EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0868

2011/868/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad- 19 ta’ Diċembru 2011 dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-2011 li tkopri n-nefqa mġarrba mill-Ġermanja, Spanja, l-Italja, Ċipru, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Portugall bil-għan li jiġu miġġielda organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew għall-prodotti tal-pjanti (notifikata bid-dokument numru C(2011) 9243)

ĠU L 341, 22.12.2011, p. 57–62 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/868/oj

22.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 341/57


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta’ Diċembru 2011

dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-2011 li tkopri n-nefqa mġarrba mill-Ġermanja, Spanja, l-Italja, Ċipru, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Portugall bil-għan li jiġu miġġielda organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew għall-prodotti tal-pjanti

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 9243)

(It-testi bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Portugiż, bl-Ispanjol u bit-Taljan, biss huma awtentiċi)

(2011/868/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni fil-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom fil-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 23(5) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2000/29/KE, l-Istati Membri jistgħu jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni, għall-“kontroll tas-saħħa tal-pjanti” (kontroll fitosanitarju), sabiex ikopru l-ispejjeż relatati direttament mal-miżuri neċessarji li ttieħdu jew huma previsti li jittieħdu fil-ġlieda kontra l-organiżmi ta’ ħsara li ġejjin minn pajjiżi terzi jew minn żoni oħra tal-Unjoni, sabiex jinqerdu jew, jekk dan mhux possibbli, sabiex titrażżan il-firxa tagħhom.

(2)

Il-Ġermanja ressqet żewġ talbiet għal kontribuzzjoni finanzjarja. L-ewwel waħda tressqet fl-20 ta’ Diċembru 2010 u għandha x’taqsam mal-miżuri li ttieħdu fl-2009 u fl-2010 biex ikun ikkontrollat l-Anoplophora glabripennis fin-Nordrhein-Westfalen. Il-ħruġ ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara nkixef hemmhekk fl-2009.

(3)

It-tieni talba tal-Ġermanja tressqet fil-15 ta’ April 2011 u għandha x’taqsam mal-miżuri li ttieħdu fl-2010 sabiex tinqered jew titrażżan id-Diabrotica virgifera fil-Baden-Württemberg. Il-ħruġ ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara nkixef f’distretti differenti ta’ dak l-Istat (Breisgau-Hochschwarzwald, Emmendingen, il-belt ta’ Freiburg, Konstanz, Loerrach, Ortenaukreis u Ravensburg) fi snin differenti, jiġifieri fl-2008, fl-2009 u fl-2010. Il-miżuri li ttieħdu fl-2008 u fl-2009 kienu ġew soġġetti wkoll għal kofinanzjament fl-2009 u fl-2010.

(4)

L-Italja ressqet tliet talbiet għal kontribuzzjoni finanzjarja fid-29 ta’ April 2011. L-ewwel talba għandha x’taqsam mal-miżuri li ttieħdu fl-2011 fil-Lombardia, il-provinċja ta’ Brescia, il-komun ta’ Gussago, biex ikun ikkontrollat l-Anoplophora chinensis. Il-ħruġ ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara nkixef fl-2008. Il-miżuri li ttieħdu fl-2008, fl-2009 u fl-2010 kienu ġew soġġetti wkoll għal kofinanzjament fl-2009 u fl-2010.

(5)

It-tieni talba tal-Italja għandha x’taqsam mal-miżuri li ttieħdu fl-2011 fil-Veneto, il-provinċja ta’ Treviso, il-komun ta’ Cornuda, biex ikun ikkontrollat l-Anoplophora glabripennis. Il-ħruġ ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara nkixef fl-2009. Il-miżuri li ttieħdu fl-2009 u fl-2010 kienu ġew soġġetti wkoll għal kofinanzjament fl-2010.

(6)

It-tielet talba tal-Italja għandha x’taqsam mal-miżuri li ttieħdu fl-2010 fl-Emilia-Romagna, il-provinċji ta’ Bologna, Ferrara, Ravenna u Forlì-Cesena, biex ikun ikkontrollat il-Pseudomonas syringae pv. actinidiae. Il-ħruġ ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara ġie konfermat fl-2010.

