Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R1250

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1250/2009 tat- 30 ta’ Novembru 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 73/2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa

    ĠU L 338, 19.12.2009, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1307

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1250/oj

    19.12.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 338/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1250/2009

    tat-30 ta’ Novembru 2009

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 73/2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 73/2009 (1) jistabbilixxi l-mekkaniżmu ta’ dixxiplina finanzjarja li bih il-livell ta’ appoġġ dirett ikun aġġustat meta l-previżjonijiet jindikaw li f’sena finanzjarja partikolari jkun inqabeż is-sottolimitu għan-nefqa marbuta mas-suq u għall-pagamenti diretti, taħt l-intestatura 2 tal-Anness I għall-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (2), b’marġni ta’ sigurtà ta’ EUR 300 000 000.

    (2)

    Is-sottolimitu msemmi fuq ikopri n-nefqa għal pagamenti diretti qabel it-trasferimenti kollha għall-iżvilupp rurali u qabel il-modulazzjoni. Għalhekk it-test tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 għandu jiġi ċċarat sabiex jipprevedi li n-nefqa li għandha titqabbel mas-sottolimitu tinkludi wkoll trasferimenti possibbli għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), imsemmijin fl-Artikolu 136 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, kif ukoll trasferimenti possibbli għall-FAEŻR fis-settur tal-inbid li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 190a(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (3).

    (3)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 3 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa (4) awtorizza lill-Kummissjoni biex tadotta, inter alia, dispożizzjoni biex tittratta s-sitwazzjoni fejn l-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament lill-bidwi jwasslu għal profitt mhux mistenni għall-bidwi. Tali sitwazzjoni tista’ tokkorri wkoll taħt ir-Regolament (KE) Nru 73/2009 u għalhekk għandha tiġi indirizzata.

    (4)

    Taħt ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 xi Stati Membri għażlu l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku u l-implimentazzjoni parzjali tal-iskema ta’ pagament uniku fis-settur tal-laħam tan-nagħaġ u l-mogħoż, kif ukoll fis-settur taċ-ċanga u l-vitella fil-livell reġjonali. Il-kunsiderazzjonijiet reġjonali jistgħu jkunu wkoll rilevanti għad-deċiżjonijiet li jittieħdu taħt ir-Regolament (KE) Nru 73/2009 biex titkompla, jew biex tiġi aġġustata, l-implimentazzjoni parzjali tal-iskema ta’ pagament uniku f’dawk is-setturi. Għalhekk, għandu jkun magħmul possibbli li dawk id-deċiżjonijiet jittieħdu fil-livell reġjonali.

    (5)

    Ir-Regolament (KE) Nru 73/2009 jipprevedi allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament meta bidwi f’settur ikkonċernat ma jkollu l-ebda dritt għal pagament. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tittrattax b’mod adegwat is-sitwazzjoni fejn dak il-bidwi xorta waħda jiddikjara għadd ta’ drittijiet għall-pagament mikrija fl-ewwel sena tal-integrazzjoni tal-appoġġ akkoppjat fl-iskema ta’ pagament uniku. F’dak il-każ, il-bidwi ma jkunx jista’, jew ikun jista’ biss parzjalment, jattiva d-drittijiet għall-pagament il-ġodda allokati peress li l-ettari tal-bidwi kollha eliġibbli jew x’uħud minnhom, ikunu diġà ntużaw biex jiġu attivati d-drittijiet mikrija. Għalhekk, huwa adatt li tiġi prevista deroga temporanja li f’konformità magħha l-bidwi kkonċernat jiġi allokat drittijiet għall-pagament għall-ettari ddikjarati li jikkorrispondu ma’ dawk l-ettari apparti l-ettari ddikjarati biex jiġu attivati d-drittijiet għall-pagament mikrija u/jew id-drittijiet għall-pagament li jagħtu jedd għall-pagament mingħajr ebda dikjarazzjoni tal-ettari korrispondenti. Din id-deroga għandha tkun limitata għas-sitwazzjoni fejn bidwi ser jibqa’ f’attività agrikola.

