EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0025

Direttiva tal-Kummissjoni 2009/25/KE tat- 2 ta’ April 2009 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward tal-estensjoni tal-użu tas-sustanza attiva pyraclostrobin (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 91, 3.4.2009, p. 20–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/06/2011

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/25/oj

3.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 91/20


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2009/25/KE

tat-2 ta’ April 2009

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward tal-estensjoni tal-użu tas-sustanza attiva pyraclostrobin

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITÀ EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti (1), u b’mod partikolari t-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tagħha,

Billi:

(1)

Bis-saħħa tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/30/KE (2), il- kienet inkluża bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(2)

Meta kien qed japplika għall-inklużjoni tal-pyraclostrobin, il-manifattur tagħha, BASF SE (minn hawn ‘il quddiem “in-notifikatur”), issottometta dejta dwar l-użi biex jiġu kkontrollati ċerti fungi, liema dejta appoġġjat il-konklużjoni ġenerali li tgħid li jista’ jagħti l-każ li prodotti li jipproteġu l-pjanti li fihom il-pyraclostrobin ikunu mistennija jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ sikurezza stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE. Għalhekk, il-pyraclostrobin kienet inkluża fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva bid-dispożizzjonijiet speċifiċi li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw biss użi tagħha bħala fungiċida.

(3)

Barra l-kontroll ta’ fungi f’ċerti użi agrikoli, in-notifikatur issa applika għal emenda f’dawk id-dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-użu tal-pyraclostrobin bħala regolatur fit-tkabbir tal-pjanti. Sabiex tkun appoġġjata din l-estensjoni tal-użu, in-notifikatur issottometta informazzjoni addizzjonali.

(4)

Il-Ġermanja evalwat l-informazzjoni u d-dejta sottomessi min-notifikatur. F’Ottubru 2008 l-Ġermanja informat lill-Kummissjoni li waslet għall-konklużjoni li l-estensjoni tal-użu mitluba ma tikkawżax riskji oħrajn barra dawk li diġà kienu kkunsidrati fid-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-pyraclostrobin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE u fir-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni dwar is-sustanza. B’mod partikolari, din l-estensjoni ma tinvolvix biss modifikazzjoni tal-applikazzjoni tal-parametri kif iffissati fid-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(5)

Għalhekk huwa ġustifikat li jkunu modifikati d-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-pyraclostrobin.

(6)

Għalhekk huwa xieraq li tiġi emendata d-Direttiva 91/414/KEE skont dan.

(7)

Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sa mhux iktar tard mit-3 ta’ Awwissu 2009, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-4 ta’ Awwissu 2009.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak li fih tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 2 ta’ April 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)  ĠU L 77, 13.3.2004, p. 50.


ANNESS

Fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE, ir-ringiela 82 hi sostitwita b’dan li ġej:

“82

Pyraclostrobin

Nru CAS 175013-18-0

Nru CIPAC 657

methyl N-(2-{[1-(4-chlorophenyl)-1H-pyrazol-3-yl]oxymethyl}phenyl) N-methoxy carbamate

975 g/kg

L-impurità ta’ manifattura d-dimethyl sulfate (DMS) huwa kkunsidrat li huwa ta’ riskju tossikoloġiku u ma għandux jaqbeż konċentrazzjoni ta’ 0,0001 % fil-prodott tekniku.

fl-1 ta’ Ġunju 2004.

fil-31 ta’ Mejju 2014.

L-użi bħala fungiċida u regolatur għat-tkabbir tal-pjanti biss jistgħu jiġu awtorizzati.

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi tal-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar il-pyraclostrobin, u b’mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fit-28 ta’ Novembru 2003. F’din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri:

għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-ħarsien tal-organiżmi akkwatiċi, speċjalment il-ħut.

għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-ħarsien tal-antropodi terrestri u l-ħniex.

Miżuri ta’ tnaqqis tar-riskju għandhom ikunu applikati fejn hu xieraq.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 13(5) dwar l-ispeċifikazzjoni tal-materjal tekniku kif kummerċjalment manufatturat.”


Top