(7)

Barra minn hekk, l-Italja ressqet ir-raba’ talba għal kontribuzzjoni finanzjarja fl-20 ta’ April 2011. Dik it-talba għandha x’taqsam mal-miżuri li ttieħdu fl-2011 fil-Lazio, il-komun ta’ Ruma, biex ikun ikkontrollat l-Anoplophora chinensis. Il-ħruġ ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara nkixef fl-2008. Il-miżuri li ttieħdu fl-2008, fl-2009 u fl-2010 kienu ġew soġġetti wkoll għal kofinanzjament fl-2009 u fl-2010.

(8)

Ċipru ressqet talba għal kontribuzzjoni finanzjarja fid-29 ta’ April 2011 li għandha x’taqsam mal-miżuri li ttieħdu jew huma ppjanati għall-2011 biex ikun ikkontrollat ir-Rhynchophorus ferrugineus. Il-ħruġ ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara nkixef fl-2009, fl-2010 u fl-2011. Il-miżuri li ttieħdu fl-2010 kienu ġew soġġetti wkoll għal kofinanzjament fl-2010.

(9)

Malta ressqet talba għal kontribuzzjoni finanzjarja fid-29 ta’ April 2011 li għandha x’taqsam mal-miżuri li ttieħdu fl-2010 u fl-2011 biex ikun ikkontrollat ir-Rhynchophorus ferrugineus. Il-ħruġ ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara nkixef fl-2008, fl-2009 u fl-2010. Il-miżuri li ttieħdu fl-2008 u fl-2009 kienu ġew soġġetti wkoll għal kofinanzjament fl-2009.

(10)

Il-Pajjiżi l-Baxxi ressqu tliet talbiet għal kontribuzzjoni finanzjarja fit-13 ta’ Diċembru 2010. L-ewwel talba għandha x’taqsam mal-miżuri li ttieħdu fl-2009 u fl-2010 fiż-żona ta’ Boskoop biex ikun ikkontrollat l-Anoplophora chinensis. Il-ħruġ ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara nkixef f’Diċembru tal-2009.

(11)

It-tieni talba tal-Pajjiżi l-Baxxi għandha x’taqsam mal-miżuri li ttieħdu fl-2009 biex ikun ikkontrollat il-Vajrojd tat-Tuberi Mrekkla tal-Patata (PSTVd). Il-ħruġ suspettat ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara nkixef fl-2009.

(12)

It-tielet talba tal-Pajjiżi l-Baxxi għandha x’taqsam mal-miżuri li ttieħdu fl-2009 biex ikun ikkontrollat it-Tuta absoluta. Il-ħruġ ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara nkixef fl-2009.

(13)

Barra minn hekk, il-Pajjiżi l-Baxxi ressqu addizzjonalment ir-raba’ u l-ħames talba għal kontribuzzjoni finanzjarja fit-13 ta’ Diċembru 2010. Ir-raba’ talba għandha x’taqsam mal-miżuri li ttieħdu fl-2009 u fl-2010 fiż-żona ta’ Westland biex ikun ikkontrollat l-Anoplophora chinensis. Il-ħruġ ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara nkixef fl-2007. Il-miżuri li ttieħdu fl-2008 kienu ġew soġġetti wkoll għal kofinanzjament fl-2009.

(14)

Il-ħames talba tal-Pajjiżi l-Baxxi għandha x’taqsam mal-miżuri li ttieħdu fl-2009 biex ikun ikkontrollat il-Clavibacter michiganensis spp. michiganensis. Il-ħruġ ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara nkixef fl-2007. Il-miżuri li ttieħdu fl-2007 kienu ġew soġġetti wkoll għal kofinanzjament fl-2009. Għall-miżuri fl-2008 ma kienx hemm talbiet għal kofinanzjament.

(15)

Il-Portugall ressaq tliet talbiet għal kontribuzzjoni finanzjarja fit-30 ta’ April 2011 li għandhom x’jaqsmu mal-miżuri li ttieħdu biex ikun ikkontrollat il-Bursaphelenchus xylophilus. L-ewwel talba għandha x’taqsam mal-miżuri li ttieħdu fl-2011 li jikkonċernaw il-Portugall kontinentali bl-eċċezzjoni għaż-żona ta’ Setubal li kienet oriġinarjament infestata fl-1999, biex ikun ikkontrollat il-ħruġ li nkixef fl-2008. Il-miżuri li ttieħdu fl-2008, fl-2009 u fl-2010 kienu ġew soġġetti wkoll għal kofinanzjament fl-2009 u fl-2010.

