Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R1099

    Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1099/2012 tas- 26 ta' Novembru 2012 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 270/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu

    ĠU L 327, 27.11.2012, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/03/2021; Impliċitament imħassar minn 32021R0445

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1099/oj

    27.11.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 327/14


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1099/2012

    tas-26 ta' Novembru 2012

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 270/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172/PESK tal-21 ta' Marzu 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 270/2011 (2) jagħti effett lill-miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2011/172/PESK.

    (2)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/723/PESK (3) tipprevedi l-emendar tad-Deċiżjoni 2011/172/PESK sabiex ikun permess ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati fejn dawn ikunu meħtieġa biex tiġi ssodisfatta deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fi Stat Membru.

    (3)

    L-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 270/2011 jirrigwarda l-informazzjoni li trid tingħata minn persuni, entitajiet u korpi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li trid tiġi trasmessa lill-Kummissjoni, sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità ma' dak ir-Regolament. F'konformità mal-Artikolu 9(2), kwalunkwe informazzjoni pprovduta jew riċevuta għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun ġiet ipprovduta jew riċevuta. Madankollu dan ma għandux iwaqqaf lil Stati Membri milli jiskambjaw tali informazzjoni, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, mal-awtoritajiet rilevanti tal-Eġittu u ta' Stati Membri oħra fejn ikun meħtieġ bil-fini li jassistu l-irkupru ta' assi misapproprjati.

    (4)

    Ir-Regolament (UE) Nru 270/2011 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) Nru 270/2011 huwa b'dan emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    "Artikolu 5

    1.   B'deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikat fis-siti elettroniċi elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma s-suġġett ta' deċiżjoni arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmi fl-Artikolu 2 ġie elenkat fl-Anness I, jew ta' deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew ta' deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

    (b)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ser jintużaw esklużivament sabiex jiġu ssodisfatti l-pretensjonijiet ggarantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f'tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta' persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

    (c)

    id-deċiżjoni mhijiex għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I; u

    (d)

    ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

    2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan l-Artikolu.".

    (2)

    L-Artikolu 6(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    "1.   L-Artikolu 2(2) ma għandux japplika għaż-żieda fil-kontijiet iffriżati ta':

    (a)

    imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew

    (b)

    ħlasijiet dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmi fl-Artikolu 2 ġie elenkat fl-Anness I; jew

    (c)

    ħlasijiet dovuti taħt deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali mogħtija fl-Unjoni jew infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat,

    dment li tali imgħax, dħul ieħor u ħlasijiet jiġu ffriżati f'konformità mal-Artikolu 2(1).".

    (3)

    Fl-Artikolu 9, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    "3.   Il-Paragrafu 2 ma għandux iwaqqaf lil Stati Membri milli jiskambjaw dik l-informazzjoni, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, mal-awtoritajiet rilevanti tal-Eġittu u ta' Stati Membri oħra fejn ikun meħtieġ bil-fini li jassistu l-irkupru ta' assi misapproprjati.".

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Novembru 2012.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. DEMOSTHENOUS


    (1)  ĠU L 76, 22.3.2011, p. 63.

    (2)  ĠU L 76, 22.3.2011, p. 4.

    (3)  Ara paġna 44 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.


    Top