Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0751

    2008/751/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 18 ta’ Settembru 2008 dwar deroga temporanja mir-regoli ta’ oriġini stipulati fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 biex titqies is-sitwazzjoni speċjali tal-Madagaskar rigward it-tonn ippreservat u l-flettijiet tat-tonn (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 5097)

    ĠU L 255, 23.9.2008, p. 31–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2012: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2012

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/751/oj

    23.9.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 255/31


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-18 ta’ Settembru 2008

    dwar deroga temporanja mir-regoli ta’ oriġini stipulati fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 biex titqies is-sitwazzjoni speċjali tal-Madagaskar rigward it-tonn ippreservat u l-flettijiet tat-tonn

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 5097)

    (2008/751/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007 li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f’ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta’ Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (AKP) previsti fi ftehimiet li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 36(4) tal-Anness II tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fil-26 ta’ Mejju 2008, il-Madagaskar, skont l-Artikolu 36 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007, talab deroga mir-regoli ta’ l-oriġini stipulati f’dak l-Anness għal perjodu ta’ sitt snin. It-talba tkopri kwantità globali ta’ 2 000 tunnellata ta’ tonn fil-landa u 500 tunnellata ta’ flettijiet tat-tonn tal-intestatura tas-Sistema Armonizzata (HS) 1604. It-talba saret minħabba li l-qbid u l-provvista ta’ tonn nej tal-oriġini naqsu fl-Oċean Indjan.

    (2)

    Skont l-informazzjoni pprovduta milll-Madagaskar il-qbid tat-tonn nej tal-oriġini kien baxx iktar mis-soltu fl-ewwel erba’ xhur tal-2008 anke meta jitqabbel mal-varjazzjonijiet normali tal-istaġun u wassal għal tnaqqis fil-produzzjoni tat-tonn ippreservat. Din is-sitwazzjoni anormali twassal biex ikun impossibbli għall-Madagaskar li jikkonforma mar-regoli ta’ oriġini stipulati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 matul ċertu perjodu.

    (3)

    Sabiex ikun żgurat li l-Madagaskar ikompli jesporta lejn il-Komunità Ewropea, wara l-iskadenza tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE (2), għandha tingħata deroga ġdida.

    (4)

    Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla tfixkil mill-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE għall-Ftehim Interim ta’ Sħubija Ekonomika UE tal-ESA (Stati Afrikani tal-Lvant u tan-Nofsinhar) għandha tingħata deroga ġdida b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2008.

    (5)

    Deroga temporanja mir-regoli ta’ oriġini stipulati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 m’għandhiex tikkawża ħsara serja fl-industrija Komunitarja stabbilita, meta jitqiesu l-importazzjonijiet ikkonċernati, sakemm jitħarsu ċerti kundizzjonijiet relatati ma’ kwantitajiet, superviżjoni u tul ta’ żmien.

    (6)

    Huwa għalhekk ġustifikat li tingħata deroga temporanja skont l-Artikolu 36(1)(a) tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007.

    (7)

    Il-Madagaskar se jibbenefika minn deroga awtomatika mir-regoli ta’ oriġini għal tonn fil-landa u flettijiet tat-tonn tal-intestatura HS 1604 skont l-Artikolu 42(8) tal-Protokoll ta’ Oriġini anness mal-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati Afrikani tal-Lvant u tan-Nofsinhar fuq naħa u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq in-naħa l-oħra (Ftehim Interim ta’ Sħubija ESA-UE), meta dak il-Ftehim jidħol fis-seħħ jew jiġi applikat proviżorjament.

    (8)

    Skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 ir-regoli ta’ oriġini stipulati fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament u d-derogi minnhom għandhom jiġu sostitwiti bir-regoli tal-Ftehim Interim ta’ Sħubija ESA-EU, li d-dħul fis-seħħ tiegħu jew l-applikazzjoni proviżorja mistennija li jseħħu fl-2008. Għalhekk id-deroga għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2008, kif mitlub mill-Madagaskar, sakemm il-Ftehim Interim ta’ Sħubija ESA-UE ma jidħolx fis-seħħ jew jiġi applikat proviżorjament qabel dik id-data.