(16)

Iż-żewġ talbiet l-oħra tal-Portugall għandhom x’jaqsmu esklussivament mal-miżuri tat-trattament bis-sħana tal-injam jew tal-materjal għall-ippakkjar tal-injam fiż-żona ta’ Setubal fl-2010 u fl-2011.

(17)

Spanja ressqet tliet talbiet għal kontribuzzjoni finanzjarja. L-ewwel talba tressqet fil-15 ta’ April 2011 u għandha x’taqsam mal-miżuri li ttieħdu fl-2011 f’Extremadura biex ikun ikkontrollat il-Bursaphelenchus xylophilus. Il-ħruġ ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara nkixef fl-2008. Il-miżuri li ttieħdu fl-2008, fl-2009 u fl-2010 kienu ġew soġġetti wkoll għal kofinanzjament fl-2009 u fl-2010.

(18)

It-tieni talba ta’ Spanja tressqet fit-28 ta’ April 2011. Din għandha x’taqsam mal-miżuri li ttieħdu fl-2011 u ppjanati għall-2011 f’Galicia biex ikun ikkontrollat il-Bursaphelenchus xylophilus. Il-ħruġ ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara nkixef fl-2010.

(19)

It-tielet talba ta’ Spanja tressqet fis-27 ta’ April 2011. Din għandha x’taqsam mal-miżuri li ttieħdu fl-2010 u fl-2011, u ppjanati wkoll għall-2011 fil-Katalonja biex ikun ikkontrollat il-Pomacea insularum. Il-ħruġ ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara nkixef fl-2010.

(20)

Il-Ġermanja, Spanja, l-Italja, Ċipru, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Portugall ilkoll stabbilixxew programm ta’ azzjonijiet biex jeqirdu jew irażżnu dawn l-organiżmi ta’ ħsara li jissemmew hawn fuq mit-territorji tagħhom. Dawn il-programmi jispeċifikaw l-għanijiet li għandhom jintlaħqu, il-miżuri mwettqa, it-tul tagħhom u kemm jiswew.

(21)

Il-miżuri kollha li jissemmew hawn fuq fihom varjetà ta’ miżuri fitosanitarji, inklużi l-qerda ta’ siġar jew uċuħ tar-raba’ kontaminati, l-applikazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, tekniki għall-ħarsien tas-saħħa, spezzjonijiet u testijiet li jsiru uffiċjalment jew fuq talba uffiċjali għall-monitoraġġ tal-preżenza jew tal-medda ta’ kontaminazzjoni tal-organiżmi ta’ ħsara rispettivi, u s-sostituzzjoni tal-pjanti meqruda, skont it-tifsira tal-Artikolu 23(2)(a), (b) u (c) tad-Direttiva 2000/29/KE.

(22)

Il-Ġermanja, Spanja, l-Italja, Ċipru, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Portugall ilkoll applikaw għall-allokazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal dawn il-programmi skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2000/29/KE, b’mod partikolari l-paragrafi 1 u 4 tiegħu, u skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1040/2002 tal-14 ta’ Ġunju 2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relattivi għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-kontroll fitosanitarju u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 2051/97 (2).

(23)

Permezz tal-informazzjoni teknika mogħtija mill-Ġermanja, Spanja, l-Italja, Ċipru, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Portugall, il-Kummissjoni setgħet tanalizza s-sitwazzjoni b’mod preċiż u komprensiv. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni, kif stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2000/29/KE, intlaħqu. Għalhekk, huwa xieraq li tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni biex tkopri n-nefqiet f’dawk il-programmi.

(24)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(5) tad-Direttiva 2000/29/KE, il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni tista’ tkopri sa 50 % tan-nefqa eliġibbli għall-miżuri li jkunu ttieħdu f’perjodu ta’ mhux iktar minn sentejn wara d-data meta jkunu nkixfu l-organiżmi ta’ ħsara jew għall-miżuri li huma ppjanati għal dak il-perjodu. Madanakollu, skont it-tielet subparagrafu ta’ dak l-Artikolu, dak il-perjodu jista’ jiġi estiż jekk ikun ġie stabbilit li l-għan tal-miżuri se jintlaħaq f’perjodu addizzjonali raġjonevoli, u f’dan il-każ ir-rata ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għandha tkun mifruxa fuq is-snin ikkonċernati. Wara li kkunsidrat il-konklużjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-evalwazzjoni tat-talbiet rispettivi, huwa xieraq li l-perjodu ta’ sentejn għall-programmi kkonċernati jkun estiż, filwaqt li titnaqqas ir-rata ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal dawn il-miżuri għal 45 % tan-nefqa eliġibbli għat-tielet sena u għal 40 % għar-raba’ sena ta’ dawn il-programmi.

