Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R1295

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1295/2007 tal- 5 ta’ Novembru 2007 li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (jiġifieri l-mandolin, eċċ.) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina suġġetti għal reġistrazzjoni

    ĠU L 288, 6.11.2007, p. 22–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 09/08/2008

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1295/oj

    6.11.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 288/22


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1295/2007

    tal-5 ta’ Novembru 2007

    li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (jiġifieri l-mandolin, eċċ.) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina suġġetti għal reġistrazzjoni

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ir-Regolament bażiku) (1) u b' mod partikolari l-Artikoli 10(4) u 14(5) tiegħu,

    Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    Il-Kummissjoni rċeviet talba, skond l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, biex tagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (jiġifieri l-mandolin, eċċ.) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina suġġetti għal reġistrazzjoni.

    A.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT

    (1)

    Il-prodott ikkonċernat minn din ir-reġistrazzjoni huwa mandolin ippreparat jew ippriżervat (inklużi l-varjetajiet tangerines u satsumas), klementini, wilkings u ibridi taċ-ċitru simili oħrajn, mingħajr spirti miżjuda, sew jekk miżjuda biz-zokkor jew sustanza oħra ta' ħlewwa, sew jekk le, u kif definit taħt l-intestatura NM 2008, li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (il-prodott ikkonċernat), normalment iddikjarat fi ħdan il-kodiċi NM 2008 30 55, 2008 30 75 u ex 2008 30 90.

    B.   TALBA

    (2)

    Wara li rċeviet ilment mingħand il-Federazzjoni Nazzjonali Spanjola ta’ l-Assoċjazzjonijiet tal-Frott u l-Ħaxix Ipproċessat (FNACV) (minn hawn 'il quddiem “l-applikant”), il-Kummissjoni ddeterminat li hemm biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta' proċediment u għalhekk, b'konformità ma' l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, ħabbret permezz ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (l-“Avviż ta’ Bidu”) il-bidu ta’ proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ frott taċ-ċitru ppreparat jew ppriżervat (jiġifieri l-mandolin, eċċ.) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (2).

    (3)

    L-applikant jitlob ukoll li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat isiru suġġetti għal reġistrazzjoni skond l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku ħalli l-miżuri jkunu jistgħu jiġu sussegwentement applikati fuq dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ dik ir-reġistrazzjoni.

    Ċ.   IL-MIŻURI EŻISTENTI

    (4)

    Il-prodott ikkonċernat huwa attwalment suġġett ħafna għal miżuri ta’ ħarsien definittivi imposti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 658/2004 (3). Dawn il-miżuri se jiskadu fit-8 ta' Novembru 2007.

    D.   IL-BAŻIJIET GĦAR-REĠISTRAZZJONI

    (5)

    Skond l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Bażiku, ma jistgħux jiġu imposti miżuri provviżorji qabel 60 jum mill-bidu. Madankollu, skond l-Artikolu 10(4) tar-Regolament Bażiku, dazju definittiv anti-dumping jista’ jiġi intaxxat fuq prodotti li jkunu ddaħħlu għall-konsum mhux iktar minn 90 jum qabel id-data ta’ l-applikazzjoni tal-miżuri provviżorji, sakemm il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu jiġu sodisfatti, u l-importazzjonijiet ikunu ġew irreġistrati skond b'konformità ma’ l-Artikolu 14(5). Skond l-Artikolu 14(5) tar-Regolament Bażiku, il-Kummissjoni tista’, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, titlob lill-awtoritajiet tad-dwana jieħdu l-passi meħtieġa għar-reġistrazzjoni ta’ l-importazzjonijiet, ħalli l-miżuri jkunu jistgħu jiġu sussegwentement applikati fuq dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ dik ir-reġistrazzjoni. L-importazzjonijiet jistgħu jsiru suġġetti għal reġistrazzjoni wara talba mill-industrija Komunitarja li jkun fiha biżżejjed evidenza biex din l-azzjoni tiġi ġġustifikata.

