Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0647

Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 647/2010 tat- 13 ta’ Lulju 2010 dwar assistenza finanzjarja mill-Unjoni fir-rigward tad-dekummissjonar tal-Unitajiet 1 sa 4 tal-Impjant Nukleari tà Kozloduy fil-Bulgarija (Il-Programm Kozloduy)

ĠU L 189, 22.7.2010, pp. 9–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

⏵Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1368

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/647/oj

22.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 189/9


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (EURATOM) Nru 647/2010

tat-13 ta’ Lulju 2010

dwar assistenza finanzjarja mill-Unjoni fir-rigward tad-dekummissjonar tal-Unitajiet 1 sa 4 tal-Impjant Nukleari tà Kozloduy fil-Bulgarija (Il-Programm Kozloduy)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Waqt li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikulari l-Artikolu 203 tiegħu,

Waqt li kkunsidra t-talba Bulgara għal finanzjament ulterjuri,

Waqt li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Waqt li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Matul in-negozjati dwar l-adeżjoni fl-2005, il-Bulgarija qablet dwar l-għeluq tal-Unitajiet 1 u 2 u tal-Unitajiet 3 u 4 tal-Impjant Nukleari ta’ Kozloduy sal-31 ta’ Diċembru 2002 u sal-31 ta’ Diċembru 2006, rispettivament u dwar id-dekummissjonar sussegwenti ta’ dawk l-unitajiet. L-Unjoni Ewropea esprimiet ir-rieda tagħha li tkompli tipprovdi assistenza finanzjarja sal-2009 bħala estensjoni tal-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni ppjanata taħt il-programm Phare b’appoġġ għall-isforzi ta’ dekummissjonar magħmula mill-Bulgarija.

(2)

Fid-dawl tal-impenn tal-Bulgarija biex tagħlaq l-Unitajiet 3 u 4 tal-Impjant Nukleari ta’ Kozloduy, l-Artikolu 30 tal-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “l-Att tal-Adeżjoni tal-2005”) stabbilixxa programm ta’ assistenza (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Programm Kozloduy”) b’baġit ta’ EUR 210 miljun għall-perjodu mill-2007 sal-2009. Dak il-programm inkluda assistenza biex jiġi kopert it-telf ta’ kapaċità minħabba l-għeluq tal-impjant nukleari ta’ Kozloduy.

(3)

Il-fondi internazzjonali għad-dekummissjonar amministrati mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (EBRD) ilhom f’posthom għal għadd ta’ snin. L-Unjoni hija l-kontributur ewlieni ta’ dawk il-fondi.

(4)

L-Unjoni tirrikonoxxi l-isforzi magħmula u l-progress tajjeb miksub mill-Bulgarija fl-istadju ta’ preparazzjoni għad-dekummissjonar tal-Programm Kozloduy bl-użu tal-fondi tal-Unjoni disponibbli sal-2009, u l-ħtieġa għal aktar għajnuna finanzjarja wara l-2009 sabiex jitkompla l-progress fl-operazzjoni proprja taż-żarmar f’konformità mal-Att tal-Adeżjoni tal-2005, filwaqt li jiġu applikati l-ogħla standards ta’ sikurezza.

(5)

Huwa wkoll importanti li jintużaw ir-riżorsi proprji tal-Impjant Nukleari ta’ Kozloduy, ladarba dan jikkontribwixxi għad-disponibbiltà tal-ħiliet esperti meħtieġa, isaħħaħ il-konoxxenza esperta u wkoll il-ħiliet, u fl-istess ħin itaffi l-impatt soċjali u ekonomiku tal-għeluq bikri billi jitħaddem kontinwament il-persunal mill-impjant nukleari magħluq. L-assistenza finanzjarja kontinwata hija għalhekk importanti biex iżżomm l-istandards meħtieġa ta’ sikurezza, ta’ saħħa u ta’ protezzjoni tal-ambjent.

(6)

L-Unjoni tirrikonoxxi wkoll il-ħtieġa għall-assistenza finanzjarja għal aktar progress b’miżuri ta’ mitigazzjoni fis-settur tal-enerġija fid-dawl tat-telf minħabba l-għeluq tal-unitajiet nukleari u l-impatt tiegħu fuq is-sigurtà tal-provvista fir-reġjun.

(7)

L-Unjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa li jkun mitigat l-effett ta’ żieda fil-ħsara ambjentali u fl-emissjonijiet minħabba li l-kapaċità ta’ sostituzzjoni fil-biċċa l-kbira ġejja minn żieda fl-użu ta’ impjanti tal-linjite.

(8)

Għaldaqstant, għandu jsir provvediment għas-somma ta’ EUR 300 miljun mill-baġit ġenerali tal-Unjoni biex jiġi ffinanzjat id-dekummissjonar tal-Impjant Nukleari ta’ Kozloduy matul il-perjodu mill-2010 sal-2013.