(25)

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni sa 50 % tan-nefqa eliġibbli għandha għalhekk tapplika għall-Ġermanja, in-Nordrhein-Westfalen, l-Anoplophora glabripennis (2009, 2010), il-Ġermanja, il-Baden-Württemberg, id-Diabrotica virgifera, id-distretti rurali ta’ Breisgau-Hochschwarzwald u l-belt ta’ Freiburg (2010), id-distretti rurali ta’ Emmendingen, Lörrach, u Konstanz (2009), l-Italja, l-Emilia-Romagna, il-Pseudomonas syringae pv. actinidiae il-provinċji ta’ Bologna, Ferrara, Ravenna u Forlì-Cesena (2010), Ċipru, ir-Rhynchophorus ferrugineus (2011), il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Anoplophora chinensis, fiż-żona ta’ Boskoop (2009, 2010), il-Pajjiżi l-Baxxi, il-PSTVd (2009), il-Pajjiżi l-Baxxi, it-Tuta absoluta (2009), il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Anoplophora chinensis, Westland (2009), il-Portugall, il-Bursaphelenchus xylophilus, iż-żona ta’ Setubal (2010, 2011), Spanja, Galicia, il-Bursaphelenchus xylophilus (2010, 2011) u għal Spanja, il-Katalonja, il-Pomacea insularum (2010, 2011).

(26)

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni sa 45 % tan-nefqa eliġibbli għalhekk għandha tapplika għal dawn il-programmi: L-Italja, il-Veneto, l-Anoplophora glabripennis (2011), Malta, ir-Rhynchophorus ferrugineus (2010), il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Clavibacter michiganesis ssp. michiganensis (2009), billi l-miżuri kkonċernati kienu diġà ġew soġġetti għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni skont id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2009/996/UE (3) (Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi) jew 2010/772/UE (4) (l-Italja) għall-ewwel sentejn tal-implimentazzjoni tagħhom. Din tapplika wkoll għall programm tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-Anoplophora chinensis, Westland (2010), billi l-miżuri tal-2009 (it-tieni sena tal-programm) huma kofinanzjati fid-Deċiżjoni preżenti.

(27)

L-istess livell ta’ kontribuzzjoni għandu japplika għat-tielet sena (2010) tal-programm ippreżentat mill-Ġermanja fil-Baden-Württemberg għad-Diabrotica virgifera fid-distrett rurali ta’ Ravensburg, liema miżuri kienu ġew soġġetti għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni skont id-Deċiżjoni 2009/996/UE u d-Deċiżjoni 2010/772/UE.

(28)

Barra minn hekk, kontribuzzjoni mill-Unjoni sa 40 % għandha tapplika għar-raba’ sena ta’ dawn il-programmi: Spanja, l-Extremadura, il-Bursaphelenchus xylophilus (2011), l-Italja, il-Lombardia, l-Anoplophora chinensis (2011), l-Italja, il-Lazio, l-Anoplophora chinensis (2011), Malta, ir-Rhynchophorus ferrugineus (2011), il-Portugall, il-Bursaphelenchus xylophilus (2011), il-Portugal kontinentali bl-eċċezzjoni għaż-żona ta’ Setubal li kienet oriġinarjament infestata fl-1999, billi l-miżuri kkonċernati kienu ġew soġġetti għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni skont id-Deċiżjoni 2009/996/UE (Spanja, l-Italja, il-Portugall) u 2010/772/UE (Spanja, l-Italja, il-Portugall) għall-ewwel tliet snin tal-implimentazzjoni tagħhom.

(29)

L-istess livell ta’ kontribuzzjoni għandu japplika għar-raba’ sena (2010) tal-programm ippreżentat mill-Ġermanja fil-Baden-Württemberg għad-Diabrotica virgifera fid-distrett rurali ta’ Ortenaukreis, liema miżuri kienu ġew soġġetti għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/147/KE (5), id-Deċiżjoni 2009/996/UE u d-Deċiżjoni 2010/772/UE.