    (6)

    It-talba fiha biżżejjed evidenza biex ir-reġistrazzjoni tkun iġġustifikata. Dan huwa appoġġjat iktar minn evidenza minn sorsi oħrajn.

    (7)

    Fir-rigward tad-dumping il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza prima facie li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina qegħdin jiġu ddampjati, u li l-esportaturi jeżerċitaw id-dumping. L-ilment anti-dumping u t-talba għal reġistrazzjoni fihom evidenza fir-rigward ta' prezzijiet ta' esportazzjoni marbuta ma' l-istaġun 2006/2007. Dan huwa appoġġjat iktar minn tagħrif li ħareġ minn data ta’ l-Eurostat u minn bosta offerti jew stqarrijiet ta’ prezzijiet ta’ esportazzjoni li ħarġu minn għadd ta' sorsi u indirizzati lil għadd ta’ importaturi. L-evidenza rigward il-valur normali, li tinsab fl-ilment anti-dumping u t-talba għal reġistrazzjoni, f’dan l-istadju u suġġetta għal aktar data li tista’ ssir disponibbli matul l-investigazzjoni, fiha data dettaljata li tikkonċerna l-prezzijiet domestiċi u l-ispejjeż tal-produzzjoni mill-produtturi kollha jew kważi, f'pajjiż analogu. F’dan l-istadju, din id-data, aġġustata sew għal spejjeż stmati ta’ trasport u spejjeż oħrajn, tidher li għandha x’taqsam ma’ l-istess prodott u żmien u l-istess livell ta’ kummerċ, u għalhekk tidher li hija komprabbli ħafna. Fuq kollox, u meta jitqies l-estent tal-marġini ta’ dumping allegat, din l-evidenza tipprovdi biżżejjed appoġġ f’dan l-istadju li l-esportaturi meqjusa jeżerċitaw id-dumping.

    (8)

    Fir-rigward tal-ħsara, il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza prima facie li l-prattiki ta’ dumping ta’ l-esportaturi qed joħolqu ħsara jew kieku joħolqu ħsara. Din l-evidenza fiha data dettaljata, li tinsab fl-ilment anti-dumping u t-talba għar-reġistrazzjoni u appoġġjati minn tagħrif minn sorsi oħrajn, li jikkonċernaw il-fatturi ewlenin ta' ħsara stabbiliti fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażiku. Barra minn hekk, l-evidenza marbuta ma’ l-investigazzjoni ta' ħarsien ta’ qabel tappoġġja l-fehma li, mingħajr il-miżura ta’ ħarsien, il-volum ta’ l-importazzjonijiet jiżdiedu b’mod sinifikanti, u li l-industrija Komunitarja tbati iktar ħsara.

    (9)

    Il-Kummissjoni għandha wkoll għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza prima facie, fl-ilment anti-dumping u t-talba għar-reġistrazzjoni u appoġġjata minn tagħrif minn sorsi oħrajn, li l-importaturi kienu jafu, jew misshom kienu jafu, li l-esportaturi jeżerċitaw dumping dannuż jew li x'aktarx ikun dannuż lill-industrija Komunitarja. Ġie ppubblikat avviż li jibda investigazzjoni f’dumping allegatament dannuż. Barra minn hekk, bosta artikli fl-istampa speċjalizzata matul żmien estiż jissuġġerixxu li l-industrija Komunitarja tista’ tbati ħsara minħabba importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi miċ-Ċina. Fl-aħħar nett, meta jitqies l-estent tad-dumping li jidher li jista’ jkun qed jiġri, ikun raġjonevoli li jiġi konkluż li l-importaturi jkunu jafu, jew imisshom ikunu jafu, bis-sitwazzjoni.

