Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0671

    2010/671/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 5 ta’ Novembru 2010 li tippermetti lill-Istati Membri jestendu l-awtorizzazzjonijiet proviżorji mogħtija għas-sustanza attiva ġdida spirotetramat (notifikata bid-dokument numru C(2010) 7437) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 290, 6.11.2010, p. 49–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2012

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/671/oj

    6.11.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 290/49


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-5 ta’ Novembru 2010

    li tippermetti lill-Istati Membri jestendu l-awtorizzazzjonijiet proviżorji mogħtija għas-sustanza attiva ġdida spirotetramat

    (notifikata bid-dokument numru C(2010) 7437)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2010/671/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b’mod partikolari r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, f’Ottubru 2006 l-Awstrija rċeviet applikazzjoni mingħand Bayer CropScience AG għall-inklużjoni tas-sustanza attiva spirotetramat fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/560/KE (2) kkonfermat li d-dossier kien komplut u li seta’ jitqies li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti ta’ dejta u ta’ informazzjoni fl-Anness II u l-Anness III ta’ dik id-Direttiva.

    (2)

    Kien hemm il-ħtieġa ta’ konferma tal-kompletezza tad-dossier sabiex seta’ jiġi eżaminat fid-dettall u sabiex l-Istati Membri setgħu jkollhom il-possibbiltà li jagħtu awtorizzazzjonijiet proviżorji, għal perjodi ta’ mhux iktar minn tliet snin, għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom s-sustanza attiva kkonċernata, filwaqt li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 91/414/KEE u, b’mod partikolari, il-kundizzjoni dwar l-evalwazzjoni dettaljata tas-sustanzi attivi u l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fid-dawl tar-rekwiżiti stipulati minn dik id-Direttiva.

    (3)

    Għal din is-sustanza attiva, l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent ġew ivvalutati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) u (4) tad-Direttiva 91/414/KEE, għall-użi proposti mill-applikant. L-Istat Membru relatur ressaq l-abbozz tar-rapport evalwattiv tiegħu lill-Kummissjoni fid-29 ta’ April 2008.

    (4)

    Wara li tressaq l-abbozz tar-rapport evalwattiv mill-Istat Membru relatur, instab li hemm il-ħtieġa li tintalab aktar informazzjoni mingħand l-applikant u li l-Istat Membru relatur jeżamina dik l-informazzjoni u jressaq il-valutazzjoni tiegħu. Għalhekk, l-eżaminazzjoni tad-dossier għadha għaddejja u mhux se jkun possibbli li l-evalwazzjoni titlesta fil-qafas ta’ żmien stipulat fid-Direttiva 91/414/KEE.

    (5)

    Minħabba li l-valutazzjoni s’issa għadha ma identifikat l-ebda raġuni ta’ tħassib immedjat, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibbiltà li jtawlu l-awtorizzazzjonijiet proviżorji mogħtija għall-prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom is-sustanza attiva kkonċernata għal perjodu ta’ 24 xahar f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/414/KEE b’mod li tkun tista’ titkompla l-eżaminazzjoni tad-dossier. Huwa mistenni li l-evalwazzjoni u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ deċiżjoni dwar il-possibbiltà li s-spirotetramat tiġi inkluża fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva jkunu tlestew fi żmien 24 xahar.

    (6)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DECIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Istati Membri jistgħu jestendu l-awtorizzazzjonijiet provviżorji għall-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza spirotetramat għal perjodu li jintemm mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2012.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2012.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Novembru 2010.

    Għall-Kummissjoni

    John DALLI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

    (2)  ĠU L 213, 15.8.2007, p. 29.


    Top