(30)

Skont il-konklużjonijiet tal-missjoni tal-awditjar fil-Portugall mid-29 ta’ Marzu 2011 sal-11 ta’ April 2011 tal-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju tal-Kummissjoni, 25 % biss tas-siġar koniferi ospitanti infettati min-nematodu tal-injam tal-arżnu jew li juru xi sintomi ta’ saħħa dgħajfa, tqaċċtu jew inqerdu fl-1 ta’ April 2011. Dan in-nuqqas tal-awtoritajiet Portugiżi mhux konformi mad-dispożizzjonijiet tal-punt 2(a)(iii) tal-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/133/KE (6). F’dan id-dawl, il-livell tan-nefqa eliġibbli fit-talba li għandha x’taqsam mal-miżuri fil-Portugall kontinentali, bl-eċċezzjoni għaż-żona ta’ Setubal li kienet oriġinarjament infestata fl-1999, għandu jitnaqqas fir-rigward tal-ispiża għall-qtugħ tas-siġar koniferi, u għalhekk 25 % biss ta’ din il-kategorija tal-infiq għandu jitqies eliġibbli.

(31)

Skont l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (7), il-miżuri fitosanitarji huma ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija. Għal finijiet tal-kontroll finanzjarju ta’ dawn il-miżuri, għandhom japplikaw l-Artikoli 9, 36 u 37 tar-Regolament imsemmi hawn fuq.

(32)

Skont l-Artikolu 75 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (8) u l-Artikolu 90(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (9), l-impenn tan-nefqa mill-baġit tal-Unjoni għandu jiġi ppreċedut minn deċiżjoni ta’ finanzjament adottata mill-istituzzjoni li għaliha jkunu ġew iddelegati l-poteri, filwaqt li jiġu stipulati l-elementi essenzjali tal-azzjoni li tinvolvi n-nefqa.

(33)

Id-deċiżjoni preżenti tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament għan-nefqa mressqa fit-talbiet ta’ kofinanzjament ippreżentati mill-Istati Membri.

(34)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Abbażi tad-dossiers ippreżentati mill-Istati Membri u analizzati mill-Kummissjoni, l-allokazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-2011 biex tkopri n-nefqa mġarrba mill-Ġermanja, Spanja, l-Italja, Ċipru, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Portugall, li għandha x’taqsam mal-miżuri meħtieġa kif speċifikati fl-Artikolu 23(2)(a), (b) u (c) tad-Direttiva 2000/29/KE u li ttieħdu bl-għan li jkunu miġġielda l-organiżmi kkonċernati mill-programmi ta’ eradikazzjoni jew trażżin elenkati fl-Anness, hija b’dan approvata.

Artikolu 2

Is-somma totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1 hija ta’ EUR 15 006 869,89. Is-somma massima tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal kull programm għandha tkun kif inhu indikat fl-Anness.

Artikolu 3

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni kif stabbilit fl-Anness għandha titħallas skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-Istat Membru kkonċernat jippreżenta evidenza tal-miżuri li ttieħdu skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1040/2002;

(b)

l-Istat Membru kkonċernat jippreżenta lill-Kummissjoni talba għall-ħlas, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1040/2002.

Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja huwa mingħajr preġudizzju għall-verifiki mill-Kummissjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 23(8), l-Artikolu 23(10), u l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2000/29/KE.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Portugiża.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2002, p. 38.

(3)  ĠU L 339, 22.12.2009, p. 49.

(4)  ĠU L 330, 15.12.2010, p. 9.

(5)  ĠU L 49, 20.2.2009, p. 43.

(6)  ĠU L 52, 23.2.2006, p. 34.

(7)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

(8)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(9)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.


ANNESS

PROGRAMMI TA’ ERADIKAZZJONI/TRAŻŻIN

Tifsira:

a= Is-sena tal-implimentazzjoni tal-programm ta’ eradikazzjoni.