    (6)

    Konformement mar-Regolament (KE) 73/2009, l-Istati Membri li jixtiequ jagħtu, mill-2010, miżuri ta’ appoġġ speċifiku kif imsemmi f’dak ir-Regolament, kellhom jieħdu deċiżjoni sal-1 ta’ Awwissu 2009 dwar l-użu tal-limitu massimu nazzjonali tagħhom għall-finanzjament ta’ dawk il-miżuri. Wara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2009 bl-isem “Il-qagħda tas-suq tal-prodotti tal-ħalib fl-2009”, u minħabba l-qagħda attwali tas-suq tal-prodotti tal-ħalib, tinħtieġ deroga minn dik l-iskadenza biex l-Istat Membri jkunu jistgħu, taħt ċerti kondizzjonijiet, jagħtu, mill-2010, appoġġ speċifiku lill-bdiewa fis-settur tal-prodotti tal-ħalib.

    (7)

    Ir-Regolament (KE) Nru 73/2009 jipprevedi deroga mil-limitu massimu ta’ appoġġ stabbilit f’dak ir-Regolament f’ċerti każijiet fejn l-Artikolu 69 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 intuża biex jipprovdi appoġġ fir-rigward tal-baqar li jreddgħu. L-għan ta’ din id-deroga hu li tipprevedi perijodu transizzjonali sabiex jippermetti transizzjoni mingħajr xkiel għar-regoli l-ġodda għal appoġġ speċifiku fis-settur taċ-ċanga u tal-vitella. Għalhekk għandu jiġi ċċarat li din id-deroga hija limitata għal każijiet fejn l-Artikolu 69 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 intuża prinċipalment biex jappoġġa lis-settur taċ-ċanga u tal-vitella.

    (8)

    Ir-Regolament (KE) Nru 73/2009 jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu u jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2009. Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 73/2009 jipprevedi l-applikazzjoni kontinwata tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 f’każijiet speċifiċi inkluż dak tal-implimentazzjoni parzjali tal-iskema ta’ pagament uniku fis-settur tal-laħam tan-nagħaġ u l-mogħoż. Sabiex jiġi żgurat approċċ koerenti għal dan is-settur, id-dispożizzjoni korrispondenti fir-Regolament (KE) Nru 73/2009 għandha tapplika minflok fl-2009. Huwa għalhekk adatt li tiġi stabbilita dispożizzjoni transitorja fir-rigwad tal-pagamenti addizzjonali għan-nagħaġ u l-mogħoż għall-2009.

    (9)

    Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 73/2009 għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 73/2009 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 11(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Bil-ħsieb li jkun żgurat li l-ammonti għall-finanzjament tan-nefqa relatata mas-suq u pagamenti diretti tal-PAK preżentament taħt l-intestatura 2 tal-Anness 1 għall-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja soda (*) jirrispettaw il-limiti annwali kif imniżżla fid-Deċiżjoni 2002/929/KE tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill fit-18 ta’ Novembru 2002, dwar il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li ltaqa’ fi Brussell fl-24 u l-25 ta’ Ottubru 2002 (**), aġġustament tal-pagamenti diretti għandu jkun determinat meta l-previżjonijiet għall-finanzjament tal-miżuri msemmija aktar ‘il fuq taħt l-intestatura 2 għal sena finanzjarja partikolari, biż-żieda tal-ammonti mogħtija fl-Artikolu 190a tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, l-ammonti msemmija fl-Artikoli 134, 135 u l-ammonti msemmija fl-Artikolu 136 ta’ dan ir-Regolament u qabel l-applikazzjoni tal-modulazzjoni prevista fl-Artikoli 7 u 10 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 378/2007, jindikaw li ser jinqabeż il-limitu annwali applikabbli msemmi aktar ’il fuq, b’kont meħud ta’ marġni ta’ EUR 300 000 000 taħt dak il-limitu.

