Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0021

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 22 ta' Diċembru 2006 li temenda d-Deċiżjoni 2005/760/KE rigward il-miżuri ta' ħarsien li għandhom x'jaqsmu ma' l-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja u l-importazzjonijiet ta' għasafar għajr it-tjur fil-Komunità (notifikat bid-dokument numru C(2006) 6969) Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 7, 12.1.2007, p. 44–45 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 219M, 24.8.2007, p. 30–31 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2007; Impliċitament imħassar minn 32007R0318

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/21(1)/oj

    24.8.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    30


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-22 ta' Diċembru 2006

    li temenda d-Deċiżjoni 2005/760/KE rigward il-miżuri ta' ħarsien li għandhom x'jaqsmu ma' l-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja u l-importazzjonijiet ta' għasafar għajr it-tjur fil-Komunità

    (notifikat bid-dokument numru C(2006) 6969)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2007/21/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċerti annimali u prodotti ħajjin bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 10(4) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta' kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (2), u partikolarment l-Artikolu 18(7) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 22(6) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Wara t-tifqigħa ta' l-influwenza tat-tjur fix-Xlokk ta' l-Ażja fl-2004, ikkawżata minn razza tal-vajrus H5N1 b'patoġeniċità għolja, il-Kummissjoni adottat bosta miżuri ta' ħarsien marbuta ma' din il-marda. Dawn il-miżuri inkludew b'mod partikolari d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/760/KE tas-27 ta' Ottubru 2005 rigward ċerti miżuri ta' ħarsien relatati ma' l-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja f'ċerti pajjiżi terzi għall-importazzjoni ta' għasafar maqbuda f'ġaġġa (4). Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/760/KE bħalissa tapplika sal-31 ta' Diċembru 2006.

    (2)

    Fis-27 ta' Ottubru 2006, il-Bord ta' l-Awtorità Ewropea tas-Sigurtà ta' l-Ikel (EFSA) fuq is-saħħa u l-benesseri ta' l-annimali (AHAW) adotta Opinjoni Xjentifika dwar ir-riskji fuq is-saħħa u l-benesseri ta' l-annimali assoċjati ma' l-importazzjoni ta' għasafar selvaġġi minbarra t-tjur fil-Komunità (“l-Opinjoni”). L-Opinjoni saret disponibbli uffiċjalment fl-14 ta' Novembru 2006.

    (3)

    L-Opinjoni identifikat għadd ta' oqsma fejn it-titjibiet inaqqsu b'mod sinifikanti kwalunkwe riskju għas-saħħa identifikat relatat ma' l-importazzjoni ta' għasafar għajr it-tjur. B'mod partikolari, l-Opinjoni tippunta subgħajha lejn ir-riskji tat-tixrid tal-mard virali bħall-influwenza tat-tjur u l-marda ta' Newcastle permezz ta' l-importazzjonijiet ta' għasafar għajr it-tjur u tidentifika għodda u għażliet possibbli li jistgħu jnaqqsu kwalunkwe riskju għas-saħħa ta' l-annimali identifikat relatat ma' l-importazzjoni ta' dawn l-għasafar. Peress li l-Opinjoni Xjentifika se tiggwida l-politika tal-ġejjieni ta' l-UE dwar is-saħħa ta' l-annimali u l-aspetti tal-benessri ta' dawn l-importazzjonijiet, jeħtieġ li l-kontribut xjentifiku li wasal għand il-Kummissjoni jiġi vvalutat kif xieraq permezz ta' kunsiderazzjoni bir-reqqa tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet stipulati fl-Opinjoni, sabiex titwaqqaf sistema koerenti għal dawn l-importazzjonijiet.

    (4)

    Rigward il-miżuri stipulati fid-Deċiżjoni 2005/760/KE, il-Kummissjoni bdiet valutazzjoni ta' l-Opinjoni minnufih wara r-rilaxx tagħha u twettqet l-ewwel analiżi ta' l-Opinjoni u l-emendi possibbli għal dawn il-miżuri tul il-laqgħa tal-grupp espert ta' ħidma fil-qafas tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali fl-14 ta' Novembru 2006 u fil-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali fis-27 ta' Novembru 2006. Madankollu, fid-dawl tal-qagħda dinjija attwali tas-saħħa ta' l-annimali rigward l-influwenza tat-tjur, sabiex l-Istati Membri, kif indikaw fil-laqgħa tas-27 ta' Novembru 2006 u l-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, jitħallew itemmu din il-valutazzjoni u jħejju l-miżuri li għandhom jiġu stipulati, ir-restrizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni 2005/760/KE għandhom jissoktaw għal perjodu ta' tranżizzjoni qasir.

    (5)

    Id-Deċiżjoni 2005/760/KE għandha tiġi emendata skond dan.

    (6)

    Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 2005/760/KE, id-data tal-“31 ta' Diċembru 2006” għandha tinbidel u ssir il-“31 ta' Marzu 2007”.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri għandhom, minnufih, jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni u jippubblikaw dawn il-miżuri. Huma għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, 22 ta' Diċembru 2006.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2002/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 315, 19.11.2002, p. 14).

    (2)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

    (3)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1); verżjoni kkoreġuta (ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1).

    (4)  ĠU L 285, 28.10.2005, p. 60. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2005/862/KE.


    Top