    (10)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza prima facie li ħsara bħal din qiegħda ssir jew issir minn importazzjonijiet iddampjati fi kwantità fi żmien relattivament qasir li fid-dawl taż-żmien u l-volum ta’ l-importazzjonijiet iddampjati u ċirkostanzi oħrajn (bħal ħolqien malajr ta' inventarji) x'aktarx li jimmina serjament l-effett ta' rimedju ta' kwalunkwe dazji definittivi anti-dumping, sakemm dawn id-dazji ma jiġux applikati retroattivament. Din l-evidenza, li tinsab fl-ilment anti-dumping u t-talba għar-reġistrazzjoni u appoġġata minn tagħrif minn sorsi oħrajn, fiha tagħrif dwar in-natura tal-prodott, inkluż in-natura funġibbli u staġonali tiegħu, u l-fatt li jitqiegħed fil-laned u jista' jinħażen faċilment għal perjodi estensivi, u ttrasportat faċilment. Dan jagħmel possibbli wkoll il-ħolqien malajr ta’ inventarji. Barra minn hekk, l-evidenza mill-investigazzjoni ta’ ħarsien tikkonferma l-fehma li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe miżura, il-volum ta’ l-importazzjonijiet ikun għal darba oħra probabbli li jiżdied drammatikament. Dan hu partikolarment minnu, minħabba li l-iskadenza tal-miżura ta’ ħarsien taħbat ma’ ftit qabel il-bidu ta’ l-istaġun tat-tqegħid fil-laned.

    (11)

    Minħabba f’hekk, il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni f’dan il-każ ġew sodisfatti.

    E.   IL-PROĊEDURA

    (12)

    Fid-dawl ta’ li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-talba ta' l-applikant fiha biżżejjed evidenza biex l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat isiru suġġetti għal reġistrazzjoni, b'konformità ma' l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

    (13)

    Il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jippreżentaw l-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jipprovdu evidenza ta' sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' partijiet interessati, sakemm dawn jagħmlu talba bil-miktub u juru li jeżistu raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu.

    F.   IR-REĠISTRAZZJONI

    (14)

    Skond l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat għandhom isiru suġġetti għal reġistrazzjoni sabiex jiġi żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f’sejbiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping, dawk id-dazji, ikunu jistgħu, jekk l-kundizzjonijiet neċessarji jiġu ssodisfatti, jiġu intaxxati retroattivament skond id-dispożizzjonijiet ġuridiċi applikabbli.

    (15)

    Kull responsabilità għall-ġejjieni tiġi mis-sejbiet ta’ l-investigazzjoni anti-dumping. L-allegazzjonijiet fl-ilment li jitlob il-bidu ta’ investigazzjoni jaqbżu l-50 % għad-dumping u t-30 % għad-danni.

    Ġ.   L-IPPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

    (16)

    Kull data personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tkun ittrattata skond ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tat-18 ta' Diċembru 2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data  (4),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-awtoritajiet tad-Dwana huma b’dan diretti, skond l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ mandolin ippreparat jew ippriżervat (inklużi l-varjetajiet tangerines u satsumas), klementini, wilkings u ibridi taċ-ċitru simili oħrajn, mingħajr spirti miżjuda, sew jekk miżjuda biz-zokkor jew sustanza oħra ta' ħlewwa, sew jekk le, u kif definit taħt l-intestatura NM 2008, li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 2008 30 55, 2008 30 75 u ex 2008 30 90 (kodiċi TARIC 2008309061, 2008309063, 2008309065, 2008309067 u 2008309069). Ir-reġistrazzjoni tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw l-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jipprovdu evidenza ta' sostenn jew li jitolbu li jinstemgħu fi żmien 20 jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-9 ta’ Novembru 2007.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 5 ta’ Novembru 2007.

    Għall-Kummissjoni

    Peter MANDELSON

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1 Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

    (2)  ĠU C 246, 20.10.2007, p. 15.

    (3)  ĠU L 104, 8.4.2004, p. 67.

    (4)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


    Top