    (*)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1."

    (**)  ĠU L 323, 28.11.2002, p. 48.”"

    (2)

    Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 41:

    “6.   Meta Stat Membru japplika l-Artikoli 59 jew 63, huwa jista’, abbażi ta’ kriterji oġġettivi u b’tali mod li jiżgura t-trattament ugwali bejn il-bdiewa u biex jevita d-distorsjonijiet tas-suq u tal-kompetizzjoni jipprevedi li, f’każijiet ta’ bejgħ jew għotja jew għeluq iż-żmien ta’ kirja sħiħa tar-raba’ jew parti minnha jew tad-drittijiet għall-primjum, x’uħud mid-drittijiet għall-pagament jew kollha, jew taż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament li jiġu allokati lill-bidwi inkwistjoni għandhom imorru lura fir-riżerva nazzjonali fejn l-allokazzjoni jew iż-żieda twassal għal profitt mhux mistenni għall-bidwi inkwistjoni. Il-kriterji għandhom jinkludu tal-anqas:

    (a)

    tul minimu tal-kirja;

    (b)

    il-perijodu li fih il-bejgħ jew l-għotja jew it-tmiem tal-kirja jista’ jitqies li jwassal għal profitt mhux mistenni. Dak il-perijodu għandu jibda mhux qabel id-data tal-bidu tal-perijodu ta’ referenza rilevanti għall-akkoppjament u għandu jintemm mhux aktar tard mid-data meta l-bidwi kkonċernat ikun ġie mgħarraf bl-akkoppjament u bil-kondizzjonijiet rilevanti;

    (c)

    il-proporzjon tal-pagament irċevut li għandu jmur lura fir-riżerva nazzjonali.”.

    (3)

    L-Artikolu 51 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, is-subparagrafu li ġej hu miżjud:

    “L-Istati Membri li jkunu għamlu użu mill-għażla prevista fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu 5 tat-Titolu III tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 biex japplikaw l-iskema ta’ pagament uniku fil-livell reġjonali, jistgħu japplikaw l-ewwel u t-tieni subparagrafu fl-istess livell reġjonali.”

    (b)

    il-paragrafu li ġej hu miżjud:

    “3.   Kwalunkwe Stat Membru li japplika l-possibbiltà prevista fil-ħames subparagrafu tal-paragrafu 1, għandu jissottometti l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Diċembru 2009:

    (a)

    it-tqassim skont ir-reġjun tal-ammonti previsti għall-miżura/i kkonċernata/i għas-snin bejn l-2010 u l-2012 skont kriterji objettivi;

    (b)

    id-data statistika u oħra ta’ appoġġ użata biex jiġu stabbiliti l-ammonti msemmija fil-punt (a).

    L-Istati Membri għandhom jirrispondu fi żmien xahar għal kull talba li tagħmel il-Kummissjoni għal aktar kjarifiki dwar l-informazzjoni li jkunu ssottomettew.

    Il-Kummissjoni għandha tuża l-ammonti msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu bħala bażi għall-istabbiliment tal-limitu massimu tal-Istati Membri kkonċernati għal kull pagament dirett imsemmi fl-Artikoli 52 u 53 kif previst fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.”

    (4)

    Is-subparagrafi li ġejjin għandhom jiżdiedu mal-Artikolu 64(2):

    “B’deroga mit-tielet subparagrafu, fejn bidwi tas-settur ikkonċernat ma jkollu ebda dritt għall-pagament iżda jiddikjara għadd ta’ drittijiet għall-pagament mikrija fl-ewwel sena ta’ integrazzjoni tal-appoġġ akkoppjat, huwa għandu jiġi allokat għadd ta’ drittijiet għall-pagament korrispondenti għad-differenza bejn l-għadd ta’ ettari eliġibbli li jiddikjara u l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament mikrija li huwa jiddikjara. Il-valur tad-drittijiet allokati għandu jiġi stabbilit billi l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1 jiġi diviż bil-għadd ta’ drittijiet li jridu jiġu allokati. Madankollu, il-valur ta’ kull dritt allokat m’għandux jeċċedi EUR 5 000.

