Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R1467

1467/2004/KE: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/2004 tat- 13 ta’ Awwissu 2004 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta' polyethylene terephthalate li joriġinaw fl-Awstralja, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jtemm il-proċedura ta' anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta' polyethylene terephthalate li joriġinaw fil-Pakistan u jirrilaxxa l-ammonti ggarantiti bid-dazji proviżorji imposti

ĠU L 352M, 31.12.2008, pp. 10–26 (MT)
ĠU L 271, 19.8.2004, pp. 1–17 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/08/2009

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/1467/oj

31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

10


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1467/2004

tat-13 ta’ Awwissu 2004

li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta' polyethylene terephthalate li joriġinaw fl-Awstralja, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jtemm il-proċedura ta' anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta' polyethylene terephthalate li joriġinaw fil-Pakistan u jirrilaxxa l-ammonti ggarantiti bid-dazji proviżorji imposti

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunitajiet Ewropej (1) (ir-“Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   MIŻURI PROVIŻORJI

(1)

Fid-19 ta' Frar 2004, il-Kummissjoni imponiet, bir-Regolament (KE) Nru 306/2004 (2) (“ir-Regolament proviżorju”), dazju anti-dumping proviżorju fuq importazzjonijiet fil-Komunità ta' polyethylene terephthalate (“PET”) li joriġinaw fl-Awstralja, fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u fil-Pakistan (“il-pajjiżi kkonċernati”).

(2)

Huwa mfakkar li l-perijodu ta' l-investigazzjoni tad-dumping u ħsara (IP) kopra l-perijodu bejn l-1 ta' April 2002 u l-31 ta' Marzu 2003. Il-valutazzjoni ta' xejriet rilevanti għall-analiżi ta' ħsara kopriet il-perijodu mill-1 ta' Jannar 1999 sa tmiem l-IP (“il-perijodu kkunsidrat”).

2.   PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI PARALLELA

(3)

Huwa mfakkar li nbdiet reviżjoni interim dwar importazzjonijiet ta' PET li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea u t-Tajwan b'avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea fit-22 ta' Mejju 2003 (3).

3.   PROĊEDURA SUSSEGWENTI

(4)

Wara l-impożizzjoni ta' dazju anti-dumping proviżorju fuq importazzjonijiet ta' PET mill-pajjiżi kkonċernati, il-partijiet kollha rċevew tagħrif tal-fatti u tal-konsiderazzjonijiet li fuqhom kien ibbażat ir-Regolament proviżorju. Il-partijiet kollha ngħataw perijodu li fih setgħu jagħmlu sottomissjonijiet dwar dan it-tagħrif.

(5)

Xi partijiet interessati ssottomettew kummenti bil-miktub. Dawk il-partijiet li talbu dan, ingħataw ukoll l-opportunità li jinstemgħu verbalment. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li hija qieset neċessarja. Ġew eżaminati l-kummenti verbali u bil-miktub sottomessi mill-partijiet, u, fejn kien ikkunsidrat xieraq, ir-riżultati proviżorji ġew emendati kif meħtieġ.

(6)

Is-servizzi tal-Kummissjoni żvelaw ukoll il-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali kollha li abbażi tagħhom il-Kummissjoni kien bi ħsiebha tirrakkomanda l-impożizzjoni ta' dazju anti-dumping definittiv u l-ġbir definittiv ta' l-ammonti ggarantiti permezz tad-dazju proviżorju. Il-partijiet interessati ngħataw ukoll perijodu li fih huma setgħu jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom wara dan it-tagħrif. Il-kummenti verbali u bil-miktub sottomessi mill-partijiet ġew ikkunsidrati, u fejn xieraq, il-proposta għal dazju anti-dumping definittiv ġiet emendata kif meħtieġ.

B.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

(7)

Huwa mfakkar illi fil-premessa (14) tar-Regolament proviżorju, il-prodott ikkonċernat kien definit bħala polyethylene terephthalate bi grad ta' viskożità ta' 78 ml/g jew aktar skond l- Istandard ISO 1628-5, bħalissa klassifikabbli taħt il-Kodici NM 3907 60 20 , u li joriġina fil-pajjiżi kkonċernati.

(8)

Barra minn hekk, fil-premessa (18) tar-Regolament proviżorju, ingħad li l-Kummissjoni kienet sabet li l-PET prodott mill-industrija Komunitarja u mibjugħ fis-suq Komunitarju kif ukoll il-PET prodott fil-pajjiżi kkonċernati u esportat lejn il-Komunità huma prodotti simili, billi ma nstabet l-ebda differenza fil-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u fl-użu tat-tipi differenti eżistenti ta' PET.

(9)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment dwar id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat u l-prodott simili, il-kontenut u l-konklużjonijiet proviżorji tal-premessi (14) sa (18) tar-Regolament proviżorju huma b'dan ikkonfermati.

C.   DUMPING

1.   METODOLOĠIJA ĠENERALI

(10)

Il-metodoloġija ġenerali użata sabiex tistabbilixxi jekk l-importazzjonijiet fil-Komunità tal-prodott ikkonċernat ġewx soġġetti għal dumping kienet deskritta fil-premessi (19) sa (34) tar-Regolament proviżorju.

1.1.   Valuri normali

(11)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment, is-sejbien proviżorju rigward il-valuri normali kif stipulat fil-premessi (20) sa (27) tar-Regolament proviżorju huwa kkonfermat.

1.2.   Prezz ta' esportazzjoni

(12)

Diversi kumpanniji argumentaw illi r-rati ta' kambju użati mill-Kummissjoni meta għamlet is-sejbien proviżorju ma kinux korretti, ma kinux ġejjin minn sors pubbliku affidabbli u talbu illi r-rati tal-kambju għandhom minflok jiġu minn sors uffiċjali verifikabbli.

(13)

Dawn l-allegazzjonijiet ġew investigati fil-fond u wara verifika, instab li kien hemm xi żbalji fir-rati tal-kambju użati mill-Kummissjoni meta għamlet is-sejbien proviżorju. Għalhekk, il-kalkoli ġew riveduti abbażi tar-rati tal-kambju medji ta' kull xahar ippubblikati minn (i) il-Kummissjoni għall-kambji kollha li jinvolvu l-Euro (EUR); (ii) ir-Riżerva Federali ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika għall-kambji kollha bejn id-dollaru Amerikan, il-Yen Ċiniż (CNY) u d-dollaru ta' Hong Kong (HKD); u (iii) il-Bank taċ-Ċina għall-kambji bejn id-dollaru ta' Hong Kong (HKD) u l-Yen Ċiniż (CNY). Dawn ir-rati ta' kambju kollha ġew applikati, kif kien il-każ għall-kalkolazzjonijiet proviżorji abbażi tar-rati tal-kambju medju ta' kull xahar applikabbli għax-xahar tal-ħruġ tal-fattura tal-bejgħ.

1.3.   Paragun

(14)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment dwar il-bażi li fuqha ġew imqabbla l-valur normali u l-prezzijiet ta' l-esportazzjoni, il-premessa (30) tar-Regolament proviżorju hija kkonfermata.

1.4.   Marġni ta' dumping

(15)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment, il-premessi (31) sa (34) tar-Regolament proviżorju dwar il-metodoloġija applikata għall-kalkolazzjoni tal-marġni ta' dumping huma kkonfermati.

2.   L-AWSTRALJA

(16)

Wieħed biss miż-żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw għamel sottomissjonijiet wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji.

2.1.   Valur normali

(17)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment, is-sejbien proviżorju dwar il-valur normali, kif stipulat fil-premessa (36) tar-Regolament proviżorju huwa kkonfermat.

2.2.   Prezz ta' esportazzjoni

(18)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment għajr dawk diġà msemmijin hawn fuq fil-premessi (12) u (13), il-metodoloġija imfissra fil-premessa (37) tar-Regolament proviżorju hija kkonfermata.

2.3.   Paragun

(19)

Produttur esportatur wieħed sostna illi konċessjonijiet differenti dwar assistenza teknika ta' wara l-bejgħ u spejjeż ta' kummerċjalizzazzjoni ma kinux tqiesu mill-Kummissjoni meta għamlet is-sejbien proviżorju tagħha. It-talba fir-rigward ta' l-assistenza teknika ġiet aċċettata wara verifika skond l-Artikolu 2(10)(h) tar-Regolament bażiku. It-talba dwar spejjeż ta' kummerċjalizzazzjoni ġiet aċċettata wara verifika skond l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku.

2.4.   Marġni ta' dumping

(20)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment, is-sejbien fil-premessi (39) sa (41) tar-Regolament proviżorju dwar il-metodoloġija applikata għall-kalkolazzjoni tal-marġni ta' dumping 'huwa b'dan ikkonfermat.

(21)

Il-marġnijiet ta' dumping definittivi, espressi bħala perċentwali tal-prezz ta' importazzjoni CIF fil-fruntiera Komunitarja, huma:

Leading Synthetics Pty Ltd: 7,8 %

Novapex Australia Pty Ltd: 15,9 %

Marġni ta' dumping residwu: 15,9 %.

3.   IL-PAKISTAN

(22)

Iż-żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw għamlu sottomissjonijiet wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji fejn huma sostnew li ma kellhomx jiġu trattati bħala żewġ entitajiet separati għalkemm relatati, iżda, minħabba r-relazzjoni tagħhom, kellhom jiġu trattati bħala produttur esportatur uniku u għalhekk konsegwentement, kellha ssir biss kalkolazzjoni waħda ta' dumping.

(23)

Din it-talba ġiet analizzata fil-fond abbażi ta' l-argumenti żviluppati minn dawn il-produtturi esportaturi sussegwentement għas-sejbien proviżorju.

