Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0668

    Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 668/2011 tat- 12 ta’ Lulju 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 174/2005 li jimponi restrizzjonijiet fuq il-forniment ta’ assistenza relatata mal-attivtajiet militari lill-Côte d’Ivoire

    ĠU L 183, 13.7.2011, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 10/06/2016; Impliċitament imħassar minn 32016R0907

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/668/oj

    13.7.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 183/2


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 668/2011

    tat-12 ta’ Lulju 2011

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 174/2005 li jimponi restrizzjonijiet fuq il-forniment ta’ assistenza relatata mal-attivtajiet militari lill-Côte d’Ivoire

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/412/PESK tat-12 ta’ Lulju 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2010/656/PESK li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d’Ivoire (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fid-29 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/656/PESK (2) li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d’Ivoire.

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 174/2005 (3) impona restrizzjonijiet fuq il-forniment ta’ assistenza relatata mal-attivitajiet militari lill-Côte d’Ivoire.

    (3)

    Id-Deċiżjoni 2011/412/PESK emendat id-Deċiżjoni 2010/656/PESK fid-dawl tal-Riżoluzzjoni 1980 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Din ipprevediet ukoll deroga speċifika fir-rigward tal-projbizzjoni tal-forniment lill-Côte d’Ivoire ta’ apparat għar-ripressjoni interna.

    (4)

    Dawk il-miżuri jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

    (5)

    Ir-Regolament (KE) Nru 174/2005 għandu għaldaqstant jiġi emendat kif meħtieġ.

    (6)

    Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ mal-pubblikazzjoni tiegħu,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 174/2005 b’dan huwa emendat kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 4(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   B’deroga mill-Artikolu 2, il-projbizzjonijiet imsemmija fih ma għandhomx japplikaw għal:

    (a)

    l-għoti ta’ assistenza teknika, finanzjament u assistenza finanzjarja relatati ma’ armi u materjal relatat, fejn tali assistenza jew servizzi jkunu maħsuba biss għall-appoġġ u l-użu mill-Operazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Côte-d’Ivoire (UNOCI) u l-forzi Franċiżi li jappoġġaw dik l-Operazzjoni;

    (b)

    l-għoti ta’ assistenza teknika relatata ma’ apparat militari mhux letali maħsub unikament għall-użu umanitarju jew protettiv, inkluż dak l-apparat maħsub għall-operazzjonijiet għall-ġestjoni tal-kriżijiet mill-Unjoni Ewropea, in-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Afrikana u l-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS), fejn tali attivitajiet kienu wkoll approvati minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet;

    (c)

    l-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma’ tagħmir militari mhux letali maħsub biss għall-użu umanitarju jew ta’ protezzjoni, inkluż dak it-tagħmir maħsub għal operazzjonijiet ta’ mmaniġġar ta’ kriżijiet mill-Unjoni Ewropea, in-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Afrikana u l-ECOWAS;

    (d)

    l-għoti ta’ assistenza teknika relatata ma’ armi u materjal relatat maħsuba unikament għall-appoġġ jew għall-użu fil-proċess Ivorjan tar-Riforma fis-Settur tas-Sigurtà, skont talba formali mill-Gvern Ivorjan, kif approvat minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet;

    (e)

    l-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma’ armi u materjal relatat maħsuba biss għall-appoġġ jew għall-użu fil-proċess tal-Ivorjan tar-Riforma fis-Settur tas-Sigurtà, skont talba formali mill-Gvern Ivorjan;

    (f)

    il-bejgħ jew il-forniment trasferiti jew esportati temporanjament lejn il-Côte d’Ivoire lill-forzi ta’ Stat li qed jieħu azzjoni, skont il-liġi internazzjonali, unikament u direttament biex jiffaċilita l-evakwazzjoni taċ-ċittadini tiegħu u ta’ dawk li lejhom għandu responsabbiltà konsulari fil-Côte d’Ivoire, fejn dawn l-attivitajiet ikunu ġew approvati wkoll minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet;

    (g)

    l-għoti ta’ assistenza teknika, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma’ apparat militari mhux letali maħsub unikament biex jippermetti lill-forzi ta’ sigurtà Ivorjani jużaw saħħa xierqa u proporzjonata biss waqt iż-żamma tal-ordni pubbliku.”.

    (2)

    L-Artikolu 4a huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 4a

    1.   B’deroga mill-Artikolu 3, l-awtorità kompetenti, kif elenkata fl-Anness II, tal-Istat Membru fejn l-esportatur jew il-fornitur tas-servizzi jkun stabbilit, tista’ tawtorizza, skont dawk il-kondizzjonijiet li hija tqis xierqa, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir mhux letali elenkat fl-Anness I, jew l-għoti ta’ assistenza teknika, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma’ tali tagħmir mhux letali, wara li tkun iddeterminat li t-tagħmir mhux letali kkonċernat huwa maħsub biss biex jippermetti lill-forzi tas-sigurtà Ivorjani jużaw forza xierqa u proporzjonata biss waqt iż-żamma tal-ordni pubbliku.

    2.   B’deroga mill-Artikolu 3, l-awtorità kompetenti, kif elenkata fl-Anness II, tal-Istat Membru fejn l-esportatur jew il-fornitur tas-servizzi jkun stabbilit, tista’ tawtorizza, skont dawk il-kondizzjonijiet li hija tqis xierqa, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir li jista’ jintuża fir-ripressjoni interna kif elenkat fl-Anness I, li jkun maħsub biss għall-appoġġ tal-proċess Ivorjan tar-Riforma fis-Settur tas-Sigurtà, kif ukoll l-għoti ta’ assistenza teknika, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma’ tali apparat.

    3.   L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni Ewropea bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li tkun saret skont dan l-Artikolu fi żmien ġimgħatejn mill-awtorizzazzjoni.

    4.   L-ebda awtorizzazzjoni ma għandha tingħata għal attivitajiet li diġà seħħew.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. VINCENT-ROSTOWSKI


    (1)  Ara paġna 27 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (2)  ĠU L 285, 30.10.2010, p. 28.

    (3)  ĠU L 29, 2.2.2005, p. 5.


    Top