Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0074

    2011/74/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 2 ta’ Frar 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2003/248/KE dwar l-estensjoni taż-żmien għad-derogi temporanji minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE dwar pjanti tal-frawli ( Fragaria L.), maħsuba biex ikunu mħawla, minbarra ż-żerriegħa, li toriġina [joriġinaw] mill-Arġentina (notifikata bid-dokument numru C(2011) 447)

    ĠU L 29, 3.2.2011, p. 32–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2020

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/74(1)/oj

    3.2.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 29/32


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-2 ta’ Frar 2011

    li temenda d-Deċiżjoni 2003/248/KE dwar l-estensjoni taż-żmien għad-derogi temporanji minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE dwar pjanti tal-frawli (Fragaria L.), maħsuba biex ikunu mħawla, minbarra ż-żerriegħa, li toriġina [joriġinaw] mill-Arġentina

    (notifikata bid-dokument numru C(2011) 447)

    (2011/74/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Skont id-Direttiva 2000/29/KE, pjanti tal-frawli (Fragaria L.) maħsuba għat-tħawwil, għajr iż-żrieragħ, u li joriġinaw minn pajjiżi li mhumiex Ewropej, għajr pajjiżi Mediterranji, l-Awstralja, in-New Zealand, il-Kanada u l-istati kontinentali tal-Istati Uniti tal-Amerka, bi prinċipju ma jistgħux jiġu introdotti fl-Unjoni. Madankollu, dik id-Direttiva tippermetti derogi minn dik ir-regola, sakemm ikun stabbilit li ma hemmx riskju ta’ tixrid ta’ organiżmi perikolużi.

    (2)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/248/KE (2) tawtorizza lill-Istati Membri biex jipprovdu derogi temporanji minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/29/KE biex tkun permessal-importazzjoni ta’ pjanti tal-frawli (Fragaria L.), maħsuba biex ikunu mħawla, minbarra ż-żerriegħa, li toriġina [joriġinaw] mill-Arġentina.

    (3)

    Iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw l-awtorizzazzjoni stipulata fid-Deċiżjoni 2003/248/KE għadhom preżenti u ma hemmx informazzjoni ġdida li turi l-ħtieġa ta’ reviżjoni tal-kondizzjonijiet speċifiċi.

    (4)

    Skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/64/KE (3), il-Colletotrichum acutatum Simmonds tneħħa minn punt (c) tas-Sezzjoni II tal-Parti A tal-Anness II mad-Direttiva 2000/29/KE. Għalhekk dan l-organiżmu ma għandux ikun inkluż fl-Anness mad-Deċiżjoni 2003/248/KE.

    (5)

    Abbażi tal-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2003/248/KE, huwa xieraq li l-perjodu ta’ validità ta’ dik l-awtorizzazzjoni jiġġedded għal għaxar snin.

    (6)

    Id-Deċiżjoni 2003/248/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

    (7)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2003/248/KE hija emendata kif ġej:

    1.

    It-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2003/248/KE għandu jinbidel kif ġej:

    “L-awtorizzazzjoni għall-provvediment ta’ derogi, kif jipprovdi għaliha l-paragrafu 1 (minn issa ‘l quddiem imsejħa l-awtorizzazzjoni), għandha tkun soġġetta, apparti mill-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Annessi I, II u IV mad-Direttiva 2000/29/KE, għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Anness ma’ din id-Deċiżjoni, u għandha tapplika biss għall-pjanti li jiġu introdotti fl-Unjoni, fil-perjodu mill-1 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Settembru ta’ kull sena.”

    2.

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu 3a kif ġej:

    “Artikolu 3a

    Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fit-30 ta’ Settembru 2020.”

    3.

    It-tieni inċiż tal-punt 1(c) tal-Anness għandu jitħassar.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Frar 2011.

    Għall-Kummissjoni

    John DALLI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

    (2)  ĠU L 93, 10.4.2003, p. 28.

    (3)  ĠU L 168, 28.6.2008, p. 31.


    Top