(24)

Instab illi l-karatteristiċi partikolari tar-relazzjoni bejn il-kumpanniji kkonċernati u l-interkonnessjonijiet mill-qrib fl-operazzjonijiet tagħhom kienet tali li tiddistingwi l-pożizzjoni tagħhom minn sitwazzjoni tipika ta' żewg kumpanniji relatati. B'mod partikolari ġiet ikkunsidrata r-rabta finanzjarja tassew sinifikanti u l-konnessjonijiet l-oħrajn bejn iż-żewġ produtturi esportaturi, il-fatt li jbiegħu il-prodott ikkonċernat taħt l-istess marka, il-fatt li jaqsmu l-istess bini u organizzazzjoni amministrattiva kif ukoll l-istess taqsima ta' kummerċjalizzazzjoni. Barra minn hekk, dawn jaqsmu fil-parti l-kbira, l-istess persunal u Diretturi u għandhom pjan ta' produzzjoni komuni. Dawn l-elementi kollha flimkien jistgħu jitqiesu bħala suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li taħt dawn iċ-ċirkostanzi partikolari, is-sitwazzjoni taż-żewġ produtturi esportaturi titlob li dawn jiġu trattati bħala produttur esportatur uniku fil-kummerċ tal-PET Pakistani, aktar milli bħala żewġ kumpanniji separati. Għaldaqstant, fid-dawl ta' dawn l-elementi kollha, ġie kkunsidrat li din it-talba għandha tintlaqa'.

3.1.   Valur normali

(25)

Fid-dawl ta' dan t'hawn fuq, il-metodoloġija ġenerali spjegata fil-premessi (20) sa (34) tar-Regolament proviżorju kienet applikata għal produttur esportatur uniku u l-metodoloġija spjegata fil-premessi (43) u (44) tar-Regolament proviżorju ġiet riveduta.

(26)

Il-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet, għall-produttur esportatur uniku, jekk il-bejgħ domestiku totali tal-prodott ikkonċernat kienx rappreżentattiv meta mqabbel mal-bejgħ ta' l-esportazzjoni totali lejn il-Komunità. Skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-bejgħ domestiku kien ikkunsidrat rappreżentattiv meta l-volum totali tal-bejgħ domestiku ta' kull produttur esportatur kien ta' mill-inqas 5 % tat-total tal-volum ta' bejgħ esportat lejn il-Komunità.

(27)

Sussegwentement, il-Kummissjoni identifikat dawk it-tipi ta' PET, mibjugħin domestikament mill-produttur esportatur uniku li kellu bejgħ domestiku totali rappreżentattiv u li kienu identiċi jew direttament komparabbli mat-tipi mibjugħin għall-esportazzjoni lejn il-Komunità.

(28)

Għal kull tip mibjugħ mill-produttur esportatur uniku fis-suq domestiku tiegħu u misjub li hu komparabbli direttament mat-tip ta' PET mibjugħ għall-esportazzjoni lejn il-Komunità, ġie stabbilit jekk il-bejgħ domestiku kienx rappreżentattiv biżżejjed għall-għanijiet ta' l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Bejgħ domestiku ta' tip partikolari ta' PET kien ikkunsidrat rappreżentattiv biżżejjed meta l-volum totali tal-bejgħ domestiku ta' dak it-tip matul l-IP irrappreżenta 5 % jew aktar tal-volum totali ta' bejgħ tat-tip ta' PET komparabbli esportat lejn il-Komunità.

(29)

Ġie eżaminat ukoll jekk il-bejgħ domestiku ta' kull tip ta' PET setax jiġi kkunsidrat li seħħ fil-kors ordinarju tal-kummerċ, billi ġie stabbilit il-proporzjon ta' bejgħ bi qligħ lill-klijenti indipendenti tat-tip ta' PET in kwistjoni, skond il-premessi (23) u (24) tar-Regolament proviżorju.

(30)

Kull fejn prezz domestiku ta' tip partikolari mibjugħ minn produttur esportatur uniku ma setax jintuża', kellu jintuża valur normali mibni.

(31)

Konsegwentament, skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, inbena valur normali billi mal-medja ta' l-ispejjeż peżati tal-manifattura tat-tipi esportati, aġġustati fejn hemm bżonn, żdied ammont raġonevoli għal spejjeż ta' bejgħ, ġenerali u amministrattivi (“SG&A”) u marġni raġonevoli ta' profitt. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-SG&A involuti u l-profitt magħmul mill-produttur esportatur uniku fis-suq domestiku kinitx data affidabbli.

(32)

Spejjeż attwali domestiċi SG&A kienu kkunsidrati affidabbli meta l-volum totali tal-bejgħ domestiku tal-produttur esportatur uniku seta' kien ikkunsidrat bħala rappreżentattiv meta mqabbel mal-volum ta' bejgħ esportat lejn il-Komunità. Il-marġni ta' profitt domestiku kien stabbilit abbażi tal-bejgħ domestiku ta' dawk it-tipi li nbiegħu fil-kors ordinarju tan-negozju. Għal din ir-raġuni, ġiet applikata l-metodoloġija stabbilita fil-premessa (23) tar-Regolament proviżorju.

(33)

Għal żewġ tipi ta' PET esportati mill-produttur esportatur uniku, il-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi valur normali abbażi tal-prezzijiet imħallsa jew pagabbli fil-kors ordinarju tan-negozju mill-klijenti indipendenti fis-suq domestiku, skond l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku. Għat-tliet tipi ta' PET, li nstab li l-bejgħ domestiku tagħhom ma kienx wieħed rappreżentattiv, intuża valur normali mibni, skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku.

3.2.   Prezz ta' esportazzjoni

(34)

Il-bejgħ kollu tal-prodott ikkonċernat magħmul mill-produttur esportatur uniku fis-suq Komunitarju sar lill-klijenti indipendenti fil-Komunità. Konsegwentament, il-prezz ta' esportazzjoni ġie stabbilit skond l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku abbażi tal-prezzijiet attwalment imħallsa jew pagabbli.

3.3.   Paragun

(35)

Sabiex jiġi żgurat paragun ġust, ġew ikkunsidrati, skond l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, id-differenzi fil-fatturi allegati u murija li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragun tal-prezz. Abbażi ta' dan, ingħataw konċessjonijiet għad-differenzi fit-trasport, fl-assigurazzjoni, spejjeż ta' maniġġ, kummissjonijiet, kreditu u fatturi oħrajn.

3.4.   Marġni ta' dumping

(36)

Kif previst fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-valur normali medju peżat ta' kull tip ta' prodott ikkonċernat esportat lejn il-Komunità mill-produttur esportatur uniku, tqabbel mal-prezz ta' l-esportazzjoni medju peżat ta' kull tip ta' prodott li jikkorrispondi tal-prodott ikkonċernat.

(37)

Il-marġni ta' dumping, imfisser bħala perċentwali tal-prezz ta' importazzjoni CIF fil-fruntiera Komunitarja, ġie rivedut fid-dawl tal-punti deskritti hawn fuq, u nstab li kien 1,6 % jiġifieri taħt il-livell de minimis kif definit fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku.

4.   IR-REPUBBLIKA POPOLARI TAĊ-ĊINA (“PRC”)

4.1.   Trattament ta' l-Ekonomija tas-Suq (“MET”)

(38)

L-erba' kumpanniji li la ngħataw MET u lanqas Trattament Individwali (“IT”) għamlu sottomissjonijiet fejn tennew it-talbiet imsemmija fil-premessi (57) sa (73) tar-Regolament proviżorju. Madankollu, ħadd minnhom ma pprovda evidenzi li setgħu jwasslu sabiex jikkontradixxu l-konklużjonijiet li ntlaħqu fir-Regolament proviżorju. Għalhekk, id-deċiżjoni li dawn l-erba' produtturi esportaturi li kkooperaw ma jingħatawx MET u s-sejbien stabbilit fil-premessi msemmijin hawn fuq tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

(39)

Wara kummenti rċevuti, ma kienx possibbli li jiġi kkalkolat il-marġni individwali għal waħda mill-kumpanniji li ngħatat IT biss, minħabba li l-esportazzjonijiet tagħha tal-prodott ikkonċernat għall-Unjoni Ewropea matul l-IP ma setgħux jiġu kkunsidrati li kienu fi kwantitajiet kummerċjali sinifikanti. Il-kumpannija l-oħra li ngħatat biss IT u li t-talba tagħha għall-MET ġiet miċħuda abbażi li ma ssodisfatx il-kriterju 2 speċifikat fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, ukoll għamlet sottomissjonijiet fejn hija rrepetiet it-talba tagħha għal MET. Madankollu, ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza oħra li kienet ta' natura li tikkontradixxi l-konklużjonijiet magħmulin fir-Regolament proviżorju. Konsegwentement, il-konklużjoni stabbilita fil-premessa (68) tar-Regolament proviżorju hija kkonfermata għal din il-kumpannija.

4.2.   Trattament individwali

(40)

Waħda mill-erba' kumpanniji li la ngħataw MET u lanqas IT sostniet li madankollu, il-kundizzjonijiet kollha għall-għoti ta' l-IT ġew sodisfatti. Iżda, minħabba li l-ebda evidenza ġdida ma ġiet ipprovduta, il-konklużjonijiet imniżżlin fil-premessa (76) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati u t-talba ġiet rifjutata.

4.3.   Valur Normali

4.3.1.   Determinazzjoni ta' valur normali għall-produtturi esportaturi kollha li ma ngħatawx MET

a)   Pajjiż analogu

(41)

Il-produtturi esportaturi rrepetew l-oġġezzjoni tagħhom dwar l-għażla ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika ("“US”) bħala l-pajjiż analogu. Ir-raġunijiet ewlenin mogħtijin kienu d-differenzi fl-iżvilupp kulturali u ekonomiku, id-differenzi fl-ispejjeż u l-fatt li l-pajjiżi bħall-Pakistan jew ir-Repubblika tal-Korea t'Isfel (“Korea”) kienu ferm aktar adatti milli l-Istati Uniti.

(42)

L-ewwelnett, differenzi fit-termini ta' l-iżvilupp kulturali huma kkunsidrati rrilevanti għall-għażla ta' pajjiż analogu, minħabba li pajjiż analogu huwa meħud li jirrifletti l-kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq u mhux livelli ta' l-iżvilupp kulturali komparabbli.