(9)

L-approprijazzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għad-dekummissjonar m’għandhomx iwasslu għal distorsjoni fil-kompetizzjoni fir-rigward tal-kumpaniji li jipprovdu l-enerġija fis-suq tal-enerġija fl-Unjoni. Dawn l-approprjazzjonijiet għandhom ukoll jintużaw għall-finanzjament ta’ miżuri ta’ effiċjenza u ffrankar tal-enerġija f’konformità mal-acquis u mar-regoli tal-funzjonament tas-suq komuni Ewropew tal-enerġija.

(10)

L-assistenza finanzjarja għandha titkompla bħala kontribuzzjoni tal-Unjoni lill-Fond Internazzjonali ta’ Għajnuna għad-Dekummissjonar ta’ Kozloduy amministrat mill-EBRD.

(11)

Il-kompiti tal-EBRD jinkludu l-ġestjoni tal-fondi pubbliċi allokati għall-programmi għad-dekummissjonar ta’ dawk l-unitajiet nukleari li kienu suġġetti għall-qbil dwar l-għeluq marbut mal-adeżjoni. L-EBRD qed jissorvelja l-amministrazzjoni finanzjarja ta’ dawn il-programmi sabiex ikun ottimizzat l-użu tal-flus pubbliċi. Barra minn hekk, l-EBRD iwettaq il-kompiti baġitarji fdati lilu mill-Kummissjoni f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/25 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2) (“ir-Regolament Finanzjarju”).

(12)

Sabiex tkun żgurata l-ogħla effiċjenza possibbli u biex jiġu minimizzati l-konsegwenzi ambjentali possibbli, id-dekummissjonar tal-Unitajiet 1 sa 4 tal-Impjant Nukleari ta’ Kozloduy għandu jitwettaq bl-użu tal-aħjar għarfien espert tekniku disponibbli, filwaqt li jitqiesu kif xieraq in-natura u l-ispeċifikazzjonijiet teknoloġiċi tal-unitajiet li se jingħalqu.

(13)

Id-dekummissjonar tal-Impjant Nukleari ta’ Kozloduy se jsir skont il-leġiżlazzjoni dwar l-ambjent, b’mod partikulari d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (3).

(14)

Il-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività fir-rigward tal-fondi allokati għandhom jiġu żgurati permezz tal-evalwazzjoni u l-verifiki tal-prestazzjoni tal-programmi preċedentement iffinanzjati.

(15)

Għandu jkun inkluż f’dan ir-Regolament ammont finanzjarju ta’ referenza, fis-sens tal-punt 38 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (4), għat-tul iż-żmien kollu tal-Programm ta’ Kozloduy, mingħajr ma dan jaffettwa s-setgħat tal-awtorità baġitarja kif stipulati fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(16)

Għall-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 549/2007 (5),

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi programm (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Programm Kozloduy”) u jistipula regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni biex jiġu indirizzati l-proċess ulterjuri tad-dekummissjonar tal-Unitajiet 1 sa 4 tal-Impjant Nukleari ta’ Kozloduy fil-Bulgarija u l-konsegwenzi tal-egħluq bikri tagħhom, fir-rigward tal-ambjent, l-ekonomija u s-sigurtà tal-provvista fir-reġjun.

Artikolu 2

Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-programm Kozloduy għandha tingħata biex tipprovdi għajnuna finanzjarja għal:

—

miżuri konnessi mad-dekummissjonar tal-Impjant Nukleari ta’ Kozloduy,

—

miżuri għal titjib ambjentali skont l-acquis u għall-immodernizzar tal-kapaċità konvenzjonali tall-produzzjoni biex tiġi sostitwita l-kapaċità tal-produzzjoni tal-erba’ reatturi fl-Impjant, u

—

miżuri oħra li jirriżultaw mid-deċiżjoni biex jingħalaq u jiġi ddekummissjonat l-Impjant u li jikkontribwixxu għar-ristrutturazzjoni, it-titjib tal-ambjent u l-modernizzazzjoni li huma meħtieġa fir-rigward tas-setturi tal-produzzjoni, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija fil-Bulgarija kif ukoll għat-tisħiħ tas-sikurezza tal-provvista u tal-effiċjenza tal-enerġija fil-Bulgarija.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-Programm Kozloduy għall-perjiodu mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2013 għandu jkun ta’ EUR 300 miljun.

2.   L-approprijazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-qafas finanzjarju.

3.   L-ammont tal-approprijazzjonijiet allokati lill-Programm Kozloduy jista’ jiġi rivedut matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2013 sabiex jittieħed kont tal-progress magħmul bl-implimentazzjoni tal-Programm u jkun żgurat li l-programm u l-allokazzjoni tar-riżorsi jkunu bbażati fuq il-ħtiġijiet reali tal-ħlas u l-kapaċità tal-assorbiment.