Taqsima I

Programmi li għalihom il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni hija ta’ 50 % tan-nefqa eliġibbli

(EUR)

L-Istat Membru

L-organiżmi ta’ ħsara miġġielda

Il-pjanti jew il-prodotti tal-pjanti milquta

Sena

a

Nefqa eliġibbli

Il-massimu tal-kontribuzzjoni mill-Unjoni għal kull programm

il-Ġermanja, in-Nordrhein-Westfalen

Anoplophora glabripennis

Bosta speċi ta’ siġar

l-2009 u l-2010

1 u 2

194 369,65

97 184,82

il-Ġermanja, il-Baden-Württemberg, id-distrett rurali ta’ Breisgau-Hochschwarzwald u l-belt ta’ Freiburg (l-ewwel sena tal-miżuri), Emmendingen, Lörrach, Konstanz (it-tieni sena tal-miżuri)

Diabrotica virgifera

Zea mays

l-2009 u l-2010

1 jew 2

84 846,51

42 423,25

Spanja, Galicia

Bursaphelenchus xylophilus

Siġar koniferi

l-2010 u l-2011

1 u 2

6 178 612

3 089 306

Spanja, il-Katalonja

Pomacea insularum

Oryza sativa

l-2010 u l-2011

1 u 2

2 218 507

1 109 253,50

l-Italja, l-Emilia-Romagna

(il-provinċji ta’ Bologna, Ferrara, Ravenna u Forlì-Cesena)

Pseudomonas syringae pv. actinidiae

Actinidia sinensis

l-2010

1

89 100

44 550

Ċipru

Rhynchophorus ferrugineus

Palmaceae

l-2011

2

134 750

67 375

il-Pajjiżi l-Baxxi, iż-żona ta’ Boskoop

Anoplophora chinensis

Bosta speċi ta’ siġar

l-2009 u l-2010

1 u 2

2 160 037

1 080 018,50

il-Pajjiżi l-Baxxi

PSTVd

Petunia sp.

l-2009

1

102 269

51 134,50

il-Pajjiżi l-Baxxi

Tuta absoluta

Solanum lycopersicum

l-2009

1

170 778

85 389

il-Pajjiżi l-Baxxi, iż-żona ta’ Westland

Anoplophora chinensis

Bosta speċi ta’ siġar

l-2009

2

285 671

142 835,50

il-Portugall, iż-żona ta’ Setubal, it-trattament bis-sħana

Bursaphelenchus xylophilus

L-injam u l-materjal għall-ippakkjar tal-injam

l-2010 u l-2011

1 u 2

3 791 500

1 895 750


Taqsima II

Programmi li r-rati tagħhom ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni jvarjaw, fl-applikazzjoni tal-prinċipju tad-digressività

(EUR)

L-Istat Membru

L-organiżmi ta’ ħsara miġġielda

Il-pjanti milquta

Sena

a

Nefqa eliġibbli

Rata (%)

Il-massimu tal-kontribuzzjoni mill-Unjoni

il-Ġermanja, il-Baden-Württemberg, id-distrett rurali ta’ Ravensburg

Diabrotica virgifera

Zea mays

l-2010

3

9 480,99

45

4 266,44

il-Ġermanja, il-Baden-Württemberg, id-distrett rurali ta’ Ortenaukreis

Diabrotica virgifera

Zea mays

l-2010

4

46 118,53

40

18 447,41

Spanja, l-Extremadura

Bursaphelenchus xylophilus

Siġar koniferi

l-2011

4

419 941

40

167 976,40

l-Italja, il-Veneto

(iż-żona ta’ Cornuda)

Anoplophora glabripennis

Bosta speċi ta’ siġar

l-2011

3

287 500

45

129 375

l-Italja, il-Lombardia

(iż-żona ta’ Gussago)

Anoplophora chinensis

Bosta speċi ta’ siġar

l-2011

4

280 150

40

112 060

l-Italja, il-Lazio

(iż-żona ta’ Ruma)

Anoplophora chinensis

Bosta speċi ta’ siġar

l-2011

4

410 694

40

164 277,60

Malta

Rhynchophorus ferrugineus

Palmaceae

l-2010

3

606 347

45

272 856,29

l-2011

4

865 834

40

346 333,76

il-Pajjiżi l-Baxxi

Clavibacter michiganesis spp. michiganensis

Solanum lycopersicum

l-2009

3

40 866

45

18 389,70

il-Pajjiżi l-Baxxi, iż-żona ta’ Westland

Anoplophora chinensis

Bosta speċi ta’ siġar

l-2010

3

212 152

45

95 468,4

il-Portugall, il-Portugall kontinentali, żona ’il barra miż-żona ta’ Setubal

Bursaphelenchus xylophilus

Siġar koniferi

l-2011

4

14 930 497,02

40

5 972 198,81


Total tal-kontribuzzjoni mill-Unjoni (EUR)

15 006 869,89


Top