(43)

Fir-rigward ta' l-użu ta' pajjiż bi żvilupp ekonomiku differenti, għandu jissemma' illi, b'definizzjoni, pajjiż b'ekonomija mhux tas-suq jew b'ekonomija tranżitorja m'għandux l-istess karatteristiċi ekonomiċi bħal pajjiż b'ekonomija tas-suq. M'hijiex ħaġa rari li tkun teżisti differenza bħal din fl-iżvilupp ekonomiku bejn pajjiż analogu u pajjiż b'ekonomija mhux tas-suq jew b'ekonomija tranżitorja. Din, madankollu, ma twaqqafx lill-Istati Uniti milli jiġi magħżul bħala pajjiż analogu dment li dan jitqies iktar xieraq.

(44)

Fir-rigward tad-differenzi fl-ispejjeż, ta' min ifakkar li ma nstabet l-ebda differenza sinifikanti fil-prezzijiet imħallsa mill-produtturi fl-Istati Uniti u l-PRC għall-materja prima (PTA) li tirrappreżenta l-iktar parti sinifikanti ta' l-ispiża tal-produzzjoni tal-PET.

(45)

Xi produtturi esportaturi enfasizzaw il-fatt li waqt li l-ispejjeż tax-xogħol huma ogħla fl-Istati Uniti milli fil-PRC, l-ispejjeż tax-xogħol fil-Pakistan u l-Korea huma aktar komparabbli ma' l-ispejjeż tax-xogħol fiċ-Ċina. F'dawn iċ-ċirkostanzi, dawn il-produtturi kkunsidraw li l-Pakistan jew il-Korea jkunu aktar adatti bħala pajjiż analogu milli l-Istati Uniti.

(46)

Kif ingħad fil-premessa (43) hawn fuq, pajjiż b'livell ta' żvilupp ekonomiku differenti jista' jintgħażel bħala pajjiż analogu għal pajjiż li m'għandux ekonomija ta' suq jew b'ekonomija tranżitorja. Bl-istess mod, l-ispejjeż tax-xogħol li jirriflettu l-istat ta' żvilupp ekonomiku ta' pajjiż m'humiex ikkunsidrati, f'iżolament, bħala kriterju rilevanti. Fil-każ preżenti, minħabba l-parti tassew żgħira li l-ispiża tax-xogħol tirrappreżenta fl-ispiża totali tal-produzzjoni (jiġifieri inqas minn 3 % ta' l-ispiża totali tal-produzzjoni) meta mqabbel ma' l-ispiża tal-PTA (aktar minn 60 % ta' l-ispiża totali tal-produzzjoni), dan il-kriterju ma kienx ikkunsidrat suffiċjentement sinifikanti sabiex il-Pakistan jew il-Korea jintgħażlu bħala pajjiż analogu minflok l-Istati Uniti. Barra minn hekk, fid-dawl tal-livell ta' kompetizzjoni fil-pajjiż analogu magħżul u r-rappreżentattività tal-bejgħ domestiku lil klijenti indipendenti fil-pajjiż analogu kif imqabbel ma' l-esportazzjonijiet Ċiniżi ta' PET, il-Pakistan u l-Korea tqiesu bħala inqas adatti mill-Istati Uniti, kif spjegat fil-premessi (78) sa (86) tar-Regolament proviżorju. Għaldaqstant, din it-talba ġiet miċħuda.

(47)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħrajn dwar il-pajjiż analogu, l-għażla ta' l-Istati Uniti hija kkonfermata.

b)   Determinazzjoni ta' valur normali

(48)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment dwar id-determinazzjoni tal-valur normali, il-metodoloġija deskritta fil-premessi (87) sa (88) tar-Regolamenti proviżorju hija kkonfermata.

4.3.2.   Determinazzjoni ta' valur normali għal produtturi esportaturi mogħtija MET

(49)

Żewġ produtturi esportaturi allegaw li l-Kummissjoni kienet għaddiet darbtejn l-ammont ta' dazju li jinġabar lura fil-prezz tal-produzzjoni u sostnew l-allegazzjoni tagħhom b'dokumentazzjoni ta' appoġġ. Abbażi ta' din l-evidenza l-ġdida, it-talbiet ġew aċċettati għaż-żewġ kumpanniji kkonċernati u l-kalkolazzjoni ta' l-ispiża tal-produzzjoni ġiet ikkoreġuta kif meħtieġ. Wieħed minn dawn l-produtturi esportaturi argumenta wkoll illi xi aġġustamenti jew tħallew barra jew ma ġewx applikati korrettament. Wara verifika din it-talba ġiet aċċettata b'eċċezzjoni waħda relatata ma' l-ispiża tal-kreditu. Għal dan ta' l-aħħar, il-metodoloġija applikata mill-Kummissjoni fl-istadju proviżorju u spjegata fil-premessi (89) sa (91) tar-Regolament proviżorju hija kkonfermata.

4.4.   Prezzijiet ta' esportazzjoni

(50)

Żewġ produtturi esportaturi kkontestaw ir-rati ta' kambju użati mill-Kummissjoni. Kif diġà ġie spjegat fil-premessi (12) u (13) hawn fuq, din it-talba ġiet aċċettata.

4.5.   Paragun

(51)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment dwar il-bażi li fuqha l-valur normali u l-prezz ta' esportazzjoni ġew ipparagunati u l-aġġustamenti ġew magħmula sabiex jiżguraw paragun ġust bejn il-prezzijiet ta' esportazzjoni u l-valur normali, il-konklużjoni proviżorja kif tinsab fil-premessa (93) tar-Regolament proviżorju hija kkonfermata.

4.6.   Marġni ta' dumping

4.6.1.   Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw li ġew mogħtija MET/IT

(52)

Il-marġnijiet ta' dumping espressi bħala perċentwali fuq il-prezz ta' importazzjoni CIF fil-fruntiera Komunitarja, li ġew riveduti fid-dawl tal-kwistjonijiet deskritti hawn fuq, issa huma kif ġej:

Changzhou Worldbest Radici Co. Ltd

0  %

Far Eastern Industries Shanghai Ltd

2,6  %

Jiangyin Xingye Plastic Co. Ltd

18,4  %

Hubei Changfeng Chemical Fibres Industry Co. Ltd

18,5  %

4.6.2.   Għall-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha

(53)

Produttur esportatur wieħed sostna li l-kalkolazzjoni tad-dazju anti-dumping għall-produtturi esportaturi kollha li kkooperaw li la ngħataw MET u lanqas IT irriżultat f'dazju individwali għal kull waħda minn dawn il-kumpanniji. B'mod iżjed partikolari, dan il-produttur esportatur argumenta li l-produtturi esportaturi kollha li kkooperaw li la ngħataw MET u lanqas IT għandhom iħallsu l-istess ammont ta' dazju.

(54)

Fl-istadju proviżorju, dawn il-kumpanniji kellhom l-istess marġni ta' dumping f'perċentwali tal-valur CIF. Madankollu, il-kalkolazzjoni tad-dazju speċifiku għal kull tunnellata abbażi tal-valur CIF ta' l-importazzjonijiet ta' kull waħda minn dawn il-kumpanniji wasslet għal ammonti differenti ta' dazju. B'mod partikolari ġew stabbiliti dazji speċifiċi ta' EUR 188 għal kull tunnellata u EUR 191 għal kull tunnellata għal żewġ produtturi esportaturi rispettivament. L-ammont ta' dazju speċifiku għal kull tunnellata ġie kkoreġut għall- kalkolazzjoni ta' dazju definittiv kif ġej: il-marġni ta' dumping individwali għall-produtturi esportaturi li kkooperaw ġie kkalkolat billi tqabbel il-valur normali medju peżat stabbilit għall-pajjiż analogu u l-prezz ta' l-esportazzjoni medju peżat irrapportat mill-produtturi esportaturi kkonċernati. Il-marġni ta' dumping medju ġie mbagħad ikkalkulat bħala l-medja peżata tal-marġnijiet ta' dumping individwali stabbiliti għall-produtturi esportaturi li kkooperaw li la kienu ngħataw MET u lanqas IT. Id-dazju speċifiku għal kull tunnellata ġie kkalkolat billi ġie applikat dan il-marġni ta' dumping uniku għall-valur CIF peżat għal kull tunnellata stabbilit għal dawn il-kumpanniji. Kieku l-metodoloġija hawn fuq spjegata kienet ġiet applikata fl-istadju proviżorju, id-dazju proviżorju speċifikat għal kull tunnellata għall-produtturi esportaturi kollha li la ngħataw MET u lanqas IT kien ikun ta' EUR 183. Għaldaqstant, sa fejn id-dazji imposti bir-Regolament proviżorju kienu ogħla minn dan l-ammont, id-differenza m'għandhiex tinġabar definittivament.

(55)

Abbażi ta' dan, il-livell definittiv ta' dumping fuq il-pajjiż kollu ġie stabbilit li huwa ta' 22,9 % tal-prezz CIF fil-fruntiera Komunitarja.

D.   DANNU

1.   PRODUZZJONI FIL-KOMUNITÀ

(56)

Fin-nuqqas ta' informazzjoni ġdida sottomessa, il-bażi għall-kalkolazzjoni tal-produzzjoni totali tal-Komunità kif stipulata fil-premessi (100) sa (101) tar-Regolament proviżorju qiegħda b'dan tiġi kkonfermata.

2.   DEFINIZZJONI TA' L-INDUSTRIJA KOMUNITARJA

(57)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe informazzjoni ġdida sottomessa, id-definizzjoni ta' industrija Komunitarja kif stipulata fil-premessa (102) tar-Regolament proviżorju qiegħda b'dan tiġi kkonfermata.

3.   KONSUM FIL-KOMUNITÀ

(58)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe informazzjoni ġdida sottomessa, il-kalkolazzjoni tal-konsum Komunitarju kif stipulata fil-premessi (103) sa (106) tar-Regolament proviżorju qiegħda b'dan tiġi kkonfermata.

