EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0182

2012/182/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat- 28 ta’ Marzu 2012 dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal programm għall-kontroll ta’ organiżmi li jagħmlu ħsara lill-pjanti u prodotti għall-pjanti fid-dipartimenti lil hinn mix-xtut Franċiżi għall-2012 (notifikata bid-dokument numru C(2012) 1954)

ĠU L 92, 30.3.2012, p. 28–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2012/182/oj

30.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 92/28


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta’ Marzu 2012

dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal programm għall-kontroll ta’ organiżmi li jagħmlu ħsara lill-pjanti u prodotti għall-pjanti fid-dipartimenti lil hinn mix-xtut Franċiżi għall-2012

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 1954)

(It-test Franċiż biss huwa awtentiku)

(2012/182/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 tat-30 ta’ Jannar 2006 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar ’il bogħod tal-Unjoni (1) u b’mod partikolari l-ewwel sentenza tal-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 17(3),

Billi:

(1)

Fit-8 ta’ Novembru 2011, l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw programm lill-Kummissjoni għall-2012 li jistipula l-miżuri tas-saħħa tal-pjanti fid-dipartimenti lil hinn mix-xtut Franċiżi. Dan il-programm jispeċifika l-għanijiet li jridu jinkisbu, ir-riżultati mistennija, il-miżuri li jridu jittieħdu, kemm idumu u l-ispiża fuqhom bil-ħsieb tal-possibbiltà ta’ kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.

(2)

Il-miżuri stipulati f’dak il-programm jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/609/KE tal-10 ta’ Settembru 2007 dwar it-tifsira tal-miżuri eliġibbli għall-finanzjament tal-Komunità fil-programmi għall-kontroll ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti u prodotti tal-pjanti fid-dipartimenti lil hinn mix-xtut Franċiżi, fl-Azores u f’Madeira (2).

(3)

Il-miżuri stabbiliti fil-programm kienu vvalutati mill-Kummissjoni u diskussi fil-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti tal-24 u l-25 ta’ Novembru 2011. Bħala riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li l-programm jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 247/2006.

(4)

Skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (KE) Nru 247/2006, għandu jiġi stabbilit massimu adegwat għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni, u l-ħlas ghandu jsir abbażi tad-dokumenti ppreżentati minn Franza.

(5)

Skont l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (3), il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni għall-miżuri tas-saħħa tal-pjanti għandhom jiġu ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija. Għall-fini tal-kontroll finanzjarju ta’ dawk il-miżuri, l-Artikoli 9, 36 u 37 ta’ dak ir-Regolament għandhom japplikaw.

(6)

Skont l-Artikolu 75 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4) u l-Artikolu 90(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), l-impenn tan-nefqa mill-baġit tal-Unjoni għandu jsegwi deċiżjoni ta’ finanzjament adottata mill-istituzzjoni jew l-awtoritajiet li lilhom ikunu ngħataw il-poteri, filwaqt li jiġu stabbiliti l-elementi essenzjali tal-azzjoni li tinvolvi n-nefqa.

(7)

Il-programm ippreżentat mill-awtoritajiet Franċiżi fit-8 ta’ Novembru 2011 u l-miżuri stipulati jirrigwardaw is-sena kalendarja 2012. L-Artikolu 112 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 jistipula li l-għotja għal azzjoni diġà mibdija tista’ tingħata biss meta l-applikant jista’ juri l-ħtieġa li jibda l-azzjoni qabel ma tingħata l-għotja. Franza wriet il-ħtieġa li tibda dan il-programm mill-bidu tas-sena 2012 biex tippermetti finanzjar xieraq u bidu tal-eżekuzzjoni ta’ dawn il-miżuri qabel ma tingħata l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni stipulata fid-Deċiżjoni attwali.

(8)

Din id-deċiżjoni tikkostitwixxi deċiżjoni finanzjarja skont it-tifsira tal-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju għall-ammonti massimi awtorizzati ta’ nfiq, provduta fit-talba għal kofinanzjament, kif inhu stabbilit fil-programm imressaq minn Franza.

(9)

Il-miżuri stipulati f’din id-deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Qed tingħata kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni lil Franza għall-implimentazzjoni tal-programm uffiċjali għall-kontroll ta’ organiżmi li jagħmlu ħsara lill-pjanti u l-prodotti tal-pjanti fid-dipartimenti lil hinn mix-xtut Franċiżi għall-2012, kif speċifikat fil-Parti A tal-Anness.

Din il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha tkun limitata għall-massimu ta’ 60 % tan-nefqa eliġibbli totali, kif speċifikat fil-Parti B tal-Anness, b’massimu ta’ EUR 180 000 (mingħajr VAT).