    Sabiex tiġi żgurata l-allokazzjoni sħiħa tal-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1 wara l-applikazzjoni tar-raba’ subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-bidwi tas-settur ikkonċernat għandu jiġi allokat drittijiet għall-pagament ta’ valur massimu ta’ EUR 5 000. B’deroga mill-Artikolu 35, dawn id-drittijiet għal pagament għandhom jagħtu jedd għal appoġġ annwali taħt l-iskema ta’ pagament uniku mingħajr dikjarazzjoni tal-ettari korrispondenti. Madankollu, in-numru ta’ drittijiet għall-pagament attivati f’sena speċifika bl-użu ta’ din id-deroga m’għandux jaqbeż in-numru ta’ drittijiet għall-pagament attivati mill-bidwi skont l-Artikolu 35. Din id-deroga ma tibqax tapplika mill-ewwel sena meta, u sa fejn, il-bidwi tas-settur ikkonċernat jiddikjara ettari eliġibbli suffiċjenti għall-attivazzjoni tad-drittijiet ta’ pagament jew parti minnhom f’konformità mal-Artikolu 35. Dawk id-drittijiet għall-pagament għandhom jiġu attivati fuq l-ettari eliġibbli disponibbli qabel isir kwalunkwe trasferiment ta’ drittijiet għall-pagament lill-bidwi, wara l-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament f’konformità mal-ewwel sentenza ta’ dan is-subparagrafu.

    Fil-każ ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pagament li jirriżultaw mill-ħames subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, apparti b’wirt attwali jew antiċipat, jew b’konsegwenza ta’ bidla fl-istatus legali, għandu japplika l-Artikolu 35 meta dak li qed jirċievi t-trasferiment jattiva dawk id-drittijiet għall-pagament.”

    (5)

    Fl-Artikolu 67, it-test attwali jsir il-paragrafu 1 u l-paragrafu li ġej hu miżjud:

    “2.   L-Istati Membri li jkunu għamlu użu mill-għażla prevista fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu 5 tat-Titolu III tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, f’xi partijiet tat-territorju tagħhom biss, biex japplikaw l-iskema ta’ pagament uniku fil-livell reġjonali, jistgħu japplikaw dan l-Artikolu fl-istess livell reġjonali.

    Kwalunkwe Stat Membru li japplika l-possibbiltà prevista fl-ewwel subparagrafu għandu jissottometti l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Diċembru 2009:

    (a)

    it-tqassim skont ir-reġjun tal-ammonti previsti għall-miżura jew miżuri kkonċernata/i għas-snin bejn l-2010 u l-2012 skont kriterji objettivi;

    (b)

    id-data statistika u oħra ta’ appoġġ użata biex jiġu stabbiliti l-ammonti msemmija fil-punt (a).

    L-Istati Membri għandhom jirrispondu fi żmien xahar għal kull talba li tagħmel il-Kummissjoni għal aktar kjarifiki dwar l-informazzjoni li jkunu ssottomettew.

    Il-Kummissjoni għandha tuża l-ammonti msemmija fil-punt (a) tat-tieni sub paragrafu ta’ dan il-paragrafu bħala bażi għall-istabbiliment tal-limiti massimi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 40 għall-Istati Membri kkonċernati kif previst f’dan l-Artikolu.”