4.   IMPORTAZZJONIJIET FIL-KOMUNITÀ MILL-PAJJIŻI KKONĊERNATI

4.1.   Stima kumulattiva ta' l-effett ta' l-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping ikkonċernati — is-sehem mis-suq ta' l-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping

(59)

Kif imsemmi fil-premessa (52) hawn fuq, wieħed mill-produtturi esportaturi fil-PRC instab li ma kienx biegħ bi prezzijiet li huma oġġett ta' dumping matul l-IP. Barra minn hekk, u kif imsemmi fil-premessa (37) hawn fuq, il-marġni ta' dumping li nstab għall-produtturi esportaturi li kkooperaw fil-Pakistan kien inqas mil-limitu de minimis. Konsegwentement, il-volumi ta' esportazzjoni minn dawn il-produtturi esportaturi għandhom jitnaqqsu mill-volumi totali ta' importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati. L-evoluzzjoni ta' l-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati, kif murija fil-premessa (108) fir-Regolament proviżorju għandha għaldaqstant tkun kif ġej;

 

1999

2000

2001

2002

IP

PRC

144

20

9 000

86 788

117 953

Sehem tas-suq (%)

0  %

0  %

0,6  %

4,8  %

6,4  %

L-Awstralja

0

0

5 157

17 031

27 538

Sehem tas-suq (%)

0  %

0  %

0,5  %

0,9  %

1,5  %

Total tal-pajjiżi kkonċernati

144

20

14 157

103 819

145 491

Sehem tas-suq (%)

0  %

0  %

1,1  %

5,7  %

7,9  %

(60)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe informazzjoni ġdida sottomessa, jirriżulta mid-data hawn fuq illi, anke meta jitqies it-tnaqqis ta' l-importazzjonijiet li ma kinux oġġett ta' dumping, kif spjegat fil-premessa (59), il-kriterji ta' l-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku xorta jiġu sodisfatti fir-rigward tal-kumulazzjoni ta' importazzjonijiet li joriġinaw fil-PRC u l-Awstralja. Għaldaqstant, it-tnaqqis ta' l-importazzjonijiet li ma kinux oġġett ta' dumping ma jaffettwax ir-riżultati li għandhom x'jaqsmu ma' l-adegwatezza tal-valutazzjoni kumulattiva ta' l-effetti ta' l-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping kkonċernati, kif stipulat fir-Regolament proviżorju, speċjalment fid-dawl tal-fatt illi l-livell ta' tqaċċit tal-prezz li jinsab fir-Regolament proviżorju jikkorrispondi mal-livell ta' tqaċċit tal-prezz misjub għal dawk il-produtturi esportaturi li jibqa' wara t-tnaqqis ta' l-importazzjonijiet li ma kinux oġġett ta' dumping. Finalment, is-sehem tas-suq, fir-rigward ta' l-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping mill-Awstralja kif stipulat fil-premessi (107) sa (111) tar-Regolament proviżorju qiegħed b'dan jiġi kkonfermat.

(61)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe informazzjoni ġdida sottomessa barra minn dik t'hawn fuq, is-sejbien relatat mal-valutazzjoni kumulattiva ta' l-effetti ta' l-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping ikkonċernati u s-sehem tas-suq ta' dawn l-importazzjonijiet, kif stipulati fil-premessi (107) sa (111) tar-Regolament proviżorju, qegħdin b'dan jiġu kkonfermati.

4.2.   Prezzijiet ta' l-importazzjonijiet u tqaċċit tal-prezzijiet

(62)

Għandu jiġi mfakkar illi, biex saru s-sejbiet proviżorji, il-Kummissjoni kienet, kif stipulat fil-premessi (112) sa (114) tar-Regolament proviżorju, qabblet il-prezzijiet ex-works ta' l-industrija Komunitarja ma' dawk tal-produtturi esportaturi fil-pajjiżi kkonċernati fil-livell tal-valur CIF fil-fruntiera Komunitarja, waqt li jitqiesu d-dazji doganali, u b'aġġustamenti għall-ispejjeż tal-maniġġ u ta' livelli differenti ta' kummerċ.

(63)

Abbażi ta' prezzijiet ġodda CIF fil-fruntiera Komunitarja kkalkulati għall-produtturi esportaturi fl-Awstralja (ara premessa (21)) u l-PRC (ara premessa (52)), u minħabba r-rati tal-kambju l-ġodda użati (ara premessi (12) sa (13)), ġew ikkalkulati marġnijiet ġodda ta' tqaċċit tal-prezzijiet.

(64)

Il-marġnijiet il-ġodda li bihom l-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati li joriġinaw fil-pajjiżi kkonċernati qaċċtu l-prezzijiet medji ta' l-industrija Komunitarja, imfissra bħala perċentwali ta' dan ta' l-aħħar, huma li ġejjin:

Awstralja: 9,5 % sa 13,8 %,

PRC: 10,49 % sa 14,09 %.

(65)

Id-differenzi meta mqabbla mal-livell ta' tqaċċit tal-prezzijiet għall-produtturi esportaturi fl-Awstralja u l-PRC, kif ippreżentati fil-premessa (113) tar-Regolament proviżorju, m'humiex meqjusin sinifikanti. Il-konklużjoni magħmula dwar il-livell ta' tqaċċit ta' prezzijiet fir-Regolament proviżorju hija għalhekk ikkonfermata.

(66)

Xi produtturi esportaturi argumentaw li l-aġġustament magħmul għall-ispejjeż ta' maniġġ u l-livelli differenti għall-kummerċ (1 %) ma kienx suffiċjenti. Skond dawn il-produtturi esportaturi, l-aġġustamenti li saru ma kinux suffiċjenti biex ikopru l-ispejjeż reali imġarrba malli l-prodotti jiġu importati.

(67)

Madankollu, l-aġġustamenti kienu bbażati fuq informazzjoni attwali miġbura waqt l-investigazzjoni. Fin-nuqqas ta' kwalunkwe evidenza ġdida li l-livelli t'aġġustament magħmulin ma kinux korretti, jiġifieri ma kinux ibbażati fuq fatti miġbura, l-argumenti ta' dawn il-produtturi esportaturi huma miċħudin. Il-livell ta' l-aġġustament magħmul fir-Regolament proviżorju qiegħed b'dan jiġi kkonfermat.

(68)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe informazzjoni sottomessa barra minn dik t'hawn fuq, is-sejbiet fir-rigward tal-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet u tqaċċit tal-prezzijiet stipulati fil-premessi (112) sa (114) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

5.   SITWAZZJONI TA' L-INDUSTRIJA KOMUNITARJA

(69)

Għandu jiġi mfakkar li fil-premessa (147) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni kkonkludiet proviżorjament li l-industrija Komunitarja kienet sofriet danni materjali skond l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku.

(70)

Ħafna produtturi esportaturi iddubitaw l-interpretazzjoni taċ-ċifri relatati mas-sitwazzjoni ta' l-industrija Komunitarja kif ippreżentata fil-premessi (117) sa (144) tar-Regolament proviżorju. Huma ddikjaraw li ċ-ċifri ma urewx xi ħsara materjali. Dawn il-produtturi esportaturi allegaw li minflok, iċ-ċifri urew żieda kbira fil-volumi tal-produzzjoni, fil-kapaċità produttiva, fil-volumi tal-bejgħ u fil-prezzijiet medji sa mill-bidu tal-perijodu kkunsidrat (1999), li għandhom iwasslu għall-konklużjoni illi l-industrija Komunitarja ma ġarbitx ħsara materjali.

(71)

Il-produtturi esportaturi rreferew ukoll għall-fatt li l-konsum kien żdied bi 37 % matul il-perijodu kkunsidrat (premessa (106) tar-Regolament proviżorju). Huma sostnew illi, jekk l-industrija Komunitarja f'dawn iċ-ċirkostanzi vantaġġużi ma setgħetx tilħaq livell ta' effiċjenza, li seta' jiżgura marġni ta' profitt sostenibbli, anki jekk ikkonfrontata b'importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, ir-rendiment fqir kellu jkun attribwit għal fatturi fl-industrija Komunitarja stess aktar milli għall-kompetizzjoni minn importazzjonijiet.

(72)

Qiegħed jiġi innotat li ħadd mill-produtturi esportaturi ma ddubita miċ-ċifri relatati mas-sitwazzjoni ta' l-industrija Komunitarja fihom infushom, imma mill-interpretazzjoni tagħhom.

(73)

Meta jiġi analizzat l-iżvilupp ta' l-indikaturi ekonomiċi ta' l-industrija Komunitarja bejn l-1999 u l-IP, wieħed irid iżomm f'moħħu li l-industrija Komunitarja kienet tinsab fi stat ta' dipressjoni serja fl-1999 b'telf ta' 16,4 % minħabba l-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping tal-prodott ikkonċernat mill-Indja, l-Indonesja, il-Malasja, ir-Repubblika tal-Korea, it-Tajwan u t-Tajlandja.

(74)

Kif jingħad fil-premessa tar-Regolament proviżorju, id-dazji anti-dumping kienu imposti fuq importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-Indja, l-Indonesja, il-Malasja, ir-Repubblika tal-Korea, it-Tajwan u t-Tajlandja fis-sena 2000 (4).

(75)

Sussegwentement għall-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping fis-sena 2000, is-suq Komunitarju stabbilizza u l-indikaturi ekonomiċi għall-industrija Komunitarja ġew għall-aħjar bħala riżultat tal-miżuri imposti. Il-Kummissjoni enfasizzat dan l-iżvilupp partikolari meta, fil-premessa (143) tar-Regolament proviżorju, hija kkonkludiet illi sas-sena 2001, l-industrija Komunitarja kienet irkuprat mid-dumping ta' qabel.

