2, l-Italja tista' timplimenta miżuri addizzjonali xierqa kif meħtieġ.

4.   L-Italja għandha tgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri protettivi previsti fil-paragrafi 1, 2 u 3.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tgħodd sal-31 ta' Mejju 2015.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)   ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  Id-Direttiva 92/65/KEE tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta', u l-importazzjoni fil-Komunità ta' annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta' saħħa tal-annimali meħtieġa f'regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A (I) tad-Direttiva 90/425/KEE (ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta' Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).


ANNESS

L-Istat Membru

Iż-żoni soġġetti għall-miżuri protettivi

L-Italja

Ir-Reġjun tal-Kalabrija: Ir-Reġjun kollu

Ir-Reġjun ta' Sqallija: Ir-Reġjun kollu


Top