    (9)

    Skont l-Artikolu 42(8) tal-Protokoll ta’ Oriġini mehmuż mal-Ftehim Interim ta’ Sħubija ESA-EU, id-deroga awtomatika mir-regoli ta’ oriġini hija limitata għal kwota annwali ta’ 8 000 tunnellata ta’ tonn fil-landa u 2 000 tunnellata ta’ flettijiet tat-tonn għall-pajjiżi li jkunu inizjalaw il-Ftehim Interim Ekonomiku ta’ Sħubija ESA-UE (il-Komoros, il-Mawrizju, il-Madagaskar, is-Seychelles u ż-Żimbabwe). Il-Mawrizju u s-Seychelles diġà għamlet talba għal deroga temporanja skont l-Artikolu 36 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007. Ma jkunx xieraq li jingħataw derogi skont l-Artikolu 36 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 li jaqbżu l-kwota annwali mogħtija lir-reġjun ESA skont il-Ftehim Interim ta’ Sħubija ESA-UE.

    (10)

    Għalhekk għandha tingħata deroga lill-Madagaskar fir-rigward ta’ 2 000 tunnellata ta’ tonn fil-landa u 500 tunnellata ta’ flettijiet tat-tonn għal perjodu ta’ sena.

    (11)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jistipula dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (3), jistipula r-regoli marbuta mal-ġestjoni tal-kwoti tariffarji. Sabiex tkun żgurata ġestjoni effiċjenti mwettqa b’kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-Madagaskar, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni, dawk ir-regoli għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-kwantitajiet importati skont id-deroga mogħtija b’din id-Deċiżjoni.

    (12)

    Sabiex ikun hemm sorveljanza aktar effiċjenti tal-operat tad-deroga, l-awtoritajiet tal-Madagaskar għandhom jgħaddu regolarment lill-Kummissjoni d-dettalji taċ-ċertifikati ta’ moviment EUR 1 maħruġa.

    (13)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    B’deroga mill-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 u skont l-Artikolu 36(1)(a) ta’ dak l-Anness, it-tonn ippreservat kif ukoll il-flettijiet tat-tonn tal-Intestatura HS 1604 manifatturat minn materjali li mhumiex ta’ oriġini għandhom jitqiesu bħala li oriġinaw fil-Madagaskar skont it-termini stipulati fl-Artikoli 2 sa 6 ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Id-deroga stipulata fl-Artikolu 1 għandha tapplika għall-prodotti u l-kwantitajiet stabbiliti fl-Anness li huma ddikjarati għal ċirkolazzjoni ħielsa ġewwa l-Komunità mill-Madagaskar matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2008.

    Artikolu 3

    Il-kwantitajiet stipulati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu ġestiti skont l-Artikoli 308a, 308b u 308c tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

    Artikolu 4

    L-awtoritajiet doganali tal-Madagaskar għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jitwettqu l-kontrolli kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1.

    Għal dan il-għan, iċ-ċertifikati ta’ moviment EUR 1 li huma joħorġu fir-rigward ta’ dawn il-prodotti għandu jkollhom referenza għal din id-Deċiżjoni.

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Madagaskar għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni kull tliet xhur tal-kwantitajiet li għalihom inħarġu ċertifikati ta’ moviment EUR 1 skont din id-Deċiżjoni u n-numri tas-serje ta’ dawn iċ-ċertifikati.

    Artikolu 5

    Il-kaxxa 7 ta’ ċertifikati EUR 1 maħruġa skont din id-Deċiżjoni għandu jkun fiha dan li ġej:

    “Deċiżjoni tad-Deroga 2008/751/KE”.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2008.

    Għandha tapplika sakemm ir-regoli ta’ oriġini stipulati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 jiġu sostitwiti b’dawk annessi ma’ kwalunkwe ftehim mal-Madagaskar meta dan il-ftehim jew ikun applikat proviżorjament, jew jidħol fis-seħħ, skont liema minnhom iseħħ l-ewwel, iżda fi kwalunkwe każ din id-Deċiżjoni m’għandhiex tapplika wara l-31 ta’ Diċembru 2008.

    Artikolu 7

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 18 ta’ Settembru 2008.

    Għall-Kummissjoni

    László KOVÁCS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 348, 31.12.2007, p. 1.

    (2)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 1.

    (3)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.


    ANNESS

    IL-MADAGASKAR

    In-Nru tal-Ordni

    Kodiċi NM

    Deskrizzjoni tal-oġġetti

    Perjodu

    Kwantitajiet

    09.1645

    ex 1604 14 11 , ex 1604 14 18 , ex 1604 20 70

    Tonn ippreservat (1)

    1.1.2008 sal-31.12.2008

    2 000 tunnellata

    09.1646

    1604 14 16

    Flettijiet tat-tonn

    1.1.2008 sal-31.12.2008

    500 tunnellata


    (1)  Fi kwalunkwe għamla ta' imballaġġ li bih il-prodott jitqies bħala ppreservat fi ħdan it-tifsira tal-intestatura HS 1604.


    Top