(76)

F'dawn iċ-ċirkostanzi, sabiex jitkejlu l-effetti ta' l-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati, huwa kkunsidrat li l-indikaturi ekonomiċi rilevanti għandhom jiġu partikolarment eżaminati miż-żmien minn meta l-industrija Komunitarja kienet irkuprat għal kollox mid-dumping ta' qabel, li f'dan il-każ kienet is-sena 2001. Meta wieħed jeżamina l-fatturi ekonomiċi rilevanti mis-sena 2001, joħroġ illi, kuntrarju għas-sottomissjonijiet li saru hawn fuq, iżda kif diġà misjub mill-Kummissjoni fis-sejbien proviżorju tagħha (premessi (135) u (146) tar-Regolament proviżorju), l-industrija Komunitarja wriet tnaqqis sinifikanti fil-profitt, waqa' fil-prezz u telf sinifikanti fis-sehem tas-suq, speċjalment mis-sena 2002 u matul l-IP.

(77)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe informazzjoni oħra sottomessa barra dak li hemm referenza għalih hawn fuq, is-sejbien fir-rigward tas-sitwazzjoni għall-industrija Komunitarja, kif stipulat fil-premessi (117) sa (144) tar-Regolament proviżorju, qegħdin b'dan jiġu kkonfermati.

6.   KONKLUŻJONI

(78)

Minn dak li ngħad hawn fuq, qiegħed jiġi konkluż li l-industrija Komunitarja sofriet ħsara materjali skond l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku.

E.   KAWŻA

1.   EFFETT TA' L-IMPORTAZZJONIJIET LI HUMA OĠĠETT TA' DUMPING

(79)

Huwa mfakkar li fil-premessi (150) sa (153) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati u l-ħsara materjali sofferta mill-industrija Komunitarja.

(80)

Minħabba li wieħed mill-produtturi esportaturi fil-PRC instab li ma kienx biegħ bi prezz li hu oġġett ta' dumping matul l-IP, u l-marġni ta' dumping għall-produtturi esportaturi li kkooperaw fil-Pakistan instab li kien taħt il-livell de minimis, il-volum ta' esportazzjoni minn dawn il-produtturi esportaturi għandu jitnaqqas mill-effetti ta' l-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping.

(81)

L-esportazzjonijiet lejn il-Komunità mill-produtturi esportaturi Ċiniżi kkonċernati rrappreżentaw inqas minn 5 % tal-volumi ta' importazzjonijiet li joriġinaw mill-PRC fi żmien l-IP (inqas minn 1 % f'termini tas-sehem tas-suq tal-konsum fil-Komunità). It-tnaqqis fl-esportazzjoni minn dan l-esportatur huwa għalhekk ikkunsidrat li għandu effett marġinali fuq ir-rabta kawżali stabbilita fl-investigazzjoni li wasslet għar-Regolament proviżorju.

(82)

L-esportazzjonijiet lejn il-Komunità mill-produtturi esportaturi li kkooperaw fil-Pakistan irrappreżentaw 4 % f'termini ta' sehem mis-suq tal-konsum mill-Komunità fl-IP, u għalhekk kienu kkunsidrati li kienu sinifikanti. Madankollu, hekk kif imqabbla mat-total ta' l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, l-esportazzjonijiet li joriġinaw fil-Pakistan jirrappreżentaw biss 33,4 % tat-total ta' l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, jiġifieri 66,7 % ta' l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati xorta nstabu li kienu mibjugħa bi prezzijiet b'marġni ta' dumping ogħla mil-livell de minimis. Għalhekk, huwa kkunsidrat li għad hemm rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping mill-Awstralja u l-PRC u d-dannu materjali soffert mill-industrija Komunitarja.

(83)

Xi produtturi esportaturi qalu li kien hemm korrelazzjoni pożittiva bejn il-prezzijiet ta' l-industrija Komunitarja u l-prezzijiet tal-produtturi esportaturi, dan minħabba li kien hemm żidiet u tnaqqis fl-istess ħin. Skond dawn il-produtturi esportaturi, dan wera li t-tnaqqis fil-prezz soffert matul dawn l-aħħar sentejn mill-industrija Komunitarja ma kienx dovut għall-kompetizzjoni minn importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping imma aktar minħabba aġġustamenti għat-tibdil fl-ispejjeż għall-materja prima.

(84)

Huwa mfakkar li bejn wieħed u ieħor żewġ terzi ta' l-ispiża tal-produzzjoni tikkonsisti minn materja prima (ara premessa (162) fir-Regolament proviżorju). F'dan il-kuntest, billi kemm il-produtturi esportaturi kif ukoll l-industrija Komunitarja jiddependu fuq l-istess materja prima, huwa kkunsidrat li l-mistoqsija dwar jekk il-prezzijiet jirreaġixxux simultanjament għal tibdil fl-istruttura ta' l-ispiża sottostanti mhix ikkunsidrata rilevanti waħidha. Fi kwalunkwe ċirkostanza, kif ser jintwera hawn isfel, analiżi tal-prezzijiet attwali ma tikkonfermax li kien hemm korrelazzjoni pożittiva.

(85)

Il-premessi (162) sa (172) tar-Regolament proviżorju juru fid-dettall analiżi ta' kontribuzzjoni possibbli ta' l-ispiża tal-materja prima għad-danni sofferti mill-industrija Komunitarja. Għandu jkun innutat ukoll illi, analiżi tal-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati wara l-2001 meta l-industrija Komunitarja irkuprat minn dumping tal-passat turi li ġej:

il-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina fl-Awstralja naqsu minn 868/tunnellata fl-2002 għal 838/tunnellata matul l-IP, jew bi –3,4 %,

il-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina fil-PRC żdiedu minn 788/tunnellata fl-2002 għal 825/tunnellata matul l-IP, jew bi +4,5 %.

(86)

Filwaqt li ż-żieda fil-prezz ta' l-importazzjonijiet mill-PRC (+4,5 %) tikkoinċidi ma' l-iżvilupp tal-prezz fuq l-istess perijodu bħal tal-materja prima ewlenija, PTA (+5,1 % (ara premessa (168) fir-Regolament proviżorju), il-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet li joriġinaw fl-Awstralja naqsu matul l-istess perijodu. Il-prezzijiet ta' l-industrija Komunitarja żdiedu b'inqas minn 1 % matul dan il-perijodu. Għaldaqstant, ma jistax jiġi konkluż li kien hemm korrelazzjoni pożittiva bejn il-prezzijiet ta' l-industrija Komunitarja u l-prezzijiet tal-produtturi esportaturi, billi l-iżvilupp tal-prezz mit-tliet pajjiżi mhuwiex koerenti. F'dan il-kuntest, għandu jkun imfakkar ukoll li l-Kummissjoni kienet sabet tqaċċit sinifikanti fil-prezzijiet tal-bejgħ ta' l-industrija Komunitarja mill-produtturi esportaturi kollha fil-kors ta' l-investigazzjoni.

(87)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe informazzjoni sottomessa barra dik t'hawn fuq, il-konklużjoni fir-rigward ta' l-effetti ta' l-importazzjonijiet 'li huma oġġett ta' dumping fil-premessi (150) sa (153) tar-Regolament proviżorju hija b'dan ikkonfermata. Madankollu, għandu jiġi nnutat li l-esportazzjonijiet minn produttur esportatur wieħed fil-PRC li fir-Regolament proviżorju nstab li l-esportazzjonijiet tiegħu kienu oġġett ta' dumping, instab li huwa ma kienx biegħ bi prezzijiet li huma oġġett ta' dumping. Barra minn hekk, il-marġni ta' dumping tal-produtturi esportaturi li kkooperaw fil-Pakistan, li l-esportazzjonijiet tagħhom instabu li kienu oġġett ta' dumping fir-Regolament proviżorju nstab li kien taħt il-livell de minimis. Għaldaqstant, l-effett ta' dawn l-esportazzjonijiet m'għandux ikun ivvalutat aktar taħt l-effett ta' l-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping imma taħt l-effett ta' fatturi oħra.

2.   EFFETTI TA' FATTURI OĦRAJN

(88)

Minħabba li wieħed mill-produtturi esportaturi fil-PRC instab li ma kienx biegħ bi prezzijiet li huma oġġett ta' dumping matul l-IP, u l-marġni ta' dumping għall-produtturi esportaturi li kkooperaw fil-Pakistan instab li kien taħt il-marġni de minimis, il-volumi ta' l-esportazzjoni minn dawn il-produtturi esportaturi għandhom jitnaqqsu mill-volum totali ta' l-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping. Madankollu, il-prezzijiet ta' dawn il-produtturi esportaturi nstabu li kienu ferm taħt il-prezz tal-bejgħ medju ta' l-industrija Komunitarja. Kif ingħad fil-premessi (81) u (82), il-volumi ta' importazzjonijiet li m'humiex oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati jirrappreżentaw bejn 4 % sa 5 % tal-konsum fil-Komunità. Għaldaqstant ma jistax jiġi eskluż li l-esportazzjonijiet lejn il-Komunità minn dan il-produttur esportatur mill-PRC u mill-produtturi esportaturi li kkooperaw mill-Pakistan ikkontribwew b'mod sinifikanti wkoll għall-ħsara materjali sofferta mill-industrija Komunitarja.

(89)

Xi esportaturi allegaw li l-Komunità ma investigatx biżżejjed l-effett tad-deprezzament tal-USD u RMB kontra l-EUR. Dawn l-esportaturi allegaw illi, minħabba d-deprezzament tal-USD u l-RMB kontra l-EUR matul l-IP, l-esportaturi kienu ggwadanjaw sehem fis-suq Komunitarju billi żammew il-prezzijiet tagħhom f'USD, li effettivament involvew tnaqqis fil-prezz imfisser f'EUR. Abbażi ta' dak li ngħad qabel, il-produtturi esportaturi esprimew dubji dwar jekk id-dannu materjali soffert mill-industrija Komunitarja ġiex ikkawżat minn 'importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping jew minn 'importazzjonijiet bi prezzijiet li kienu aktar baxxi minħabba l-effett tal-valuta.