Artikolu 2

1.   Għandhom jitħallsu EUR 100 000 bil-quddiem fi żmien 60 jum mill-wasla ta’ talba għal ħlas minn Franza.

2.   Il-bilanċ tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandu jitħallas sakemm ikun intbagħat rapport finali ta’ implimentazzjoni dwar il-programm lill-Kummissjoni f’forma elettronika sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Marzu 2013, wara li dak ir-rapport ikun approvat mill-Kummissjoni.

Dak ir-rapport għandu jkun fih mill-inqas:

(a)

valutazzjoni teknika konċiża tal-programm kollu, inkluż il-grad tal-kisba tal-għanijiet fiżiċi u kwalitattivi. Dik il-valutazzjoni għandha tgħaqqad l-għanijiet stabbiliti fil-programm inizjali ppreżentati minn Franza mar-riżultati miksuba, espressi f’termini tal-kisbiet mistennija u l-passi tat-tlestija tax-xogħol. Din għandha tispjega l-progress li sar, u tevalwa l-impatt immedjat fitosanitarju u ekonomiku tal-miżuri miksuba; kif ukoll

(b)

dikjarazzjoni tal-ispiża finanzjarja li tindika n-nefqa ppjanata u proprja mqassma skont is-sottoprogramm u l-miżura. Din id-dikjarazzjoni għandha tkun akkumpanjata bi prova jew evidenza ta’ ħlas tan-nefqa permezz ta’ dokumentazzjoni xierqa bħalma huma fatturi jew irċevuti.

3.   Fir-rigward tat-tqassim indikattiv tal-baġit speċifikat fil-Parti B tal-Anness, Franza tista’ taġġusta l-finanzjament bejn il-miżuri differenti fl-istess sottoprogramm f’limitu ta’ 15 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal dan is-sottoprogramm, sakemm l-ammont totali tal-ispejjeż eliġibbli skedati fil-programm ma jinqabiżx u l-għanijiet ewlenin tal-programm ma jiġux kompromessi b’dan.

Hija għandha tgħarraf lill-Kummissjoni bi kwalunkwe aġġustament li jsir.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2012.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Marzu 2012.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 42, 14.2.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 242, 15.9.2007, p. 20.

(3)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

(4)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.


ANNESS

PROGRAMM U TQASSIM INDIKATTIV TAL-BAĠIT GĦALL-2012

PARTI A

Programm

Il-programm għandu jikkonsisti minn tliet sottoprogrammi:

(1)

sottoprogramm interdipartimentali:

—   Miżura 1.1: għodda li tiddefinixxi l-prijorità tal-parassiti u l-mard soġġetti għall-kwarantina għad-Dipartimenti lil hinn mix-xtut Franċiżi (DOM)

—   Miżura 1.2: metodi innovattivi ta’ detezzjoni tal-organiżmi li jagħmlu l-ħsara

(2)

sottoprogramm għad-dipartiment ta’ Martinique:

—   Miżura 2: netwerks ta’ sorveljanza ta’ parassiti u mard

(3)

sottoprogramm għad-dipartiment tal-Gwadelup:

—   Miżura 3.1: netwerks ta’ stħarriġ għall-ferminelli

—   Miżura 3.2: ġestjoni tar-riskju tal-introduzzjoni ta’ organiżmi li jagħmlu l-ħsara mill-attività turistika

PARTI B

Tqassim indikattiv tal-baġit, b’indikazzjoni tar-riżultati varji mistennija

(f’Euro)

Sottoprogrammi

Riżultati

(S: forniment ta’ servizzi, R: riċerka jew xogħol ta’ studju)

Nefqa eliġibbli

Kontribuzzjoni finanzjarja nazzjonali

Kontribuzzjoni finanzjarja massima tal-Unjoni

Is-sottoprogramm inter-DOM

Miżura 1.1

Għodda li tiddefinixxi l-prijorità tal-parassiti u l-mard soġġetti għall-kwarantina għad-Dipartimenti lil hinn mix-xtut Franċiżi (DOM) (R)

63 000

25 200

37 800

Miżura 1.2

Metodi innovattivi ta’ detezzjoni tal-organiżmi li jagħmlu l-ħsara (R)

120 000

48 000

72 000

Sub-total

 

183 000

73 200

109 800

Martinique

Miżura 2

Netwerks ta’ sorveljanza ta’ parassiti u mard (S)

93 500

37 400

56 100

Sub-total

 

93 500

37 400

56 100

Il-Gwadelup

Miżura 3.1

Netwerks ta’ stħarriġ għall-ferminelli

13 500

5 400

8 100

Miżura 3.2

Tmexxija tar-riskju tal-introduzzjoni ta’ organiżmi li jagħmlu l-ħsara mill-attività turistika (S)

10 000

4 000

6 000

Sub-total

 

23 500

9 400

14 100

Ammont totali

 

300 000

120 000

180 000


Top