Artikolu 4

Bħala estensjoni ta’ dak li kien speċifikat fl-Att tal-Adeżjoni tal-2005, il-kontribuzzjoni għal ċerti miżuri tista’ tasal sa 100 % tal-infiq totali. Għandu jsir kull sforz biex titkompla l-prattika tal-kofinanzjament stabbilita taħt l-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni u taħt l-assistenza mogħtija matul il-perjodu 2007-2009 għall-isforzi tad-dekummissjonar tal-Bulgarija kif ukoll biex jiġu attirati kofinanzjamenti minn sorsi oħra, skont il-każ.

Artikolu 5

1.   L-assistenza finanzjarja għall-miżuri taħt il-Programm Kozloduy għandha tingħata bħala kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-Fond Internazzjonali ta’ Għajnuna għad-Dekummissjonar ta’ Kozloduy, amministrat mill-EBRD, f’konformità mal-Artikolu 53d tar-Regolament Finanzjarju.

2.   Il-miżuri taħt il-Programm Kozloduy għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 8(2).

Artikolu 6

1.   Il-Kummissjoni tista’ tieħu miżura sabiex issir verifika tal-użu li jsir mill-assistenza, jew direttament mill-persunal tagħha stess jonkella minn kwalunkwe awtorità kkwalifikata oħra barranija li tagħżel hi. Dawn il-verifiki jistgħu jitwettqu matul il-perjodu tal-ftehim bejn l-Unjoni u l-EBRD dwar l-għoti tal-fondi mill-Unjoni lill-Fond Internazzjonali ta’ Għajnuna għad-Dekummissjonar ta’ Kozloduy u għal perjodu ta’ ħames snin mid-data tal-ħlas tal-bilanċ. Fejn ikun xieraq, ir-riżultati tal-verifika jistgħu jwasslu għal deċiżjonijiet ta’ rkupru mill-Kummissjoni.

2.   Il-persunal tal-Kummissjoni u l-persunal minn barra awtorizzat mill-Kummissjoni għandhom ikollhom dritt xieraq għall-aċċess, b’mod partikulari għall-uffiċċji tal-benefiċjarju u għall-informazzjoni kollha, inkluża informazzjoni f’format elettroniku, meħtieġa sabiex isiru dawn ir-reviżjonijiet. Il-verifiki għandhom ukoll ikopru l-istadju milħuq fil-ħruġ ta’ permessi għad-dekummissjonar.

Il-Qorti tal-Awdituri u l-Parlament Ewropew għandhom ikollhom l-istess drittijiet, speċjalment tal-aċċess, bħall-Kummissjoni.

Barra minn hekk, sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra frodi u irregolaritajiet oħra, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista’ jagħmel verifiki u ispezzjonijiet fuq il-post taħt il-Programm Kożloduy skont ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, EC) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (6).

3.   Għall-azzjoni tal-Unjoni ffinanzjata taħt dan ir-Regolament, it-terminu “irregolarità” fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (EC, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (7) ifisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni jew kwalunkwe ksur ta’ obbligu kuntrattwali li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandhom, jew li jistgħu jkollhom, l-effett li jippreġudikaw il-baġit ġenerali tal-Unjoni jew baġits amministrati minnha permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata jew baġits amministrati minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn f’isem l-Unjoni jew il-Komunità.

4.   Il-ftehimiet bejn l-Unjoni u l-EBRD dwar l-għoti tal-fondi mill-Unjoni lill-Fond Internazzjonali ta’ Għajnuna għad-Dekummissjonar ta’ Kozloduy għandhom jipprovdu miżuri xierqa sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-frodi, il-korruzzjoni u irregolaritajiet oħra u sabiex jippermettu lill-Kummissjoni, lill-OLAF u lill-Qorti tal-Awdituri sabiex iwettqu verifiki fuq il-post.

Artikolu 7

Il-Kummissjoni għandha tassigura l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tirrapporta f’intervalli regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Għandha twettaq reviżjoni kif previst fl-Artikolu 3(3).

Artikolu 8

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (Euratom) Nru 549/2007.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandha tapplika l-proċedura prevista fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (Euratom) Nru 549/2007.

Artikolu 9

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

D. REYNDERS


(1)  Opinjoni tal-20 ta’ Mejju 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)   ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1 (MT: Edizzjoni Speċjali, Kap 01, Vol 04, p. 74).

(3)   ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40.

(4)   ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(5)  Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 549/2007 tal-14 ta’ Mejju 2007 dwar l-implimentazzjoni tal-Protokoll Nru 9 dwar Unità 1 u Unità 2 tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Bohunice V1 fis-Slovakkja mal-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u tas-Slovakkja mal-Unjoni Ewropea (ĠU L 131, 23.5.2007, p. 1).

(6)   ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(7)   ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.


Top