(90)

Iċ-ċaqliq fil-valuti waħdu normalment ma jitqiesx f'każijiet ta' investigazzjonijiet anti-dumping billi ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa ta' natura li ddum. Madankollu, l-effetti taċ-ċaqliq tal-valuta huma, effettivament, inklużi fl-analiżi jekk kellhom effett fuq il-prezz tal-materja prima użata mill-industrija Komunitarja (premessi (162) sa (173) tar-Regolament proviżorju) u fuq il-prezz ta' importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping (premessi (150) sa (153) tar-Regolament proviżorju).

(91)

Huwa mfakkar illi nstabu livelli sinifikanti ta' dumping minn esportaturi fl-Awstralja u l-PRC matul l-investigazzjoni (ara premessi (21) u (52). Barra minn hekk, huwa wkoll imfakkar illi l-produtturi esportaturi mill-Awstralja u mill-PRC instabu li kienu qed ibaxxu l-prezzijiet ta' l-industrija Komunitarja b'ammonti sinifikanti (ara premessa 64)).

(92)

Ma jistax jiġi eskluż illi importazzjonijiet li m'humiex oġġett ta' dumping li joriġinaw fil-PRC u importazzjonijiet li joriġinaw mill-produtturi esportaturi li kkooperaw fil-Pakistan, li l-marġni ta' dumping tagħhom instab li kien taħt il-livell de minimis, jistgħu jikkontribwixxu għall-ħsara sofferta mill-industrija Komunitarja. Dan l-effett, iżda, m'huwiex tali li jkisser ir-rabta kawżali stabbilita fir-Regolament proviżorju bejn l-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping fil-pajjiżi kkonċernati u l-ħsara materjali sofferta mill-industrija fil-Komunità. Għalhekk, fin-nuqqas ta' informazzjoni ġdida sottomessa, il-konklużjonijiet imniżżlin dwar l-effett ta' l-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping fil-premessi (150) sa (153) u dwar l-effett ta' fatturi oħrajn fil-premessi (154) sa (178) tar-Regolament proviżorju qegħdin b'dan jiġu kkonfermati.

F.   INTERESS TAL-KOMUNITÀ

1.   INTERESS TA' L-INDUSTRIJA KOMUNITARJA

(93)

Fin-nuqqas ta' informazzjoni sottomessa dwar l-interess ta' l-industrija Komunitarja, is-sejbien kif stipulat fil-premessi (183) sa (184) tar-Regolament proviżorju huwa b'dan ikkonfermat.

2.   INTERESS TA' IMPORTATURI MHUX RELATATI

(94)

Ġiet riċevuta sottomissjoni waħda minn importatur mhux relatat. Barra minn hekk, ġiet organizzata seduta ma' importatur ieħor (aġent). L-argumenti ta' l-ewwel importatur ikkoinċidew ma' dawk tal-produtturi esportaturi u ġew diskussi fil-premessa (70) hawn fuq. L-argumenti tat-tieni importatur (aġent) huma diskussi taħt il-premessa (102) hawn isfel, billi dawn jikkoinċidu ma' l-argumenti ta' żewġ produtturi ta' ilma minerali.

(95)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe informazzjoni ulterjuri sottomessa dwar l-interess ta' importaturi mhux relatati, is-sejbien kif stipulat fil-premessi (185) sa (187) tar-Regolament proviżorju qiegħed b'dan jiġi kkonfermat.

3.   INTERESS TA' FORNITURI

(96)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe informazzjoni sottomessa dwar l-interess ta' fornituri Komunitarji, is-sejbien kif stipulat fil-premessi (188) sa (189) tar-Regolament proviżorju qiegħed b'dan jiġi kkonfermat.

4.   INTERESS TA' L-UTENTI

4.1.   Rimarki preliminari

(97)

Il-mod li bih il-konsum fil-Komunità tal-prodott ikkonċernat kien imqassam bejn diversi tipi ta' utenti ġie spjegat taħt l-intestatura rimarki preliminari fil-premessi (190) sa (192) tar-Regolament proviżorju. Fin-nuqqas ta' kwalunkwe informazzjoni ġdida, din id-deskrizzjoni qiegħda b'dan tiġi kkonfermata.

4.2.   Preform/Bottle converters

(98)

Huwa mfakkar li l-Kummissjoni fis-sejbien proviżorju tagħha (premessa (196) tar-Regolament proviżorju) ma setgħetx tistabbilixxi jekk ikunx fl-interess tal-preform/bottle converters li timponi dazji anti-dumping. Din il-konklużjoni kienet ibbażata fuq il-fatt illi, filwaqt li żewġ preform/bottle converters li kkooperaw appoġġaw l-introduzzjoni tal-miżuri anti-dumping, l-Assoċjazzjoni ta' Plastic Converters opponietha.

(99)

Sussegwentement għall-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping proviżorji, la saret sottomissjoni ġdida u lanqas talba għal smigħ mill-Assoċjazzjoni tal-Plastic Converters. Fuq din il-bażi ma jistax jiġi konkluż illi l-interessi tal-preform/bottle converters jikkostitwixxu xi raġuni konvinċenti kontra l-impożizzjoni ta' miżuri anti-dumping. Is-sejbien kif stipulat fil-premessi (193) sa (195) tar-Regolament proviżorju qiegħed għaldaqstant jiġi kkonfermat.

4.3.   Produtturi ta' ilma minerali u naturali

(100)

Wara li l-kxif tal-bażi li fuqha ġew imposti l-miżuri proviżorji, żball klerikali ġie rranġat billi ġiet inkluża L'Européenne D'embouteillage fil-lista ta' l-utenti li kkooperaw. Dan l-utent oppona l-introduzzjoni tal-miżuri proviżorji. Konsegwentement, kien hemm żewġ produtturi ta' l-ilma minerali u naturali u mhux wieħed li kienu qed jopponu l-impożizzjoni tad-dazju anti-dumping, filwaqt li tnejn oħra baqgħu favur.

(101)

Huwa mfakkar illi fl-investigazzjoni li wasslet għad-dazji proviżorji, il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet dan li ġej dwar fliexken ta' l-ilma minerali mimlijin:

l-ispiża ta' PET għal produtturi ta' ilma minerali u naturali tirrappreżenta bejn wieħed u ieħor 30 % ta' l-ispejjeż tal-manifattura tagħhom (ara premessa (198) fir-Regolament proviżorju),

l-ispiża ta' PET fil-livell tal-konsumatur finali tirrappreżenta biss 3 ċenteżmi, jew 6-10 % tal-prezz tal-bejgħ (ara premessa (199) tar-Regolament proviżorju),

żieda ta' 10 % fil-prezz tal-PET tinvolvi possibbilment żieda massima fil-prezz ta' bejn 0,6 % sa 1 % fil-livell tal-konsumatur aħħari jekk l-ispejjeż kollha jiġu inklużi. Din iż-żieda ma kinitx ikkunsidrata sinifikanti fir-Regolament proviżorju minħabba li tista' jew tiġi assorbita mill-industrija aktar 'l isfel fil-linja tax-xogħol, jew tingħadda lill-bejjiegħa jew lill-konsumaturi aħħarin (ara premessa (202) tar-Regolament proviżorju).

(102)

Sussegwenti għall-kxif tas-sejbien proviżorju, żewġ produtturi ta' ilma minerali u naturali u importatur wieħed (il-’grupp’) għamlu sottomissjoni konġunta. Il-grupp sostna illi:

l-interess ta' preform/bottle converters żgħar jew ta' daqs medju ma ġiex debitamnet meqjus. Huma sostnew illi ż-żieda fil-prezz li tirriżulta mill-impożizzjoni tal-miżuri ma setgħetx tingħadda lill-produtturi ta' soft drinks imma kellha tiġi assorbita mill-preform/bottle converters, u dan jolqot ħażin lill-istabbiltà finanzjarja għall-preform/bottle converters żgħar jew ta' daqs medju,

fir-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni ivvalutat iżżejjed il-prezz bl-imnut ta' flixkun ilma minerali, u b'hekk ma stmatx biżżejjed kemm kienet sinifikanti l-ispiża tal-PET għal flixkun ilma minerali. Minflok 6-10 % tal-prezz bl-imnut, kif indikat il-Kummissjoni, il-grupp sostna li l-ispiża tal-PET kienet madwar 20 % tal-prezz bl-imnut. Għaldaqstant, il-grupp sostna illi l-Kummissjoni ma stmatx biżżejjed l-impatt li ż-żidiet fl-ispejjeż tal-PET kellhom fuq l-industrija aktar 'l isfel fil-linja tax-xogħol,

ir-riskju ta' outsourcing mill-Komunità Ewropea ma tqiesx biżżejjed.

(103)

Dwar l-affermazzjoni tal-grupp illi ż-żieda fil-prezzijiet tal-PET ma setgħetx tingħadda lil-livell ta' utenti li jmiss (jiġifieri lil bejjiegħa bl-imnut, konsumaturi aħħarin u, fil-każ ta' preform/bottle converters, lil produtturi ta' soft drinks), din l-affermazzjoni ma kinitx issostanzjata. Barra minn hekk, l-ebda bejjiegħ bl-imnut jew xi għaqda ta' konsumaturi ma wriet ruħha matul din l-investigazzjoni. Dan l-argument qiegħed għalhekk jiġi miċħud.

(104)

Dwar l-allegata esaġerazzjoni tal-prezz bl-imnut mill-Kummissjoni fir-Regolament proviżorju (li ġġib magħha bħala konsegwenza nuqqas ta' valutazzjoni ta' l-effetti illi żidiet fil-PET ikollhom fuq l-industrija aktar 'l isfel fil-linja tax-xogħol), il-prezzijiet bl-imnut reġgħu ġew investigati. Madankollu, dawn instabu li huma fil-limiti ppreżentati fir-Regolament proviżorju. Dan l-argument qiegħed għalhekk jiġi miċħud.