    (6)

    L-Artikolu 69 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    is-subparagrafu li ġej hu miżjud mal-paragrafu 1:

    “L-iskadenza tal-1 ta’ Awwissu 2009, imsemmija fis-subparagrafu ta’ qabel għandha tiġi sostitwita bl-1 ta’ Jannar 2010 fil-każ tal-Istati Membri li jiddeċiedu li jagħtu, mill-2010, l-appoġġ previst fl-Artikolu 68(1)(b) ta’ dan ir-Regolament lill-bdiewa fis-settur tal-prodotti tal-ħalib dment li, b’deroga mill-Artikolu 69(6) ta’ dan ir-Regolament, l-appoġġ huwa ffinanzjat biss bl-użu tal-ammonti tar-riżerva nazzjonali.”;

    (b)

    fil-paragrafu 5, l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

    “B’deroga mill-paragrafu 4, matul is-snin kalendarji 2010 sa 2013, fejn Stat Membru ta appoġġ fir-rigward ta’ baqar li jreddgħu skont l-Artikolu 69 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 filwaqt li ma applikawx l-għażla prevista fl-Artikolu 68(2)(a)(i) ta’ dak ir-Regolament, u b’rabta mal-użu ta’ aktar minn 50 % tal-ammonti stabbiliti skont l-Artikolu 69 ta’ dak ir-Regolament għas-settur taċ-ċanga u l-vitella, il-limitu mniżżel fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi stabbilit għal 6 % tal-limitu nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru imsemmi fl-Artikolu 40 ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, fejn aktar minn 60 % tal-produzzjoni tal-ħalib ta’ Stat Membru ssir fit-Tramuntana mit-62 parallel, dak il-limitu għandu jkun stabbilit għal 10 % tal-limitu massimu nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru imsemmi fl-Artikolu 40 ta’ dan ir-Regolament.”

    (7)

    Is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 131(1):

    “L-iskadenza tal-1 ta’ Awwissu 2009 msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tiġi sostitwita bl-1 ta’ Jannar 2010 fil-każ tal-Istati Membri l-ġodda li japplikaw l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja li jiddeċiedu li jagħtu, mill-2010, l-appoġġ previst fl-Artikolu 68(1)(b) lill-bdiewa fis-settur tal-prodotti tal-ħalib, dment li l-appoġġ huwa finanzjat konformement mal-punt (a) tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.”

    (8)

    Fil-Kapitolu 2 tat-Titolu VII, għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 146a

    Pagamenti għan-nagħaġ u l-mogħoż fl-2009

    Fl-2009, l-Istati Membri li jkunu taw il-pagamenti fis-settur tal-laħam tan-nagħaġ u l-mogħoż f’konformità mat-Taqsima 2 tal-Kapitolu 5 tat-Titolu III tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 jistgħu jżommu sa 50 % tal-komponent tal-livelli nazzjonali msemmija fl-Artikolu 41 ta’ dan ir-Regolament korrispondenti għall-pagamenti tan-nagħaġ u l-mogħoż elenkati fl-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

    F’dan il-każ u fil-limitu massimu stabbilit f’konformità mal-Artikolu 64(2) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, fl-2009 l-Istat Membri kkonċernati għandhom jagħmlu pagament addizzjonali lill-bdiewa.

    Il-pagament addizzjonali għandu jingħata lill-bdiewa li jrabbu n-nagħaġ u l-mogħoż skont il-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu 11 tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.”

    (9)

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 146(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Madankollu, l-Artikoli 20(2), l-Artikolu 64(2), l-Artikoli 66, 68, 68a, 68b u 69, 70(1)(b) u (2) u l-Kapitoli 1 (qamħ durum), 5 (l-uċuħ għall-enerġija), 7 (primjum għall-prodotti tal-ħalib), 10 (il-pagament għall-erja tal-uċuħ tar-raba’ għall-kultivazzjoni), 10b (għajnuna għall-imsaġar taż-żebbuġ), 10c (għajnuna għall-produzzjoni tat-tabakk) u 10d (il-pagament għall-erja għall-ħops) tat-Titolu IV ta’ dak ir-Regolament għandhom jibqgħu japplikaw għall-2009.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Madankollu, il-punti 8 u 9 tal-Artikolu 1 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2009.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. O. LITTORIN


    (1)  ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.

    (2)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    (3)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

    (4)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1; Edizzjoni Speżjali bil-Malti Kapitolu 3, Volum 40, p. 269.


    Top