(105)

Dwar ir-riskji ta' outsourcing, qiegħed jiġi mfakkar illi r-regolamenti sanitarji fir-rigward ta' mili ta' ilma minerali jirrikjedu illi fi prinċipju, il-fliexken preform għandhom ikunu prodotti fil-post fejn jimtlew. Għaldaqstant, preforms użati mill-produtturi ta' l-ilma huma prodotti minnhom stess qrib il-linji tan-nefħa u tal-mili. Għalhekk, ir-riskji ta' kwalunkwe outsourcing tal-kapaċità ta' preform/ibbottiljar huma limitati għall-każ ta' preforms għal produtturi ta' soft drinks, li jammontaw biss għal madwar 40 % tal-konsum totali tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, kif innotat fil-premessa (99) hawn fuq, ma jistax jiġi konkluż li l-interessi ta' preform/bottle converters jikkostitwixxu raġuni konvinċenti kontra l-impożizzjoni ta' miżuri anti-dumping. F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-argumenti tal-grupp dwar l-allegat riskju ta' outsourcing tal-kapaċità ta' ibbottiljar/converting, qiegħed jiġi miċħud.

(106)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe informazzjoni ġdida sottomessa barra minn dik t'hawn fuq, is-sejbien kif stipulat fil-premessi (197) sa (202) tar-Regolament proviżorju, qiegħed jiġi b'dan ikkonfermat.

4.4.   Produtturi ta' soft drinks

(107)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe informazzjoni ġdida sottomessa dwar l-interess tal-produtturi ta' soft drinks, is-sejbien kif stipulat fil-premessi (203) sa (206) tar-Regolament proviżorju qiegħed jiġi b'dan ikkonfermat.

4.5.   Skarsezzi ta' PET fis-suq Komunitarju

(108)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe informazzjoni ġdida sottomessa rigward l-allegati skarsezzi ta' PET fis-suq Komunitarju, is-sejbien kif stipulat fil-premessi (207) sa (209) tar-Regolament proviżorju qiegħed jiġi b'dan ikkonfermat.

5.   KONKLUŻJONI DWAR L-INTERESS KOMUNITARJU

(109)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet imniżżlin fir-Regolament proviżorju u wara li tqiesu s-sottomissjonijiet magħmula mid-diversi partijiet, huwa konkluż illi m'hemmx raġunijiet konvinċenti sabiex ma jiġux imposti miżuri anti-dumping definittivi kontra importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping ta' PET li joriġinaw mill-pajjiżi kkonċernati.

G.   MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI

(110)

Abbażi tal-metodoloġija spjegata fil-premessi (212) sa (215) tar-Regolament proviżorju, ġie kkalkulat livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara bil-għan li jiġi stabbilit il-livell ta' miżuri li għandhom jiġu imposti.

(111)

Meta kien qed jiġi kkalkulat il-marġni ta' ħsara fir-Regolament proviżorju, il-profitt immirat għall-industrija Komunitarja kien iffissat għal 7 %, livell li oriġina mill-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni ta' miżuri anti-dumping fuq importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li oriġina, inter alia, fl-Indja fis-sena 2000. Dak iż-żmien dan kien ibbażat fuq l-istima tal-livell ta' profitt illi l-industrija Komunitarja setgħet tistenna fl-assenza ta' dumping u livell li kien ikkunsidrat neċessarju sabiex jiżgura l-vijabbiltà ta' l-industrija.

(112)

Madankollu, fl-investigazzjoni preżenti, instab, abbażi ta' evidenza, illi fl-assenza ta' dumping seta' jintlaħaq marġni ta' profitt ta' 7,6 %. Għalhekk, huwa kkunsidrat illi profitt immirat ta' 7,6 % ikun aktar xieraq meta jiġi kkalkolat il-marġni ta' ħsara, milli dak ta' 7 % użat fir-Regolament proviżorju.

(113)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment ġdid fuq dan is-suġġett, għajr għall-emenda t'hawn fuq, il-metodoloġija stipulata fil-premessi (212) sa (215) tar-Regolament proviżorju qegħda b'dan tiġi kkonfermata.

1.   MIŻURI DEFINITTIVI

(114)

Fid-dawl ta' dak li ngħad fuq u skond l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, dazju anti-dumping definittiv għandu jiġi impost fil-livell tal-marġni ta' dumping ikkalkulat, minħabba li fil-każijiet kollha kienu inqas mill-marġni ta' ħsara.

(115)

Abbażi ta' dak t'hawn fuq, id-dazji definittivi għandhom ikunu kif ġej:

Pajjiż

Kumpannija

Marġni ta’ eliminazzjoni ta’ ħsara

Marġni ta' dumping

Rata ta' dazju anti-dumping

Dazju anti-dumping propost

L-Awstralja

Leading Synthetics Pty Ltd

19,8  %

7,8  %

7,8  %

EUR 66 /t

Novapex Australia Pty Ltd

26,3  %

15,9  %

15,9  %

EUR 128 /t

Il-kumpanniji l-oħrajn kollha

26,3  %

15,9  %

15,9  %

EUR 128 /t

PRC

Sinopec Yizheng Chemical Fibre Company Ltd,

27,3  %

22,9  %

22,9  %

EUR 184 /t

Changzhou Worldbest Radici Co. Ltd,

27,1  %

0  %

0  %

EUR 0 /t

Jiangyin Xingye Plastic Co. Ltd,

20,9  %

18,4  %

18,4  %

EUR 157 /t

Far Eastern Industries Shanghai Ltd,

21,2  %

2,6  %

2,6  %

EUR 22 /t

Yuhua Polyester Co. Ltd. ta' Zhuhai,

27,3  %

22,9  %

22,9  %

EUR 184 /t

Guangdong Kaiping Polyester Enterprises Group Co. u Guangdong Kaiping Chunhui Co. Ltd.

27,3  %

22,9  %

22,9  %

EUR 184 /t

Yibin Wuliangye Group Push Co., Ltd. (Sichuan) u Yibin Wuliangye Group Import & Export Co., Ltd. (Sichuan)

27,3  %

22,9  %

22,9  %

EUR 184 /t

Hubei Changfeng Chemical Fibres Industry Co. Ltd

26,2  %

18,5  %

18,5  %

EUR 151 /t

Il-kumpanniji l-oħrajn kollha

27,3  %

22,9  %

22,9  %

EUR 184 /t

Il-Pakistan

Gatron (Industries) Ltd

22,1  %

0  %

0  %

EUR 0 /t

Novatex Ltd

22,1  %

0  %

0  %

EUR 0 /t

Il-kumpanniji l-oħrajn kollha

22,1  %

0  %

0  %

EUR 0 /t

(116)

Ir-rati individwali ta' dazju anti-dumping speċifikati f'dan ir-Regolament kienu stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta' l-investigazzjoni preżenti. Għalhekk, jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet waqt dik l-investigazzjoni fir-rigward ta' dawn il-kumpanniji. Dawn ir-rati ta' dazju (kif oppost għad-dazju fil-pajjiż kollu applikabbli għall-“kumpanniji l-oħrajn kollha”) huma b'hekk esklussivament applikabbli għall-importazzjonijiet ta' prodotti li joriġinaw mill-pajjiż ikkonċernat u prodotti mill-kumpanniji speċifikatament imsemmija. Prodotti importati prodotti minn xi kumpannija oħra mhux speċifikatament imsemmija b'isimha u bl-indirizz fil-parti operattiva ta' dan ir-Regolament, inklużi entitajiet relatati ma' dawk speċifikament imsemmija, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u jkunu soġġetti għar-rata ta' dazju applikabbli “għall-kumpanniji l-oħrajn kollha”.

(117)

Kwalunkwe talba li ssir sabiex jiġu applikati dawn ir-rati individwal ta' dazju anti-dumping (eż. wara xi bidla fl-isem ta' l-entità jew wara l-istabbiliment ta' xi entitatijiet ġodda ta' produzzjoni jew bejgħ) għandha tkun indirizzata lill-Kummissjoni (5) minnufih bl-informazzjoni kollha rilevanti, b'mod partikolari kull tibdil fl-attivitajiet tal-kumpannija li għandu x'jaqsam mal-produzzjoni, bejgħ domestiku u esportazzjoni assoċjata ma' per eżempju, dik il-bidla ta' l-isem jew inkella dik il-bidla fil-produzzjoni u entitajiet ta' bejgħ. Jekk ikun xieraq, ir-Regolament jiġi emendat kif meħtieġ billi tiġi aġġornata l-lista tal-kumpanniji li jibbenefikaw minn rati ta' dazju individwali.

(118)

Kif imsemmi fil-premessa (162) fir-Regolament proviżorju, il-prezzijiet tal-PET jistgħu u fil-fatt jitilgħu u jinżlu skond iċ-ċaqliq fil-prezzijiet taż-żejt mhux raffinat, imma dan m'għandux fih innifsu jinvolvi dazju ogħla. Għalhekk, kien ikkunsidrat addatt li jiġu imposti dazji fil-forma ta' ammont speċifiku għal kull tunnellata. Dawn l-ammonti jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-rata ta' dazju anti-dumping għall-prezzijiet ta' l-esportazzjoni CIF użati għall-kalkolazzjoni tal-livell ta' eliminazzjoni ta' ħsara.

2.   IMPENJI

(119)

Sussegwenti għall-adozzjoni tal-miżuri anti-dumping proviżorji, produttur esportatur li kkoopera fl-Awstralja offra impenn ta' prezz skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku. F'dan l-impenn, il-produttur esportatur in kwistjoni offra li jbiegħ il-prodott ikkonċernat fil-livelli tal-prezz jew inkella ogħla li jeliminaw l-effett ta’ ħsara tad-dumping.

(120)

Il-Kummissjoni, bid-Deċiżjoni 2004/600/KE (6), aċċettat l-impenn magħmul mill-produttur esportatur ikkonċernat. Ir-raġunijiet għall-aċċettazzjoni ta' dan l-impenn huma stipulati f'dik id-Deċiżjoni.

3.   ĠBIR TA' DAZJI PROVIŻORJI

(121)

Fid-dawl tad-daqs tal-marġnijiet ta' dumping misjubin u fid-dawl tal-livell tal-ħsara materjali kkawżata lill-industrija Komunitarja, huwa kkunsidrat neċessarju li l-ammonti ggarantiti permezz tad-dazju anti-dumping proviżorju, impost bir-Regolament (KE) Nru 306/2004, għandhom jinġabru bir-rata tad-dazju definittiv impost. Fejn id-dazji definittivi huma ogħla mid-dazji proviżorji, l-ammonti ggarantiti sal-livell tad-dazji proviżorji biss għandhom jinġabru definittivament.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju anti-dumping definittiv huwa b'dan impost fuq importazzjonijiet ta' polyethylene terephthalate b'numru ta' viskożità ta' 78ml/g jew ogħla, skond l-istandard ISO 1628-5, ikklassifikat taħt il-Kodiċi NM 3907 60 20 u li joriġina fl-Awstralja, fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u fil-Pakistan.

2.   Ir-rata ta' dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett ħieles fil-fruntiera Komunitarja għal prodotti ffabbrikati mill-kumpanniji elenkati hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Pajjiż

Kumpannija

Dazju anti-dumping

(EUR/t)

Kodiċi TARIC addizjonali

L-Awstralja

Leading Synthetics Pty Ltd

66

A503

Novapex Australia Pty Ltd

128

A504

Il-kumpanniji l-oħrajn kollha

128

A999

PRC

Sinopec Yizheng Chemical Fibre Company Ltd,

184

A505

Changzhou Worldbest Radici Co. Ltd,

0

A506

Jiangyin Xingye Plastic Co. Ltd,

157

A507

Far Eastern Industries Shanghai Ltd,

22

A508

Yuhua Polyester Co. Ltd. of Zhuhai,

184

A509

Guangdong Kaiping Polyester Enterprises Group Co. u Guangdong Kaiping Chunhui Co. Ltd.

184

A511

Yibin Wuliangye Group Push Co., Ltd. (Sichuan) u Yibin Wuliangye Group Import & Export Co., Ltd. (Sichuan)

184

A512

Hubei Changfeng Chemical Fibres Industry Co. Ltd

151

A513

Il-kumpanniji l-oħrajn kollha

184

A999

Il-Pakistan

Gatron (Industries) Ltd

0

A514

Novatex Ltd

0

A515

Il-kKkumpanniji l-oħrajn kollha

0

A999

3.   L-applikazzjoni tar-rati ta' dazju individwali speċifikati għas-16-il kumpannija msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet doganali ta' l-Istati Membri jiġu ppreżentati b'fattura kummerċjali valida, li għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness 1. Jekk ma tkun ippreżentata l-ebda fattura, għandha tapplika r-rata ta' dazju applikabbli għall-kumpanniji l-oħrajn kollha.

4.   F'każijiet fejn il-merkanzija tkun ġarrbet ħsara qabel ma daħlet fiċ-ċirkolazzjoni libera u, għalhekk, il-prezz attwalment imħallas jew pagabbli huwa mqassam għad-determinazzjoni tal-valur doganali skond l-Artikolu 145 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (7) l-ammont ta' dazju anti-dumping, ikkalkulat abbażi tal-paragrafu 2 hawn fuq, għandu jkun imnaqqas b'perċentwali li jikkorrispondi għat-tqassim tal-prezz attwalment imħallas jew pagabbli.

5.   Minkejja d-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2, id-dazju definittiv ma għandux jiġi applikat għal importazzjonijiet iddikjarati għar-rilaxx f'ċirkolazzjoni libera skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2.

6.   Jekk ma jkunx speċifikat xort'oħra, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet applikabbli dwar dazji doganali.

Artikolu 2

Importazzjonijiet iddikjarati għar-rilaxx f'ċirkolazzjoni libera minn kumpanniji li offrew impenni aċċettati minn u msemmijin fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/XX/KE għandhom ikunu eżenti mid-dazji anti-dumping imposti bl-Artikolu 1, sakemm jkunu ffabbrikati, mibgħuta u fatturati direttament mill-kumpanniji msemmijin lill-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità; u dment li tali importazzjonijiet ikunu akkumpanjati b'fattura kummerċjali li jkun fiha ta' l-inqas l-elementi elenkati fl-Anness 2. L-eżenzjoni mid-dazju għandha tkun ukoll bil-kundizzjoni li l-merkanzija ddikjarata u ppreżentata lid-dwana tkun tikkorrispondi preċiżament mad-deskrizzjoni fuq il-fattura kummerċjali.

Artikolu 3

L-ammonti ggarantiti permezz tad-dazju anti-dumping proviżorju skond ir-Regolament (KE) Nru 306/2004 dwar importazzjonijiet ta' polyethylene terephthalate li jaqgħu taħt il-Kodiċi NM 3907 60 20 li joriġinaw fl-Awstralja, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Pakistan għandhom definittavement jiġu miġbura bir-rata imposta definittivament b'dan ir-Regolament. L-ammonti ggarantiti b'eċċess tar-rata definittiva ta' dazji anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati.

Korrezzjoni tad-dazju anti-dumping proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta' polyethylene terephtahalate li jaqgħu taħt il-Kodiċi NM 3907 60 20 li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandha tapplika għall-kumpanniji li ġejjin, billi d-dazju kkoreġut kien ikun aktar baxx mid-dazju proviżorju impost:

Pajjiż

Kumpannija

Dazju anti-dumping proviżorju kif impost mir-Regolament (KE) Nru 306/2004

(EUR/t)

Dazju anti-dumping proviżorju kkoreġut

Kodiċi TARIC addizzjonali

PRC

Yuhua Polyester Co., Ltd of Zhuhai,

188

183

A509

Guangdong Kaiping Polyester Enterprises Group Co. u Guangdong Kaiping Chunhui Co. Ltd.

191

183

A511

Id-dazju anti-dumping proviżorju impost fuq dawn il-kumpanniji għandu jinġabar definittivament biss bir-rata tad-dazju anti-dumping proviżorju kkoreġut.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 13 ta' Awwissu 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

B. BOT


(1)   ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).

(2)   ĠU L 52, 21.2.2004, p. 5.

(3)   ĠU C 120, 22.5.2003, p. 13.

(4)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1742/2000 (ĠU L 199, 5.8.2000, p. 48) u Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2604/2000 (ĠU L 301, 30.11.2000, p. 21).

(5)

  

Kummissjoni Ewropea

Direttorat-Ġenerali għall-Kummerċ

Direzzjoni B

Uffiċċju J-79 5/16

B-1049 Brussell.

(6)   ĠU L 271, 19.8.2004, p. 38.

(7)   ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2286/2003 (ĠU L 343, 31.12.2003, p. 1).


ANNESS 1

Il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(3) ta' dan ir-Regolament trid tinkludi dikjarazzjoni ffirmata minn uffiċjal tal-kumpannija, fil-format li ġej:

1.

L-isem u l-funzjoni ta' l-uffiċjal tal-kumpannija li ħarġet il-fattura kummerċjali;

2.

Id-dikjarazzjoni t'hawn taħt;

“Jiena, is-sottoskritt, niċċertifika illi dan il-[volum] ta' polyethylene terephtahalate mibjugħ għall-esportazzjoni lejn il-Komunità Ewropea kopert f'din il-fattura, ġie ffabbrikat mill-kumpannija [isem u indirizz tal-kumpannija] [kodiċi TARIC addizjonali] fil-[pajjiż]; Jiena niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f'din il-fattura hija sħiħa u korretta.”

3.

Data u firma.


ANNESS 2

Elementi li għandhom ikunu indikati fil-fattura kummerċjali msemmija fl-Artikolu 2

L-elementi li ġejjin iridu jkunu indikati fil-fattura kummerċjali li takkumpanja l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat, li huma soġġetti għal Impenn u li għalihom qed tintalab eżenzjoni mid-dazju anti-dumping:

1.

L-intestatura “FATTURA KUMMERĊJALI LI TAKKUMPANJA MERKANZIJA SOĠĠETTA GĦAL IMPENN”.

2.

L-isem tal-kumpannija li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 2, li qed toħroġ dik il-fattura kummerċjali.

3.

In-numru tal-fattura kummerċjali.

4.

Id-data tal-ħruġ tal-fattura kummerċjali.

5.

Il-Kodiċi TARIC addizzjonali li taħtu dik il-merkanzija fil-fattura għandha tiġi rilaxxata mid-dwana fil-fruntiera Komunitarja.

6.

Id-deskrizzjoni eżatta tal-prodotti, li tinkludi:

in-numru tal-kodiċi tal-prodott (PCN),

il-kodiċi NM,

il-kwantità (f'tunnellati).

7.

Id-deskrizzjoni tat-termini tal-bejgħ, inkluż:

il-prezz għal kull tunnellata,

it-termini ta' pagament applikabbli,

it-termini ta' kunsinna applikabbli,

l-iskonti u r-ribassi totali.

8.

L-isem tal-kumpannija li tkun qed tagħmilha ta' importatur li l-fattura tinħareġ direttament lilha mill-kumpannija.

9.

L-isem ta' l-uffiċjal tal-kumpannija illi ħarġet il-fattura kummerċjali u d-dikjarazzjoni li ġejja iffirmata:

“Jiena s-sottoskritt, niċċertifika illi l-bejgħ għal importazzjoni diretta lejn il-Komunità Ewropea tal-merkanzija li hemm referenza għaliha f'din il-fattura qiegħda ssir fl-ambitu u taħt it-termini ta' l-impenn offrut minn [isem u indirizz tal-kumpannija], [kodiċi Taric addizzjonali], u aċċettat mill-Kummissjoni Ewropea bid-Deċiżjoni 2004/600/KE. Jien niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f'din il-fattura hija sħiħa u korretta.”


Top